Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0479

    Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2009 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (2009/479/KE)

    ĠU L 169, 30.6.2009, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/479/oj

    Related international agreement

    30.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 169/9


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-6 ta’ April 2009

    dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    (2009/479/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari l- punt (2)(b)(i) tal-Artikolu 62, flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006 (1) emenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 (2) li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea (lista negattiva) u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa (lista pożittiva) billi inter alia, jittrasferixxi lill-Barbados mil-lista negattiva għal dik pożittiva. Addizzjonalment, ir-Regolament 1932/2006 jipprevedi li l-eżenzjoni għandha tiġi applikata mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Barbados.

    (2)

    Bid-Deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir.

    (3)

    In-negozjati dwar il-ftehim infetħu fis-7 ta’ Lulju 2008 u ġew konklużi fis-16 ta’ Ottubru 2008.

    (4)

    Il-Ftehim li ġie inizzjalat fi Brussell fit-12 ta’ Novembru 2008 għandu jiġi ffirmat u d-dikjarazzjonijiet mehmuża għandhom jiġu approvati. Il-Ftehim għandu, pendenti t-tlestija tal-proċeduri għal konklużjoni formali tiegħu, jiġi applikat fuq bażi provviżorja.

    (5)

    Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, dawn l-Istati Membri m’humiex jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u m’humiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-Dikjarazzjonijiet mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f’isem il-Komunità.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina il-persuni mogħtija s-setgħa jiffirmaw il-Ftehim f’isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 4

    Il-Ftehim għandu, pendenti t-tlestija tal-proċeduri għal konklużjoni formali tiegħu, jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu (3).

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-6 ta’ April 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. POSPÍŠIL


    (1)  ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23.

    (2)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

    (3)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD L-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

    Il-Partijiet Kontraenti jinnotaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

    F’ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u l-awtoritajiet ta’ Seychelles, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir f’termini simili bħal dan il-Ftehim.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW GĦAL SKOP TA’ ATTIVITÀ BI ĦLAS SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM

    Fil-waqt li jixtiequ li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għal dan il-għan, il-kategorija ta’ persuni li se jagħmlu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu bi skop li jkollhom impjieg bi qliegħ/attività b’remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala ħaddiem jew fornitur ta’ xi servizz.

    Din il-kategorija ma għandiex tkopri:

    persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li li jivvjaġġaw bi skop ta’ deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jiġu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

    persuni sportivi u artisti li jesebixxu attività fuq bażi ad hoc,

    ġurnalisti mibgħuta mill-midja ta’ pajjiż ta' residenza tagħhom u

    apprendisti intra-korporattivi

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni għandha tkun issorveljata mill-Kumitat Konġunt li għandu r-responsabbiltà skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim, li fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti jista’ jipproponi modifiki meta jikkunsidra li dan ikun neċessarju.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA GĦALL-INTERPREATZZJONI TAL-PERJODU TA’ TLIET XHUR MATUL PERJODU TA’ SITT XHUR WARA D-DATA TAL-EWWEL DĦUL KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA’ DAN IL-FTEHIM

    Il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li l-perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data tal-ewwel dħul fit-territorju tal-Barbados jew fiż-żona ta’ Schengen kif previst mill-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser jew żjara kontinwa jew bosta żjarat konsekuttivi, li t-tul ta’ żmien tagħhom ma jistax jeċċedi tliet xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ sitt xhur b’kollox.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFORMAZZJONI TAĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM TAL-EŻENZJONI TAL-VIŻA

    Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-Barbados, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw id-disseminazzjoni totali ta’ informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-eżenzjoni tal-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fil-pajjiż.


    Top

    30.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 169/10


    FTEHIM

    bejn il-Komunità Ewropea u l-Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunità” u

    IL-BARBADOS minn hawn ‘il quddiem konġuntement imsejħa “il-Partijiet Kontraenti”;

    BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perjodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

    WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viżi fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (1), inter alia billi jittrasferixxi sitt pajjiżi terzi, inkluż l-Barbados fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE),

    FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1932/2006 jistipula li għal dawn is-sitt pajjiżi, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika biss mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mill-Komunità Ewropea mal-pajjiżi in kwistjoni,

    FILWAQT LI JAGĦRFU li ċ-ċittadini tal-Istati membri huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn il-Barbados, iżda għal perjodi differenti ta’ 28 ġurnata jew sitt xhur,

    FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

    WARA LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b’dan il-ftehim u għalhekk għal din il-kategorija r-regoli relevanti tal-liġi tal-Komunità u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali tal-Barbados dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni tal-viża u għall-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    FTEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għan

    Dan il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Barbados meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a)

    “L-Istati Membri” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

    (b)

    “ċittadin tal-Unjoni Ewropea” għandha tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a);

    (c)

    “ċittadin tal-Barbados” għandha tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza tal-Barbados;

    (d)

    “iż-żona ta’ Schengen” għandha tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li jinkludu t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu;

    Artikolu 3

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku jew tas-servizz/uffiċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Barbados għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

    Iċ-ċittadini tal-Barbados li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku jew tas-servizz/uffiċjali, li hu validu u maħruġ mill-Barbados, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

    2.   Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ attivitajiet bi ħlas.

    Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċidi b’mod individwali li jimponi l-ħtieġa tal-viża fuq iċ-ċittadini tal-Barbados jew li jirtirha skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

    Għal din il-kategorija ta’ persuni, il-Barbados tista’ tiddeċidi dwar il-ħtieġa tal-viża jew l-eżenzjoni tal-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali skont il-liġi nazzjonali tiegħu.

    3.   L-eżenzjoni tal-viża prevista minn dan il-Ftehim għandha tapplika bla ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u l-Barbados jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul jew is-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti.

    4.   L-eżenzjoni tal-viża tapplika irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex tinqasam il-fruntiera tal-Partijiet Kontraenti.

    5.   Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom jkunu koperti mil-liġi Komunitarja, il-liġi nazzjonali, tal-Istati Membri jew bil-liġi nazzjonali tal-Barbados.

    Artikolu 4

    Tul tas-soġġorn

    1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Barbados għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju tal-pajjiż.

    2.   Iċ-ċittadini tal-Barbados jistgħu jibqgħu fiż-żona ta’ Schengen għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu. Dan il-perjodu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur għandu jkun ikkalkulat b’mod indipendenti minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu.

    Iċ-ċittadini tal-Barbados jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ tliet xhur matul perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ meta jkunu daħlu l-ewwel darba fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen fl-intier tiegħu, indipendentament mill-perjodu ta’ soġġorn kkalkulat għaż-żona ta’ Schengen.

    3.   Dan il-ftehim ma jaffetwax il-possibbiltà għall-Barbados u għall-Istati Membri li jestendu l-perjodu ta’ soġġorn għal aktar minn tliet xhur skont il-liġi nazzjonali u l-liġi Komunitarja.

    Artikolu 5

    Applikazzjoni territorjali

    1.   Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

    2.   Fir-rigward tar-Renju tal-Olanda, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew u tar-Renju tal-Olanda.

    Artikolu 6

    Kumitat Konġunt għall-ġestjonijoni tal-Ftehim

    1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u minn rappreżentanti tal-Barbados. Il-Komunità għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

    2.   Il-Kumitat għandu jkollu, inter alia, dawn il-kompiti:

    (a)

    jossorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

    (b)

    jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

    (c)

    isolvi disputi naxxenti mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    3.   Il-Kumitat għandu jitlaqqa’ kull meta jkun meħtieġ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti.

    4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

    Artikolu 7

    Relazzjoni bejn dan il-ftehim u ftehimiet bilaterali eżistenti għall-eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u l-Barbados

    Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Barbados, safejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 8

    Dispożizzjonijiet finali

    1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq tlestew.

    2.   Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jintemmx skont il-paragrafu 5.

    3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.

    4.   Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni ta’ sigurtà nazzjonali u protezzjoni ta’ saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kull Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun notifikata lill-Parti Kontraenti mhux aktar tard minn xahrejn qabel jidħol fis-seħħ il-Ftehim. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf immedjatament lill-Parti l-oħra ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

    5.   Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf jiffunzjona 90 jum wara d-data ta’ din in-notifika.

    6.   Il-Barbados tista’ tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss, fir-rigward tal-Istati Membri kollha tal-Komunità Ewropea.

    7.   Il-Komunità tistà tissospendi jew ittemm, dan il-Ftehim biss, fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha.

    Magħmul fi Brussell, duplikatament, fit-28 ta’ Mejju 2009 fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

    За Европейската общност

    Por la Comunidad Europea

    Za Evropské společenství

    For Det Europæiske Fællesskab

    Für die Europäische Gemeinschaft

    Euroopa Ühenduse nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

    For the European Community

    Pour la Communauté européenne

    Per la Comunità europea

    Eiropas Kopienas vārdā

    Europos bendrijos vardu

    Az Európai Közösség részéről

    Għall-Komunità Ewropea

    Voor de Europese Gemeenschap

    W imieniu Wspólnoty Europejskiej

    Pela Comunidade Europeia

    Pentru Comunitatea Europeană

    Za Európske spoločenstvo

    Za Evropsko skupnost

    Euroopan yhteisön puolesta

    För Europeiska gemenskapen

    Image

    За Барбадос

    Por Barbados

    Za Barbados

    For Barbados

    Für Barbados

    Barbadose nimel

    Για τα Μπαρμπάντος

    For Barbados

    Pour la Barbade

    Per le Barbados

    Barbadosas vārdā

    Barbadoso vardu

    Barbados részéről

    Għal Barbados

    Voor Barbados

    W imieniu Barbadosu

    Por Barbados

    Pentru Barbados

    Za Barbados

    Za Barbados

    Barbadosin puolesta

    För Barbados

    Image


    (1)  ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23.

    Top