EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020D2247

Deċiżjoni Nru 3/2020 tal-kumitat konġunt stabbilit permezz tal-ftehim dwar il-ħruġ tar-renju unit tal-gran brittanja u l-irlanda ta’ fuq mill-unjoni ewropea u l-komunità tal-enerġija atomika ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2020 li temenda l-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika [2020/2247]

PUB/2020/1059

ĠU L 443, 30.12.2020, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2247/oj

30.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 443/3


DEĊIŻJONI Nru 3/2020 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT PERMEZZ TAL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA ATOMIKA EWROPEA

tas-17 ta’ Diċembru 2020

li temenda l-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika [2020/2247]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 164(5)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt (d) tal-Artikolu 164(5) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tiegħu (“il-Kumitat Konġunt”) li jadotta deċiżjonijiet li jemendaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ, dment li tali emendi jkunu meħtieġa biex jikkoreġu żbalji, biex jindirizzaw ommissjonijiet jew nuqqasijiet oħrajn, jew biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li ma kinux previsti meta ġie ffirmat il-Ftehim, u dment li tali deċiżjonijiet ma jemendawx l-elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim. Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti għall-Unjoni u għar-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit iridu jimplimentaw it-tali deċiżjonijiet, li jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(2)

Skont l-Artikolu 182 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”) jifforma parti integrali minn dak il-Ftehim.

(3)

Żewġ atti legali dwar il-prestazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 ta’ karozzi u vannijiet ġodda rreġistrati fl-Unjoni li huma elenkati taħt l-intestatura 9 tal-Anness 2 tal-Protokoll u li saru applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq permezz tal-Artikolu 5(4) ta’ dak il-Protokoll, mhumiex relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ tali vetturi fl-Unjoni. Għalhekk għandhom jitneħħew mill-Anness 2 tal-Protokoll;

(4)

Tmien atti legali li huma essenzjali għall-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern għall-prodotti fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq u li tħallew barra fiż-żmien tal-adozzjoni, għandhom jiżdiedu mal-Anness 2 tal-Protokoll.

(5)

Sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti atti diġà elenkati fl-Anness 2 għall-Protokoll, għandhom jiżdiedu tliet noti ma’ dak l-Anness;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

L-Anness 2 tal-Protokoll għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

taħt l-intestatura “9. Vetturi bil-mutur, inklużi tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija”, l-annotazzjonijiet li ġejjin għandhom jitħassru:

“–

Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief

Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief”;

2.

taħt l-intestatura “6. Regolamenti dwar salvagwardji bilaterali”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

ir-Regolament (UE) 2019/287 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Frar 2019 li jimplimenta klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta’ preferenzi f’ċerti ftehimiet kummerċjali konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi (1)”;

3.

taħt l-intestatura “23. Sustanzi kimiċi u relatati”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (2)”;

4.

taħt l-intestatura “25. Skart”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

L-Artikoli 2 sa 7, l-Artikoli 14 u 17 u l-Partijiet A, B, C, D u F tal-Anness tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (3)”;

5.

taħt l-intestatura “29. Ikel - ġenerali”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

Id-Direttiva 2011/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett tal-ikel (4)”;

6.

taħt l-intestatura “42. Materjal riproduttiv tal-pjanti”, għandhom jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“–

Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1996 dwar il-marketing ta’ żerriegħa ta’ pjanti għall-għalf (5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali (6)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/72/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ħxejjex ta’ propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa (7)”;

7.

taħt l-intestatura “47. Oħrajn”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali”;

8.

taħt l-intestatura “4. Aspetti ġenerali relatati mal-kummerċ”, wara l-entrata għar-“Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008”, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-preferenzi tariffarji għal pajjiżi eliġibbli skont is-Sistema Ġenerali ta’ Preferenzi tal-Unjoni għandhom ikunu applikabbli fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq:

ir-referenzi għal “Stat Membru” fl-Artikolu 9(1)(c)(ii), u fil-Kapitolu VI [Dispożizzjonijiet ta’ Salvagwardja u Sorveljanza] tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 ma għandhomx jinqraw bħala li jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq;

ir-referenzi għas-“suq tal-Unjoni” fl-Artikolu 2(k) u l-Kapitolu VI [Dispożizzjonijiet ta’ Salvagwardja u Sorveljanza] fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 ma għandhomx jinqraw li jinkludu s-suq tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq; kif ukoll

ir-referenzi għal “produtturi tal-Unjoni” u għal “industrija tal-Unjoni” fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 ma għandhomx jinqraw li jinkludu l-produtturi jew l-industrija tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”;

9.

taħt l-intestatura “5. Strumenti għad-difiża tan-negozju”, direttament taħt l-intestatura, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ tal-Unjoni għandhom ikunu applikabbli fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-referenzi għal “Stati Membri” jew “l-Unjoni” fir-Regolament (UE) 2016/1036, ir-Regolament (UE) 2016/1037, ir-Regolament (UE) 2015/478 u r-Regolament 2015/755 ma għandhomx jinqraw li jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn hekk, l-importaturi li ħallsu dazji antidumping jew kumpensatorji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti li kienu rilaxxati mid-dwana fl-Irlanda ta’ Fuq jistgħu jitolbu biss għal rifużjoni ta’ dazji bħal dawn skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jew l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/1037, rispettivament.”;

10.

taħt l-intestatura “6. Regolamenti dwar salvagwardji bilaterali”, direttament taħt l-intestatura, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali tal-Unjoni japplikaw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-referenzi għal “Stati Membri” jew “l-Unjoni” fir-regolamenti elenkati hawn taħt ma għandhomx jinqraw li jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”;

11.

taħt l-intestatura “25. Skart”, wara l-entrata għad-“Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent”, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawk l-Artikoli u l-Partijiet għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, kwalunkwe referenza għat-“3 ta’ Lulju 2021” fl-Artikoli 4(1), 14 u 17(1) għandha tinqara bħala “1 ta’ Jannar 2022”. L-Artikoli 2, 3, 14 u 17, u l-Parti F tal-Anness, għandhom japplikaw biss sa fejn jirrigwardaw l-Artikoli 4 sa 7.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti

Maroš ŠEFČOVIČ

Michael GOVE


(1)  ĠU L 53, 22.2.2019, p. 1.

(2)  ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1.

(4)  ĠU L 334, 16.12.2011, p. 1.

(5)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298.

(6)  ĠU L 226, 13.8.1998, p. 16.

(7)  ĠU L 205, 1.8.2008, p. 28.


Top