EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0622

2010/622/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta’ Ottubru 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji

ĠU L 275, 20.10.2010, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/622/oj

Related international agreement

20.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Ottubru 2010

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji

(2010/622/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Sabiex jarmonizzaw il-politika dwar il-viża tagħhom mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (1), xi Stati Membri taw eżenzjoni mill-viża liċ-ċittadini tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil (“il-Brażil”) qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, minħabba li l-Brażil jidher fuq il-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tiegħu huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża.

(2)

Minħabba raġunijiet kostituzzjonali, il-Brażil ma jistax jagħti eżenzjoni mill-viża lill-Istati Membri b’mod unilaterali; jeħtieġ li jiġi konkluż ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża li għandu jkun ratifikat mill-Parlament Brażiljan.

(3)

Il-Brażil għandu ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża mal-maġġoranza tal-Istati Membri, konklużi jew qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni jew qabel l-istabbiliment tal-politika komuni dwar il-viża. Madanakollu, għad hemm erba’ Stati Membri li magħhom, fil-passat, ma ġie konkluża l-ebda ftehim bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża, u għalhekk il-Brażil għadu jeħtieġ viża miċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri għal soġġorni qosra.

(4)

Min-natura tal-politika komuni dwar il-viża u l-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni f’dan il-qasam joħroġ li l-Unjoni biss tista’ tinnegozja u tikkonkludi ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża, u mhux l-Istati Membri individwali.

(5)

Fid-dawl tat-trattament mhux reċiproku tal-Brażil lejn ċerti Stati Membri, il-Kunsill, bid-Deċiżjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2008, awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim bejn l-Unjoni u l-Brażil dwar eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir sabiex tkun żgurata eżenzjoni mill-viża kompletament reċiproka.

(6)

In-negozjati dwar il-ftehim infetħu fit-2 ta’ Lulju 2008 u ġew konklużi fl-1 ta’ Ottubru 2009.

(7)

Soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji inizjalat fi Brussell fit-28 ta’ April 2010, għandu jiġi ffirmat.

(8)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit mhuwiex jieħu sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi wħud mid-disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (2); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex tieħu sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (3); għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat mill-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu. (4)

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina il-persuna/i bis-setgħa biex tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

M. WATHELET


(1)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(3)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(4)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Top