This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32000D0596
2000/596/EC: Council Decision of 28 September 2000 establishing a European Refugee Fund
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2000 li twaqqaf il-Fond Ewropew għar-Refuġjati
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2000 li twaqqaf il-Fond Ewropew għar-Refuġjati
ĠU L 252, 6.10.2000, p. 12–18
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2004
Official Journal L 252 , 06/10/2000 P. 0012 - 0018
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2000 li twaqqaf il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (2000/596/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistaBbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 63(2)(b) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2]; Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4], Billi: (1) It-tħejjija ta' politika komuni fuq il-kenn, inklużi l-arranġamenti komuni Ewropej għall-kenn hija parti kostitwenti ta' l-għan ta' l-Unjoni Ewropea biex gradwalment toħloq żona ta' ħelsien, sigurtà u ġustizzja miftuħa għal dawk li, sfurzati miċ-ċirkostanzi, b'mod leġittimu jfittxu protezzjoni fl-Unjoni Ewropea. (2) L-implimentazzjoni ta' din il-politika għandha tkun ibbażata fuq solidarjetà bejn l-Istati Membri u teħtieġ l-eżistenza ta' mekkaniżmi maħsuba għall-promozzjoni ta' bilanċ fl-isforzi magħmula mill-Istati Membri f'li jirċievu u jġorru l-konsegwenzi li jġibu magħhom ir-refuġjati u persuni oħra li ma jistgħux jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom. Għal dak il-għan, għandu jitwaqqaf Fond Ewropew għar-Refuġjati. (3) Huwa meħtieġ li jkunu appoġġjati l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex joffru kondizzjonijiet ta' laqgħa xierqa lir-refuġjati u l-persuni l-oħra li ma jistgħux ikunu ripatrijati lura f'pajjiżhom, inklużi proċeduri ta' kenn imparzjali u effettiv, biex ikunu protetti d-drittijiet tal-persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. (4) L-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà tal-pajjiż li fih dawn jistabbilixxu ruħhom hija waħda mill-għanijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u, għal dan il-għan, għandu jkun hemm appoġġ għall-azzjoni mill-Istati Membri maħsuba biex tippromwovi l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom, sakemm din tkun tagħti kontribuzzjoni għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, li ż-żamma u t-tisħiħ ta' dawn huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Komunità msemmi fl-Artikoli 2 u 3(1)(k) tat-Trattat. (5) Huwa fl-interessi kemm ta' l-Istati Membri u kemm tal-persuni kkonċernati li r-refuġjati u l-persuni li ma jistgħux ikunu ripatrijati lura f'pajjiżhom jitħallew jibqgħu jgħixu fil-konfini ta' l-Istati Membri billi jingħataw l-opportunità li jipprovdu għajxien billi jaħdmu. (6) Billi l-miżuri appoġġjati mill-Fondi Strutturali u miżuri oħra tal-Komunità fil-qasam ta' l-Edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mhumiex fihom infushom biżżejjed biex tavvanza din l-integrazzjoni, għandu jingħata appoġġ għal miżuri speċjali biex ir-refuġjati u l-persuni li ma jistgħux ikunu ripatrijati lura f'pajjiżhom jibbenfikaw b'mod sħiħ mill-programmi li jiġu organizzati. (7) Huwa meħtieġ appoġġ prattiku biex jinħolqu jew jitjiebu l-kondizzjonijiet li bihom ir-refuġjati u l-persuni li ma jkunux jistgħu jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata biex iħallu t-territorju ta'l-Istati Membri u jmorru lura lejn darhom, jekk huma jkunu jixtiequ hekk. (8) Għandhom jinstabu mezzi prattiċi biex tkun ittestjata azzjoni innovattiva f'dan il-qasam u l-iskambji bejn l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa bil-ħsieb li jkunu identifikati u mmexxija ‘il quddiem l-aktar prattiċi effettivi. (9) Għandha tittieħed konsiderazzjoni ta' l-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni ta'l-azzjoni konġunta tal-Kunsill 1999/290/JHA [5] fuq l-ilqugħ u r-ripatrijazzjoni volontarja tar-refuġjati, tal-persuni li ma jistgħux jerġgħu jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom u ta' dawk kollha li jfittxu kenn. (10) Kif stabbbilit mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu li nżammet f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, għandha titwaqqaf riżerva finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' emerġenza biex tingħata protezzjoni temporanja fil-każ ta' influss qawwi ta' refuġjati. (11) Huwa ġust li jkunu allokati riżorsi li jkunu fi proporzjon għall-piż li jkun hemm fuq kull wieħed mill-Istati Membri minħabba l-isforzi tiegħu fil-laqgħa ta' refuġjati u persuni li ma jistgħux jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom. (12) L-appoġġ provdut mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati għandu jkun aktar effiċjenti u mmirat aħjar jekk il-ko-finanzjar ta' azzjoni eliġibbli tkun ibbażata fuq talba minn kull Stat Membru, waqt li kull wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni u l-ħtiġiet tiegħu. (13) Biex jitħaffu u jkunu simplifikati aktar il-proċeduri ta' ko-finanzjar, ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu distinti minn dawk ta' l-Istati Membri. Għandha ssir, għalhekk, disposizzjoni għall-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat it-talbiet ta' l-Istati Membri għal ko-finanzjar, biex tadotta deċiżjonijiet dwar il-ko-finanzjar, waqt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tmexxija ta' l-azzjoni. (14) Din l-implimentazzjoni ta' azzjoni deċentralizzata mill-Istati Membri għandha tipprovdi garanziji biżżejjed dwar id-dettalji u l-kwalità ta' l-implimentazzjoni, ir-riżultati ta' l-azzjoni tagħhom u l-evalwazzjoni ta' din, kif ukoll dwar it-tmexxija finanzjarja tajba u s-sorveljanza ta' din. (15) Mezz wieħed ta' kif ikun żgurat li l-azzjoni tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati tkun effettiva hija dik ta' monitoraġġ effiċjenti. Il-kondizzjonijiet ta' dan il-monitoraġġ għandu jkun stabbilit. (16) Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltjiet tal-Kummissjoni għall-kontroll finanzjarju, il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan il-qasam għandha tkun stabbilita. (17) Ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għat-tkomplija u l-korrezzjoni ta' irregolaritajiet u ksur tar-regolamenti, u dik tal-Kummissjoni fejn l-Istati Membri ma josservawx l-obbligi tagħhom, għandha tkun speċifikata. (18) L-effettività u l-impatt ta' l-azzjoni appoġġjata mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati jiddependu wkoll fuq l-evalwazzjoni ta' din, u r-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, u l-arranġamenti biex tkun żgurata r-rabta fuq l-evalwazzjoni, għandhom ikunu stabbiliti. (19) L-azzjoni għandha tkun evalwata kull nofs terminu biex issir stima ta' l-impatt tagħha, u l-proċess ta' l-evalwazzjoni għandu jkun inkorporat fil-monitoraġġ ta' l-azzjoni. (20) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' implimentazzjoni ta' setgħat mogħtija lill-Kummissjoni [6]. (21) F'konformità mal-prinċipji tas-sussidju u l-proporzjonalità hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li tintwera solidarjetà bejn l-Istati Membri billi jinkiseb bilanċ fl-isforzi magħmula minn dawk l-Istati Membri fil-laqgħa ta' refuġjati u persuni li ma jistgħux jiġu ripatrijari lura f'pajjiżhom u fil-ġarr tal-piż tal-konsegwenzi ghal din l-azzjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala jew l-impatt ta'l-azzjoni, jintlaħqu aħjar mill-Komunità. Din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. (22) Din id-Deċiżjoni tapplika għar-Renju Unit u għall-Irlanda minħabba n-notifikazzjonijiet li huma kkomunikaw, f'konformità ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll fuq il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea. (23) Id-Danimarka, f'konformità ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, mhix se tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u għalhekk mhix marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: KAPITOLU I L-GĦANIJIET U D-DMIRIJIET Artikolu 1 It-twaqqif u l-għan tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati 1. Il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (minn issa ‘il quddiem imsejjaħ "il-Fond") għandu jitwaqqaf biex jappoġġja u jinkoraġġixxi l-isforzi magħmula mill-Istati Membri fil-laqgħa u l-ġarr tal-piż tal-konsegwenzi li jġibu magħhom ir-refuġjati u persuni li ma jistgħux jerġgħu jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom. 2. Il-Fond għandu jitħaddem mill-1 ta' Jannar 2000 sal-31 Diċembru 2004. Artikolu 2 Disposizzjonijiet Finanzjarji 1. L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun ta' 216 miljun Ewro. 2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità dwar l-estimi finanzjarji fi ħdan il-limiti tal-perspettiva finanzjarja. L-awtorità dwar l-estimi finanzjarji għandha talloka l-approprjazzjonijiet annwali bejn il-miżuri msemmija rispettivament fl-Artikoli 4 u 6 ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 3 Il-gruppi mmirati bl-azzjoni Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni l-gruppi mmirati għandhom jinkludu l-kategoriji li ġejjin: 1. kwalunkwe ċittadini minn pajjizi terzi jew persuni mingħajr stat li jkollhom l-istatus tagħhom definit bil-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u li jkunu awtorizzati jgħixu bħala refuġjati f'wieħed mill-Istati Membri; 2. kwalunkwe ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jgawdu xi forma ta' protezzjoni internazzjonali mogħtija minn Stat Membru f'konformità mal-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali tiegħu; 3. kwalunkwe ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jkunu applikaw għal waħda mill-forom ta' protezzjoni deskritti fil-ponti 1 u 2; 4. ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li qed jibbenfikaw minn arranġamenti ta' protezzjoni temporanja fi Stat Membru; 5. persuni li d-dritt tagħhom għall-protezzjoni temporanja jkun qed jiġi eżaminat fi Stat Membru. Artikolu 4 Il-Miżuri 1. Biex jintlaħaq l-għan deskritt fl-Artikolu 1 u fejn jikkonċerna l-kategoriji relevanti ta' persuni mniżżla fl-Artikolu 3, il-Fond għandu jappoġġja l-azzjoni ta' l-Istati Membri li tkun tikkonċerna: (a) il-kondizzjonijiet għal-laqgħa; (b) l-integrazzjoni tal-persuni li l-qagħda tagħhom fl-Istat Membru tkun ta' natura li tintemm u/jew stabbli; (ċ) ir-ripatrijazzjoni, sakemm il-persuni kkonċernati ma jkunux akkwistaw nazzjonalità ġdida u ma jkunux ħallew it-territorju nazzjonali ta' l-Istat Membru. 2. Fejn huma kkonċernati l-kondizzjonijiet għall-proċeduri tal-laqgħa u l-aċċess għall-kenn, l-azzjoni tista' tikkonċerna partikolarment l-infrastruttura u s-servizzi għall-akkomodazzjoni, il-provvista ta' għajnuna materjali, il-kura tas-saħħa, assistenza soċjali jew għajnuna fejn jidħlu formalitajiet amministrattivi u ġudizzjarji, inkluża għajnuna legali. Hawnhekk, jista' jkun hemm konsiderazzjoni għal bżonnijiet speċjali ta' l-iktar persuni li huma vulnerabbli. 3. Fejn għandha x'taqsam l-integrazzjoni fis-soċjetà ta' l-Istat Membru ta' residenza tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1(b) u l-membri tal-familji tagħhom, l-azzjoni tista' tkun tikkonsisti partikolarment fl-għoti ta' assistenza soċjali f'oqsma bħalma huma akkomodazzjoni, mezzi ta' sosteniment u kura tas-saħħa, jew biex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jsiru parti mis-soċjeta ta'l-Istat Membru jew ikunu jistgħu jaħsbu għal rashom. 4. Fejn għandha x'taqsam ir-ripatrijazzjoni, l-azzjoni tista' tkun tinkludi partikolarment informazzjoni u pariri dwar programmi volontarji u s-sitwazzjoni li jkun hemm fil-pajjiż tal-oriġini u/jew taħriġ ġenerali jew vokazzjonali kif ukoll għajnuna biex dawn ikunu jissetiljaw ruħhom mill-ġdid. Artikolu 5 L-Azzjoni tal-Komunità 1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, sa 5 % tar-riżorsi disponibbli tal-Fond jistgħu jintużaw biex tkun iffinanzjata azzjoni innovattiva jew azzjoni ta' interess għall-Komunità kollha, separata mill-azzjoni implementata mill-Istati Membri, inkluż studji, skambji ta' esperjenza u mezzi biex titmexxa ‘il quddiem koperazzjoni fuq livell ta' Komunità, kif ukoll stima ta'l-implimentazzjoni tal-miżuri u assistenza teknika. 2. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjonijiet sottomessi minn żewġ Stati Membri jew aktar bil-ħsieb li tkun implimentata b'mod konġunt azzjoni transnazzjonali. 3. Il-Fond jista' jipprovdi sa 100 % ta' l-iffinanzjar għal din l-azzjoni. Artikolu 6 Miżuri ta' emerġenza 1. B'deċiżjoni tal-Kunsill, li jaħdem unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Fond jista’ wkoll jintuża biex jiffinanzja miżuri ta' emerġenza, separati minn u f'żieda ma’ l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 4, biex jgħinu wieħed jew aktar jew l-Istati Membri kollha fl-eventwalità ta' influss qawwi f'daqqa ta' refuġjati u ta' persuni li ma jistgħux ikunu ripatrijati lura f'pajjiżhom, jew li kieku kien meħtieġ li tevakwahom minn pajjiżi terzi, partikolarment bħala risposta għas-sejħa minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva fuq il-protezzjoni temporanja, id-deċiżjoni tal-Kunsill li hemm ipprovduta fl-ewwel subparagrafu għandha tittieħed taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva msemmija. 2. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-Paragrafu 1, il-miżuri ta' emerġenza eliġibbli għandhom ikopru it-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin: (a) laqgħa u akkomodazzjoni; (b) disposizzjoni ta' mezzi ta' sosteniment, inkluż ikel u ħwejjeġ; (ċ) assistenza medika, psikoloġika jew oħrajn; (d) l-ispejjeż ta' l-istaff u dawk amministrattivi li jkunu ntefqu minħabba l-laqgħa ta' persuni u l-implimentazzjoni tal-miżuri; (e) spejjeż ta' loġistika u trasport. KAPITOLU II DISPOSIZZJONIJIET DETTALJATI Artikolu 7 L-Implimentazzjoni L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni appoġġjata mill-Fond. Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità responsabbli, li tkun tista' tikkontrolla l-komunikazzjoni kollha mal-Kummissjoni. Dik l-awtorità għandha tkun amministrazzjoni pubblika iżda tista' tiddelega r-responsabbiltajiet tagħha għall-implimentazzjoni lil xi amministrazzjoni pubblika oħra jew lil xi organizzazzjoni non-governattiva. Artikolu 8 Talbiet għal ko-finanzjament 1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kull sena, bi qbil ma' l-orarju stabbilit fl-Artikolu 11, talba għal ko-finanzjament għall-programm ta' l-implimentazzjoni tagħhom għas-sena kkunsidrata, li tiddeskrivi, kull wieħed mid-dominji msemmija fl-Artikolu 4: (a) is-sitwazzjoni fl-Istat Membru u l-kriterji li jiġġustifikaw l-implimentazzjoni tal-miżuri eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond; (b) l-azzjonijiet li l-Istat Membru beħsiebu jimplimenta, inkluż: (i) in-natura u l-għan tagħhom; (ii) ir-riżultati kwantifikati mistennija; (iii) l-ispiża tagħhom kif ukoll il-finanzjament mill-Istat Membru u, fejn ikun applikabbli, mill-organizzazzjoni(jiet) involuti. 2. Barra minnhekk, l-ewwel talba għal ko-finanzjament għandha tkun tinkludi deskrizzjoni tas-sistema mħaddma mill-Istati Membri biex: (a) tiżgura l-kordinament u l-konsistenza ta' l-azzjonijiet; (b) tagħżel proġetti u tiżgura li l-proċedura tkun waħda trasparenti; (ċ) tmexxi, tissorvelja, tivverifika u tevalwa l-proġetti. 3. It-talba għandu jkun fiha, għal kull aspett msemmi fil-paragrafi 1 u 2, informazzjoni dettaljata biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista' tivverifika li din tkun konformi mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u r-regoli finanzjarji fis-seħħ. Artikolu 9 Il-kriterji ta' l-għażla 1. L-Istati Membri għandu jkollhom ir-reponsabbilità esklussiva għall-għażla ta' proġetti individwali u għat-tmexxija finanzjarja u amminstrattiva tal-proġetti appoġġjati mill-Fond, b'konsiderazzjoni għall-politika tal-Komunità u għall-kriterji ta' l-eliġibilità. 2. Wara sejħa pubblika għall-proposti, il-proġetti, li għandhom ikunu ta' natura li ma jsirx qliegħ minn fuqhom, għandhom ikunu ppreżentati mill-awtoritajiet pubbliċi (nazzjonali, reġjonali jew lokali, ċentrali jew devoluti), istituzzjonijiet edukattivi jew ta' riċerka, ċentri ta' taħriġ, l-imsieħba soċjali, aġenziji tal-gvern, organizzazzjonijiet internazzjonali jew mhux governattivi, li jaħdmu individwalment jew bi sħab, bil-ħsieb li jiksbu għajnuna finanzjarja mill-Fond. 3. L-awtorità responsabbli għandha tagħżel proġetti fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin: (a) is-sitwazzjoni u l-kriterji fl-Istat Membru; (b) l-effettività tan-nefqa, fejn hu kkonċernat in-numru ta' persuni involuti fil-proġetti; (ċ) l-esperjenza, ħiliet speċjali, is-serħan fuq u l-kontribuzzjoni finanzjarja ta' l-organizzazzjonijiet li jkunu applikaw għall-għajnuna finanzjarja u kwalunkwe organizzazzjoni msieħba; (d) il-limitu li għalih il-proġetti jkunu jikkumplimentaw azzjoni oħra finanzjata mill-estimi finanzjarji tal-Komunità Ewropea jew bħala parti minn programmi nazzjonali. Artikolu 10 Id-Distribuzzjoni tar-riżorsi 1. Għas-snin 2000 sa 2004 kull Stat Membru għandu jirċiervi l-ammont fiss li ġej ta' l-allokazzjoni annwali tal-Fond Europew għar-Refuġjati: Għas-sena 2000: Ewro 500000 Għas-sena 2001: Ewro 400000 Għas-sena 2002: Ewro 300000 Għas-sena 2003: Ewro 200000 Għas-sena 2004: Ewro 100000 2. Il-bqija tar-riżorsi disponibbli għandhom jitqassmu proporzjonalment bejn l-Istati Membri kif ġej: (a) 65 % proporzjonalment għan-numru ta' persuni msemmija fl-Artikolu 3, il-punti 3, 4 u 5 li jkunu daħlu matul it-tliet snin ta' qabel; (b) 35 % proporzjonalment għan-numru ta' persuni li jkunu ġew inklużi f'waħda mill-kategoriji li hemm imsemmija fl-Artikolu 3, il-punti 1 u 2 matul it-tliet snin ta' qabel. 3. Il-figuri ta' referenza għandhom ikunu dawk l-iktar reċenti stabbiliti mill-Uffiċju ta' l-Istatistika tal-Komunità Ewropea. Artikolu 11 L-orarju 1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju ta' kull sena b'estimi ta' l-ammonti li għandhom ikunu allokati lilhom għas-sena ta' wara mill-ammonti totali allokati fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta' l-estimi finanzjarji annwali. 2. L-Istati Membri għandhom jissottomettu t-talba għal ko-finanzjar imsemmi fl-Artikolu 7 lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru ta' kull sena. 3. Il-Kummissjoni għandha tapprova t-talba għal ko-finanzjar fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tat-talba, waqt li tkun wettqet il-verifiki li hemm provduti fl-Artikolu 8(2). Artikolu 12 Assistenza teknika u amministrattiva Somma li ma tkunx teċċedi aktar minn 5 % ta' l-allokazzjoni totali ta' Stat Membru tista' tiġi mwarrba għall-assistenza teknika u amministrattiva fil-preparazzjoni, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni ta'l-azzjonijiet li jkun hemm taħt ir-reponsabbiltà tiegħu fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 7. KAPITOLU III DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI Artikolu 13 L-istruttura finanzjarja Għal kull miżura li tingħata, il-kontribuzzjoni mill-Fond m'għandhiex teċċedi aktar minn 50 % ta' l-ispiża kollha tal-miżura. Dak il-proporzjon jista' jiżdied sa 75 % fi Stati Membri koperti mill-Fond ta' Koeżjoni. Artikolu 14 Eliġibilità 1. L-ispiża m'hemmx għalfejn tkun ikkunsidrata bħala waħda eliġibbli għall-appoġġ tal-Fond jekk din fil-fatt tkun tħallset qabel id-data li fiha t-talba ta' l-Istat Membru għal ko-finanzjar tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni Dik id-data għandha tkun tikkostitwixxi l-punt tat-tluq għall-eliġibilità tan-nefqa. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli li jikkontrollaw l-eliġibilità tan-nefqa f'konformità mal-procedura msemmija fl-artikolu 21(2). Artikolu 15 Id-deċiżjoni fuq il-ko-finanzjar mill-Fond Wara li teżamina t-talba għal ko-finanzjar, il-Kummissjoni għandha, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), tadotta d-deċiżjoni fuq il-ko-finanzjar mill-Fond. Id-deċiżjoni għandha tagħti l-ammont allokat lill-Istat Membru. Artikolu 16 Rabtiet bilanċjali Ir-rabtiet bilanċjali tal-Komunità għandhom isiru fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ko-finanzjar. Artikolu 17 Il-Ħlasijiet 1. Il-pagamenti li jsiru mill-Kummissjoni bħala kontribuzzjoni mill-Fond għandhom isiru lil- awtorità responsabbli f'konformità mar-rabtiet bilanċjali li jikkorrispondu. 2. Hekk kif id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq il-kontribuzzjoni mill-Fond tkun ġiet adottata, pagament iniZjali, li jirrappreżenta 50 % ta' l-ammont, għandu jinGħata lill-Istat Membru għas-sena kkunsidrata. Pagamanet intermedju li jlaħħaq sa 30 % għandu jsir meta l-Istat Membru jiddikjara li hu fil-fatt nefaq nofs il-pagament inizjali. Il-bilanċ għandu jitħallas fi żmien tliet xhur mill-approvazzjoni tal-kontijiet sottomessi mill-Istat Membru u tar-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm. KAPITOLU IV VERIFIKI U EVALWAZZJONI Artikolu 18 Il-verifiki 1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni fit-twettiq ta' l-estimi finanzjarji ġenerali tal-komunità Ewropea, l-Istati Membri għandu jkollhom responsabbiltà mill-ewwel fil-kontroll finanzjarju ta' l-azzjoni. Għal dak l-iskop, il-miżuri li dawn jieħdu għandhom jinkludu: (a) il-verifika li l-arranġamenti tat-tmexxija u l-kontroll ikunu ġew stabbiliti u jkunu qed jiġu implimentati b'tali mod li jkun żgurat li l-fondi tal-Komunità jkunu qed jintużaw b'mod effiċjenti u korrett; (b) li jipprovdu lill-Kummissjoni b'deskrizzjoni ta' dawn l-arranġamenti; (ċ) li jkun żgurat li l-azzjoni titmexxa f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Komunità u li l-fondi li jkunu tqiegħdu għad-disposizzjoni tiegħu jkunu użati f'konformità mal-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja tajba; (d) li jiċċertifikaw li d-dikjarazzjonijiet tan-nefqa ppreżentata lill-Kummissjoni jkunu korretti u jiżguraw li dawn ikunu jirriżultaw minn sistemi ta' kalkoli bbażati fuq dokumenti ta' appoġġ li jivverifikaw dawn; (e) li jipprevjienu, jidentifikaw u jikkoreġu kwalunkwe irregolaritajiet, waqt li javżaw lill-Kummissjoni dwar dawn, f'konformità mar-regoli, u li jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċeduri legali u amministrattivi; (f) li jikkoperaw mal-Kummissjoni biex ikun żgurat li l-fondi tal-Komunità jkunu użati f'konformità mal-prinċipju ta' tmexxija finanzjarja tajba; (g) ikunu akkwistati mill-ġdid ammonti mitlufa bħala riżultat ta' xi irregolarità li tkun ġiet identifikata u, fejn ikun xieraq, jiċċarġjaw interessi fuq pagamenti li jkunu tħallsu tard. 2. Il-Kummissjoni, fir-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni ta' l-estimi finanzjarji ġenerali tal-komunità Ewropea, għandha tiżgura li l-Istati Membri jkollhom tmexxija u sistemi ta' kontroll li jaħdmu tajjeb u biex il-fondi tal-Komunità jkunu użati b'mod effiċjenti u tajjeb. Għal dak il-għan, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Qorti ta' l-Awdituri jew il-verifiki mwettqa mill-Istati Membri f'konformità mal-liġijiet nazzjonali, ir-regoli u d-disposizzjonijiet amministrattivi, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jew l-impjegati tagħha jistgħu, f'konformità ma' l-arranġamenti miftiehma ma' l- Istati Membri fil-qafas tal-koperazzjoni deskritta fil-paragarfu (1)(f), iwettqu verifiki fuq il-post, inklużi verifiki ta' kampjuni, fuq l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond u fuq it-tmexxija u s-sistemi ta' kontroll b'avviż b'ta' mil-lanqas ġurnata xogħol. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li din tikseb l-assistenza kollha meħtieġa. L-uffiċjali jew l-impjegati ta' l-Istat Membru konċernat jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-verifiki. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex iwettaq verifika fuq il-post biex jiżgura l-korrettezza ta' transazzjoni waħda jew aktar. L-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-verifiki. 3. Wara li jkunu ġew imtemma dawn il-verifiki, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-pagamenti intermedji fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: (a) Stat Membru ma jkunx qed jimplimenta l-azzjoni kif miftiehma fid-deċiżjoni ta' ko-finanzjar; jew (b) azzjoni sħiħa jew parti minnha tkun tiġġustifika la parti mill-ko-finanzjar mill-Fond u lanqas kollu. F'dawk il-każijiet, il-Kummissjoni għandha, waqt li tiddikjara r-raġunijiet tagħha, titlob li l-Istat Membru jissottometti l-kummenti tiegħu u, fejn ikun xieraq, iwettaq il-korrezzjonijiet fil-perjodu ta' żmien speċifikat. 4. Fl-aħħar tal-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, din tista', jekk ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet meħtieġa, u waqt li tikkunsidra kwalunkwe kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur biex: (a) tnaqqas il-pagamenti intermedji msemmija fl-Artikolu 17(2); jew (b) tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni kollha jew parti minnha tal-Fond għall-azzjoni kkunsidrata. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni li tagħmel jew (a) jew (b) il-pagamenti intermedji għandhom minnufih jieqfu milli jkunu sospiżi. Artikolu 19 Korrezzjonijiet finanzjarji 1. l-Istati Membri għandhom, l-ewwel, iġorru r-responsabbiltà li jinvestigaw kwalunkwe irregolaritajiet, waqt li jaħdmu fuq ix-xiehda ta' kwalunkwe tibdil kbir li jaffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni jew is-sorveljanza ta' azzjoni u biex isiru l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa. L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa ma' l-irregolarità individwali jew sistematika. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fit-tħassir tal-kontribuzzjoni kollha tal-Komunità jew inkella parti minnha. Il-fondi tal-Komunità li jitħallew b'dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru għal xi azzjoni fl-istess qasam kif imsemmi fl-Artikolu 4, f'konformità ma' l-arranġamenti li għandhom ikunu definiti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2). 2. Jekk, wara t-tkomplija tal-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li Stat Membru ma kienx konformi ma' l-obbligazzjonijiet tiegħu taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 18(3) u (4) għandu jkun jgħodd. 3. Kwalunkwe somma ta' flus irregolari u li għandha tintradd lura għandha titħallas mill-ġdid lill-Kummissjoni, flimkien ma' l- interessi minħabba l-ħlas li jkun sar tard. Artikolu 20 Sorveljanza u evalwazzjoni 1. F'kull Stat Membru l-awtorità responsabbli għandha tieħu kwalunkwe miżuri li huma meħtieġa biex tkun sorveljata u evalwata l-azzjoni. Għal dak l-għan, il-ftehim u l-kuntratti li dan jidħol fihom ma' organizzazzjonijiet biex iwettqu l-azzjoni għandu jkun fihom klawsoli li jitolbuhom jippreżentaw minn ta' lanqas rapport wieħed fis-sena li jagħti dettalji dwar il-progress li jkun sar dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni u l-kisba ta' l-għanijiet attribwiti għal din. Barra minnhekk, l-awtorità responsabbli għandu jkollha stima indipendenti ta' l-esekuzzjoni u l-effett ta' l-azzjonijiet implimentati. 2. Ta' kull sena l-awtorità responsabbli għandha tfassal rapport fil-qosor dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni li tkun qed titwettaq, li għandu jkun mehmuż mat-talba għal ko-finanzjar imsemmi fl-Artikolu 8. 3. Fi żmien sitt xhur min meta jkun skada ż-żmien iffissat fid-deċiżjoni tal-ko-finanzjar għall-esekuzzjoni tan-nefqa, l-awtorità responsabbli għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport finali li jkun jikkonsisti: (a) kontijiet finanzjarji u rapport fuq l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni f'konformità mar-regoli adottati mill-Kummissjoni bil-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2); (b) ir-rapport fuq l-istima msemmija fil-paragrafu 1. 4. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' nofs it-terminu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002 u rapport finali sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru 2005. KAPITOLU V IL-KUMITAT Artikolu 21 Il-Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura. 4. Il-Kumitat jista' jikkunsidra kwalunkwe domanda dwar din id-Deċiżjoni, imqajjem mill-President jew mir-rappreżentant ta' Stat Membru. KAPITOLU VI DISPOSIZZJONIJIET SPEĊJALI LI JIKKONĊERNAW MIŻURI TA' EMERĠENZA Artikolu 22 Disposizzjonijiet speċjali li jikkoċernaw miżuri ta' emerġenza 1. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu jgħoddu għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' emerġenza li hemm provduti fl-Artikolu 6. 2. L-għajununa finanzjarja mill-Fond għandu jkun limitat għal perjodu ta' sitt xhur u m'għandux jeċċedi aktar minn 80 % tan-nefqa ta' kull miżura. 3. L-Istat Membru jew l-Istati Membri affettwati minn influss qawwi kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) għandu (għandhom) jipprovdi(u) lill-Kummissjoni bi prospett tal-kriterji u pjan għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' emerġenza, inklużi deskrizzjoni tal-miżuri ppjanati u l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom. 4. Ir-riżorsi disponibbli għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri fuq il-bażi tan-numru ta' persuni li jkunu daħlu f'kull Stat Membru bħala parti mill-influss qawwi msemmi fl-Artikolu 6(1). 5. L-Artikolu 9 u l-Artikoli 18 sa 21 għandhom ikunu jgħoddu. KAPITOLU VII DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI Artikolu 23 Disposizzjonijiet transitorji B'deroga mill-Artikolu 11, l-orarju li ġej għandu jkun jgħodd għall-implimentazzjoni tas-snin finanzjarji 2000 sa 2001: - il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti stmati li għandhom ikunu allokati lilhom fil-ġurnata ta' wara li din id-Deċiżjoni tkun daħlet fis-seħħ. Jekk Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunità Ewropea ma jkollux s'issa l-istatistiċi kollha meħtieġa mill-Artikolu 10 il-figuri użati għandhom ikunu dawk provduti mill-Istati Membri; f'dak il-każ il-Kummissjoni għandha tadotta, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), ir-regoli għall-interpretazzjoni ta' l-istatistiċi mogħtija mill-Istati Membri, - l-Istati Membri għandhom jissottomettu t-talbiet għal ko-finanzjar imsemmi fl-Artikolu 8 lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-20 ta' Novembru 2000, - il-Kummissjoni għandha tapprova t-talbiet għal ko-finanzjar fi żmien tliet xhur ta' din is-sottomissjoni, wara verifika tad-dettalji li hemm provduti fl-Artikolu 8(2) u, fejn hi kkonċernata s-sena finanzjarja 2000, suġġett għall-approvazzjoni ta' l-approprijazzjonijiet għas-sena finanzjarja 2001, - b'deroga mill-Artikolu 14, in-nefqa li tkun attwalment tħallset bejn l-1 ta' Jannar 2000 u d-data ta' meta jiskadi ż-żmien iffissat fid-deċiżjoni li tippermetti l-ko-finanzjar tista' tkun eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond. KAPITOLU VIII DISPOSIZZJONIJIET FINALI Artikolu 24 L-Implimentazzjoni 1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. 2. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta kwalunkwe disposizzjonijiet oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2). Artikolu 25 Klawsola ta' reviżjoni Il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2004. Artikolu 26 Id-Destinatarji Dan id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-28 ta' Settembru 2000. Għall-Kunsill Il-President D. Vaillant [1] ĠU C 116 E, tas-26.4.2000, p. 72. [2] L-Opinjoni mogħtija fil-11 ta' April 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU C 168, tas-16.6.2000, p. 20. [4] L-Opinjoni mogħtija fil-15 ta' Ġunju 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [5] ĠU L 114, ta' l-1.5.1999, p. 2. [6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. --------------------------------------------------