Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0351

    Deċiżjoni Nru 205 tas- 17 ta' Ottubru 2005 dwar il-firxa tal-kunċett ta' qgħad parzjali fir-rigward ta' ħaddiema tal-fruntieri

    ĠU L 130, 18.5.2006, p. 37–38 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 723–724 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/351/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    723


    DEĊIŻJONI Nru 205

    tas-17 ta' Ottubru 2005

    dwar il-firxa tal-kunċett ta' “qgħad parzjali” fir-rigward ta' ħaddiema tal-fruntieri

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim ta' bejn l-UE u l-Iżvizzera)

    (2006/351/KE)

    IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA DWAR IS-SIGURTÀ SOĊJALI GĦALL-ĦADDIEMA MIGRANTI,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 81 (a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità (1), li taħt it-termini tiegħu l-Kummissjoni hija responsabbli biex titratta ma' kwalunkwe kwistjoni amministrattiva li toħroġ mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolamenti sussegwenti,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 71(1)(a) tar-Regolament imsemmi,

    Billi:

    1)

    L-Artikolu 71(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 fih dispożizzjoni li tikkostitwixxi eżenzjoni, fil-każ ta' ħaddiema tal-fruntieri li huma impjegati kompletament, mill-prinċipju ġenerali ta' lex loci laboris stipulat fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament imsemmi.

    2)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li sabiex jiġi determinat jekk ħaddiem tal-fruntiera għandux jitqies bħala li jinsab f'qgħad parzjali jew qgħad sħiħ fis-sens tat-tifsira ta' l-Artikolu 71(1)(a) tar-Regolament imsemmi, iridu jiġu applikati kriterji uniformi tal-Komunità. Din it-tip ta' valutazzjoni ma tistax issir fuq il-bażi ta' kriterji meħuda mil-liġi nazzjonali (2).

    3)

    Minħabba li l-prassi ta' istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri differenti tirrifletti differenzi fl-interpretazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-diskriminazzjoni tat-tip ta' impjieg, huwa importanti li tiġi speċifikata l-firxa ta' l-Artikolu msemmi bil-ħsieb ta' adozzjoni ta' kriterji uniformi u bbilanċjati għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu mill-istituzzjonijiet imsemmija.

    4)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li meta ħaddiem tal-fruntiera m'għadx fadallu kwalunkwe rabta ma' l-Istat Membru kompetenti u huwa kompletament qiegħed, il-benefiċċji tal-qgħad għandhom jiġu pprovduti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza minn butha.

    5)

    Valutazzjoni ta' jekk rabta ta' impjieg teżistix jew le jew inkella għadhiex mantenuta hija kompletament ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istat ta' impjieg.

    6)

    L-għan għall-ħarsien ulterjuri ta' ħaddiema tal-fruntiera skond l-Artikolu 71 tar-Regolament ma jinkisibx jekk il-ħaddiem li baqa' impjegat mill-istess intrapriża fi Stat Membru ieħor għajr dak li huwa residenti fit-territorju tiegħu — bl-attività tiegħu sospiża — kellu jitqies bħala kompletament qiegħed u kellu jintalab japplika lill-istituzzjoni tal-post ta' residenza tiegħu sabiex jikseb il-benefiċċji tal-qgħad.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    1.

    Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 71(1)(a) tar-Regolament, id-determinazzjoni tan-natura tal-qgħad (jiġifieri jekk huwiex parzjali jew sħiħ) se tiddependi fuq jekk teżisti jew ma teżistix kwalunkwe rabta ta' impjieg kuntrattwali inkella jekk din ir-rabta hijiex mantenuta bejn il-partijiet, u mhux fuq id-dewmien ta' kwalunkwe sospensjoni temporanja ta' l-attività tal-ħaddiem.

    2.

    Jekk ħaddiem tal-fruntiera jibqa' impjegat minn intrapriża fi Stat Membru minbarra dak li joqgħod fit-territorju tiegħu, iżda l-attività tiegħu tiġi sospiża għalkemm jista' jerġa' lura għall-kariga tiegħu fi kwalunkwe waqt, il-ħaddiem imsemmi se jitqies bħala qiegħed b'mod parzjali, u l-benefiċċji korrispondenti se jiġu pprovduti mill-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru ta' impjieg skond l-Artikolu 71(1)(a)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71.

    3.

    Jekk ħaddiem tal-fruntiera, fin-nuqqas ta' kwalunkwe rabta ta' impjieg kuntrattwali, m'għandu l-ebda rabta ma' l-Istat Membru ta' l-impjieg (pereżempju minħabba li ntemmet jew skadiet ir-rabta kuntrattwali ta' l-impjieg) se jitqies bħala kompletament qiegħed skond l-Artikolu 71(1)(a)(ii) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, u l-benefiċċji se jiġu pprovduti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza minn butha.

    4.

    Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-ewwel jum tax-xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

    Anna HUDZIECZEK


    (1)  ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 100, 6.4.2004, p. 1).

    (2)  Sentenza tal-15 ta' Marzu 2001 fil-każ C-444/98, “R. J. de Laat/Bestuur van het Landelijk instituut sociale verzekeringen”, ECR 2001, pp. I-2229 et seq.


    Top