Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0182

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 182/2009 tas- 6 ta’ Marzu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1019/2002 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa

    ĠU L 63, 7.3.2009, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/02/2012; Imħassar b' 32012R0029

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/182/oj

    7.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 63/6


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 182/2009

    tas-6 ta’ Marzu 2009

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1019/2002 dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 113(1)(a) u 121(a), flimkien mal-Artikolu 4, tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Huwa xieraq li jiġi kkjarifikat li l-isem li bih jinbiegħu ż-żjut taż-żebbuġa u ż-żjut mill-ilbieba taż-żebbuġ għandu jkun wieħed mid-deskrizzjonijiet stabbiliti mill-organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli. L-informazzjoni supplimentarja f’kull waħda mill-kategoriji taż-żjut definiti għandha tidher ukoll fuq it-tikkettar, iżda mhux neċessarjament viċin l-isem li bih il-prodott jinbiegħ. Għal oġġetti li fihom iż-żejt taż-żebbuġa, ma għandha tkun meħtieġa la t-tikketta tad-deskrizzjoni, u għalhekk, lanqas l-informazzjoni supplimentarja.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1019/2002 (2) stabbilixxa arranġamenti fakultattivi għat-tikkettar tal-oriġini taż-żejt taż-żebbuġa għalkemm l-għan kien sistema li tinvolvi t-tikkettar obbligatorju tal-oriġini għaż-żejt ekstra verġni u verġni taż-żebbuġa, sabiex dan jirrifletti l-fatt li, bħala riżultat tat-tradizzjonijiet agrikoli u tal-prattiki ta’ estrazzjoni u taħlit żjut bħal dawn jistgħu jkunu ta’ togħma u kwalità differenti ħafna skont l-oriġini ġeografika tagħhom. L-arranġamenti fakultattivi li ġew implimentati minn dak iż-żmien ‘il hawn imbagħad urew li ma kinux biżżejjed biex jipprevjenu li l-konsumatur jiġi mqarraq f’dak li għandu x’jaqsam mal-karatteristiċi reali taż-żjut verġni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, mill-2002 ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (3) stabbilixxa regoli dwar it-traċċabilità li ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2005. L-esperjenza miksuba minn operaturi u amministrazzjonjiet f’din il-kwistjoni tippermetti li t-tikkettar tal-oriġini ssir obbligatorja għaż-żejt ekstra verġni u verġni taż-żebbuġa.

    (3)

    Fil-Komunità, parti sinifikanti taż-żjut ekstra verġni u verġni taż-żebbuġa hija magħmula minn taħlitiet ta’ żjut li joriġinaw minn diversi Stati Membri u pajjiżi terzi. Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet sempliċi għat-tikkettar tal-oriġini għal taħlitiet bħal dawn. Regoli sempliċi ta’ dan it-tip jistgħu joħolqu l-possibbiltà li jitħassru d-dispożizzjonijiet ta’ qabel fir-rigward tat-tikkettar ta’ “oriġini predominanti”, li kienu kumplessi f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni, diffiċli biex jiġu kkontrollati u potenzjalment qarrieqa.

    (4)

    Ċerti termini li jiddeskrivu l-karatteristiċi organolettiċi relatati mat-togħma u/jew mar-riħa taż-żjut ekstra verġni u verġni taż-żebbuġa dan l-aħħar ġew definiti mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fil-metodu rivedut tiegħu għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa. L-użu ta’ termini bħal dawn fit-tikkettar taż-żjut ekstra verġni u verġni taż-żebbuġa għandhu jinżammu għal żjut li ġew ivvalutati skont il-metodu korrispondenti ta’ analiżi. Arranġamenti ta’ tranżizzjoni huma meħtieġa għal ċerti operaturi li bħalissa jużaw it-termini riżervati.

    (5)

    Għadd ta’ Stati Membri żammew regolamenti nazzjonali li jipprojbixxu l-produzzjoni ta’ taħlitiet taż-żejt taż-żebbuġa ma’ żjut oħra miż-żrieragħ għall-konsum intern biex jippreżervaw it-tradizzjonijiet tagħhom kif ukoll ċerta kwalità ta’ produzzjoni fil-livell nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1019/2002 ma japplikawx għat-tonn u s-sardin, li huma koperti rispettivament bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 tad-9 ta’ Ġunju 1992 li jippreskrivi standards komuni ta’ marketing għat-tonn u għall-plamtu/tumbrell priservat (4) u bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 tal-21 ta’ Ġunju 1989 li jistabbilixxi ċerti standards komuni dwar il-marketing tas-sardin ippriservat (5). Għal raġunijiet ta’ ċarezza, dawn l-aspetti għandhom jissemmew b’mod ċar fir-Regolament (KE) Nru 1019/2002.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1019/2002 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1019/2002 hu emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1(1) jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (*), dan ir-Regolament jistabbilixxi livelli speċifiċi għall-marketing fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mill-ilbieba taż-żebbuġ imsemmija fil-punti 1(a) u (b), 3 u 6 tal-Anness XVI għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    (*)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.”;"

    (2)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel paragrafu:

    “Deskrizzjonijiet skont l-Artikolu 118 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jitqiesu bħala l-isem li bih jinbiegħ il-prodott kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(1) tad-Direttiva 2000/13/KE:”;

    (b)

    fl-ewwel paragrafu, li jsir it-tieni paragrafu, il-kliem tal-bidu jinbidlu b’dan li ġej:

    “It-tikkettar taż-żjut li jissemmew fl-Artikolu 1(1) għandu jkollhom, b’ittri ċari u li ma jitħassrux, minbarra d-deskrizzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, iżda mhux neċessarjament, viċin tagħha, l-informazzjoni li ġejja dwar il-kategorija taż-żejt:”;

    (3)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel bit-tieni u t-tielet subparagrafi li ġejjin:

    “Żejt ekstra verġni u żejt verġni taż-żebbuġa kif definiti fil-punti 1(a) u (b) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkollhom id-denominazzjoni tal-oriġini fuq it-tikketta.

    Il-prodotti definiti fil-punti 3 u 6 tal-Anness XVI għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma għandu jkollhom l-ebda denominazzjoni tal-oriġini fuq it-tikketta.”

    (b)

    il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Id-denominazzjonijiet tal-oriġini msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonsistu biss minn:

    (a)

    fil-każ taż-żjut taż-żebbuġa li joriġinaw, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, minn Stat Membru wieħed jew pajjiż terz, referenza għall-Istat Membru, jew għall-Komunità jew għall-pajjiż terz, kif xieraq, jew,

    (b)

    fil-każ ta’ taħlitiet ta’ żjut taż-żebbuġa li joriġinaw, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, minn aktar minn Stat Membru wieħed jew pajjiż terz, waħda minn dawn it-tismijiet li ġejjin, kif xieraq:

    (i)

    ‘taħlita ta’ żjut taż-żebbuġa Komunitarji’ jew referenza għall-Komunità,

    (ii)

    ‘taħlita ta’ żjut taż-żebbuġa mhux Komunitarji’, jew referenza għal oriġini mhux Komunitarja,

    (iii)

    ‘taħlita ta’ żjut taż-żebbuġa Komunitarji kif ukoll mhux Komunitarji’, jew referenza għal oriġini Komunitarja kif ukoll mhux Komunitarja, jew

    (ċ)

    denominazzjoni tal-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta msemmija fir-Regolament (KE) Nru 510/2006 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott konċernat.”

    (ċ)

    Il-paragrafu 6 jitħassar.

    (4)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

    “(ċ)

    indikazzjonijiet ta’ kwalitajiet organolettiċi marbuta ma’ togħma u/jew ma’ riħa jistgħu jidhru biss fil-każ taż-żjut ekstra verġni u verġni taż-żebbuġa; it-termini msemmija fil-paragrafu 3.3 tal-Anness XII għar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 jistgħu jidhru fuq it-tikketta biss jekk ikunu bbażati fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni li tkun saret permezz tal-metodu pprovdut fl-Anness XII għar-Regolament (KE) Nru 2568/91.”

    (b)

    Jiżdied it-tieni paragrafu li ġej:

    “Prodotti mibjugħa taħt trejdmarks li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom tkun saret mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2008 u li fihom talanqas wieħed mit-termini msemmija fil-paragrafu 3.3 tal-Anness XII għar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 ma jistgħux jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(c) tar-Regolament (KE) Nru 1019/2002 sal-1 ta’ Novembru 2011.”

    (5)

    L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 1, jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

    “L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-produzzjoni fit-territorju tagħhom ta’ taħlitiet ta’ żjut taż-żebbuġa u żjut veġetali oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-konsum intern. Madankollu, ma jistgħux jipprojbixxu l-marketing fit-territorju tagħhom ta’ taħlitiet bħal dawn minn pajjiżi oħra u ma jistgħux jipprojbixxu l-produzzjoni fit-territorju tagħhom ta’ tali taħlitiet għal marketing fi Stat Membru ieħor jew għall-esportazzjoni.”

    (b)

    Fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “Ħlief għat-tonn fiż-żejt taż-żebbuġa li jissemma fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 (**) u s-sardin fiż-żejt taż-żebbuġa li jissemma fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 (***), meta bl-użu ta’ kliem, immaġnijiet jew grafiċi, tkun enfasizzata fuq it-tikketta l-preżenza ta’ żjut f’ikel kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’post ieħor minbarra fejn ikun hemm il-lista tal-ingredjenti, id-deskrizzjoni kummerċjali tal-ikel għandha tkun segwita immedjatament bil-perċentwali taż-żjut kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament skont il-piż nett totali tal-ikel.

    (**)  ĠU L 163, 17.6.1992, p. 1."

    (***)  ĠU L 212, 22.7.1989, p. 79.”"

    (ċ)

    Il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    “3.   Id-deskrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jistgħu jinbidlu bil-kliem ‘żejt taż-żebbuġa’ fuq it-tikkettar tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

    Madankollu, meta jkun hemm il-preżenza tal-ilbieba taż-żebbuġ, il-kliem ‘żejt taż-żebbuġa’ għandhom jinbidlu bil-kliem ‘żejt mill-ilbieba taż-żebbuġ’.”

    (d)

    Għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

    “4.   L-informazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 mhixmeħtieġa fuq it-tikkettar tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.”

    (6)

    Il-punt (b) tal-Artikolu 8(2) jinbidel b’dan li ġej:

    “(b)

    organizzazzjoni ta’ operaturi f’dak l-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 125 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007;”

    (7)

    Fl-Artikolu 9(2) l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “Għall-għan tal-verifika tal-indikazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri konċernati jistgħu jintroduċu arranġamenti għall-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li l-faċilitajiet tal-ippakkjar tagħhom jinsabu fit-territorju tagħhom.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2009.

    Permezz ta’ deroga mit-tieni paragrafu, il-prodotti li jkunu ġew iffabbrikati u ttikkettati b’mod legali fil-Komunità jew inkella li ġew importati legalment fil-Komunità u tqiegħdu għaċ-ċirkolazzjoni libera qabel l-1 ta’ Lulju 2009 jistgħu jitmexxew fis-suq sakemm jinħlew il-ħażniet kollha.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 6 ta’ Marzu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 155, 14.6.2002, p. 27.

    (3)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 163, 17.6.1992, p. 1.

    (5)  ĠU L 212, 22.7.1989, p. 79.


    Top