Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R0620

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 620/2000 tat-23 ta’ Marzu 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1722/1999 rigward l-importazzjoni tal-qamħ durum u tal-fdalijiet ta’ ċerti ċereali li joriġinaw mill-Marokk

    ĠU L 75, 24.3.2000, p. 44–44 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/12/2011; Imħassar b' 32011R1230

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/620/oj

    32000R0620



    Official Journal L 075 , 24/03/2000 P. 0044 - 0044


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 620/2000

    tat-23 ta’ Marzu 2000

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1722/1999 rigward l-importazzjoni tal-qamħ durum u tal-fdalijiet ta’ ċerti ċereali li joriġinaw mill-Marokk

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1722/1999 tad-29 ta’ Lulju 1999 dwar l-importazzjoni ta’ nuħħala, fdalijiet tal-qamħ u fdalijiet oħra mit-tgħarbil, mit-tħin u minn xogħol ieħor fuq ċerti ċereali li joriġinaw mill-Algerija, il-Marokk, u l-Eġittu u l-importazzjoni ta’ qamħ durum li joriġina mill-Marokk [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

    Billi:

    (1) Il-vantaġġi mogħtija skond il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Marokk, fis-seħħ mill-1978, rigward l-importazzjoni ta’ nuħħala, fdalijiet tal-qamħ u qamħ durum kienu ġew implimentati bir-Regolament (KE) Nru 1722/1999.

    (2) Dak il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni qiegħed jinbidel, mill-1 ta’ Marzu 2000, mill-Ftehim Euro-Mediterranju ġdid li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom [2], fuq parti minnhom, u r-Renju tal-Marokk, fuq il-parti l oħra. Il-vantaġġi li joħrġu mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni ta’ qabel jiskadu f’dik id-data.

    (3) Ir-Regolament (KE) Nru 1722/1999 għandu għalhekk jiġi emendat sabiex titneħħa kull referenza għal prodotti li joriġinaw mill-Marokk.

    (4) Il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taċ-Ċereali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1722/1999 qiegħed b’hekk jiġi emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 1 qiegħed jinbidel b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 1

    Dan ir-regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni ta’ nuħħala, fdalijiet tal-qamħ u fdalijiet oħra mit-tgħarbil, tħin u xogħol ieħor fuq ċerti ċereali li joriġinaw mill-Algerija u mill-Eġittu."

    2. L-Artikolu 2 qiegħed jinbidel b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 2

    Id-dazji tad-dwana applikabbli fuq importazzjoni fil-Komunita ta’ nuħħala, fdalijiet tal-qamħ u fdalijiet oħra mit-tgħarbil, mit-tħin u minn xogħol ieħor fuq ċerti ċereali li jaqgħu fil-kodiċi NM minn 2302 30 10 sa’ 2302 40 90 u li jkunu joriġinaw mill-Algerija għandhom ikunu ta’ 40 % ta’ l-ammont stabbilit fit-Tariffa Doganali Komuni sussegwentement imnaqqas b’EUR 7,25 kull tunnellata metrika."

    3. L-Artikolu 4 qiegħed jinbidel b’dan li ġej:

    "L-Artikolu 4

    L-Artikoli 2 u 3 għandhom jgħoddu għall-importazzjoni kollha li dwarha l-importatur jista’ jagħti xhieda li imposta ta’ l-esportazzjoni tkun inġabret mill-Algerija jew mill-Eġittu kif approprjat skond l-Artikolu 21 tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni ma’ l-Algeria u l-Artikolu 20 tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni ma’ l-Eġittu."

    4. L-Artikolu 5 qiegħed jitħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li fih jiġi ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan għandu jibda jgħodd mill-1 ta’ Marzu 2000.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-23 ta’ Marzu 2000.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 203, tat-3.8.1999, p. 16.

    [2] ĠU L 70, tat-18.3.2000, p. 2.

    --------------------------------------------------

    Top