Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0798

2008/798/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta l- 14 ta’ Ottubru 2008 li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' prodotti li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib li joriġinaw minn jew li jiġu kkunsinjati miċ-Ċina, u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/757/KE (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6086) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 273, 15.10.2008, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/12/2009; Imħassar b' 32009R1135

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/798/oj

15.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 273/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta l-14 ta’ Ottubru 2008

li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' prodotti li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib li joriġinaw minn jew li jiġu kkunsinjati miċ-Ċina, u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/757/KE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6086)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/798/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53 (2), it-tieni sottoparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta' emerġenza Komunitarji xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiż terz biex tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwali.

(2)

Dan l-aħħar il-Kummissjoni Ewropea ġiet mgħarrfa li nstabu livelli għolja ta' melamina fil-ħalib tat-trabi u fi prodotti oħra tal-ħalib fiċ-Ċina. Il-melamina hija kimika intermedjarja wżata fil-manifattura ta' reżini amminiċi u plastik u tintuża bħala monomeru u bħala addittiv għall-plastik. Il-livelli għolja ta' melamina fl-ikel jistgħu jirriżultaw f'effetti serji ħafna fuq is-saħħa.

(3)

L-importazzjonijiet ta' ħalib u ta' prodotti tal-ħalib, inkluż it-trab tal-ħalib, li joriġinaw miċ-Ċina mhumiex permessi fil-Komunità; Madankollu, ċerti prodotti kompożiti (jiġifieri prodotti li fihom, fl-istess waqt, prodott ipproċessat li joriġina mill-annimali u prodott li ma joriġinax mill-annimali) li fihom komponenti ta' ħalib ipproċessat setgħu waslu fis-swieq tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Minkejja li t-tagħrif fattwali jindika li mhu importat l-ebda prodott kompożitu li huwa maħsub għall-użi nutrizzjonali partikolari tat-trabi jew tfal żgħar, ċerti prodotti kompożiti bħal dawn, skond il-formulazzjoni speċifika tagħhom u b'mod partikolari l-proporzjon ta' kontenut tal-prodott tal-ħalib, setgħu ġew ippreżentati għall-importazzjoni mingħajr ma għaddew minn kontrolli sistematiċi fuq il-fruntieri skond id-Deċiżjoni tal-kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 li tikkonċerna l-listi ta' annimali u prodotti li għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri skond id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (2). Meta jitqies li tali prodotti jirrappreżentaw is-sors primarju, u f'xi każijiet uniku, ta' nutriment għat-trabi u t-tfal żgħar, huwa xieraq li tiġi pprojbita l-importazzjoni fil-Komunità ta' kull prodott ta' dan it-tip li joriġina miċ-Ċina. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk jinstab kwalunkwe prodott bħal dan fis-suq għandu jinqered mingħajr dewmien.

(5)

Fir-rigward ta' prodotti kompożiti oħra (bħal gallettini u ċikkulata), li huma biss parti żgħira minn dieta varjata, wara talba mill-Kummissjoni Ewropea għal evalwazzjoni tar-riskji relatati mal-preżenza ta' melamina fi prodott kompożitu, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ħarġet stqarrija li fiha qed tikkonkludi li l-ogħla riskju jkun irrappreżentat mill-agħar xenarju possibbli li skontu tfal b'konsum għoli ta' kuljum ta' gallettini u ċikkulata li fihom l-ogħla proporzjon ta' trab tal-ħalib (li jvarja bejn 16 % u aktar minn 20 %), b'kontaminazzjoni ugwali għall-ogħla livell misjub fit-trab tal-ħalib miċ-Ċina, jistgħu potenzjalment jaqbżu l-limitu tollerat tal-konsum ta' kuljum (LTK) ta' melamina (0.5 mg/kg ta' piż tal-ġisem).

(6)

Biex jaffrontaw ir-riskju għas-saħħa li jista' jirriżulta minn espożizzjoni għall-kontenut ta' melamina ta' prodotti kompożiti bħal dawn, l-Istati Membri huma obbligati skond id-Deċiżjoni tal-kummissjoni 2008/757/KE (3) li jiżguraw li l-prodotti kompożiti kollha li fihom mill-inqas 15 % ta' prodott tal-ħalib, li joriġinaw miċ-Ċina, jiġu ttestjati b'mod sistematiku qabel l-importazzjoni fil-Komunità u li l-prodotti kollha bħal dawn li ntwera li fihom il-melamina li taqbeż it-2,5 mg/kg jinqerdu minnufih. Il-melamina minn sorsi differenti, bħalma huma migrazzjoni minn materjali ta' kuntatt tal-ikel, użu tal-pestiċida, eċċ. tista' tkun preżenti fl-għalf u l-ikel. Meta tittieħed inkunsiderazzjoni d-dejta disponibbli ta' okkorrenza, il-livell ta' 2,5 mg/kg huwa l-livell xieraq biex jiddistingwi bejn il-preżenza insinifikanti inevitabbli fl-isfond tal-melamina u adulterazzjoni inaċċettabbli. Dan il-livell iwieġeb ukoll għall-ħtieġa li jiġi żgurat marġinu kbir ta' sikurezza. L-Istati Membri rrappurtaw diffikultajiet sinifikanti rrappurtati biex jiġi stabbilit il-kontenut eżatt ta' ħalib jew ta' prodott tal-ħalib ta' prodotti kompożiti. B'konsegwenza ta' dan, il-valur ta' 15 % huwa fil-biċċa l-kbira mingħajr rilevanza biex jiġi deċiż jekk kunsinna hijiex soġġetta għal rekwiżiti ta' kontroll qabel l-importazzjoni. Għalhekk biex jiġu integrati u ssimplifikati l-proċeduri ta' kontroll, huwa xieraq li jiġi stabbilit ir-rekwiżit ta' kontrolli irrispettivament mill-ammont eżatt ta' ħalib jew ta' prodotti ta' ħalib fi prodotti kompożiti.

(7)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-prodotti kompożiti li diġà huma preżenti fil-Komunità jiġu ttestjati b'mod xieraq u jekk ikun meħtieġ, jiġu rtirati mis-suq. L-ispejjeż tat-testijiet għall-importazzjoni u tal-miżuri uffiċjali meħuda fir-rigward ta' prodotti misjuba li mhumiex konformi mal-livell massimu kkonċernat għandu jeħilhom l-operatur tan-negozju tal-għalf u l-ikel responsabbli għall-prodotti.

(8)

Biex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta mill-ġdid fi żmien propizju kemm huma xierqa dawn il-miżuri, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati mhux favorevoli permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf u għandhom jirrapportaw ir-riżultati favorevoli kull ġimagħtejn.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni hija skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

HAS ADOPTED THIS DECISION:

Artikolu 1

Artikolu 1 Għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni, referenzi għaċ-Ċina għandhom jinftiehmu bħala għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Artikolu 2

Il-miżuri ta' kontroll

1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti kompożiti li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib, maħsuba għall-użu nutrizzjonali partikolari tat-trabi u t-tfal żgħar skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE (4) dwar ikel għal użi nutrizzjonali partikolari, li joriġinaw jew jiġu kkunsinjati miċ-Ċina. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe prodott bħal dan li jinstab fis-suq wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni se jiġi rtirat minnufih u se jinqered.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli dokumentati, fiżiċi u ta' identità, inkluża analiżi tal-laboratorju, fuq il-kunsinni kollha li joriġinaw fiċ-Ċina jew ikkunsinnati minnha ta' prodotti kompożiti, inkluż l-għalf, li fihom prodotti tal-ħalib.

L-Istati Membri jistgħu jwettqu kontrolli aleatorji qabel l-importazzjoni ta' prodotti oħra tal-għalf u l-ikel li għandhom kontenut għoli ta' proteina li joriġinaw miċ-Ċina.

Dawn il-kontrolli għandhom b'mod partikolari jimmiraw li jaċċertaw li l-livell ta' melamina, jekk hemm, ma jaqbiżx it-2,5 mg/kg ta' prodott. Il-kunsinni għandhom jinżammu sakemm joħorġu r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.

3.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, se jitwettqu f'punti ta' kontroll speċifikament magħżula mill-Istat Membru għal dak l-iskop. L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista ta' punti ta' kontroll disponibbli għall-pubbliku u jikkomunikawha lill-Kummissjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull riżultat mhux favorevoli tal-analiżi tal-laboratorju msemmija fil-paragrafu 2 permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf. Dawn għandhom jirrapportaw lill-Kumissjoni r-riżultati favorevoli kull ġimagħtejn.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti msemmija fil-paragrafu 2, u prodotti tal-għalf u l-ikel b'kontenut għoli ta' proteina, kif xieraq, li diġà tqiegħdu fis-suq jiġu soġġetti għal livell xieraq ta' kontrolli bl-għan li jaċċertaw il-livell ta' melamina.

6.   Kull prodott li jinstab li fih melamina li taqbeż it-2,5 mg/kg ta' prodott, wara l-kontrolli mwettqa skond il-paragrafi 2 u 5, għandu jinqered mingħajr dewmien.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż li jintefqu fl-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 jeħluhom l-operaturi responsabbli għall-importazzjoni, u li l-ispiża ta' miżuri uffiċjali meħuda fir-rigward ta' prodotti misjuba li mhumiex konformi ma' din id-Deċiżjoni jeħilha l-operatur tan-negozju tal-għalf u l-ikel responsabbli għal dak il-prodott.

Artikolu 3

In-notifika bil-quddiem

L-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika bil-quddiem lill-punt ta' kontroll imsemmi fl-Artiklu 2(3) tad-data u l-ħin stmat tal-kunsinni kollha li joriġinaw fiċ-Ċina jew li huma kkunsinnati minnha ta' prodotti, inkluż l-għalf, li fihom prodotti tal-ħalib.

Artikolu 4

Ir-reviżjoni tal-miżuri

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid regolarment fid-dawl tar-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni 2008/757/KE hija revokata.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9.

(3)  ĠU L 259, 27.9.2008, p. 10.

(4)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27.


Top