EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005E0724

Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2005/724/PESK tas- 17 ta' Ottubru 2005 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2005/589/PESK

ĠU L 272, 18.10.2005, p. 26–27 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 173M, 27.6.2006, p. 17–18 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/724/oj

27.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

17


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/724/PESK

tas-17 ta' Ottubru 2005

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2005/589/PESK

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Lulju 2005 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/589/PESK (1), li testendi l-mandat tas-Sur Michael SAHLIN bħala r-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sal-15 ta' Novembru 2005.

(2)

Kien hemm qbil dwar il-ħatra tas-Sur Erwan FOUÉRÉ bħala r-Rappreżentant Speċjali l-ġdid ta' l-Unjoni Ewropea f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, mill-1 ta' Novembru 2005.

(3)

L-Azzjoni Konġunta 2005/589/PESK għandha tiġi mħassra.

(4)

Ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea sejjer jimplementa l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tkun ta' ħsara għall-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif esposti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Is-Sur Erwan FOUÉRÉ huwa maħtur bħala Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (EUSR) f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja mill-1 ta’ Novembru 2005 sat-28 ta’ Frar 2006.

Artikolu 2

Il-mandat ta' l-EUSR għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li għandu jkun il-kontribuzzjoni għat-tisħiħ tal-proċess politiku ta' paċi u l-implementazzjoni sħiħa tal-Ftehim Kwadru Ohrid, u b'hekk jiffaċilita aktar progress lejn l-integrazzjoni Ewropea permezz tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

L-EUSR għandu jappoġġa x-xogħol tar-Rappreżentant Għoli fir-reġjun.

Artikolu 3

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-politika, il-mandat ta’ l-EUSR għandu jkun li:

(a)

iżomm kuntatt mill-qrib mal-Gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mal-partijiet involuti fil-proċess politiku;

(b)

joffri l-parir u l-faċilitazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea fil-proċess politiku;

(ċ)

jiżgura koordinazzjoni ta' l-isforzi tal-komunità internazzjonali bħala għajnuna fl-implementazzjoni u għas-sostenibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kwadru tat-13 ta' Awissu 2001, kif esposti fil-Ftehim u fl-Annessi tiegħu;

(d)

isegwi mill-qrib u jirrapporta dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u dawk interetniċi u jżomm kollegament mal-korpi kollha relevanti għal dak il-għan;

(e)

jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPOL/Proxima), jiżgura koordinazzjoni bejn il-Missjoni tal-Pulizija u atturi oħra ta' l-UE, u jieħu r-responsabbiltà għar-relazzjonijiet bejn il-Missjoni tal-Pulizija u l-awtoritajiet tal-Parti ospitanti u l-medja;

(f)

flimkien mal-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija ta' EUPOL/Proxima u f'koordinazzjoni mal-Presidenza, jiddjaloga regolarment ma' l-awtoritajiet ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-progress ta' l-EUPOL/Proxima.

Artikolu 4

1.   L-EUSR għandu jkun responsabbli għall-implementazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tar-Rappreżentant Għoli. L-EUSR għandu jagħti rendikont ta’ kull infiq lill-Kummissjoni.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PSC) għandu jżomm kuntatt privileġġat ma’ l-EUSR u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju mal-Kunsill. Il-PSC għandu jipprovdi gwida strateġika u kontribut politiku lill-EUSR fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarju maħsub sabiex ikopri l-ispiża relatata mal-mandat ta' l-EUSR għandu jkun ta' EUR 215 000.

2.   L-infiq finanzjat bl-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-budget bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni ta’ l-infiq għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn l-EUSR u l-Kummissjoni.

4.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond il-każ, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 6

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jkunu disponibbli, l-EUSR għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistit mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jinforma lill-Presidenza u lill-Kummssjoni dwar il-kompożizzjoni finali tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu li jiġi sekondat persunal sabiex jaħdem ma’ l-EUSR. Ir-remunerazzjoni tal-persunal li jista’ jiġi sekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-EUSR għandha tiġi koperta mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea konċernati, rispettivament.

3.   Il-karigi kollha tat-tip A li ma jkunux koperti minn sekondament għandhom jiġu pubbliċizzati kif xieraq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u wkoll notifikati lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu reklutati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.

4.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni ta’ l-EUSR u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu s-sostenn kollu meħtieġ għal dan l-iskop.

Artikolu 7

Bħala regola, l-EUSR għandu jirrapporta personalment lir-Rappreżentant Għoli u lill-PSC u jista' jirrapporta wkoll lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti. Għandhom jiġu ċirkolati rapporti regolari bil-miktub lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-EUSR jista’ jirrapporta lill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni) fuq ir-rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli u tal-PSC.

Artikolu 8

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet ta’ l-EUSR għandhom jiġu koordinati ma’ dawk tar-Rappreżentant Għoli, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri. F'dan il-qasam, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza u mal-Kapijiet tal-Missjoni li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lill-EUSR fl-implementazzjoni tal-mandat. L-EUSR għandu jżomm ukoll kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra f’dan il-qasam.

Artikolu 9

L-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni Ewropea lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. L-EUSR għandu jippreżenta rapport komprensiv bil-miktub dwar l-implementazzjoni tal-mandat lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni xahrejn qabel ma jiskadi l-mandat. Ir-rapport għandu jservi bħala bażi għall-valutazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti u mill-PSC. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-insedjament, ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-PSC rigward id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

Artikolu 10

L-Azzjoni Konġunta 2005/589/PESK hija b'dan mħassra, b'effett mill-31 ta' Ottubru 2005.

Artikolu 11

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 12

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Maghmula fi Brussel, 17 ta' Ottubru 2005.

Ghall-Kunsill

Il-President

M. BECKETT


(1)  ĠU L 199, 29.7.2005, p. 103.


Top