Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02022D0179-20221125

    Consolidated text: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/179 tat-8 ta’ Frar 2022 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/513/KE (notifikata bid0dokument C(2022) 628) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/179/2022-11-25

    02022D0179 — MT — 25.11.2022 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/179

    tat-8 ta’ Frar 2022

    dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/513/KE

    (notifikata bid0dokument C(2022) 628)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 029 10.2.2022, p. 10)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2307 tat-23 ta’ Novembru 2022

      L 305

    63

    25.11.2022




    ▼B

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/179

    tat-8 ta’ Frar 2022

    dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/513/KE

    (notifikata bid0dokument C(2022) 628)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



    Artikolu 1

    Din id-Deċiżjoni tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-baned ta’ frekwenzi 5 150 -5 250 MHz, 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz għas-sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju (WAS/RLANs).

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    “sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inklużi n-networks ta’ żoni lokali bir-radju (WAS/RLANs)” tfisser is-sistemi broadband ta’ radjukomunikazzjoni li jippermettu l-aċċess mingħajr fili għal applikazzjonijiet pubbliċi jew privati irrispettivament mit-tipoloġija tan-network sottostanti;

    (b) 

    “użu fuq ġewwa” tfisser l-użu fi spazju magħluq li se jipprovdi l-attenwazzjoni meħtieġa biex tiffaċilita l-kondiviżjoni ma’ servizzi oħra. L-użu fuq ġewwa jista’ jiġi kklassifikat f’erba’ każijiet ta’ użu, kif identifikat fil-kundizzjonijiet tekniċi tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li jirrappreżentaw xenarji speċifiċi: ġewwa l-binjiet u fil-vetturi tat-triq, fit-treni u fl-inġenji tal-ajru;

    (c) 

    “potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (‘e.i.r.p.’)” tfisser il-multiplikazzjoni tal-potenza fornuta lill-antenna u l-gwadann tal-antenna f’direzzjoni partikolari relattiva għal antenna iżotropika (gwadann assolut jew iżotropiku);

    (d) 

    “potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (e.i.r.p.) medja” tfisser l-e.i.r.p. matul l-ixkattatura tat-trażmissjoni li tikkorrispondi għall-potenza massima, jekk jiġi implimentat il-kontroll tal-potenza.

    ▼M1

    Artikolu 3

    Sat-30 ta’ Ġunju 2023, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli l-baned tal-frekwenzi 5 150 -5 250 MHz, 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz, fuq bażi mhux esklużiva, għall-implimentazzjoni tal-WAS/RLANs f’konformità mal-kundizzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness.

    ▼B

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tal-istandards u t-teknoloġija fir-rigward tal-użu tal-baned ta’ frekwenzi 5 150 -5 250 MHz, 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz għad-WAS/RLANs u jirrapportaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni fuq talba ta’ din tal-aħħar jew fuq inizjattiva tagħhom stess sabiex ikun jista’ jsir rieżami f’waqtu ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Id-Deċiżjoni 2005/513/KE titħassar.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    ▼M1




    ANNESS

    Kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-WAS/RLAN fil-baned tal-frekwenzi 5 150 -5 250 MHz, 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz



    Tabella 1

    WAS/RLAN fil-banda tal-frekwenzi 5 150 -5 250 MHz

    Parametru

    Kundizzjonijiet tekniċi

    Banda tal-frekwenzi

    5 150 -5 250 MHz

    Operazzjoni permissibbli

    Fuq ġewwa, inkluż installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq, fil-ferroviji u fl-inġenji tal-ajru, u użu limitat fuq barra (nota 1).

    L-użu minn sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS) hu limitat għall-banda 5 170 -5 250 MHz.

    Potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti medja massima (e.i.r.p.) għall-emissjonijiet fil-banda

    200 mW

    Eċċezzjonijiet:

    — medja massima ta’ 40 mW tapplika għall-installazzjonijiet fil-vaguni tal-ferroviji b’telf medju tal-attenwazzjoni ta’ inqas minn 12 dB;

    — medja massima ta’ 40 mW tapplika għall-installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq.

    Densità e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    10 mW/MHz fi kwalunkwe banda ta’ 1 MHz

    Nota 1:  Jekk jintuża fuq barra, it-tagħmir ma għandux jitwaħħal ma’ antenna fissa fuq barra, ma’ infrastruttura fissa jew mal-karozzerija esterna tal-vetturi tat-triq.

    Għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ). Meta t-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, mill-inqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.



    Tabella 2

    WAS/RLAN fil-banda tal-frekwenzi 5 250 -5 350 MHz

    Parametru

    Kundizzjonijiet tekniċi

    Banda tal-frekwenzi

    5 250 -5 350 MHz

    Operazzjoni permissibbli

    Użu fuq ġewwa: fil-binjiet biss.

    L-installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq, fil-ferroviji u fl-inġenji tal-ajru mhumiex permessi (nota 2).

    L-użu fuq barra mhux permess.

    E.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    200 mW

    Densità e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    10 mW/MHz fi kwalunkwe banda ta’ 1 MHz

    Tekniki ta’ mitigazzjoni li jridu jintużaw

    Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC) u għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS).

    Jistgħu jintużaw tekniki alternattivi tal-mitigazzjoni diment li mill-inqas dawn ikunu jiżguraw prestazzjoni u livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ispettru biex jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti tad-Direttiva 2014/53/UE, u diment li jirrispettaw ir-rekwiżiti tekniċi ta’ din id-Deċiżjoni.

    Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC)

    It-TPC għandu jipprovdi, bħala medja, fattur ta’ mitigazzjoni ta’ mill-inqas 3 dB fuq il-potenza tal-output massima permessa tas-sistemi; jew, jekk il-kontroll tal-potenza tat-trażmettitur ma jkunx qed jintuża, l-e.i.r.p medja massima permessa u l-limitu tad-densità tal-e.i.r.p medja korrispondenti għandhom jitnaqqsu bi 3 dB.

    Għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS)

    Id-DFS hija deskritta fir-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652-1 (2) li tiżgura operazzjoni kompatibbli mas-sistemi tar-radjudeterminazzjoni.

    Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura li l-probabbiltà li jintgħażel kanal partikolari tkun l-istess għall-kanali kollha disponibbli fil-baned 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz. Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura wkoll, bħala medja, firxa kważi uniformi tat-tagħbija tal-ispettru.

    Il-WAS/RLAN għandu jimplimenta għażla dinamika tal-frekwenzi li tipprovdi mitigazzjoni kontra l-interferenza għar-radar li mill-inqas tkun effiċjenti daqs id-DFS kif deskritt fl-Istandard tal-ETSI EN 301 893 V2.1.1. Il-konfigurazzjonijiet (hardware u/jew software) tal-WAS/RLAN relatati mad-DFS ma għandhomx ikunu aċċessibbli għall-utent jekk il-bdil ta’ dawk il-konfigurazzjonijiet jikkawża n-nuqqas ta’ konformità tal-WAS/RLANs mar-rekwiżiti tad-DFS. Dan jinkludi li (a) l-utent ma jitħalliex jibdel il-pajjiż tal-operazzjoni u/jew il-banda tal-frekwenzi operattiva jekk dan jikkawża n-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS u (b) ma jiġux aċċettati software u/jew firmware li jikkawżaw in-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS.

    (1)   

    F’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014, inġenju tal-ajru kbir tfisser inġenju tal-ajru, ikklassifikat bħala ajruplan b’massa massima waqt it-tlugħ ta’ aktar minn 5 700 kg, jew ħelikopter b’aktar minn magna waħda. Madankollu, l-ħelikopters b’aktar minn magna waħda huma esklużi mill-ambitu tan-noti 2 u 3.

    (2)   

    Ir-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652-1, “Għażla dinamika tal-frekwenzi fis-sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inkluż in-networks taż-żoni lokali bir-radju għall-iskop li jiġi protett is-servizz ta’ radjudeterminazzjoni fil-banda ta’ 5 GHz”.

    Nota 2:  It-tħaddim tal-installazzjonijiet WAS/RLAN fl-inġenji tal-ajru kbar (1) (għajr fil-ħelikopters b’aktar minn magna waħda) hu permess sal-31 ta’ Diċembru 2028 b’e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda ta’ 100 mW.

    Għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE. Meta t-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, mill-inqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.



    Tabella 3

    WAS/RLAN fil-banda tal-frekwenzi 5 470 -5 725 MHz

    Parametru

    Kundizzjonijiet tekniċi

    Banda tal-frekwenzi

    5 470 -5 725 MHz

    Operazzjoni permissibbli

    Użu fuq ġewwa u fuq barra.

    Installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq huma permessi biss għall-apparati WAS/RLANs li joperaw fil-modalità slave (1) kkontrollati minn apparat WAS/RLANs fiss b’funzjonalità ta’ Għażla Dinamika tal-Frekwenzi (DFS) li jopera fil-modalità prinċipali. L-installazzjonijiet fil-ferroviji u fl-inġenji tal-ajru u l-użu għall-UAS mhumiex permessi (nota 3).

    E.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    1 W

    Eċċezzjonijiet:

    — medja massima ta’ 200 mW tapplika għall-installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq.

    Densità e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    50 mW/MHz fi kwalunkwe banda ta’ 1 MHz

    Tekniki ta’ mitigazzjoni li jridu jintużaw

    Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC) u għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS).

    Jistgħu jintużaw tekniki alternattivi tal-mitigazzjoni diment li mill-inqas dawn ikunu jiżguraw prestazzjoni u livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ispettru biex jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti tad-Direttiva 2014/53/UE, u diment li jirrispettaw ir-rekwiżiti tekniċi ta’ din id-Deċiżjoni.

    Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC)

    It-TPC għandu jipprovdi, bħala medja, fattur ta’ mitigazzjoni ta’ mill-inqas 3 dB fuq il-potenza tal-output massima permessa tas-sistemi; jew, jekk il-kontroll tal-potenza tat-trażmettitur ma jkunx qed jintuża, l-e.i.r.p medja massima permessa u l-limitu tad-densità tal-e.i.r.p medja korrispondenti għandhom jitnaqqsu bi 3 dB.

    Għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS)

    Id-DFS hija deskritta fir-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652-1 biex tiġi żgurata l-operazzjoni kompatibbli mas-sistemi tar-radjudeterminazzjoni.

    Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura li l-probabbiltà li jintgħażel kanal partikolari tkun l-istess għall-kanali kollha disponibbli fil-baned 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura wkoll, bħala medja, firxa kważi uniformi tat-tagħbija tal-ispettru.

    Il-WAS/RLAN għandu jimplimenta għażla dinamika tal-frekwenzi li tipprovdi mitigazzjoni kontra l-interferenza għar-radar li mill-inqas tkun effiċjenti daqs id-DFS kif deskritt fl-Istandard tal-ETSI EN 301 893 V2.1.1. Il-konfigurazzjonijiet (hardware u/jew software) tal-WAS/RLAN relatati mad-DFS ma għandhomx ikunu aċċessibbli għall-utent jekk il-bdil ta’ dawk il-konfigurazzjonijiet jikkawża n-nuqqas ta’ konformità tal-WAS/RLANs mar-rekwiżiti tad-DFS. Dan jinkludi li (a) l-utent ma jitħalliex jibdel il-pajjiż tal-operazzjoni u/jew il-banda tal-frekwenzi operattiva jekk dan jikkawża n-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS u (b) ma jiġux aċċettati software u/jew firmware li jikkawżaw in-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS.

    (1)   

    Il-modalitajiet slave u prinċipali huma definiti fl-EN 301 893 V2.1.1.

    Nota 3:  It-tħaddim tal-installazzjonijiet WAS/RLAN f’inġenji tal-ajru kbar (ħlief il-ħelikopters b’aktar minn magna waħda), ħlief fil-banda tal-frekwenzi 5 600-5 650 MHz, hu permess sal-31 ta’ Diċembru 2028 b’e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda ta’ 100 mW.

    Għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE. Meta t-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, mill-inqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.



    ( 1 ) Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

    Top