Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0111R(03)

Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat- 22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 333 M, tal-11 ta' Diċembru 2008 )

ĠU L 51M, 24.2.2009, p. 231–240 (MT)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/111/corrigendum/2009-02-24/oj

24.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L NaN/231


Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 333 M, tal-11 ta' Diċembru 2008 )

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 għandu jaqra:

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 111/2005

tat-22 ta’ Diċembru 2004

li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ fil-prekursuri ta' drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu ta' Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, adottata fi Vienna fid-19 ta' Diċembru 1988, minn hawn 'il quddiem imsejħa, il-“Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti”, hija parti mill-inizjattivi li qed jittieħdu fuq livell dinji fil-ġlieda kontra d-drogi illegali. Fl-isfera ta' kompetenza tagħha, il-Komunità ħadet sehem fin-negozjati u kkonkludiet il-Konvenzjoni f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE (1).

(2)

L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tirrigwarda kummerċ f'sustanzi li jintużaw spiss fil-manufattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi. Peress li d-dispożizzjonijiet dwar kummerċ fil-prekursuri ta' drogi jaffettwaw ir-regoli tal-Komunità fi kwistjonijiet doganali, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli tal-Komunità dwar kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

(3)

L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jeħtieġ li tiġi introdotta sistema ta' monitoraġġ għall-kummerċ internazzjonali fi prekursuri tad-droga, li jieħu konsiderazzjoni tal-fatt li, fil-prinċipju, il-kummerċ f'dawn is-sustanzi huwa legali. Konsegwentement, ittieħdu miżuri biex jinkiseb bilanċ xieraq bejn ix-xewqa li jiġu sfruttati l-mezzi kollha possibbli biex il-prekursuri ta' drogi ma jkunux jistgħu jilħqu manifatturi ta' drogi illeċiti u l-ħtiġijiet kummerċjali ta' l-industrija kimika u operaturi oħrajn.

(4)

Biex jimplimenta l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u b' konsiderazzjoni lir-rapport tat-Task Force dwarAzzjoni Kimika mwaqqfa mis-Summit Ekonomiku ta' Houston (G-7) fl-10 ta' Lulju 1990, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 tat-13 ta' Diċembru 1990 li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiskoraġġixxu d-devjazzjoni ta' ċerti sustanzi lejn il-manifattura illegali ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (2) stabbilixxa sistema għar-rappurtar ta' operazzjonijiet suspettużi. Din is-sistema, li hija bbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib ma' l-operaturi, hija reinforzata permezz ta' miżuri bħal dokumentazzjoni u tikkettar, liċenzjar u reġistrazzjoni ta' operaturi kif ukoll proċeduri u ħtiġiet li jirregolaw l-esportazzjonijiet.

(5)

B'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi 2000-2004, approvat mill-Kunsill Ewropew fi Feira f'Ġunju 2000, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tas-sistema ta' kontroll tal-Komunità tal-kummerċ fi prekursuri ta' drogi biex tasal għal konklużjonijiet mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam.

(6)

Skond dik il-valutazzjoni u sabiex jitjiebu l-mekkaniżmi ta' kontroll li jimmiraw biex tiġi evitata devjazzjoni tal-prekursuri ta' drogi, huwa meħtieġ li jiġu estiżi l-ħtiġiet ta' monitoraġġ fir-rigward ta' operaturi bbażati fil-Komunità li jiffaċilitaw kummerċ bejn pajjiżi terzi, jiġi introdott approċċ Komunitarju fir-rigward ta' proċeduri għall-għoti ta' liċenzi u jissaħħu l-ħtiġiet ta' monitoraġġ li jirregolaw proċeduri doganali ta' sospensjoni.

(7)

Il-proċeduri u l-ħtiġiet għall-esportazzjoni għandhom ikunu intensifikati aktar biex jindirizzaw u jikkonċentraw il-kontrolli fuq il-prekursuri ta' drogi l-aktar sensittivi, filwaqt li jnaqqsu l-piż amministrattiv eċċessiv permezz ta' proċeduri simplifikati għall-esportazzjoni ta' sustanzi ta' volum għoli. Filwaqt li l-effettività u l-prattikabbiltà ta' notifiki ta' qabel l-esportazzjoni hija rikonoxxuta b'mod sħiħ, għandha tiġi żviluppata strateġija li tfittex li tisfrutta s-sistema safejn l-aktar ikun possibbli.

(8)

Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib li żdied dwar il-produzzjoni ta' stimulanti tat-tip amfetamina, il-mekkaniżmi ta' kontroll ta' importazzjoni għall-prekursuri sintetiċi ta' drogi ewlenin għandhom jissaħħu aktar permezz ta' proċeduri komuni u ħtiġiet li jippermettu t-twettiq ta' kontrolli fuq konsenji waħdanin.

(9)

Sabiex jippermettu lill-operaturi biex jissodisfaw dawn il-ħtiġiet, dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ estern fi prekursuri ta' drogi għandhom, sakemm hu possibbli, jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw kummerċ intra-Komunitarju fi prekursuri ta' drogi miksuba jew prodotti totalment, jew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità.

(10)

Meta jitqiesu l-ħtiġiet tas-suq intern u fl-interess ta' l-effettività ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet permezz ta' adozzjoni ta' mezzi ta' azzjoni komparabbli u ta' konverġenza mill-Istati Membri.

(11)

L-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tiġi rinforzata, b'mod partikolari billi jsir rikors għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun assigurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (3).

(12)

B'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq li jiġu stabbiliti regoli għall-monitoraġġ bir-reqqa tal-kummerċ ta' dawn is-sustanzi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi biex jinkiseb l-objettiv bażiku ta' prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' prekursuri ta' drogi għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa, b'konformità mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat.

(13)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati b'konformità mad-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4).

(14)

Ir-Regolament (KEE) Nru 3677/90 għandu għalhekk jitħassar.

(15)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikulari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta' kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi f'ċerti sustanzi li jintużaw spiss għall-manufattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (minn issa 'l quddiem imsejħin “prekursuri ta' drogi”) bil-għan li jipprevjeni d- devjazzjoni ta' tali sustanzi. Huwa japplika għall-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-attivitajiet intermedjarji.

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli speċjali f'oqsma oħra relatati ma' kummerċ ta' merkanzija bejn il-Komunità u terzi pajjiżi.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“sustanza klassifikata” tfisser kwalunkwe sustanza mniżżla fl-Anness, inklużi taħlitiet u prodotti naturali li fihom tali sustanzi, imma esklużi prodotti mediċinali kif definiti mid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), preparazzjonijiet farmaċewtiċi, taħlitiet, prodotti naturali u preparazzjonijiet oħrajn li fihom sustanzi klassifikati li huma mħallta b'tali mod li tali sustanzi ma jistgħux jiġu utilizzati jew estratti b'mod faċli b'mezzi vijabbli ta' applikazzjoni faċli jew ekonomiċi;

(b)

“sustanza mhux klassifikata” tfisser kwalunkwe sustanza li, għalkemm mhux imniżżla fl-Anness, hija identifikata bħala li ġiet użata għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi;

(ċ)

“importazzjoni” tfisser kwalunkwe dħul ta' sustanzi klassifikati li għandhom l-istatus ta' merkanzija mhux Komunitarja fit-territorju doganali tal-Komunità, inklużi ħażna temporanja, it-tqegħid f'żona ħielsa jew maħżen ħieles, it-tqegħid taħt proċedura ta' sospensjoni u r-rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (6);

(d)

“esportazzjoni” tfisser kwalunkwe ħruġ ta' sustanzi klassifikati mit-territorju doganali tal-Komunità, inkluż il-ħruġ ta' sustanzi klassifikati li jeħtieġ dikjarazzjoni doganali u l-ħruġ ta' sustanzi klassifikati wara l-ħażna tagħhom f'żona ħielsa taħt kontroll ta' tip I jew maħżen ħieles fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(e)

“attivitajiet intermedjarji” tfisser kwalunkwe attività bil-għan li jsir xiri u bejgħ jew fornitura ta' sustanzi klassifikati li ssir minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmira li tilħaq ftehim bejn żewġ partijiet jew taġixxi f'isem mill-anqas waħda minn dawn il-partijiet mingħajr ma tieħu pussess ta' dawn is-sustanzi jew mingħajr ma tassumi l-kontroll tat-twettiq ta' tali operazzjoni; din id-definizzjoni għandha wkoll tinkludi kwalunkwe attività li ssir minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilta fil-Komunità li tinvolvi xiri u bejgħ jew fornitura ta' sustanzi klassifikati mingħajr ma dawn is-sustanzi jiġu introdotti fit-territorju doganali tal-Komunità;

(f)

“operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuta f'importazzjoni, esportazzjoni ta' sustanzi klassifikati jew attivitajiet intermedjarji relatati magħhom, inklużi persuni li għandhom il-kompitu li jagħmlu dikjarazzjonijiet doganali għal klijenti fuq bażi ta' self-employed jew bħala attività prinċipali jew bħala attività sekondarja relatata ma' attività oħra;

(g)

“esportatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli prinċipalment għall-attivitajiet ta' esportazzjoni bis-saħħa tar-relazzjoni ekonomika u legali mas-sustanzi klassifikati u mad-destinatarju li, fejn hu xieraq, jippreżenta d-dikjarazzjoni doganali jew tkun ippreżentata f'ismu;

(h)

“importatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli prinċipalment għall-attivitajiet ta' importazzjoni bis-saħħa tar-relazzjoni ekonomika u legali mas-sustanzi klassifikati u ma’ minn jikkonsena u li jippreżenta d-dikjarazzjoni doganali jew li f'ismu tkun ippreżentata d-dikjarazzjoni doganali;

(i)

“destinatarju finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għand min twasslu s-sustanzi klassifikati; din il-persuna tista' tkun differenti mill-utent aħħari;

(j)

“proċedura tal-kumitat” tfisser il-proċedura prevista fl-Artikolu 30(2);

(k)

“Bord Internazzjonali tal-Kontroll tan-Narkotiċi” tfisser il-Bord stabbilit mill-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi, 1961, kif emedata mill-Protokoll ta' l-1972.

KAPITOLU II

MONITORAĠĠ TA' KUMMERĊ

TAQSIMA 1

Dokumentazzjoni u tikkettar

Artikolu 3

Kwalunkwe importazzjoni, esportazzjoni jew attività intermedjarja li tinvolvi sustanzi klassifikati għandha tiġi dokumentata mill-operaturi permezz ta' dokumenti doganali u kummerċjali, bħal dikjarazzjonijiet sommarji, dikjarazzjonijiet doganali, fatturi, manifesti ta' merkanzija, dokumenti tat-trasport u oħrajn relatati mas-spedizzjoni.

Dawk id-dokumenti għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tas-sustanza klassifikata kif imniżżla fl-Anness, jew fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, l-isem u l-isem ta' kwalunkwe sustanza klassifkata, kif imniżżla fl-Anness, li tinsab fit-taħlita jew fil-prodott naturali, segwit bit-terminu “PREKURSURI TAD-DROGI”;

(b)

il-kwantità u l-piż tas-sustanza klassifikata u, fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, il-kwantità, il-piż, u jekk disponibbli, il-perċentwali ta' kwalunkwe sustanza klassifikata li hemm fiha, u

(ċ)

l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-esportatur, l-importatur, id-destinatarju finali u, fejn applikabbli, il-persuna involuta fl-attivitajiet intermedjarji.

Artikolu 4

Id-dokumentazzjoni mniżżla fl-Artikolu 3 għandha tinżamm mill-operaturi għal perijodu ta' tliet snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha twettqet l-operazzjoni. Id-dokumentazzjoni għandha tkun organizzata b'tali mod, f'forma elettronika jew fuq karta, li tkun immedjatament disponibbli għal spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fuq talba. Id-dokumentazzjoni tista' tkun fornuta permezz ta' twassil ta' immaġini jew data oħra, sakemm id-data, meta tinqara, taqbel mad-dokumentazzjoni kemm fil-preżentazzjoni kif ukoll fil-kontenut, tkun disponibbli l-ħin kollu, tista' tinqara mingħajr dewmien u tista' tkun analizzata permezz ta' mezzi awtomatizzati.

Artikolu 5

L-operaturi għandhom jiżguraw li t-tikketti jitwaħħlu fuq kwalunkwe ippakkjar li fih sustanzi klassifikati li jindikaw isimhom kif imniżżel fl-Anness, jew, fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, l-isem u l-isem ta' kwalunkwe sustanza klassifikata, kif imniżżla fl-Anness, fit-taħlita jew fil-prodott naturali. L-operaturi jistgħu, barra minn hekk, iwaħħlu t-tikketti tradizzjonali tagħhom.

TAQSIMA 2

Liċenzjar u reġistrazzjoni ta' operaturi

Artikolu 6

1.   Operaturi stabbiliti fil-Komunità, ħlief għal aġenti doganali u trasportaturi li jaġixxu unikament f'dik il-kapaċità, involuti f'importazzjoni, esportazzjoni jew attivitajiet intermedjarji li jinvolvu sustanzi klassifikati mniżżla fil-Kategorija 1 ta' l-Anness, għandu jkollhom liċenza. Il-liċenza għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fih l-operatur huwa stabbilt.

Meta tikkunsidra jekk għandhiex tagħti liċenza, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsidra l-kompetenza u l-integrità ta' l-applikant.

Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża biex jiġu stabbilti dispożizzjonijiet li jiddeterminaw każijiet fejn liċenza mhix meħtieġa, li jistabbilixxu aktar kundizzjonijiet għall-għoti ta' liċenzi u li jistabbilixxu mudell għal-liċenzi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiggarantixxu kontroll u monitoraġġ sistematiku u konsistenti ta' l-operaturi.

2.   Il-liċenza tista' tkun sospiża jew rivokata mill-awtoritajiet kompetenti kull meta l-kundizzjonijiet li taħthom inħarġet il-liċenza mhumiex sodisfatti aktar jew fejn hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li hemm riskju ta' devjazzjoni ta' sustanzi klassifikati.

Artikolu 7

1.   Operaturi stabbiliti fil-Komunità, ħlief għal aġenti doganali u trasportaturi li jaġixxu unikament f'dik il-kapaċità, involuti f'importazzjoni, esportazzjoni jew attivitajiet intermedjarji li jinvolvu sustanzi klassifikati mniżżla fil-Kategorija 2 ta' l-Anness, jew fl-esportazzjoni ta' sustanzi klassifikati mniżżla fil-Kategorija 3 ta' l-Anness, għandhom jirreġistraw immedjatament u jaġġornaw kif meħtieġ l-indirizzi ta' l-uffiċċji li fihom iwettqu dawk l-attivitajiet tagħhom. Dan l-obbligu għandu jitwettaq ma' l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li fih l-operatur huwa stabbilit.

2.   Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-kontrolli ta' ċerti kategoriji ta' operaturi u ta' operaturi involuti fl-esportazzjoni ta' kwantitajiet żgħar ta' sustanzi klassifikati mniżżla fil-Kategorija 3. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiżguraw li jitnaqqas ir-riskju ta' devjazzjoni ta' sustanzi klassifikati.

Artikolu 8

1.   Meta s-sustanzi klassifikati jiddaħħlu fit-territorju doganali tal-Komunità għall-ħatt u għat-trasbord, għall-ħażna temporanja, għall-ħażna tagħhom f'żona ħielsa taħt kontroll ta' tip I jew maħżen ħieles, jew għat-tqegħid tagħhom taħt il-proċedura ta' transitu estern tal-Komunità, l-għanijiet leċiti għandhom ikunu murija mill-operatur fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża biex jiġu stabbilti l-kriterji li jiddeterminaw kif l-għanijiet leċiti ta’ l-operazzjoni jistgħu jiġu murija sabiex jiġi żgurat li ċ-ċaqliq kollu ta' sustanzi klassifikati fit-territorju doganali tal-Komunità jista' jiġi mmonotirjat mill-awtoritajiet kompetenti u r-riskju ta' devjazzjoni jitnaqqas.

TAQSIMA 3

Għoti ta' informazzjoni

Artikolu 9

1.   Operaturi stabbilti fil-Komunità għandhom jinnotifkaw lill-awtoritajiet kompetenti immedjatament bi kwalunkwe ċirkostanza, bħal ordnijiet mhux tas-soltu u operazzjonijiet li jinvolvu sustanzi klassifikati, li tissuġġerixxi li tali sustanzi maħsuba għal importazzjoni, esportazzjoni jew attivitajiet intermedjarji jistgħu jiġu ddevjati għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

2.   L-operaturi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-esportazzjoni, l-importazzjoni jew l-attivitajiet intrermedjarji tagħhom f'forma sommarja lill-awtoritajiet kompetenti. Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża biex tiġi ddeterminata l-informazzjoni li hi meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti sabiex tippermittilhom jimmonitorjaw dawn l-attivitajiet.

Artikolu 10

1.   Biex tiffaċilta l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-operaturi stabbiliti fil-Komunità u l-industrija kimika, b'mod partikulari fir-rigward ta' sustanzi mhux klassifikati, il-Kummissjoni għandha, b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, tfassal u taġġorna linji gwida.

2.   Dawn il-linji gwida għandhom jipprovdu, b'mod partikolari:

(a)

informazzjoni dwar kif jiġu identifikati u notifikati operazzjonijiet suspettużi;

(b)

lista aġġornata regolarment ta' sustanzi mhux klassifikati biex l-industrija tkun tista' tissorvelja fuq bażi volontarja l-kummerċ f'tali sustanzi.

3.   L-awtoritajiet komptenti għandhom jiżguraw li l-linji gwida jiġu regolarment disseminati b'konformità ma' l-objettivi ta' dawn il-linji gwida.

TAQSIMA 4

Notifika ta' qabel l-esportazzjoni

Artikolu 11

1.   Qabel l-esportazzjonijiet kollha tas-sustanzi klassifikati mniżżla fil-Kategorija 1 ta' l-Anness u l-esportazzjonijiet ta' sustanzi klassifikati fil-Kategoriji 2 u 3 ta' l-Anness għal ċerti pajjiżi ta' destinazzjoni, għandha ssir notifika ta' qabel l-esportazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti fil-Komunità lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni, b'konformità ma' l-Artikolu 12(10) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża biex tiġi ddeterminata l-lista ta' pajjiżi ta' destinazzjoni sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' devjazzjoni billi jiġi żgurat monitoraġġ sistematiku u konsistenti ta' esportazzjonijiet ta' sustanzi klassifikati għal dawn il-pajjiżi.

Il-pajjiż ta' destinazzjoni għandu jingħata perijodu ta' 15-il jum tax-xogħol biex iwieġeb, li fit-tmiem tiegħu, l-operazzjoni ta' esportazzjoni tista' tiġi awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' esportazzjoni, jekk huma ma jkunux irċevew l-ebda avviż mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni li jindika li din l-operazzjoni ta' esportazzjoni tista' tkun maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

2.   Fil-każ tas-sustanzi klassifikati li għandhom jiġu nnotifikati b'konformità mal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat għandhom, qabel l-esportazzjoni ta' tali sustanzi, jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 13(1) lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni.

L-awtorità li tissupplixxi tali informazzjoni għandha tesiġi lill-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz li jirċievi l-informazzjoni biex iżżomm kunfidenzjali kwalunkwe sigriet kummerċjali, tan-negozju jew professjonali jew kwalunkwe proċess ta' kummerċ imsemmi fiha.

3.   Proċeduri simplifikati tan-notifika ta' qabel l-esportazzjoni jistgħu jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti fejn huma sodisfatti li dan mhux ser jirriżulta fi kwalunkwe riskju ta' devjazzjoni ta' sustanzi klassifikati. Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża biex jiġu ddeterminati tali proċeduri u biex jiġu stabbiliti kriterji komuni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti.

TAQSIMA 5

Awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni

Artikolu 12

1.   Esportazzjonijiet ta' sustanzi klassifikati li jeħtieġu dikjarazzjoni doganali, inklużi esportazzjonijiet ta' sustanzi klassifikati li jitilqu mit-territorju doganali tal-Komunità wara li jkunu nħażnu f'żona ħielsa taħt kontroll ta' tip I jew maħżen ħieles għal perijodu ta' mill-anqas 10 ijiem, għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni.

Fejn sustanzi klassifikati jkunu esportati mill-ġdid fi żmien 10 ijiem mid-data tat-tqegħid tagħhom taħt proċedura ta' sospensjoni jew taħt żona ħielsa taħt kontroll ta' tip II, m'għandhiex tkun meħtieġa awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni.

Madankollu, esportazzjonijiet ta' sustanzi klassifikati mniżżla fil-Kategorija 3 ta' l-Anness għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni biss meta notifiki ta' qabel l-esportazzjoni huma meħtieġa, jew meta dawn is-sustanzi jiġu esportati għal ċerti pajjiżi ta' destinazzjoni li għandhom jiġu ddeterminati b'konformità mal-proċedura tal-kumitat sabiex ikun żgurat livell xieraq ta' kontroll.

2.   Awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni għandhom jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn l-esportatur huwa stabbilt.

Artikolu 13

1.   L-applikazzjoni għal awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 għandha jkun fiha mill-anqas dawn li ġejjin:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-esportatur, l-importatur fil-pajjiż terz, kwalunkwe operatur ieħor involut fl-operazzjoni ta' esportazzjoni jew spedizzjoni, u d-destinatarju finali;

(b)

l-isem tas-sustanza klassifikata kif imniżżla fl-Anness, jew fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, isimha u l-kodiċi NM bi 8 numri u l-isem ta' kwalunkwe sustanza klassifikata, kif imniżżla fl-Anness, li tinsab fit-taħlita jew fil-prodott naturali;

(ċ)

il-kwantità u l-piż tas-sustanza klassifikata u, fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, il- kwantità, il-piż, u jekk disponibbli, il-perċentwali ta' kwalunkwe sustanza klassifikata li hemm fiha;

(d)

dettalji ta' l-arranġamenti tat-trasport, bħad-data prevista ta' dispaċċ, il-metodu tat- trasport, l-isem ta' l-uffiċċju doganali fejn id-dikjarazzjoni doganali għandha ssir u, fejn disponibbli f'dan l-istadju, l-identifikazzjoni tal-mezzi ta' trasport, itenerarju, punt ta' ħruġ previst mit-territorju doganali tal-Komunità u l-punt ta' dħul fil-pajjiż ta' importazzjoni;

(e)

fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17, kopja ta' l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni maħruġa mill-pajjiż ta' destinazzjoni; u

(f)

in-numru tal-liċenza jew reġistrazzjoni msemmi fl-Artikoli 6 u 7.

2.   Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandha tittieħed fi żmien perijodu ta' 15-il jum ta' xogħol mid-data li fiha l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-fajl huwa komplet.

Dak il-perijodu għandu jiġi estiż jekk, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jagħmlu aktar stħarriġ skond it-tieni subparagrafu ta' dak l-Artikolu.

Artikolu 14

1.   Jekk id-dettalji dwar l-itenerarju u l-mezzi ta' trasport mhumiex provduti fl-applikazzjoni, l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandha tiddikjara li l-operatur għandu jforni dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali ta' ħruġ jew awtoritajiet kompetenti oħrajn fil-punt ta' ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità qabel it-tluq fiżiku tal-konsenja. F'tali każijiet l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandha tkun annotata kif meħtieġ fil-ħin tal-ħruġ.

Fejn l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni hija ppreżentata lil uffiċċju doganali fi Stat Membru li mhux l-istess wieħed ta' l-awtorità ta' ħruġ, l-esportatur għandu, fuq talba, jagħmel disponibbli kwalunkwe traduzzjoni ċċertifikata ta' partijiet mill-informazzjoni jew ta' l-informazzjoni kollha fl-awtorizzazzjoni.

2.   L-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-uffiċċju doganali meta ssir d-dikjarazzjoni doganali, jew fin-nuqqas ta' dikjarazzjoni doganali, fl-uffiċċju doganli ta' ħruġ jew awtoritajiet kompetenti oħrajn fil-punt ta' ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità. L-awtorizzazzjoni għandha takkumpanja l-konsenja lill-pajjiż terz ta' destinazzjoni.

L-uffiċċju doganali ta' ħruġ jew awtoritajiet kompetenti oħrajn fil-punt ta' ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità għandhom idaħħlu d-dettalji meħtieġa msemmija fl-Artikolu 13(1)(d) fl-awtorizzazzjoni u jagħmlu t-timbru tagħhom fuqha.

Artikolu 15

Mingħajr preġudizzju għal miżuri adottati b'konformità ma' l-Artikolu 26(3), l-għoti ta' awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni għandu jiġi miċħud jekk:

(a)

dettalji fornuti b'konformità ma' l-Artikolu 13(1) mhumiex kompluti;

(b)

hemm raġunijiet tajba biex jiġi suspettat li d-dettalji fornuti b'konformità ma' l-Artikolu 13(1) huma foloz jew mhux korretti;

(ċ)

fil-każijiet msemmijin fl-Artikolu 17, huwa stabbilit li l-importazzjoni tas-sustanzi klassifikati ma ġietx awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' destinazzjoni, jew

(d)

hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li s-sustanzi in kwistjoni huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

Artikolu 16

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissospendu jew jirrevokaw awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni kull meta jkun hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li s-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

Artikolu 17

Kull meta, skond ftehim bejn il-Komunità u pajjiż terz, esportazzjonijiet m'għandhomx ikunu awtorizzati sakemm ma tkunx inħarġet awtorizzazzjoni ta' importazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak il-pajjiż terz għas-sustanzi in kwistjoni, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni operattiva miksuba minnu.

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jaċċertaw li tali awtorizzazzjoni ta' importazzjoni hija awtentika, jekk meħtieġ billi jitolbu konferma mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz.

Artikolu 18

Il-perijodu ta' validità ta' l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni li fih il-merkanzija kellha tiltaq mit-territorju Doganali tal-Komunità m'għandux jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-perijodu ta' validità jista' jiġi estiż, fuq talba.

Artikolu 19

Proċeduri simplifikati biex tingħata awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni jistgħu jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti meta huma sodisfatti li dan mhux ser jirriżulta f’xi riskju ta' devjazzjoni ta' sustanzi klassifikati. Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża biex jiġu ddeterminati tali proċeduri u biex jiġu stabbiliti kriterji komuni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti.

TAQSIMA 6

Awtorizzazzjoni ta' importazzjoni

Artikolu 20

Importazzjonijiet ta' sustanzi klassifikati elenkati fil-Kategorija 1 ta' l-Anness għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni ta' importazzjoni. Awtorizzazzjoni ta' importazzjoni tista' tingħata biss lil operatur stabbilit fil-Komunità. L-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandha toħroġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn l-esportatur huwa stabbilit.

Madankollu, fejn is-sustanzi msemmija fis-subparagrafu 1 jiġu maħtuta jew trasbordati, f'ħażna temporanja, maħżunin f'żona ħielsa taħt kontroll ta' tip I jew maħżen ħieles, jew mqiegħda fil-proċedura ta' transitu tal-Komunità, tali awtorizzazzjoni ta' importazzjoni m'għandhiex tkun meħtieġa.

Artikolu 21

1.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjonijiet ta' importazzjoni msemmija fl-Artikolu 20 għandha jkun fiha mill-anqas dawn li ġejjin:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-importatur, l-esportatur fil-pajjiż terz, kwalunkwe operatur ieħor involut u d-destinatarju finali;

(b)

l-isem tas-sustanza klassifikata kif imniżżla fl-Anness, jew fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, isimha u l-kodiċi NM bi 8 numri u l-isem tas-sustanza klassifikata, kif imniżżla fl- Anness, fit-taħlita jew fil-prodott naturali;

(ċ)

il-kwantità u l-piż tas-sustanza klassifikata u, fil-każ ta' taħlita jew prodott naturali, il-kwantità, il-piż, u jekk disponibbli, il-perċentwali ta' kwalunkwe sustanza klassifikata li hemm fiha;

(d)

jekk disponibbli, dettalji ta' l-arranġamenti ta' trasport, bħal metodi u mezzi ta' trasport, u data u post ta' attivitajiet previsti ta' importazzjoni, u

(e)

in-numru tal-liċenza jew reġistrazzjoni msemmi fl-Artikoli 6 u 7.

2.   Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandha tittieħed fi żmien perijodu ta' 15-il jum ta' xogħol mid-data li fiha l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l- fajl huwa komplet.

Artikolu 22

L-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandha takkumpanja l-konsenja mill-punt ta' dħul fit-territorju doganali tal-Komunità sa l-uffiċċji ta' l-importatur jew destinatarju finali.

L-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-uffiċċju doganali meta s-sustanzi klassifikati huma dikjarati għal proċedura doganali.

Fejn l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni hija ppreżentata lil uffiċċju doganali fi Stat Membru li mhux l-istess wieħed ta' l-awtorità ta' ħruġ, l-importatur għandu, fuq talba, jagħmel disponibbli kwalunkwe traduzzjoni ċċertifikata ta' partijiet mill-informazzjoni jew l-informazzjoni kollha fl-awtorizzazzjoni.

Artikolu 23

Mingħajr preġudizzju għal miżuri adottati b'konformità ma' l-Artikolu 26(3), l-għoti ta' awtorizzazzjoni ta' importazzjoni għandu jiġi miċħud jekk:

(a)

dettalji fornuti b'konformità ma' l-Artikolu 21(1) mhumiex kompluti;

(b)

hemm raġunijiet tajba biex jiġi suspettat li d-dettalji fornuti b'konformità ma' l-Artikolu 21(1) fl-applikazzjoni huma foloz jew mhux korretti, jew

(ċ)

hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li s-sustanzi klassifikati huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

Artikolu 24

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissospendu jew jirrevokaw l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni kull meta jkun hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li s-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

Artikolu 25

Il-perijodu ta' validità ta' l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni li fih is-sustanzi klassifikati ddaħħlu fit-territorju doganali tal-Komunità m'għandux jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni ta' importazzjoni. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-perijodu ta' validità jista' jiġi estiż, fuq talba.

KAPITOLU III

SETGĦAT TA' L-AWTORITAJIET KOMPETENTI

Artikolu 26

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 11 sa 25 u tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jipprojbixxu l-introduzzjoni ta' sustanzi klassifikati fit-territorju doganali tal-Komunità jew it-tluq tagħhom minnu, jekk hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li s-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu jew jissospendu r-rilaxx tas-sustanzi klassifikati għaż-żmien li huwa meħtieġ biex tiġi vverifikata l-identifikazzjoni tas-sustanzi klassifikati jew il-konformità mar-regoli ta' dan ir-Regolament.

3.   Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti biex, b'mod partikolari:

(a)

jiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe ordni għal jew operazzjonijiet li jinvolvu sustanzi klassifikati;

(b)

jidħlu fl-uffiċċji tan-negozju ta' l-operaturi sabiex tinkiseb evidenza dwar irregolaritajiet;

(ċ)

jistabbilixxu li twettqet devjazzjoni jew twettaq tentattiv ta' devjazzjoni ta' sustanzi klassifikati.

4.   Għall-għan li jipprevjenu riskji speċifiċi ta' devjazzjoni f'żoni ħielsa kif ukoll f'żoni sensittivi oħrajn bħal imħażen doganali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu applikati kontrolli effettivi għal operazzjonijiet li jitwettqu f'dawn iż-żoni f'kull stadju ta' dawn l-operazzjonijiet, u li l-kontrolli mhumiex inqas iebsin minn dawk applikati f'partijiet oħrajn tat-territorju doganali.

5.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu lill-operaturi biex iħallsu għall-ħruġ ta' liċenzi, reġistrazzjonijiet u awtorizazzjonijiet. Tali ħlasijiet għandhom isiru b'mod mhux diskriminatorju u m'għandhomx jaqbżu l-ispiża approssimattiva ta' l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni.

KAPITOLU IV

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 27

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 515/97 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-isem ta' l-awtoritajiet kompetenti maħtura biex jaġixxu bħala korrispondenti b'konformità ma' l-Artikolu 2(2) ta' dak ir-Regolament.

KAPITOLU V

MIŻURI TA' IMPLIMENTAZZJONI U EMENDI

Artikolu 28

Minbarra l-miżuri ta' implimentazzjoni msemmija f'dan ir-Regolament, il-Kumitat għandu jistabbilixxi, fejn meħtieġ, regoli dettaljati biex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv ta' kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi fi prekursuri ta' drogi għall-għan li jipprevjeni d-devjazzjoni ta' tali sustanzi, b'mod partikulari fir-rigward tad-disinn u l-użu ta' formoli għal awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni u importazzjoni.

Artikolu 29

Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża sabiex jiġi adattat l-Anness għal dan ir-Regolament, biex tiġi kkunsidrata kwalunkwe emenda għall-Anness għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 30

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tal-Prekursuri ta' Drogi (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.   Fejn qed issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur tad- dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 32

L-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru għandhom, ta' l-anqas darba kull sena, jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha relevanti dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' monitoraġġ stabbiliti f'dan ir-Regolament u dwar sustanzi klassifikati użati għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi u metodi ta' devjazzjoni u manifattura illeċita, u l-kummerċ, l-użi u l-ħtiġijiet leċiti tagħhom.

Abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, tevalwa l-effettività ta' dan ir-Regolament u, b'konformità ma' l-Artikolu 12 (12) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, tfassal rapport annwali li għandu jiġi ppreżentat lill-Bord Internazzjonali tal-Kontroll tan-Narkotiċi.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ dan ir-Regolament sa l-aħħar ta' Awissu 2008.

Artikolu 33

Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata biex tadotta pożizzjoni, f'isem il-Komunità, favur l-emendi tat-Tabelli I u II ta' l-Anness għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonformaw ma' l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 34

Ir-Regolament (KEE) Nru 3677/90 huwa rrevokat b’effett mit-18 ta’ Awwissu 2005.

Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 35

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-18 ta’ Awwissu 2005. Madankollu, l-Artikoli 6(1), 7(2), 8(2), 9(2), 11(1) u (3), 12(1), 19, 28 u 30 għandhom japplikaw sa mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament sabiex jippermettu l-adozzjoni tal-miżuri previsti f'dawk l-Artikoli. Tali miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ l-aktar kmieni fit-18 ta’ Awwissu 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Diċembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

C. VEERMAN

ANNESS

Sustanzi klassifikati Kategorija 1

Sustanza

Denominazzjoni NM

(jekk differenti)

Kodiċi NM (7)

Nru SAK (8)

1-Fenil-2-propanon

Fenilaċeton

2914 31 00

103-79-7

Aċidu N-aċetilantraniku

Aċidu 2-Aċetamidobenżojku

2924 23 00

89-52-1

Isosafrol (cis + trans)

 

2932 91 00

120-58-1

3,4-Metilendiossifenilpropan-2-on

1-(1,3-Benżodiossol-5-yl)propan-2-on

2932 92 00

4676-39-5

Piperonal

 

2932 93 00

120-57-0

Safrol

 

2932 94 00

94-59-7

Efedrin

 

2939 41 00

299-42-3

Pseudofedrin

 

2939 42 00

90-82-4

Norefedrin

 

ex 2939 49 00

14838-15-4

Ergometrin

 

2939 61 00

60-79-7

Ergotamin

 

2939 62 00

113-15-5

Aċidu liserġiku

 

2939 63 00

82-58-6

Il-forom stereoiżomeriċi tas-sustanzi mniżżla f'din il-Kategorija li mhumiex katina (9) kull meta l-preżenza ta' tali forom hija possibbli.

L-imluħa tas-sustanzi mniżżla f'din il-Kategorija kull meta l-preżenza ta' tali mluħa hija possibbli u li mhumiex l-imluħa ta' katina.


Kategorija 2

Sustanza

Denominazzjoni NM

(jekk differenti)

Kodiċi NM (10)

Nru SAK (11)

Anidride Aċetiku

 

2915 24 00

108-24-7

Aċidu fenilaċetiku

 

2916 34 00

103-82-2

Aċidu antraniliku

 

2922 43 00

118-92-3

Piperidin

 

2933 32 00

110-89-4

Permanganat tal-potassju

 

2841 61 00

7722-64-7

L-imluħa tas-sustanzi mniżżla f'din il-Kategorija kull meta l-preżenza ta' tali mluħa hija possibbli.


Kategorija 3

Sustanza

Denominazzjoni NM

(jekk differenti)

Kodiċi NM (12)

Nru SAK (13)

Aċidu idrokloriku

Klorur ta’ l-idroġenu

2806 10 00

7647-01-0

Aċidu sulforiku

 

2807 00 10

7664-93-9

Toluwen

 

2902 30 00

108-88-3

Etere etiliku

Etere dietiliku

2909 11 00

60-29-7

Aċetun

 

2914 11 00

67-64-1

Metiletilketon

Butanon

2914 12 00

78-93-3

L-imluħa tas-sustanzi mniżżla f'din il-Kategorija kull meta l-preżenza ta' tali mluħa hija possibbli u li mhumiex l-imluħa ta' aċidu idrokloriku u aċidu sulforiku.


(1)  ĠU L 326, 24.11.1990, p. 56.

(2)  ĠU L 357, 20.12.1990, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1232/2002 (ĠU L 180, 10.7.2002, p. 5).

(3)  ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 34).

(6)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(7)  ĠU L 290, 28.10.2002, p. 1.

(8)  In-Nru SAK “Chemical Abstracts Service Registry Number” huwa numru ta' identifikazzjoni uniku speċifiku għal kwalunkwe sustanza u għall-istruttura tagħha. In-Nru KAS huwa speċifiku għal kwalunkwe iżomeru u għal kwalunkwe melħ ta' kwalunkwe iżomeru. Għandu jiġi mifhum li n-Nri KAS għall-imluħa tas-sustanzi mniżżlin hawn fuq ser ikunu differenti minn dawk mogħtija.

(9)  Imsejħa wkoll (+)-norpseudoefedrin, Kodiċi NM 2939 43 00, Nru SAK 492-39-7.

(10)  ĠU L 290, 28.10.2002, p. 1.

(11)  In-Nru SAK “Numru tar-Reġistru tas-Servizz Astratt Kimiku” huwa numru ta' identifikazzjoni uniku speċifiku għal kull sustanza u għall-istruttura tagħha. In-Nru SAK huwa speċifiku għal kull iżomeru u għal kull melħ ta' kull iżomeru. Għandu jiġi mifhum li n-Nri SAK għall-imluħa tas-sustanzi mniżżlin hawn fuq ser ikunu differenti minn dawk mogħtija.

(12)  ĠU L 290, 28.10.2002, p. 1.

(13)  In-Nru SAK “Chemical Abstracts Service Registry Number” huwa numru ta' identifikazzjoni uniku speċifiku għal kwalunkwe sustanza u għall-istruttura tagħha. In-Nru KAS huwa speċifiku għal kwalunkwe iżomeru u għal kwalunkwe melħ ta' kwalunkwe iżomeru. Għandu jiġi mifhum li n-Nri KAS għall-imluħa tas-sustanzi mniżżlin hawn fuq ser ikunu differenti minn dawk mogħtija.


Top