This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005R1174R(01)
1174/2005/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 tat- 18 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )
1174/2005/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 tat- 18 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )
ĠU L 58M, 3.3.2009, p. 58–71
(MT)
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1174/corrigendum/2009-03-03/oj
3.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L NaN/58 |
Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 M, tat-12 ta' Diċembru 2008 )
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 għandu jaqra:
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1174/2005
tat-18 ta’ Lulju 2005
li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. MIŻURI PROVIŻORJI
(1) |
Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (KE) Nru 128/2005 (2) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament bażiku”) imponiet dazju proviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-idrawlika, taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (minn hawn ’il quddiem “PRĊ”). |
(2) |
Qed jiġi mfakkar li l-investigazzjoni ta’ dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004 (minn hawn ’il quddiem “IP”). L-eżami ta’ tendenzi rilevanti għall-istima tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2000 sa tmiem il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (minn hawn ’il quddiem “il-perjodu kkunsidrat”). |
B. PROĊEDURA SUSSEGWENTI
(3) |
Wara l-impożizzjoni ta’ dazju proviżorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, li joriġinaw fil-PRĊ, xi partijiet interessati taw kummenti bil-miktub. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu. |
(4) |
Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset bħala meħtieġ għas-sejbiet definittivi tagħha. Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, saret żjara ta’ verifika fil-kwartieri ta’ l-importaturi Jungheinrich AG fil-Ġermanja u TVH Handling Equipment N.V. fil-Belġju. |
(5) |
Il-partijiet interessati kollha kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju definittiv anti-dumping u l-ġbir definittiv ta’ l-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju. Huma ngħataw ukoll perjodu biex ikunu jistgħu jressqu sottomissjonijiet wara dan it-tagħrif. |
(6) |
Il-kummenti verbali u miktuba sottomessi mill -partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn dan kien f’loku, il-konklużjonjiet ġew immodifikati skond hekk. |
Ċ. PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
1. Prodott konċernat
(7) |
Il-prodott konċernat huwa pallet trucks ta’ l-idejn, ma jimxux weħidhom, użati fit-tqandil ta’ materjali normalment imqiegħda fuq pallets, u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-idrawlika, li joriġinaw fil-PRĊ, normalemt dikjarati taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00. |
(8) |
Xi partijiet interessati tennew l-istqarrijiet tagħhom, stipulati fil-premessa (11) tar-Regolament proviżorju, rigward l-inklużjoni tax-xażi u l-idrawlika għall-fini tal-“prodott konċernat” mingħajr madankollu, ma pprovdew informazzjoni addizjonali jew ġustifikazzjoni. Risposti għal dawn il-kummenti diġà ngħataw fil-premessi (12) u (14) tar-Regolament proviżorju. Ma tressqux punti oħra mill-partijiet konċernati fir-rigward ta’ dawn il-partijiet tar-Regolament proviżorju. |
(9) |
Huma komplew jargumentaw li: (a) xażijiet u idrawliċi, fuq naħa, u pallet trucks ta’ l-idejn, fuq in-naħa l-oħra, huma prodotti differenti u li ma kienux saru stimi tad-dumping u tad-dannu għal xażijiet u idrawliċi u, għalhekk l-ebda dazju anti-dumping ma jista’ jiġi impost; (b) l-inklużjoni ta’ partijiet mingħajr ma tiġi rispettata l-proċedura ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kienet se tippenalizza b’mod eċċessiv lil dawk li jimmontaw pallet trucks ta’ l-idejn fil-Komunità u (ċ) xażijiet u idrawliċi huma wkoll importati għal skopijiet ta’ manutenzjoni u li l-impożizzjoni ta’ dazju fuq xażijiet u idrawliċi kienet se tippenalizza b’mod eċċessiv lill-utenti attwali. |
(10) |
Fir-rigward ta’ l-argument li x-xażi u l-idrawlika huma prodotti differenti mill-pallet trucks ta’ l-idejn u li ma kienux saru stimi tad-dannu u tad-dumping fuq ix-xażi u l-idrawlika, huwa nnotat li għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, it-tipi kollha tal-pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom huma kkunsidrati bħala prodott wieħed għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (10) tar-Regolament proviżorju, jiġifieri it-tipi kollha għandhom l-istess bażi ta’ karatteristiċi fiżiċi u l-istess użu. Ma tressqet l-ebda evidenza oħra perssważiva kontra dawn is-sejbiet. Fir-rigward ta’ l-argument li ma kinux saru stimi tad-dannu u tad-dumping fuq ix-xażi u l-idrawlika, qed jiġi mfakkar li dawn il-partijiet essenzjali jaqgħu fi ħdan id-definizzjoni tal-“prodott konċernat”, li għalih id-dumping u d-dannu lill-industrija tal-Komunità ġew stabbiliti kif suppost. Fir-rigward ta’ l-istima tad-dumping b’mod partikolari, instab li l-importazzjonijiet ta’ xażijiet u idrawliċi matul il-perjodi ta’ l-investigazzjoni saru f' ammonti li kienu żgħar wisq biex ikunu rappreżentattivi. B’konsegwenza, kien meqjus xieraq li jkun stabbilit il-marġni ta’ dumping tal-“prodott konċernat”, fuq il-bażi ta’ pallet trucks ta’ l-idejn li għalihom kien hemm disponibbli tagħrif rappreżentattiv u ta’ min joqgħod fuqu. |
(11) |
Fir-rigward ta’ l-argument li l-inklużjoni ta’ partijiet essenzjali kienet teħtieġ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku biex ikunu evitati diffikultajiet eċċessivi lil dawk li jimmontaw pallet trucks ta’ l-idejn fil-Komunità, qiegħed jiġi nnotat li l-Artikolu 13 huwa irrilevanti għad-definizzjoni tal-“prodott kkonċernat”. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jirreferi għal numru ta’ prattiċi ta’ evażjoni, li jinkludu l-immontar ta’ partijiet li ma jaqgħux fi ħdan id-definizzjoni tal-“prodott kkonċernat”, kwistjoni li ma teżistix f’dan il-każ. Għalhekk, l-argument ma jistax jiġi milqugħ. |
(12) |
Fir-rigward ta’ l-argument li xażijiet u idrawliċi huma wkoll importati għal skopijiet ta’ manutenzjoni u li l-impożizzjoni ta’ dazju fuq ix-xażijiet u l-idrawliċi kienet se tippenalizza b’mod eċċessiv lill-utenti attwali, huwa nnotat li l-ebda utent ma ressaq ilmenti dwar dan ir-riskju matul il-proċess ta’ l-investigazzjoni. Barra dan, qiegħed jiġi nnotat li l-volum ta’ xażijiet u idrawliċi importati mill-PRĊ matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP) mhuwiex sinjifikanti meta mqabbel mal-volum ta’ importazzjonijiet ta’ karrijiet Ċiniżi għall-ġarr bl-idejn tal-pallets. Għalhekk, l-effett fuq il-manutenzjoni ta’ karrijiet qodma għall-ġarr bl-idejn tal-pallets, jekk xejn, ikun minuri u l-argument ma jistax jiġi milqugħ. |
(13) |
Fin-nuqqas ta’ xi kumment ieħor, il-konklużjonijiet dwar id-definizzjoni ta’ “prodott konċernat” stipulati fil-premessi (10) u (15) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2. Prodott simili
(14) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (16) u (18) tar-Regolament proviżorju li jikkonċernaw il-“prodott simili” huma b’dan ikkonfermati. |
D. DUMPING
1. Trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (“MET”)
(15) |
Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, tliet produtturi esportaturi u li kkollaboraw stqarrew li kellhom jingħataw it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET). Tnejn minnhom sempliċiment tennew l-argumenti li kienu diġà ressqu u li għalihom kienet ingħatat tweġiba mill-Kummissjoni fil-premessi (19) u (34) tar-Regolament proviżorju. |
(16) |
Qiegħed jiġi mfakkar li għal wieħed minn dawn iż-żewġ produtturi esportaturi, li fil-fatt hu kostitwit minn żewġ kumpanniji relatati, l-investigazzjoni stabbilixxiet li ċertu beni kienu mniżżla fiż-żamma tal-kotba ta’ waħda mill-kumpanniji taħt valur sinifikament ogħla mill-prezz tax-xiri li fil-fatt kien tħallas. Instab li dan kien bi ksur ta’ IAS 1 (preżentazzjoni xierqa tal-bilanċi finanzjarji) u IAS 16 (determinazzjoni fil-bidu tal-valur ta’ proprjetà, impjant u makkinarju). Barra dan, il-kumpannija l-oħra instab li kienet qegħda tikser IAS 21 (reġistrazzjoni waqt l-ewwel rikonoxximent ta’ operazzjonijiet f’munita barranija) u IAS 32 (żvelar u preżentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji). Barra minn hekk, l-awdituri tal-kumpanniji ma ndirizzawx dawn il-punti fir-rendikonti finanzjarji, u dan isaħħaħ il-każ li tali verifiki tal-kontijiet jitqiesu bħala mhux imwettqa skond l-IAS. Minħabba li ma tressqet l-ebda evidenza ġdida li setgħet tibdel is-sejbiet ta’ hawn fuq, qed jiġi b’dan ikkonfermat li l-esportatur produttur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni kriterju ta’ l-Artikoli 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. |
(17) |
Għal produttur esportatur ieħor, l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-kanċellazzjoni ta’ self ta’ flus ma kinetx imniżżla tajjeb fiż-żamma tal-kotba tal-kumpannija, u għalhekk affettwat sostanzjalment ir-riżultati finanzjarji tagħha. Instab li dan kien bi ksur ta’ IAS 1 (preżentazzjoni xierqa tal-bilanċi finanzjarji). Barra minn hekk, il-kumpannija bidlet il-metodu taż-żamma tal-kotba dwar miżuri ta’ dejn mitluf mingħajr ma applikat b’mod retroattiv din il-bidla, u għalhekk reġgħet affettwat b’mod sostanzjali r-riżultati finanzjarji. Instab li dan kien bi ksur ta’ IAS 8 (bidliet fil-kriterji taż-żamma tal-kotba). L-awditur, filwaqt li enfasizza l-inkonsistenza fil-bidla taż-żamma tal-kotba fir-rigward ta’ miżuri ta’ dejn mitluf saħansitra b’konnessjoni ma’ standards taż-żamma tal-kotba Ċiniżi, ma ta l-ebda tweġiba għall-problema tas-self. Minħabba li ma tressqet l-ebda evidenza li setgħet tibdel is-sejbiet ta’ hawn fuq, qed jiġi b’dan ikkonfermat li l-esportatur produttur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni kriterju ta’ l-Artikoli 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. |
(18) |
It-tielet esportatur produttur li baqa’ jitlob it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd, ippreżenta evidenza li turi li l-prattika tiegħu fir-rigward tar-reġistrazzjoni waqt l-ewwel rikonoxximent ta’ operazzjonijiet f’munita barranija, għalkemm f’ċertu każijiet ma kinux formalment skond IAS 21, ma affettwatx ir-riżultati finanzjarji. Ma ġiet identifikata l-ebda problema oħra ta’ kompatibilità ma’ l-IAS fir-rigward taż-żamma tal-kotba tal-kumpannija. Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien meqjus xieraq li jiġu riveduti l-konklużjonijiet li jikkonċernaw il-konformità ta’ dan il-produttur esportatur mat-tieni kriterju ta’ l-Artikoli 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u li jingħatalu t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET). Fir-rigward tal-bqija tal-kunsiderazzjonijiet, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (19) u (34) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
(19) |
Qiegħed jiġi nnotat li wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, produttur esportatur Ċiniż li ma kienx qed jikkollabora u l-importatur relatat miegħu fil-Komunità ppreżentaw ċerti kummenti fuq is-sejbiet proviżorji u talbu it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) jew, fl-eventwalità taċ-ċaħda tat-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET), trattament individwali. Il-kumpanniji kienu infurmati li produtturi esportaturi li ma kinux qed jikkollaboraw, jiġifieri dawk il-produtturi esportaturi li ma identifikawx lilhom infushom, ma tawx l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub jew ma pprovdewx informazzjoni fiż-żmien stipulat, ma jistgħux jitolbu t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) jew it-trattament individwali skond id-dispożizzjonjiet ta’ l-Artikoli 2(7), 5(10), 9(5) u 18(1) tar-Regolament bażiku. |
2. Trattament individwali
(20) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-kontenut tal-premessi (35) sa (37) tar-Regolament proviżorju rigward it-trattament individwali huwa b’dan ikkonfermat. |
3. Valur normali
3.1. Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ġew miċħuda t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET)
(21) |
Il-Kanada ntgħażlet b’mod proviżorju bħala pajjiż terz ta’ referenza għall-ekonomija tas-suq biex jiġi stabbilit il-prezz normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħtawx it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET). Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, żewġ produtturi esportaturi u importatur tennew l-argumenti tagħhom kontra din l-għażla, kif stabbilit fil-premessa (41) tar-Regolament proviżorju. Madankollu, ma ressqu l-ebda evidenza oħra verifikabbli biex jappoġġjaw l-argumenti tagħhom. |
(22) |
Huma komplew jargumentaw li l-għażla tal-Kanada bħala pajjiż terz ta’ referenza għall-ekonomija tas-suq ma kinitx tajba għax il-fabbrikanti Kanadiżi tal-pallet trucks ta’ l-idejn iġorru spejjeż ogħla mill-kontrapartijiet Ċiniżi, b’mod partikolari fejn jidħlu spejjeż fuq il-ħaddiema. F’dan ir-rigward, produttur esportatur wieħed talab aġġustament addizjonali għad-differenzi bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħu fil-PRĊ u l-ispejjeż tal-produzzjoni fil-Kanada, filwaqt li produttur esportatur ieħor argumenta li l-aġġustamenti għoljin ferm li kienu diġà saru huma indikazzjoni li l-pallet trucks ta’ l-idejn Kanadiżi u Ċiniżi għall-ġarr mhumiex komparabbli. |
(23) |
F’dan ir-rigward, qed jiġi mfakkar li l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-Kanada għandha suq kompetittiv u rappreżentattiv għall-pallet trucks ta’ l-idejn, li l-faċilitajiet u l-metodi ta’ produzzjoni tal-produtturi Kanadiżi u Ċiniżi huma simili u li kollox ma kollox il-pallet trucks ta’ l-idejn Kanadiżi u Ċiniżi huma komparabbli fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, kif stabbilit fil-premessi (40), (43) and (44) tar-Regolament proviżorju. Barra dan, l-investigazzjoni, stabbilixxiet li l-produzzjoni tal-pallet trucks ta’ l-idejn ma titlobx xogħol intensiv mill-ħaddiema (il-prezz tal-ħaddiema fil-Kanada mhuwiex iktar minn 15 % tal-prezz totali tal-produzzjoni) u, għalhekk, kwalunkwe differenza fil-prezz tal-ħaddiema bejn il-Kanada u l-PRĊ ma taffettwax il-prezz totali tal-produzzjoni b’mod sostanzjali. Għalhekk, l-argument li d-differenzi fl-ispejjeż l-aktar minħabba tal-ħaddiema jwasslu biex l-għażla tal-Kanada bħala pajjiż terz ta’ referenza tkun għażla ħażina, ma jistax jiġi milqugħ. |
(24) |
Fir-rigward ta’ l-argument li fabbrikanti Kanadiżi jipproduċu pallet trucks ta’ l-idejn bi spejjeż sostanzjalment ogħla minn dawk tal-produtturi kontraparti Ċiniżi, u li b’riżultat ta’ dan hemm bżonn ta’ aġġustament tal-valur normali ibbażat fuq id-differenza fl-ispejjeż bejn il-Kanada u l-ispejjeż tal-produttur esportatur fil-PRĊ, għandu jiġi nnotat li l-informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produttur esportatur li ressaq l-argument ma ġietx milqugħa minħabba li t-talba tiegħu għal trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) kienet ġiet miċħuda. Dan idgħajjef sostanzjalment l-argument dwar paragun ta’ l-ispejjeż. Konsegwentament, it-talba għandha tiġi miċħuda. |
(25) |
Fir-rigward ta’ l-argument li l-aġġustamenti għoljin diġà mogħtija huma indikazzjoni li l-pallet trucks ta’ l-idejn Kanadiżi u Ċiniżi mhumiex kumparabbli, qed jiġi nnutat li t-tipi ta’ prodotti biex jiġu kumparati ġew magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji li huma meqjusa raġonevoli fl-industrija kkonċernata. Il-paragun tat-tipi ta’ prodotti sar fuq il-bażi ta’ ċerti karatteristiċi bażiċi wżati mill-operaturi kollha fis-suq u ma tressqet l-ebda evidenza li turi li dan il-metodu ta’ paragun mhuwiex xieraq, kif stabbilit fil-premessa (43) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, l-argument ma jistax jiġi aċċettat. |
(26) |
Ma tressqux argumenti oħra li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż analogu u għalhekk is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (38) sa (48) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3.2. Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ngħataw it-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET)
(27) |
Minħabba li t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) ingħata lil produttur esportatur wieħed (ara l-premessa (18) hawn fuq), il-valur normali ġie stabbilit kif stipulat hawn taħt skond l-Artikolu 2(1) sa 2(6) tar-Regolament bażiku. |
3.2.1. Rappreżentanza ġenerali tal-bejgħ domestiku
(28) |
Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, l-ewwel kien eżaminat jekk il-bejgħ fis-suq intern tal-pallet trucks ta’ l-idejn lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ tali bejgħ kienx minn ta’ l-inqas 5 % tal-volum totali ta’ l-esportazzjoni korrispondenti lill-Komunità. Dan kien il-każ għall-produttur esportatur konċernat. |
3.2.2. Rappreżentanza speċifika tat-tip ta’ prodott
(29) |
Wara dan, kien eżaminat jekk il-bejgħ fis-suq intern tat-tipi ta’ prodott imqabbel mat-tipi ta’ prodott esportat kienx wieħed rappreżentattiv. Għal dan il-għan, l-ewwel kienu identifikati t-tipi komparabbli mibjugħin fis-suq intern. L-investigazzjoni kkunsidrat dawk it-tipi ta’ prodott ta’ pallet trucks ta’ l-idejn mibjugħin fis-suq intern bħala identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi ta’ prodott mibjugħin għall-esportazzjoni lill-Komunità jekk dawn kellhom l-istess kapaċità ta’ rfigħ, l-istess materjal tax-xażi, l-istess daqs tal-frieket, l-istess tip ta’ idrawlika u tip ta’ roti. |
(30) |
Bejgħ fis-suq intern ta’ tip ta’ prodott partikolari kien meqjus rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum totali tal-bejgħ fis-suq intern ta’ tali prodott mibjugħ lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP) kien jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ tat-tip ta’prodott komparabbli esportat lill-Komunità. Dan kien il-każ għal xi wħud mit-tipi ta’ prodotti kkonċernati. |
3.2.3. Verifika ta’ l-operazzjonijet ta’ kummerċ normali
(31) |
L-ewwel kien eżaminat jekk il-bejgħ tat-tipi ta’ prodott fis-suq intern mill-produttur esportatur setax jitqies bħala operazzjoni ta’ kummerċ normali skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. |
(32) |
Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ fis-suq intern lil klijenti indipendenti, ta’ kull tip ta’ prodott esportat, mhux mibjugħ b’telf fis-suq intern matul il-perjodi ta’ l-investigazzjoni (IP):
|
3.2.4. Valur normali bbażat fuq il-prezz effettiv fis-suq intern
(33) |
Fejn ġew sodisfatti l-kriterji stabbiliti fil-premessi (29) sa (31) u fil-premessa (32)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament, il-valur normali tat-tip ta’ prodott li jikkorrispondi kien ibbażat fuq il-prezzijiet li effettivament tħallsu jew kellhom jitħallsu, minn klijenti indipendenti fis-suq intern tal-pajjiż esportatur matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. |
3.2.5. Valur normali bbażat fuq valur mibni
(34) |
Għal tipi ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-premessa (32)(ċ) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll għal dawk it-tipi ta’ prodotti li ma nbigħux fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq intern, kif imsemmi fil-premessa (30) ta’ dan ir-Regolament, il-valur normali kellu jinbena. |
(35) |
Sabiex ikun ikkalkulat il-valur mibni skond l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, ir-riżultanti spejjeż ġenerali, amministrattivi u ta’ bejgħ u l-medja peżata tal-qligħ imġarrba mill-produttur esportatur ikkonċernat fir-rigward ta’ bejgħ tal-prodott simili fis-suq intern f’operazzjonijet ta’ kummerċ normali, matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni, ġew miżjuda mal-prezz tal-produzzjoni. |
4. Prezz ta’ l-esportazzjoni
(36) |
Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, ma tressqu l-ebda kummenti dwar id-determinazzjoni tal-prezz ta’ l-esportazzjoni għal bejgħ li sar b’mod dirett lil klijenti indipendenti fil-Komunità. Għalhekk is-sejbiet stabbiliti fil-premessa (49) tar-Regolament proviżorju dwar id-determinazzjoni tal-prezz ta’ l-esportazzjoni skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku huma b’dan ikkonfermati. |
(37) |
Għal żewġ produtturi esportaturi, il-prezz ta’ l-esportazzjoni kien mibni b’mod proviżorju għall-bejgħ tagħhom lill-importaturi li magħhom instab li kellhom ftehim ta’ kumpens skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, kif stabbilit fil-premessa (49) tar-Regolament proviżorju. |
(38) |
Wieħed mill-produtturi esportaturi u l-importatur tiegħu, li għalihom inbnew ċerti prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, argumentaw li r-relazzjoni ta’ bejniethom ma kinetx tali li titlob binja tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u li tali prezzijiet kellhom ikunu bbażati fuq il-prezzijiet effettivi mill-produttur esportatur għall-importatur. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li dawn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu kkundizzjonati minn ftehim bejn il-partijiet, fejn xi prezzijiet ta’ l-iżvilupp tal-prodott kellhom jitħallsu mill-importatur. Minħabba dan il-ftehim ta’ kumpens, il-medja tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni għall-importatur kienet sostanzjalment ogħla minn dik għal klijenti indipendenti fil-Komunità. Għalhekk, il-prezzijiet mill-produttur esportatur għall-importatur ma kinux aċċettati bħala bażi għad-determinazzjoni tal-prezz ta’ l-esportazzjoni. Barra minn hekk, qabel l-għeluq tal-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP) il-produttur esportatur u l-importatur saru msieħba. Normalment, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni jkunu mibnija abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lix-xerrejja indipendenti fil-Komunità. Madankollu, f’dan il-każ, in-numru ta’ operazzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid matul il-perjodu ta’ l-investigazjoni kien żgħir wisq u l-prezzijiet effettivi ta’ tali operazzjonijiet ma ngħtawx fil-ħin mill-importatur u ma setgħux ikunu verifikati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-bejgħ ma kienx ikkunsidrat fil-kalkolazzjoni definittiva tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni. |
(39) |
Fil-fatt, dan il-produttur esportatur kellu ammont sostanzjali ta’ bejgħ dirett lil klijenti indipendenti fil-Komunità, liema bejgħ intuża biex jiġi stabbilit il-prezz ta’ l-esportazzjoni, kif stabbilit fil-premessa (36) ta’ dan ir-Regolament. |
(40) |
Il-produttur esportatur l-ieħor li għalih kienu mibnija xi prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u l-importatur ikkomċernat ressqu kummenti dwar is-sejbiet proviżorji fejn argumentaw li ma kien hemm l-ebda arranġament jew ftehim bejniethom li jaqa’ fit-tifsira ta’ assoċjazzjoni jew ftehim ta’ kumpens skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku u skond l-Artikolu 2.3 tal-ftehim dwar anti-dumping (ADA) tal-WTO. Għalhekk, l-użu tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ l-importatur lil klijenti indipendenti għall-fini tal-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, huwa żbaljat. |
(41) |
Dan l-argument ma setax jiġi aċċettat minħabba li l-informazzjoni mogħtija mill-esportatur u mill-importatur ma kinetx rikonċiljabbli. Matul iż-żjara ta’ verifika fil-kwartieri tal-produttur esportatur, l-investigaturi kienu infurmati li r-raġuni għaliex il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni bejn il-partijiet kienet ogħla min-normal kienet minħabba arranġament speċjali jew ftehim li kien jeżisti bejn il-produttur esportatur u l-importatur. Barra minn hekk, il-fatturi ta’ l-esportazzjoni kienu kollha jirreferu għal dan il-ftehim. Il-produttur esportatur ċaħad l-eżistenza ta’ ftehim bil-miktub, iżda fisser kif l-importatur ikkonċernat kien lest li jħallas tali prezzijiet iktar għoljin sabiex jikseb u jżomm l-esklussività tal-bejgħ ta’ ċertu prodotti tal-produttur esportatur fir-rigward ta’ xi swieq. L-importatur ċaħad ukoll l-eżistenza ta’ xi relazzjoni speċjali u matul iż-żjara ta’ verifika spjega kif il-prezzijiet imħallsa lill-produttur esportatur huma ogħla minħabba l-kwalità ta’ tali prodotti. Huwa kkusidrat li f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ma kinux ta’ min wieħed joqgħod fuqhom u għandhom ikunu aġġustati jew minħabba l-eżistenza ta’ xi forma ta’ arranġament ta’ kumpens fid-dawl tad-dispożizzjonijet ta’ l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, jew għal differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi li jirriflettu l-allegata kwalità ogħla tal-prodotti skond l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku. Madankollu, l-istqarrija dwar il-kwalità ma kinetx appoġġjata b’xi evidenza u fil-fatt is-sejbiet ta’ l-investigazzjoni kkuntradixxew tali stqarrija. Fin-nuqqas ta’ xi informazzjoni oħra, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ġew mibnija kif stabbilit fil-premessa (49) tar-Regolamenti bażiku. |
(42) |
L-istess produttur esportatur u l-importatur stqarrew ukoll li l-kalkoli tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni mibnija kienu żbaljati għaliex il-marġni ta’ profitt użat fil-kalkolazzjoni kien sostanzjalment ogħla mill-marġni ta’ profitti wżati għall-istess għanijiet f’każijiet oħra fil-passat u, għalhekk, ma kienx raġonevoli. F’dan ir-rigward, qiegħed jiġi nnotat li kull każ huwa kkunsidrat fuq il-merti tiegħu u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni partikolari ma jistgħux jiġu sempliċiment trasposti għal każ ieħor. F’dan il-każ, il-marġni ta’ profitt użat fil-kalkolazzjoni kien il-medja peżata tal-profitti netti effettivi fuq bejgħ tal-“prodott konċernat” irrapportati fiż-żmien ta’ l-investigazzjoni minn ħdax-il importatur li ma kienux relatati. Ma tressqet l-ebda evidenza li setgħet tikkontesta din id-data. Għaldaqstant, it-talba għandha tiġi miċħuda. |
(43) |
Madankollu, għandu jiġi nnotat li wara ż-żjara tal-verifika fil-kwartieri ta’ l-importatur ikkonċernat, il-kalkolazzjoni tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni mibnija kienet riveduta sabiex tqis il-korrezjonijiet meħtieġa dwar ċerti prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid u dwar spejjeż ġenerali, amministrattivi u ta’ bejgħ ta’ l-importatur. |
5. Tqabbil
(44) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, produttur esportatur wieħed talab aġġustament ta’ ċerti prezzijiet ta’ l-esportazzjoni għad-differenza fl-istadji ta’ kummerċ bejn bejgħ għall-esportazzjoni dirett lill-Komunità u bejgħ lill-Komunità permezz ta’ negozjanti fil-PRĊ, skond l-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku. Huwa argumenta li bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta’ negozjanti Ċiniżi jinvolvi bejgħ ulterjuri lin-negozjanti, li normalment mhuwiex meħtieġ fil-każ ta’ bejgħ għall-esportazzjoni dirett lill-Komunità. F’dan ir-rigward, qiegħed jiġi nnotat li l-Artikolu hawn fuq imsemmi tar-Regolament bażiku jipprovdi biex isir aġġustament għad-differenza fl-istadji ta’ kummerċ fejn ikun muri li jeżistu differenzi konsistenti u distinti fil-funzjonijiet u l-prezzijiet tal-bejjiegħ għall-istadji differenti tal-kummerċ fis-suq intern tal-pajjiż esportatur. F’dan il-każ, il-produttur esportatur stqarr u pprova juri l-bżonn ta’ aġġustament billi għamel referenza għaċ-ċirkustanzi tal-bejgħ tiegħu ta’ l-esportazzjoni, minflok ċ-ċirkustanzi tal-bejgħ tiegħu fis-suq intern. Din ma titqiesx bħala bażi biżżejjed biex jintalab aġġustament skond l-istadju tal-kummerċ. Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-esportazzjonijiet kollha tal-produttur esportatur ikkonċernat, kif ukoll il-bejgħ fis-suq intern fil-pajjiż ta’ referenza, saru lil negozjanti, jiġifieri ma kienx hemm stadji differenti ta’ kummerċ bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. |
6. Marġni ta’ dumping
(45) |
Biex jiġi kkalkulat il-marġni ta’ dumping għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha, kif stabbilit fil-premessa (53) tar-Regolament proviżorju, ma tqisx aktar il-produttur esportatur li ngħata t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET). Ma tressqux kummenti oħra dwar is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (52) u (53) tar-Regolament proviżorju li qed jiġu b’dan ikkonfermati. Madankollu, għall-produttur esportatur li ngħata t-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET), il-marġni ta’ dumping ġie stabbilit billi ġew imqabbla l-medja peżata tal-valur normali ta’ kull tip esportat lejn il-Komunità kif stabbilit fil-premessi (28) sa (35) ta’ dan ir-Regolament mal-medja tal-prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ dak it-tip korrespondenti, skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. Il-marġni ta’ dumping kif finalment stabbilit wara l-emendi stabbiliti hawn fuq, imfissra bħala perċentwali tal-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, u bid-dazju mhux imħallas, huma:
|
E. INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ
1. Produzzjoni tal-Komunità
(46) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (55) u (56) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2. Definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità
(47) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessa (57) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
F. DANNU
1. Konsum tal-Komunità
(48) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw il-konsum tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (58) u (59) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2. Importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn mill-PRĊ fil-Komunità
(49) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn mill-PRĊ fil-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (60) sa (64) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3. Sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità
(50) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, produttur esportatur wieħed qajjem diskussjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ dannu ta’ l-industrija tal-Komunità billi rrimarka li l-kapacità tal-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedet matul il-perjodu kkunsidrat, l-iżvilupp tal-ħażniet wara l-2001 ma jistax jitqies bħala sinjal ta’ dannu imma sinjal ta’ titjib ta’ l-industrija tal-Komunità, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-pallet trucks ta’ l-idejn mibjugħin mill-produtturi tal-Komunità u s-sehem tagħhom fis-suq baqa’ stabbli fl-2003 u matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (IP), il-qligħ ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedet bejn l-2000 u l-2001, il-fatt li l-livell ta’ l-investimenti ta’ l-industrija tal-Komunità żdied b’iktar mid-doppju jindika li l-industrija ma kellhiex problemi biex tkabbar il-kapital u l-istabbilità tas-salarji għandha titqies bħala sinjal pożittiv. |
(51) |
Fir-rigward ta’ l-argument li l-kapaċità tal-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedet u ma turix danni, għandu jkun innotat li filwaqt li ż-żieda ġenerali fil-kapaċità tal-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat kienet ta’ 3 %, din naqset bi kważi 2 % bejn l-2002 u l-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP). Fil-fatt, il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet biss fis-snin 2001 u 2002 meta kienu saru investimenti. Dan l-iżvilupp ma jistax jitqies bħala xhieda tan-nuqqas ta’ dannu lill-industrija tal-Komunità, b’mod partikolari meta il-konsum żdied bi 17 % matul l-istess perjodu. |
(52) |
Fir-rigward ta’ l-argument li l-iżvilupp tal-ħażniet wara l-2001 ma jistax jitqies bħala sinjal ta’ dannu imma sinjal ta’ titjib fl-industrija tal-Komunità, għandu jkun innotat li flimkien ma’ l-ispjegazzjoni pprovduta fil-premessa (67) tar-Regolament proviżorju dwar kif dan il-fattur ma jitqiesx bħala indikatur relevanti tal-qagħda ekonomika ta’ l-industrija tal-Komunità, għandu jkun imfakkar li l-ħażniet żdiedu b’mod ġenerali b’14 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-fatt li fl-2000, kien intlaħaq massimu ma jbiddilx is-sejba li l-ħażniet setgħu ta’ l-inqas kienu ta’ kontribut għas-sitwazzjoni ta’ ħsara ta’ l-industrija tal-Komunità. |
(53) |
Fir-rigward ta’ l-argument li l-prezz tal-bejgħ u s-sehem tas-suq tal-pallet trucks ta’ l-idejn mibjugħin mill-produtturi tal-Komunità baqa’ stabbli fl-2003 u matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP), għandu jkun innotat li l-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP) jinkludi 9 xhur mill-2003. Għandu jkun innotat li l-analiżi tad-dannu hija mifruxa fuq perjodu ta’ numru ta’ snin u li kemm is-sehem tas-suq kif ukoll il-prezz tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità waqgħu b’mod sostanzjali matul il-perjodu kkunsidrat. Dan ma kienx ikkontestat. |
(54) |
Fir-rigward ta’ l-argument li ż-żieda fil-qligħ ta’ l-industrija tal-Komunità bejn l-2000 u l-2001 ma tindikax dannu, għandu jkun innotat li l-qligħ żdied marġinalment minn 0,28 % fl-2000 sa 0,51 % fl-2001, u mbagħad naqas kostantement u laħaq 2,31 % matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP). Dan hu sinjal ċar ta’ dannu. |
(55) |
Fir-rigward ta’ l-argument li l-livell ta’ l-investimenti ta’ l-industrija tal-Komunità iktar minn irdoppja u li għalhekk din ma kellha l-ebda problema biex tiġġenera kapital, qed jiġi mfakkar, kif spjegat fil-premessa (76) tar-Regolament proviżorju, li fl-2001 u l-2002, kienu saru investimenti qawwija biex jitbiddlu impjanti ta’ produzzjoni li ma setgħux jintużaw iktar, u dan sabiex l-industrija tal-Komunità tkun tista’ tibqa’ kompetittiva. L-investimenti waqgħu b’40 % bejn l-2002 u l-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP), fl-istess żmien meta l-qligħ baqa’ jeħżien u dan wera problemi fiż-żieda tal-kapital. Dan jerġa’ juri biċ-ċar sitwazzjoni ta’ dannu. |
(56) |
Fir-rigward ta’ l-argument li l-istabbilità tal-pagi għandha tkun interpretata bħala sinjal pożittiv, għandu jkun innotat li dan il-fattur għandu jkun analizzat fil-kuntest ta’ l-iżvilupp tal-pagi u ta’ l-impjiegi. Id-dannu fl-industrija jidher biċ-ċar fit-tnaqqis tan-numru ta’ impjegati. Il-fatt li l-produtturi tal-Komunità ma setgħux jgħollu l-pagi pari passu ma l-inflazzjoni matul il-perjodu kkunsidrat minħabba kompetizzjoni inġusta għandu jkun ikkunsidrat bħala sinjal negattiv. |
(57) |
L-argumenti tal-produttur esportatur analizzati fil-premessi (50) sa (56) ta’ dan ir-Regolament għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda. |
(58) |
Xi importaturi argumentaw li l-industrija tal-Komunità offriet għall-bejgħ pallet trucks ta’ l-idejn bi prezzijiet ferm inferjuri minn kwalunkwe pallet truck ta’ l-idejn Ċiniżi u dan juri li l-industrija mhijiex qegħda ssofri dannu. Dan l-argument mhuwiex sostanzjat bis-sejba ta’ tqaċċit sinjifikanti fil-prezzijiet b’iktar minn 55 % kif stabbilit fil-premessa (64) tar-Regolament proviżorju u, għalhekk ma jistax jiġi milqugħ. |
(59) |
Fin-nuqqas ta’ xi kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (65) sa (84) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
4. Konklużjoni dwar d-dannu
(60) |
B’konklużjoni, kif diġà stabbilit fir-Regolament proviżorju, l-indikaturi tad-dannu relevanti wrew xejriet negattivi. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji ta’ konklużjoni dwar id-dannu kif stabbiliti fil-premessi (85) sa (87) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
G. KAWŻALITÀ TAD-DANNU
1. Introduzzjoni
(61) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward, qed tiġi kkonfermata l-introduzzjoni dwar il-kawża tad-dannu, kif stabbilta fil-premessa (88) tar-Regolament proviżorju. |
2. Effetti ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping
(62) |
Produttur esportatur wieħed u xi importaturi allegaw li l-użu tad-data ta’ l-Eurostat għall-importazzjonijiet mhuwiex xieraq biex jiġu determinati l-volum u s-sehem tas-suq ta’ l-importazzjonjiet tal-prodott konċernat minħabba li m’hemmx kodiċi NM distint għat-tali prodott. Huma argumentaw li hemm prodotti oħrajn li jaqgħu wkoll taħt l-istess żewġ kodiċi NM ikkonċernati, wieħed li jkopri l-prodott sħiħ u l-ieħor li jkopri l-partijiet, u għalhekk id-data ta’ l-Eurostat ma tistax tagħti stampa ċara ta’ l-effett ta’ importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping. Huwa nnotat li ma tressqet l-ebda evidenza li turi li kwanititajiet sinjifikanti setgħu kienu klassifikati taħt il-kodiċi NM 8427 90 00, li tkopri l-prodott sħiħ u li ntużat fid-determinazzjoni tal-volum ta’ l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping. Fil-fatt, l-istess partijiet użaw data ta’ l-Eurostat dwar l-importazzjoni mill-istess kodiċi NM biex isostnu l-istqarrija tagħhom dwar ix-xejriet ta’ l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn minn pajjiżi terzi oħra. Huwa ukoll ikkunsidrat li, minħabba d-definizzjoni ristetta tal-kodiċi NM, il-maġġoranza l-kbira tal-prodotti li jidħlu fil-Komunità taħt din l-intestatura huma importazzjonijiet tal-prodott konċernat. Fir-rigward tal-kodiċi l-oħra NM 8431 20 00 li tkopri partijiet maħsuba għal użu esklussiv jew prinċiparjament mal-makkinarju taħt l-intestatura 8427, huwa nnotat li l-importazzjonijiet irrapportati mill-Eurostat għal din il-kodiċi huma żgħar u ma tqiesux meta kienu stabbiliti l-volum u s-sehem tas-suq ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat. Għalhekk, l-argument ma jistax jiġi milqugħ. |
(63) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar l-effett ta’ importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping, kif stabbiliti fil-premessi (89) sa (91) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3. L-effetti ta’ fatturi oħra
a) Il-prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità
(64) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, produttur esportatur wieħed argumenta li l- prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità kienet ġiet stmata ħażin. Il-bejgħ ta’ l-esportazzjoni instab li kien waqa’ bi kważi 50 % bejn l-2000 u l-perjodu ta’ l-investigazzjoni, b’effett sinifikanti fuq il-prestazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità. Għandu jkun innotat li anke jekk l-esportazzjonijiet naqsu f’termini reali, dawn kien jirrappreżentaw medja ta’ 11 % biss mill-bejgħ totali ta’ l-industrija tal-Komunità matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, filwaqt li l-bejgħ fil-Komunità kien qed isir b’telf, l-esportazzjonijiet kienu għadhom qed isiru b’xi qligħ matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni (IP). Għalhekk, it-tnaqqis fl-esportazzjonijiet ma jistax jiġi kkunsidrat bħala fattur li kkawża dannu sinifikanti lill-industrija tal-Komunità. Konsegwentament, l-argument għandu jiġi miċħud, u s-sejbiet stabbiliti fil-premessi (92) u (93) tar-Regolament proviżorju ikkonfermati. |
b) Investimenti ta’ l-industrija tal-Komunità
(65) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar l-investimenti ta’ l-industrija tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessa (94) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
ċ) Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
(66) |
Żewġ produtturi esportaturi u ċerti importaturi stqarrew li għall-kuntrarju tas-sejbiet fil-premessa (95) tar-Regolament proviżorju, pajjiżi oħra barra mill-PRĊ, b’mod partikolari l-Brażil u l-Indja, ħadu vantaġġ mis-saħħa ta’ l-Ewro sabiex iżidu b’mod sostanzjali l-bejgħ tagħhom fis-suq tal-Komunità. Fid-dawl tal-fatt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, bħall-Brażil u l-Indja, jirrappreżentaw biss madwar 1 % ta’ l-mportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott konċernat, l-impatt tagħhom fuq il-kawżalità tad-dannu, jekk xejn, tista’ titiqes insinjifikanti. Għalhekk, din it-talba għandha tiġi miċħuda. |
(67) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar importazzjonijiet minn pajjiżi terzi kif stabbiliti fil-premessi (95) u (96) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
d) Rata tal-kambju ta’ l-Euro/Dollaru US
(68) |
Produttur esportatur wieħed u ċerti importaturi stqarrew li s-sehem mit-tqaċċit tal-prezz stabbilit kien dovut għad-dgħjufija tad-dollaru amerikan meta mqabbel ma’ l-Euro u mhux minħabba l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Madankollu, dawn il-partijiet ma ressqux xi evidenza li tindika l-volum ta’ l-importazzjonijiet mill-PRĊ fatturati f’Dollari amerikani, li setgħet tagħmel valutazzjoni ġenerali ta’ l-impatt tar-rati tal-kambju fuq il-prezzijiet possibbli. Fi kwalunkwe każ, anke jekk l-importazzjonijiet kollha mill-PRĊ kienu saru f’Dollari amerikani, xi ħaġa li ma tistax tkun ikkonfermata mis-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni tal-prodott konċernat kellhom jinżlu b’25 % (telf tad-Dollaru amerikan imqabbel ma’ l-Euro) u mhux b’34 % kif seħħ matul il-perjodu kkunsidrat. Finalment, għandu jkun innotat li bl-eċċezzjoni ta’ żewġ każi individwali li kellhom b’mod ċar volum ta’ importazzjoni negliġibbli, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha minbarra l-PRĊ, meħudin flimkien, u li bbenefikaw anke mill-apprezzament ta’ l-Euro, naqsu. Dan juri li ċ-ċaqlieq tal-munita ma setax ikun kawża sostanzjali taż-żieda fl-importazzjonijiet mill-PRĊ li huma oġġetti ta’ dumping. Għalhekk din it-talba għandha tiġi miċħuda u s-sejbiet stabbiliti fil-premessa (98) tar-Regolament proviżorju kkonfermati. |
e) Atteġġament tal-bejgħ
(69) |
Produttur esportatur wieħed u ċerti importaturi tennew l-argument li dawk li kienu qed jilmentaw kienu kumpanniji kbar li huma attivi fis-settur tal-ġarr ta’ materjal, li għalihom il- pallet trucks ta’ l-idejn huma biss prodott aċċessorju, u spiss użat bħala għodda ta’ bejgħ ta’ prodotti akbar u ogħla fil-prezz. Minħabba li ma tressqet l-ebda evidenza, is-sejbiet proviżorji kif stabbiliti fil-premessi (99) u (100) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati, u t-talba miċħuda. |
f) Żbalji strateġiċi magħmula mill-produtturi tal-Komunità, bħal prodotti ta’ kwalità inferjuri u esternelizzazzjoni tal-produzzjoni tal-partijiet
(70) |
Produttur esportatur wieħed tenna l-istqarrija tiegħu li l-produtturi tal-Komunità sofrew minn dannu ikkawżat minnhom stess billi ffokaw fuq il-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità inferjuri u billi taw barra xogħol tal-produzzjoni ta’ partijiet li normalment jagħmlu huma stess. Madankollu, ma tressqet l-ebda evidenza biex issostni din l-istqarrija. Qiegħed jiġi nnotat li din l-istqarrija kienet diġà ġiet eżaminata u indirizzata b’mod espiliċitu fil-premessi (101) sa (103) tar-Regolament proviżorju, li huma b’dan ikkonfermati. |
4. Konklużjoni dwar il-kawżalità
(71) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor li jista’ jibdel il-konklużjoni proviżorja, il-konklużjoni dwar il-kawżalità kif stabbilita fil-premessi (104) u (105) tar-Regolament proviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
H. INTERESS TAL-KOMUNITÀ
1. Rimarki ġenerali
(72) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, ir-rimarki ġenerali dwar l-interess tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessa (106) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2. Interess ta’ l-industrija tal-Komunità
(73) |
Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, importatur wieħed stqarr li l-impjanti tal-produzzjoni fil-Komunità li kienu preċedentement magħluqa mhux se jerġgħu jinfetħu, u għalhekk mhux se joffru opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping. L-ewwelnett din l-istqarrija ma kinetx sostnuta b’xi evidenza. It-tieni nett, anke jekk l-ebda impjant magħluq ma kienx se jerġa’ jiftaħ, għandu jkun innotat li l-kapaċità ta’ l-utilizazzjoni mill-industrija tal-Komunità matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni kienet biss ta’ 46 %. Dan hu sinjal ċar tal-potenzjal għal tkabbir fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità ġaladarba jkun hemm kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Komunità. Din it-talba, għalhekk, għandha tiġi miċħuda. |
(74) |
Produttur esportatur wieħed u xi importaturi argumentaw li l-attivitajiet ta’ ġarr bl-idejn tal-pallets ta’ l-industrija tal-Komunità b’mod partikolari f’termini ta’ impjiegi huma negliġibbli fid-dawl ta’ l-attivitajiet kollha tagħhom u, għalhekk, l-interess tagħhom f’tali miżuri huwa limitat meta mqabbel ma’ dak tal-operaturi l-oħra fis-suq. L-ewwelnett qed ikun imfakkar li l-produtturi esportaturi m’għandhom l-ebda kompetenza biex iressqu stqarrijiet dwar l-eżami ta’ l-interess ta’ l-industrija tal-Komunità. L-istess japplika fir-rigward ta’ l-interess tal-fornituri, negozjanti w utenti eżaminati hawn taħt. L-argumenti imressqa kienu madankollu eżaminati. F’dan ir-rigward, qiegħed jiġi mfakkar li l-industrija tal-Komunità kienet tħaddem madwar 434 persuna fis-settur tal-pallet trucks ta’ l-idejn matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni, filwaqt, li per eżempju, l-importaturi li kienu qed jikkoperaw kienu jħaddmu madwar 74 persuna. Qed jiġi wkoll innotat li ċerti produtturi tal-Komunità jiddependu b’mod esklussiv fuq il-produzzjoni u l-bejgħ tal-pallet trucks ta’ l-idejn. Għalhekk, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. |
(75) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji dwar l-interess ta’ l-industrija tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (107) sa (109) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3. Interess tal-fornituri tal-Komunità
(76) |
Produttur esportatur wieħed allega li n-nuqqas ta’ rappreżentanza min-naħa tal-fornituri tal-Komunità huwa sinjal li l-importazzjonjiet mill-PRĊ ma kinux jolqtu ħażin in-negozju tagħhom. Din l-allegazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. L-industrija tal-Komunità tiddependi mill-fornituri tal-Komunità fejn jidħlu ċerti partijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn, u ma jkunx raġonevoli li wieħed jassumi li m’hemm l-ebda effett negattiv fuq in-negozju tagħhom. Aktar għeluq ta’ l-impjanti tal-Komunità jista’ jkompli jolqot in-negozju tagħhom. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ġdid, is-sejba proviżorja fir-rigward ta’ l-interess tal-fornituri tal-Komunità, kif stabbilita fil-premessa (110) tar-Regolament proviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
4. Interess ta’ importaturi/negozjanti mhux relatati
(77) |
Produttur esportatur wieħed stqarr li l-investigazzjoni injorat l-interessi ta’ l-importaturi żgħar, li jiffokaw l-attivitajiet tagħhom l-iktar fuq pallet trucks ta’ l-idejn. Għandu jkun innotat li l-osservazzjonijiet mill-importaturi, li identifikaw lilhom infushom fil-ħin u taw biżżejjed informazzjoni, ġew ikkunsidrati b’mod sħiħ f’din l-investigazzjoni. Fost l-importaturi mhux relatati u li kkoperaw kien hemm kumpanniji bi tnejn jew tliet impjegati. Barra dan qiegħed jiġi nnotat li l-importaturi li kkoperaw irrapportaw qligħ tajjeb ħafna fin-negozju tagħhom tal-pallet trucks ta’ l-idejn (profitti netti li jitilgħu sa 50 % tal-fatturat). Għalhekk, huwa raġonevoli li wieħed jikkunsidra li l-impatt ta’ l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fuq in-negozju tagħhom ikun relattivament baxx. Konsegwentament, it-talba għandha tiġi miċħuda u s-sejbiet proviżorji stabbiliti fil-premessi (111) sa (114) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
5. Interessi ta’ l-utenti
(78) |
Żewġ produtturi esportaturi u ċerti importaturi stqarrew li ż-żieda fil-prezz tal-pallet trucks ta’ l-idejn Ċiniżi wara l-impożizzjoni ta’ miżuri qed ikollha effett immedjat u sproporzjonat fuq mijiet ta’ eluf ta’ ħwienet, imħażen u fabbriki li jużaw il-pallet trucks ta’ l-idejn fil-Komunità. Madankollu, qiegħed jiġi nnotat li l-ebda utent fil-Komunità u li juża pallet trucks ta’ l-idejn ma ressaq kummenti fuq is-sejbiet stabbiliti fir-Regolament proviżorju. Minħabba li din it-talba ma ġietx sostanzjata b’xi xhieda, għandha tiġi miċħuda. |
(79) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet proviżorji li jikkonċernaw l-interessi ta’ l-utenti tal-Komunità, kif stabbiliti fil-premessi (115) u (116) tar-Regolament proviżorju, huma b’dan ikkonfermati. |
6. Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità
(80) |
B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-konklużjonijiet dwar l-interess tal-Kommunità stabbiliti fil-premessi (117) sa (119) tar-Regolament proviżorju, huma b’dan ikkonfermati. |
I. MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI
1. Livell meħtieġ biex jitneħħa d-dannu
(81) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti sostanzjati, il-metodoloġija wżata biex jiġi stabbilit il-livell meħtieġ biex jitneħħa d-dannu, kif deskritta fil-premessi (120) sa (123) tar-Regolament proviżorju qed tiġi b’dan ikkonfermata. |
(82) |
Abbażi ta’ din il-metodoloġija, il-livell meħtieġ biex jitneħħa d-dannu kien ikkalkulat sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit il-livell ta’ miżuri li għandhom jiġu imposti b’mod definittiv. |
2. Forma u livell tad-dazju
(83) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazju anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fil-livell ta’ marġni ta’ dumping li nstabu, minħabba li għall-produtturi esportaturi kollha konċernati, il-livell meħtieġ biex jitneħħa d-dannu nstab li kien ogħla mill-marġni ta’ dumping. |
(84) |
Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati ta’ dazju definittiv huma kif ġej:
|
(85) |
Ir-rati ta’ dazju anti-dumping applikabbli b’mod individwali għall-kumpanniji speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, jirriflettu s-sitwazzjoni kif instabet fiż-żmien ta’ l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju tad-dazju nazzjonali applikabbli għall- “kumpanniji l-oħrajn kollha”) huma għalhekk applikabbli b’mod esklussiv għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u magħmula mill-kumpanniji u għalhekk mill-entitajiet legali imsemmija b’mod speċifiku. Prodotti importati magħmula minn kull kumpannija oħra li mhix speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inkluż entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux igawdu minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpanniji l-oħrajn kollha”. |
(86) |
Kull talba għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju anti-dumping applikabbli b’mod individwali għall-kumpanniji speċifikati (eż. wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara l-ħolqien ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew bejgħ) għandhom jiġu ndirizzati lill-Kummissjoni (3) minnufih b’kull informazzjoni relevanti, b’mod partikolari kull tibdil fl-attivitajiet tal-kumpannija marbuta mal-produzzjoni, bejgħ fis-suq intern u għall-esportazzjoni assoċjati, per eżempju, ma’ tali bidla fl-isem jew bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament għandu mbagħad jiġi emendat billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpanniji li jgawdu mir-rati ta’ dazju individwali. |
3. Ġbir ta’ dazju proviżorju
(87) |
Fid-dawl tad-daqs ta’ marġni ta’ dumping li nstab u fid-dawl tal-livell ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Komunità, huwa kkunsidrat meħtieġ li l-ammonti miksuba mill-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping proviżorju permezz tar-Regolament proviżorju jinġabru b’mod definittiv sa l-ammont ta’ dazju definittiv impost bir-Regolament preżenti. Fejn id-dazju definittiv huwa ogħla mid-dazju proviżorju, għandhom jinġabru biss dawk l-ammonti miksuba bħala dazju proviżorju. |
4. L-Impenji
(88) |
Sussegwentament għall-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping proviżorji, żewġ produtturi esportaturi wrew ix-xewqa li joffru impenn skond l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku. Kienet esplorata l-possibilità ta’ miżuri korrettivi f’forma ta’ impenji relatati mal-prezzijiet. Madankollu, qiegħed jiġi nnotat li wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi ma kkooperax u, għalhekk, minħabba li ma kienx mogħti xi tip ta’ trattament ta’ l-ekonomija tas-suq (MET) jew trattament individwali, kif stabbilit fil-premessa (19) ta’ dan ir-Regolament, ma setgħux jiġu stabbiliti prezzijiet minimi. Barra minn hekk, instab li l-“prodott konċernat” kien jeżisti f’mijiet ta’ tipi, li huma aġġornati jew b’xi mod modifikati fuq bażi regolari. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi kienu qed ibiegħu wkoll, direttament jew permezz ta’ importaturi affiljati, prodotti oħra lill-istess klijenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-monitoraġġ ta’ l-impenji relatati mal-prezz kien se jkun prattikament impossibbli. Għalhekk, kien ikkunsidrat li l-aċċettazzjoni ta’ l-impenji ma kinetx ħaġa prattika f’dan il-każ partikolari u l-offerti kellhom jiġu miċħuda. Il-produtturi esportaturi kienu infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jagħtu l-kummenti tagħhom. Il-kummenti tagħhom ma biddlux il-konklużjoni ta’ hawn fuq, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping definittiv qiegħed b’dan jiġi impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-idrawlika, bil-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 (il-kodiċi TARIC 8427900010 u 8431200010), li joriġinaw fil-PRĊ.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, għandha tkun kif ġej:
Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina |
Rata tad-dazju (%) |
Il-kodiċi addizzjonali TARIC |
Ningbo Liftstar Material Transport Equipment Factory, Zhouyi Village, Zhanqi Town, Yin Zhou District, Ningbo City, Zhejiang Province, 315144, PRĊ |
32,2 |
A600 |
Ningbo Ruyi Joint Stock Co. Ltd, 656 North Taoyuan Road, Ninghai, Zhejiang Province, 315600, PRĊ |
28,5 |
A601 |
Ningbo Tailong Machinery Co. Ltd, Economic Developing Zone, Ninghai, Ningbo City, Zhejiang Province, 315600, PRĊ |
39,9 |
A602 |
Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd, 58, Jing Yi Road, Economy Development Zone, Changxin, Zhejiang Province, 313100, PRĊ |
7,6 |
A603 |
Il-kumpanniji l-oħrajn kollha |
46,7 |
A999 |
3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali li huma fis-seħħ.
Artikolu 2
L-ammonti żgurati permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skond ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 128/2005 dwar importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 (il-kodiċi TARIC 8427900010 and 8431200010) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv, skond ir-regoli stipulati hawn taħt. L-ammonti żgurati b’żieda ma’ l-ammont tad-dazju anti-dumping definittiv għandhom jinħelsu. Fejn id-dazju definittiv huwa ogħla mid-dazju proviżorju, għandhom jinġabru b’mod definittiv biss l-ammonti miksuba bħala dazju proviżorju.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Lulju 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
J. STRAW
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).
(2) ĠU L 25, 28.1.2005, p. 16.
(3) Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat B, J-79 5/17, Rue de la Loi/Wetstraat 200, B-1049 Brussell — Il-Belġju.