This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22022A0323(09)
International Agreement between the European Union, of the one part, and the Republic of North Macedonia, of the other part, on the participation of North Macedonia in the Union programme Horizon Europe – the Framework Programme for Research and Innovation
Ftehim Internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq fil-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
Ftehim Internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq fil-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
C/2021/8483
ĠU L 95, 23.3.2022, p. 126–142
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/323(9)/oj
23.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 95/126 |
FTEHIM INTERNAZZJONALI
bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq fil-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”), f’isem l-Unjoni Ewropea,
minn naħa waħda,
u
l-Gvern tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Maċedonja ta’ Fuq”),
min-naħa l-oħra,
minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,
BILLI l-Protokoll tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta’ Fuq fi programmi Komunitarji (1) jistipula li t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq f’kull programm speċifiku, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli, għandhom jiġu ddeterminati bi ftehim f’forma ta’ Memorandum ta’ Qbil (2), bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Maċedonja ta’ Fuq;
BILLI l-programm tal-Unjoni Ewropea Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm Orizzont Ewropa”);
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-isforzi tal-Unjoni Ewropea sabiex tmexxi r-rispons billi tgħaqqad il-forzi mas-sħab internazzjonali tagħha sabiex tindirizza l-isfidi globali f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni għan-nies, għall-pjaneta u għall-prosperità fl-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti “Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, u billi tirrikonoxxi li r-Riċerka u l-Innovazzjoni huma għodod ewlenin u essenzjali għat-tkabbir sostenibbli mmexxi mill-innovazzjoni, għall-kompetittività ekonomika u għall-attraenza;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-prinċipji ġenerali kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/695;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-objettivi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka mġedda sabiex tinbena żona xjentifika u teknoloġika komuni, jinħoloq suq uniku għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, jitrawmu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-iskambju tal-aħjar prattiki u karrieri attraenti fir-riċerka, jiffaċilitaw il-mobbiltà transfruntiera u transsettorjali tar-riċerkaturi, jitrawmu l-moviment liberu tal-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni, jiġu promossi r-rispett tal-libertà akkademika u l-libertà tar-riċerka xjentifika, jiġu appoġġati l-edukazzjoni xjentifika u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, u jiġu mħeġġa l-kompetittività u l-attraenza tal-ekonomiji parteċipanti, u li l-pajjiżi assoċjati jkunu sħab ewlenin f’dan l-isforz;
FILWAQT LI JENFASSIZZAW ir-rwol tas-Sħubijiet Ewropej li jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi urġenti tal-Ewropa permezz ta’ inizjattivi miftiehma ta’ riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal dawk il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li jeħtieġu viżjoni kritika tal-massa u fit-tul u l-importanza tal-involviment ta’ pajjiżi assoċjati f’dawk is-Sħubijiet;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-riċerka u l-innovazzjoni kienu strumentali fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent għall-kooperazzjoni u l-finanzjament tal-proġetti konġunti tar-riċerka u tal-innovazzjoni li jippermettu l-aċċess reċiproku għall-eċċellenza, għall-għarfien, għall-innovazzjoni, għan-network u għar-riżorsi tar-riċerka. Dawn ipprovdew opportunitajiet ta’ valur għall-iżvilupp tal-bniedem, filwaqt li jamplifikaw il-possibbiltajiet ta’ suċċess biex jinstabu soluzzjonijiet konġunti għall-isfidi reġjonali u globali.
FILWAQT LI JFITTXU li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ vantaġġ reċiproku sabiex joħolqu impjiegi deċenti, isaħħu u jappoġġaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni tal-Partijiet billi jgħinu lill-intrapriżi jinnovaw u jespandu fis-swieq tal-Partijiet u jiffaċilitaw l-adozzjoni kif ukoll l-użu u l-aċċessibbiltà tal-innovazzjoni, inklużi l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet;
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-parteċipazzjoni reċiproka fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ xulxin jenħtieġ li tipprovdi benefiċċji reċiproċi; filwaqt li jirrikonoxxu li l-Partijiet jirriżervaw id-dritt tagħhom li jillimitaw jew li jikkundizzjonaw il-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-għanijiet komuni, il-valuri u r-rabtiet b’saħħithom tal-Partijiet fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, stabbiliti fil-passat permezz tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni għall-Programmi Qafas sussegwenti, u filwaqt li jirrikonoxxu x-xewqa komuni tal-Partijiet li jiżviluppaw, li jsaħħu, li jistimulaw u li jestendu aktar ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom fih,
QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni tal-assoċjazzjoni
1. Il-Maċedonja ta’ Fuq għandha tipparteċipa bħala pajjiż assoċjat fil-Programm Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (il-Programm Orizzont Ewropa) u tikkontribwixxi għall-partijiet kollha tiegħu msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/695 u implimentat permezz tal-programm speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2021/764 (4), fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom, u permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.
Artikolu 2
Termini u kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-Programm Orizzont Ewropa
1. Il-Maċedonja ta’ Fuq għandha tipparteċipa fil-Programm Orizzont Ewropa f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, minn naħa, u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fi programmi Komunitarji, u skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim, fl-atti legali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll fi kwalunkwe regola oħra li għandha x’taqsam mal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, fl-aktar verżjonijiet aġġornati tagħhom.
2. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq jistgħu jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti tal-Programm Orizzont Ewropa skont kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għall-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea (7).
3. Qabel ma jiġi deċiż dwar jekk l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq humiex eliġibbli sabiex jipparteċipaw f’azzjoni relatata mal-assi strateġiċi, l-interessi, is-sigurtà jew l-awtonomija tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni jew assigurazzjonijiet speċifiċi, bħal:
a) |
informazzjoni dwar jekk ingħatax jew huwiex se jingħata aċċess reċiproku lill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea għal programmi, miżuri, proġetti, istrumenti jew partijiet minnhom eżistenti u ppjanati tal-Maċedonja ta’ Fuq ekwivalenti għall-azzjoni kkonċernata ta’ Orizzont Ewropa; |
b) |
informazzjoni dwar jekk il-Maċedonja ta’ Fuq għandhiex fis-seħħ mekkaniżmu nazzjonali ta’ skrinjar ta’ investimenti u ta’ assigurazzjonijiet li jiggarantixxu li l-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq se jirrapportaw u se jikkonsultaw lill-Kummissjoni kull darba li, permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, isiru konxji li entità ġuridika tal-Maċedonja ta’ Fuq tkun involuta f’investiment/akkwiżizzjoni barrani/ja ppjanat/a minn entità stabbilita fil-Maċedonja ta’ Fuq jew ikkontrollata minnha, ladarba din l-entità ġuridika tal-Maċedonja ta’ Fuq tkun irċeviet finanzjament minn Orizzont Ewropa f’azzjonijiet relatati mal-assi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà strateġiċi tal-Unjoni Ewropea, dment li l-Kummissjoni tforni lill-Maċedonja ta’ Fuq bil-lista tal-entitajiet ġuridiċi rilevanti stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq wara l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotja ma’ dawn l-entitajiet; u |
c) |
assigurazzjonijiet li l-ebda wieħed mir-riżultati, mit-teknoloġiji, mis-servizzi u mill-prodotti żviluppati taħt l-azzjonijiet ikkonċernati mill-entitajiet stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq ma għandu jkun soġġett għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tagħhom lejn l-Istati Membri tal-UE matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara t-tmiem tal-azzjoni. Il-Maċedonja ta’ Fuq se tikkondividi lista aġġornata ta’ suġġetti ta’ restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni fuq bażi annwali, matul l-azzjoni u għal erba’ snin wara t-tmiem tal-azzjoni. |
4. L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq jistgħu jipparteċipaw fl- attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) skont it-termini u l-kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunux meħtieġa limitazzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-ambitu tal-parteċipazzjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.
5. Meta l-Unjoni Ewropea timplimenta l-Programm Orizzont Ewropa permezz tal-applikazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-entitajiet ġuridiċi tal-Maċedonja ta’ Fuq jistgħu jipparteċipaw fl-istrutturi legali maħluqa skont dawk id-dispożizzjonijiet, f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni Ewropea li ġew adottati jew li se jiġu adottati għall-istabbiliment ta’ dawk l-istrutturi legali.
6. Ir-rappreżentanti tal-Maċedonja ta’ Fuq għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764, mingħajr drittijiet tal-vot u għal punti li jikkonċernaw lill-Maċedonja ta’ Fuq.
Fil-ħin tal-votazzjoni, dawn il-kumitati għandhom jiltaqgħu mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti tal-Maċedonja ta’ Fuq. Il-Maċedonja ta’ Fuq għandha tkun informata bir-riżultat.
Il-parteċipazzjoni kif jirriferi għaliha dan il-paragrafu għandha tieħu l-istess forma, inklużi l-proċeduri dwar kif tasal l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni, bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
7. Id-drittijiet tal-Maċedonja ta’ Fuq għar-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u s-sottogruppi tiegħu għandhom ikunu dawk applikabbli għall-pajjiżi assoċjati.
8. Ir-rappreżentanti tal-Maċedonja ta’ Fuq għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC, mingħajr drittijiet tal-vot. Soġġetta għal dik il-kundizzjoni, tali parteċipazzjoni għandha tkun irregolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-drittijiet tal-kelma u l-proċeduri għar-riċeviment ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni fir-rigward ta’ punt li jikkonċerna lill-Maċedonja ta’ Fuq.
9. Il-Maċedonja ta’ Fuq tista’ tipparteċipa f’Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 (8), fl-aktar verżjoni aġġornata tiegħu, u mal-att legali li jistabbilixxi l-ERIC.
10. Il-kostijiet tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż tas-sussistenza mġarrba mir-rappreżentanti u l-esperti tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom bħala osservaturi fil-ħidma tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764, jew f’laqgħat oħrajn marbutin mal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, għandhom jiġu rimborżati mill-Unjoni Ewropea fuq l-istess bażi u f’konformità mal-istess proċeduri fis-seħħ bħal fil-każ tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
11. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet eżistenti, sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu u r-residenza tax-xjenzati li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti b’dan il-Ftehim u sabiex ikun iffaċilitat il-moviment transfruntier tal-oġġetti u tas-servizzi maħsubin sabiex jintużaw f’dawn l-attivitajiet.
12. Il-Maċedonja ta’ Fuq għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, kif xieraq, sabiex tiżgura li l-oġġetti u s-servizzi, mixtrija fil-Maċedonja ta’ Fuq jew importati lejn il-Maċedonja ta’ Fuq, li huma parzjalment jew kompletament iffinanzjati skont il-ftehimiet ta’ għotja u/jew il-kuntratti konklużi għat-twettiq tal-attivitajiet f’konformità ma’ dan il-Ftehim, huma eżentati mid-dazji doganali, mid-dazji fuq l-importazzjoni u minn imposti fiskali oħrajn, inkluż il-VAT, li huma applikabbli fil-Maċedonja ta’ Fuq.
Artikolu 3
Kontribuzzjoni finanzjarja
1. Il-parteċipazzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq jew tal-entitajiet ġuridiċi tal-Maċedonja ta’ Fuq fil-Programm Orizzont Ewropa għandha tkun soġġetta għall-Maċedonja ta’ Fuq li tikkontribwixxi finanzjarjament għall-Programm u l-kostijiet relatati tal-ġestjoni, l-eżekuzzjoni u l-operazzjoni fil-qafas tal- baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“baġit tal-Unjoni”).
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma tas-somma ta’:
a) |
kontribuzzjoni operazzjonali; u |
b) |
tariffa ta’ parteċipazzjoni. |
3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali li jsir f’pagament parzjali wieħed, u għandha tkun dovuta sa mhux aktar tard minn Mejju.
4. Il-kontribuzzjoni operazzjonali għandha tkopri n-nefqa operazzjonali u ta’ appoġġ tal-Programm u tkun addizzjonali kemm fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll f’dawk ta’ pagament għall-ammonti mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottat b’mod definittiv għall-Programm Orizzont Ewropa, inkluż kwalunkwe approprjazzjoni li tikkorrispondi għad-diżimpenji li jsiru disponibbli għal darb’oħra kif imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), fl-aktar verżjoni aġġornata tiegħu (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), u miżjuda bi dħul assenjat estern li ma jirriżultax minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-Programm Orizzont Ewropa minn donaturi (10) oħrajn.
Għad-dħul assenjat estern allokat għall-Programm Orizzont Ewropa skont l-Artikolu 3.1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 li jistabbilixxi strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (11), din iż-żieda għandha tikkorrispondi għall-approprjazzjonijiet annwali indikati fid-dokumenti li jakkumpanjaw l-Abbozz tal-Baġit fir-rigward tal-Programm Orizzont Ewropa.
5. Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għandha tkun ibbażata fuq koeffiċjent tal-kontribuzzjoni definit bħala l-proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Maċedonja ta’ Fuq bil-prezzijiet tas-suq mal-PDG tal-Unjoni Ewropea bil-prezzijiet tas-suq. Il-PDG bil-prezzijiet tas-suq li għandhom jiġu applikati għandhom jiġu ddeterminati mis-servizzi ddedikati tal-Kummissjoni abbażi tal-aktar data statistika reċenti disponibbli għall-kalkoli tal-baġit fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha huwa dovut il-pagament annwali. B’deroga, għall-2021, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għandha tkun ibbażata fuq il-PDG tas-sena 2019 bil-prezzijiet tas-suq. L-aġġustamenti tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni huma stabbiliti fl-Anness I.
6. Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għandha tiġi kkalkolata bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni, kif aġġustat, mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn inizjali mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni Ewropea adottat b’mod definittiv għas-sena applikabbli għall-finanzjament tal-Programm Orizzont Ewropa, miżjud f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
7. It-tariffa ta’parteċipazzjoni għandha tkun ta’ 4 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali annwali kif ikkalkolata f’konformità mal-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu u għandha tiddaħħal gradwalment kif stabbilit fl-Anness I. It-tariffa tal-parteċipazzjoni ma għandhiex tkun soġġetta għal aġġustamenti jew korrezzjonijiet retrospettivi.
8. Il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali għal sena N tista’ tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel b’mod retrospettiv f’sena sussegwenti waħda jew aktar fuq il-bażi tal-impenji baġitarji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ dik is-sena N, miżjuda f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ impenji legali u d-diżimpenji tagħhom. Id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu jinsabu fl-Anness I.
9. L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lill-Maċedonja ta’ Fuq b’informazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha kif inkluża fl-informazzjoni relatata mal-baġit, il-kontabbiltà, il-prestazzjoni u l-evalwazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet baġitarji u tal-kwittanza tal-Unjoni Ewropea dwar il-Programm Orizzont Ewropa. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b’kunsiderazzjoni dovuta għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data tal-Unjoni Ewropea u tal-Maċedonja ta’ Fuq u għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni li l-Maċedonja ta’ Fuq hija intitolata li tirċievi skont l-Anness III.
10. Il-kontribuzzjonijiet kollha tal-Maċedonja ta’ Fuq jew il-pagamenti mill-Unjoni Ewropea, u l-kalkolu tal-ammonti dovuti jew li għandhom jiġu riċevuti għandhom isiru f’euro.
Artikolu 4
Mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika
1. Għandu japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika tal-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tal-Maċedonja ta’ Fuq għas-sena N, kif aġġustat f’konformità mal-Artikolu 3(8), u għandu jiġi kkalkolat fis-sena N+2. Dan għandu jkun abbażi tal-prestazzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq u tal-entitajiet ġuridiċi tal-Maċedonja ta’ Fuq fil-partijiet tal-Programm Orizzont Ewropa li huma implimentati permezz ta’ għotjiet kompetittivi ffinanzjati minn approprjazzjonijiet ta’ impenn mis-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4).
L-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-differenza bejn:
a) |
l-ammonti inizjali tal-impenji legali għal għotjiet kompetittivi li fil-fatt daħlu għalihom il-Maċedonja ta’ Fuq jew l-entitajiet ġuridiċi tal-Maċedonja ta’ Fuq iffinanzjati minn approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4); u |
b) |
il-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti tas-sena N imħallsa mill-Maċedonja ta’ Fuq kif aġġustata skont l-Artikolu 3(8), esklużi l-kostijiet mhux ta’ intervent iffinanzjati mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn mis-sena N, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4). |
2. Meta l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, kemm jekk dak l-ammont huwa pożittiv kif ukoll jekk huwa negattiv, jaqbeż it-8 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali korrispondenti kif aġġustata skont l-Artikolu 3(8), il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tal-Maċedonja ta’ Fuq għas-sena N għandha tiġi kkoreġuta. L-ammont dovut mill-Maċedonja ta’ Fuq jew li għandu jiġi riċevut minnha bħala kontribuzzjoni jew tnaqqis addizzjonali tal-kontribuzzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika għandu jkun l-ammont li jaqbeż dan il-limitu ta’ 8 %. L-ammont taħt dan il-limitu ta’ 8 % mhux se jitqies fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni addizzjonali dovuta jew ikkumpensata.
3. Ir-regoli dettaljati dwar il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika huma stabbiliti fl-Anness I.
Artikolu 5
Reċiproċità
1. L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea jistgħu jipparteċipaw fi programmi, miżuri, proġetti, strumenti jew partijiet minnhom tal-Maċedonja ta’ Fuq ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa, f’konformità mar-regolamenti leġiżlattivi interni tal-Maċedonja ta’ Fuq.
2. Il-lista mhux eżawrjenti tal-programmi, tal-miżuri, tal-proġetti, tal-istrumenti jew ta’ partijiet minnhom tal-Maċedonja ta’ Fuq hija pprovduta fl-Anness II.
3. Il-finanzjament ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea permezz tal-Maċedonja ta’ Fuq għandu jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq li tirregola l-operazzjoni tal-programmi, tal-miżuri, tal-proġetti, tal-istrumenti jew ta’ partijiet minnhom fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Meta ma jkunx ipprovdut finanzjament, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipparteċipaw bil-mezzi tagħhom stess.
Artikolu 6
Xjenza Miftuħa
Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jinkoraġġixxu b’mod reċiproku il-prattiki tax-xjenza miftuħa fil-programmi, fil-miżuri, fil-proġetti u fl-istrumenti tagħhom f’konformità mar-regoli tal-Programm Orizzont Ewropa u r-regolamenti leġiżlattivi interni tal-Maċedonja ta’ Fuq.
Artikolu 7
Monitoraġġ, Evalwazzjoni u Rapportar
1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, il-parteċipazzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq f’dak il-Programm għandha tiġi mmonitorjata kontinwament fuq bażi ta’ sħubija li tinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Maċedonja ta’ Fuq.
2. Ir-regoli dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba, inklużi l-kontroll finanzjarju, l-irkupru u miżuri oħrajn ta’ kontra l-frodi fir-rigward tal-finanzjament tal-Unjoni Ewropea skont dan il-Ftehim huma stabbiliti fl-Anness III.
Artikolu 8
Kumitat Konġunt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni UE-Maċedonja ta’ Fuq
1. Il-Kumitat Konġunt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni UE-Maċedonja ta’ Fuq huwa b’dan stabbilit (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Kumitat Konġunt UE-Maċedonja ta’ Fuq”). Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt UE-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jinkludu:
a) |
il-valutazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari:
|
b) |
id-diskussjoni fuq talba ta’ kwalunkwe Parti fuq restrizzjonijiet applikati jew ippjanati mill-Partijiet dwar l-aċċess għall-programmi rispettivi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni, inkluż b’mod partikolari għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tagħhom; |
c) |
l-eżami ta’ kif tista’ tittejjeb u tiġi żviluppata l-kooperazzjoni; |
d) |
id-diskussjoni b’mod konġunt tal-orjentazzjonijiet u tal-prijoritajiet futuri tal-politiki relatati mar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-ippjanar tar-riċerka ta’ interess komuni; u |
e) |
l-iskambju ta’ informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar leġiżlazzjoni, deċiżjonijiet jew programmi nazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni ġodda li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. |
2. Il-Kumitat Konġunt UE-Maċedonja ta’ Fuq, li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Maċedonja ta’ Fuq, għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.
3. Il-Kumitat Konġunt UE-Maċedonja ta’ Fuq jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe grupp ta’ ħidma/korp konsultattiv fuq bażi ad hoc fil-livell ta’ esperti, li jista’ jassisti fit-twettiq tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
4. Il-Kumitat Konġunt UE-Maċedonja ta’ Fuq għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena, u, kull meta ċirkostanzi speċjali jirrikjedu dan, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom jiġu organizzati u ospitati b’mod alternat mill-Unjoni Ewropea u mill-Awtorità Nazzjonali responsabbli tal-Maċedonja ta’ Fuq.
5. Il-Kumitat Konġunt UE-Maċedonja ta’ Fuq għandu jaħdem fuq bażi kontinwa permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni rilevanti bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni/prestazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi tal-Maċedonja ta’ Fuq. Il-Kumitat Konġunt UE-Maċedonja ta’ Fuq jista’ jwettaq b’mod partikolari l-kompiti tiegħu bil-miktub kull meta tinqala’ l-ħtieġa.
Artikolu 9
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak il-għan.
2. Dan il-Ftehim għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ għall-proġetti, l-azzjonijiet, l-attivitajiet jew partijiet minnhom kollha ffinanzjati mill-Programm Orizzont Ewropa, l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi finanzjarji kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim bejn il-Partijiet li għandhom jitlestew.
3. L-Unjoni Ewropea u l-Maċedonja ta’ Fuq jistgħu japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju f’konformità mal-proċeduri u l-leġiżlazzjoni interni rispettivi tagħhom. L-applikazzjoni provviżorja għandha tibda fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak il-għan.
4. Jekk il-Maċedonja ta’ Fuq tinnotifika lill-Kummissjoni li taġixxi f’isem l-Unjoni Ewropea li ma hijiex se tlesti l-proċeduri interni tagħha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, dan il-Ftehim ma għandux jibqa’ japplika b’mod provviżorju fid-data tal-wasla ta’ din in-notifika mill-Kummissjoni, li għandha tikkostitwixxi d-data ta’ waqfien għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.
5. L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi sospiża mill-Unjoni Ewropea f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament parzjali jew sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mill-Maċedonja ta’ Fuq skont dan il-Ftehim.
F’każ ta’ nuqqas ta’ pagament li jista’ jipperikola b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira. Meta ma jsir l-ebda pagament fi żmien 20 jum tax-xogħol wara l-ittra formali ta’ tfakkira, is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi nnotifikata mill-Kummissjoni lill-Maċedonja ta’ Fuq permezz ta’ ittra formali ta’ notifika li għandha tidħol fis-seħħ 15-il jum wara l-wasla ta’ din in-notifika mill-Maċedonja ta’ Fuq.
F’każ li l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tiġi sospiża, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq ma għandhomx ikunu eliġibbli li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti li jkunu għadhom ma tlestewx meta tidħol fis-seħħ is-sospensjoni. Proċedura ta’ għoti għandha titqies bħala kompluta meta jkunu saru impenji legali bħala riżultat ta’ dik il-proċedura.
Is-sospensjoni ma taffettwax l-impenji legali konklużi mal-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq qabel ma tkun daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Dan il-Ftehim għandu jkompli japplika għal tali impenji legali.
L-Unjoni Ewropea għandha tinnotifika minnufih lill-Maċedonja ta’ Fuq ladarba l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta jkun wasal għand l-Unjoni Ewropea. Is-sospensjoni għandha titneħħa b’effett immedjat malli ssir din in-notifika.
Mid-data meta titneħħa s-sospensjoni, l-entitajiet ġuridiċi tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jerġgħu jkunu eliġibbli fi proċeduri ta’ għoti mnedija wara din id-data u fi proċeduri ta’ għoti mnedija qabel din id-data, li għalihom l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet ma jkunux skadew.
6. Kwalunkwe Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe waqt b’notifika bil-miktub li tinforma lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni li tittermina dan il-Ftehim. It-terminazzjoni tal-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur kalendarji wara d-data li fiha n-notifika bil-miktub tkun waslet għand id-destinatarju tagħha. Id-data li fiha tidħol fis-seħħ it-terminazzjoni għandha tikkostitwixxi d-data tat-terminazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.
7. Meta dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jew jiġi tterminat f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Partijiet jaqblu li:
(a) |
il-proġetti, l-azzjonijiet, l-attivitajiet jew partijiet minnhom li fir-rigward tagħhom ikunu ddaħħlu impenji legali matul l-applikazzjoni provviżorja u/jew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u qabel ma dan il-Ftehim ma jibqax japplika jew jiġi tterminat għandu jkompli sakemm dawn jitlestew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim; |
(b) |
il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tas-sena N li matulha dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju jew jiġi tterminat għandha titħallas kompletament f’konformità mal-Artikolu 3. Il-kontribuzzjoni operazzjonali tas-sena N għandha tiġi aġġustata f’konformità mal-Artikolu 3(8) u kkoreġuta f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim. It-tariffa ta’parteċipazzjoni mħallsa għas-sena N ma għandhiex tiġi aġġustata jew ikkoreġuta; |
(c) |
wara s-sena li matulha dan il-Ftehim ma jibqax japplika b’mod provviżorju jew jiġi tterminat, il-kontribuzzjonijiet operazzjonali inizjali mħallsa għas-snin li matulhom japplika dan il-Ftehim għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 3(8) u għandhom jiġu kkoreġuti awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim. |
Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni kwalunkwe konsegwenza oħra tat-terminazzjoni jew tal-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim.
8. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ tal-emendi se jsegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
9. L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minn dan tal-aħħar.
Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bl-Ingliż u bil-Maċedonjan, b’kull test ikun ugwalment awtentiku. F’każ ta’ diverġenza tal-interpretazzjoni, għandu jipprevali t-test bl-Ingliż.
Magħmul fi Brussell, f’dan is-sitt jum ta’ Diċembru u fi Skopje, f’dan it-tletin jum ta’ Novembru fis-sena 2021.
Għall-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea,
Mariya GABRIEL
Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ
Għall-Gvern tal-Maċedonja ta’ Fuq,
Mila CAROVSKA
Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xjenza
(1) ĠU L 192, 22.7.2005, p. 23.
(2) Dan il-Ftehim jikkostitwixxi u għandu l-istess effetti legali tal-Memorandum ta’ Qbil imsemmi skont il-Protokoll tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta’ Fuq fi programmi Komunitarji.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167 I, 12.5.2021, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 61).
(6) Id-Deċiżjoni (UE) 2021/820 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 2021–2027: Nagħtu Spinta lit-Talent u lill-Kapaċità ta’ Innovazzjoni fl-Ewropa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 91).
(7) Il-miżuri restrittivi tal-UE jiġu adottati skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(10) Dan jinkludi b’mod partikolari r-riżorsi mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23).
ANNESS I
Regoli li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-Programm Orizzont Ewropa (2021–2027)
I. Kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Maċedonja ta’ Fuq
1. |
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Maċedonja ta’ Fuq għall-Programm Orizzont Ewropa għandha tiġi stabbilita fuq bażi annwali proporzjonalment u b’żieda mal-ammont disponibbli kull sena fil-baġit tal-Unjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn meħtieġa għall-ġestjoni, l-eżekuzzjoni u l-operazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, miżjuda f’konformità mal-Artikolu 3(4) ta’ dan il-Ftehim. |
2. |
It-tariffa ta’parteċipazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(7) ta’ dan il-Ftehim għandha tiddaħħal gradwalment kif ġej:
|
3. |
F’konformità mal-Artikolu 3(5) ta’ dan il-Ftehim, il-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali li għandha titħallas mill-Maċedonja ta’ Fuq għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Programm Orizzont Ewropa se tiġi kkalkolata għas-snin finanzjarji rispettivi billi jiġi applikat aġġustament għall-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni.
L-aġġustament għall-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni għandu jkun: Koeffiċjent tal-Kontribuzzjoni Aġġustat = Koeffiċjent tal-Kontribuzzjoni × Koeffiċjent Il-koeffiċjent użat għall-kalkolu ta’ hawn fuq sabiex jiġi aġġustat il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni għandu jkun ta’ 0,2. |
4. |
F’konformità mal-Artikolu 3(8) ta’ dan il-Ftehim, l-ewwel aġġustament li jappartjeni għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena N għandu jsir fis-sena N+1 meta l-kontribuzzjoni operazzjonali inizjali tas-sena N għandha tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel bid-differenza bejn:
Mis-sena N+2, u kull sena sussegwenti, sakemm l-impenji baġitarji kollha ffinanzjati fil-qafas tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn li joriġinaw mis-sena N, żdiedu f’konformità mal-Artikolu 3(4) ta’ dan il-Ftehim, ikunu tħallsu jew ġew diżimpenjati, u mhux aktar tard minn tliet snin wara t-tmiem tal-Programm Orizzont Ewropa, l-Unjoni għandha tikkalkola aġġustament tal-kontribuzzjoni operazzjonali tas-sena N billi tnaqqas il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Maċedonja ta’ Fuq bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni aġġustata tas-sena N għad-diżimpenn li jsir kull sena fuq l-impenji tas-sena N iffinanzjati fil-qafas tal-baġit tal-Unjoni jew mid-diżimpenji li jsiru disponibbli għal darb’oħra. Jekk l-ammonti li jirriżultaw mid-dħul assenjat estern tas-sena N (sabiex jiġu inklużi l-approprjazzjonijiet ta’ impenn, u, għall-ammonti skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094, l-ammonti indikattivi annwali fl-ipprogrammar tal-QFP) li ma jirriżultawx minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-Programm Orizzont Ewropa minn donaturi oħrajn jiġu kkanċellati, il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha titnaqqas bl-ammont miksub bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni aġġustata tas-sena N għall-ammont ikkanċellat. |
II. Mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tal-kontribuzzjoni operazzonali tal-Maċedonja ta’ Fuq
1. |
Għall-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika kif imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim, għandhom japplikaw il-modalitajiet li ġejjin:
|
2. |
Il-mekkaniżmu għandu jiġi applikat kif ġej:
|
III. Pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Maċedonja ta’ Fuq, pagament tal-aġġustamenti magħmula fuq il-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Maċedonja ta’ Fuq, u pagament tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali tal-Maċedonja ta’ Fuq
1. |
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Maċedonja ta’ Fuq, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ħruġ tal-ewwel sejħa għall-fondi tas-sena finanzjarja, l-informazzjoni li ġejja:
Abbażi tal-Abbozz tal-Baġit tagħha, il-Kummissjoni għandha tipprovdi stima tal-informazzjoni għas-sena ta’ wara skont il-punti (a) u (b) mill-aktar fis possibbli, u, mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru tas-sena finanzjarja. |
2. |
Il-Kummissjoni għandha toħroġ, sa mhux aktar tard minn April ta’ kull sena finanzjarja, sejħa għall-fondi lill-Maċedonja ta’ Fuq li tikkorrispondi mal-kontribuzzjoni tagħha skont dan il-Ftehim.
Kull sejħa għall-fondi għandha tipprevedi l-pagament tal-kontribuzzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq mhux aktar tard minn 30 jum wara li tinħareġ is-sejħa għall-fondi. Għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha toħroġ sejħa waħda għall-fondi, fi żmien 60 jum wara d-data li fiha l-Ftehim jibda joħloq effetti legali. |
3. |
Kull sena mill-2023, is-sejħa għall-fondi għandha tirrifletti wkoll l-ammont tal-korrezzjoni awtomatika applikabbli għall-kontribuzzjoni operazzjonali mħallsa għas-sena N-2.
Is-sejħa għall-fondi maħruġa mhux aktar tard minn April tista’ tinkludi wkoll aġġustamenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Maċedonja ta’ Fuq għall-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-operazzjoni tal-Programm(i) Qafas preċedenti għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li fih(om) ipparteċipat il-Maċedonja ta’ Fuq. Għal kull waħda mis-snin finanzjarji tal-2028, l-2029 u l-2030, l-ammont li jirriżulta mill-korrezzjoni awtomatika applikata għall-kontribuzzjonijiet operazzjonali li jkunu tħallsu fl-2026 u fl-2027 mill-Maċedonja ta’ Fuq jew mill-aġġustamenti magħmula f’konformità mal-Artikolu 3(8) ta’ dan il-Ftehim se jkun dovut lil Maċedonja ta’ Fuq jew minnha. |
4. |
Il-Maċedonja ta’ Fuq għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha skont dan il-Ftehim f’konformità mal-punt (III) ta’ dan l-Anness. Fin-nuqqas ta’ pagament mill-Maċedonja ta’ Fuq sad-data dovuta, il-Kummissjoni għandha tibgħat ittra formali ta’ tfakkira.
Kull dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jiskatta l-pagament ta’ imgħax ta’ inadempjenza mill-Maċedonja ta’ Fuq fuq l-ammont pendenti, u dan mid-data dovuta. Ir-rata tal-imgħax fuq l-ammonti riċevibbli mhux imħallsa fid-data dovuta għandha tkun ir-rata li japplika l-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar meta kien dovut il-pagament, u miżjuda b’punt u nofs perċentwali. |
(1) Dan jinkludi b’mod partikolari r-riżorsi mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23.).
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23.
(3) Azzjonijiet oħra jinkludu b’mod partikolari l-akkwist pubbliku, il-premjijiet, l-istrumenti finanzjarji, l-azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-Abbonamenti (OECD, Eureka, IPEEC, AIE, …), l-esperti (l-evalwaturi, il-monitoraġġ tal-proġetti) eċċ.
(4) L-organizzazzjonijiet internazzjonali jitqiesu biss bħala kostijiet mhux ta’ intervent jekk ikunu benefiċjarji finali. Dan mhux se japplika meta organizzazzjoni internazzjonali tkun koordinatur ta’ proġett (tqassam fondi lil koordinaturi oħrajn).
ANNESS II
Lista mhux eżawrjenti tal-programmi, tal-miżuri, tal-proġetti, tal-istrumenti jew ta’ partijiet minnhom tal-Maċedonja ta’ Fuq
Il-lista mhux eżawrjenti li ġejja għandha titqies bħala l-programmi, il-miżuri, il-proġetti, l-istrumenti jew partijiet minnhom ekwivalenti għall-Programm Orizzont Ewropa:
— |
Programm għall-Attivitajiet Xjentifiċi u ta’ Riċerka (Ministeru għall-Edukazzjoni u għax-Xjenza)
|
— |
Fond għall-Innovazzjoni u għall-Iżvilupp Teknoloġiku (FITD)
|
— |
Programm għall-Kompetittività, l-Innovazzjoni u l-Intraprenditorija (Ministeru għall-Ekonomija)
|
ANNESS III
Ġestjoni Finanzjarja Tajba
Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u l-irkupru
Artikolu 1
Rieżamijiet u awditi
1. L-Unjoni Ewropea għandu jkollha d-dritt li twettaq, f’konformità mal-atti applikabbli ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni wieħed jew aktar u kif previst fil-ftehimiet u/jew fil-kuntratti rilevanti, fir-rieżamijiet u awditi tekniċi, xjentifiċi, finanzjarji, jew tipi oħra ta’ rieżamijiet u awditi fuq il-post ta’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fil-Maċedonja ta’ Fuq jew kwalunkwe entità ġuridika stabbilita fiha u li tirċievi finanzjament mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq. Tali rieżami u awditi jistgħu jitwettqu mill-aġenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, jew minn persuni oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea.
2. L-aġenti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Awdituri, u l-persuni l-oħrajn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jkollhom aċċess xieraq għal siti, xogħlijiet u dokumenti (kemm f’verżjonijiet elettroniċi kif ukoll f’dawk stampati) u għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu tali awditi, inkluż id-dritt li jiksbu kopja fiżika/elettronika ta’ kwalunkwe dokument jew tal-kontenut ta’ kwalunkwe mezz ta’ data jew estratti minnhom, li jkunu miżmuma mill-persuna fiżika jew ġuridika awditjata, jew mill-parti terza awditjata.
3. Il-Maċedonja ta’ Fuq ma għandhiex tipprevjeni jew tqajjem xi ostakolu partikolari għad-dritt ta’ dħul fil-Maċedonja ta’ Fuq u għall-aċċess għall-binjiet tal-aġenti u ta’ persuni oħrajn imsemmija fil-paragrafu 2 abbażi tal-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom imsemmija f’dan l-Artikolu.
4. Ir-rieżamijiet u l-awditi jistgħu jitwettqu, anke wara s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 9(5) tiegħu, il-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja jew it-terminazzjoni tiegħu, skont it-termini stabbiliti fl-atti applikabbli ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea wieħed jew aktar u kif previst fil-ftehimiet u/jew fil-kuntratti rilevanti fir-rigward ta’ kwalunkwe impenn legali li jimplimenta l-baġit tal-Unjoni Ewropea li tkun daħlet għalih l-Unjoni Ewropea qabel id-data li fiha s-sospensjoni mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 9(5) tiegħu, il-waqfien tal-applikazzjoni provviżorja jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim tidħol fis-seħħ.
Artikolu 2
Ġlieda kontra l-irregolaritajiet, il-frodi u reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandhom ikunu awtorizzati jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, fit-territorju tal-Maċedonja ta’ Fuq. Dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-atti applikabbli ta’ istituzzjoni tal-Unjoni waħda jew aktar.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF fi żmien raġonevoli bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkunu saru jafu bihom dwar irregolarità, frodi jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
3. Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu fil-bini ta’ kwalunkwe persuna fiżika li tkun residenti fil-Maċedonja ta’ Fuq jew fil-binjiet ta’ entità ġuridika stabbilita fil-Maċedonja ta’ Fuq u li tirċievi l-fondi tal-Unjoni, kif ukoll fil-binjiet ta’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni li tkun residenti jew stabbilita fil-Maċedonja ta’ Fuq.
4. Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-OLAF b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti tal-Maċedonja ta’ Fuq maħtura mill-Gvern tal-Maċedonja ta’ Fuq. L-awtorità maħtura għandha tiġi nnotifikata kmieni biżżejjed bil-għan, bl-iskop u bil-bażi ġuridika tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet, sabiex tkun tista’ tipprovdi assistenza. Għal dan il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Maċedonja ta’ Fuq, jistgħu jipparteċipaw fil-kontrolli u fl-ispezzjonijiet fuq il-post.
5. Fuq talba tal-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea jew mal-OLAF.
6. L-aġenti tal-Kummissjoni u l-persunal tal-OLAF għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha, inkluża d-data tal-kompjuter, dwar l-operazzjonijiet ikkonċernati, li huma meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet fuq il-post. Huma jistgħu, b’mod partikolari, jagħmlu kopja tad-dokumenti rilevanti.
7. Meta l-persuna, l-entità jew parti terza oħra topponi kontroll jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq, filwaqt li jaġixxu f’konformità mar-regoli u r-regolamenti nazzjonali, għandhom jassistu lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-OLAF, sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom biex iwettqu l-kontroll jew l-ispezzjoni fuq il-post. Din l-assistenza għandha tinkludi t-teħid ta’ miżuri xierqa ta’ prekawzjoni skont il-liġi nazzjonali, b’mod partikolari sabiex tiġi ssalvagwardjata l-evidenza.
8. Il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jinformaw lill-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq bir-riżultat ta’ tali kontrolli u spezzjonijiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF għandhom jirrapportaw mill-aktar fis possibbli lill-awtorità kompetenti tal-Maċedonja ta’ Fuq b’kull fatt jew suspett relatat ma’ irregolarità li jkunu ntebħu bih waqt il-kontroll jew waqt l-ispezzjoni fuq il-post.
9. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kriminali tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kummissjoni Ewropea tista’ timponi miżuri u penali amministrattivi fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi tal-Maċedonja ta’ Fuq li jkunu qed jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ programm jew attività f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
10. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jiskambjaw regolarment informazzjoni u, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet għal dan il-Ftehim, jikkonsultaw lil xulxin.
11. Sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF, il-Maċedonja ta’ Fuq għandha taħtar punt ta’ kuntatt.
12. L-informazzjoni skambjata bejn il-Kummissjoni Ewropea jew l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha ssir b’kunsiderazzjoni dovuta għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità. Id-data personali inkluża fl-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiġi protetta f’konformità mar-regoli applikabbli.
13. L-awtoritajiet tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jikkooperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex dan ikun jista’ jwettaq id-dmir tiegħu li jinvestiga, jipproċedi u jressaq quddiem il-qorti l-awturi tar-reati kriminali u l-kompliċi ta’ dawn ir-reati’ li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.
Artikolu 3
Irkupru u infurzar
1. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea li jimponu obbligu pekunarju fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi għajr l-Istati fir-rigward ta’ kwalunkwe pretensjoni li tirriżulta mill-Programm Orizzont Ewropa għandhom ikunu infurzabbli fil-Maċedonja ta’ Fuq. L-ordni għall-infurzar għandha tiġi mehmuża mad-deċiżjoni, mingħajr ebda formalità oħra għajr verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali maħtura għal dan il-għan mill-Gvern tal-Maċedonja ta’ Fuq. Il-gvern tal-Maċedonja ta’ Fuq għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bl-awtorità nazzjonali maħtura tiegħu. F’konformità mal-Artikolu 4, il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun intitolata tinnotifika tali deċiżjonijiet infurzabbli direttament lil persuni residenti u entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq. L-infurzar għandu jsir f’konformità mal-liġi u r-regoli ta’ proċedura tal-Maċedonja ta’ Fuq.
2. Is-sentenzi u d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija b’applikazzjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt jew fi ftehim fir-rigward ta’ programmi, attivitajiet, azzjonijiet jew proġetti tal-Unjoni għandhom ikunu infurzabbli fil-Maċedonja ta’ Fuq bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu (1).
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni sabiex tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 u sabiex tissospendi l-infurzar tagħha. Madankollu, il-Qrati tal-Maċedonja ta’ Fuq għandu jkollhom ġuriżdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar tagħhom qiegħed jitwettaq b’mod irregolari.
Artikolu 4
Komunikazzjoni u Skambju ta’informazzjoni
L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea involuti fl-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, jew fil-kontrolli fuq dak il-programm, għandhom ikunu intitolati li jikkomunikaw direttament, inkluż permezz ta’ sistemi ta’ skambju elettroniku, ma’ kwalunkwe persuna fiżika residenti fil-Maċedonja ta’ Fuq jew ma’ entità ġuridika stabbilita fil-Maċedonja ta’ Fuq u li tirċievi fondi tal-Unjoni, kif ukoll ma’ kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni residenti jew stabbiliti fil-Maċedonja ta’ Fuq. Tali persuni, entitajiet u partijiet jistgħu jissottomettu direttament lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-programm tal-Unjoni u tal-kuntratti jew tal-ftehimiet konklużi għall-implimentazzjoni ta’ dak il-programm.