Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02019R0942-20220623

    Consolidated text: Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (riformulazzjoni) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/942/2022-06-23

    02019R0942 — MT — 23.06.2022 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT (UE) 2019/942 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-5 ta' Ġunju 2019

    li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

    (riformulazzjoni)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 158 14.6.2019, p. 22)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT (UE) 2022/869 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Mejju 2022

      L 152

    45

    3.6.2022




    ▼B

    REGOLAMENT (UE) 2019/942 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-5 ta' Ġunju 2019

    li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

    (riformulazzjoni)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



    Kapitolu I

    Għanijiet u kompiti

    Artikolu 1

    Stabbiliment u għanijiet

    1.  
    Dan ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (l-ACER).
    2.  
    L-għan tal-ACER għandu jkun li tgħin lill-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 57 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2009/73/KE fl-eżerċizzju, fil-livell tal-Unjoni, tal-kompiti regolatorji mwettqa fl-Istati Membri u, fejn ikun meħtieġ, li tikkoordina l-azzjonijiet tagħhom u tagħmilha ta' medjatriċi u ssolvi n-nuqqas ta' qbil bejniethom, bi qbil mal-Artikolu 6(10) ta' dan ir-Regolament. L-ACER għandha tikkontribwixxi wkoll għall-istabbiliment ta' prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta' kwalità għolja, u b'hekk tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effettiva tal-liġi tal-Unjoni sabiex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija.
    3.  
    Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-ACER għandha taġixxi b'mod indipendenti, oġġettiv u fl-interess tal-Unjoni. L-ACER għandha tieħu deċiżjonijiet awtonomi, b'mod indipendenti minn interessi privati u korporattivi.

    Artikolu 2

    Tipi ta' atti tal-ACER

    L-ACER għandha:

    (a) 

    tagħti opinjonijiet u tagħmel rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, lill-entità tal-UE għad-DSO, liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u lill-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku;

    (b) 

    tagħti opinjonijiet u tagħmel rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet regolatorji;

    (c) 

    toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, jew lill-Kummissjoni;

    (d) 

    toħroġ deċiżjonijiet individwali dwar il-forniment ta' informazzjoni skont l-Artikolu 3(2), il-punt (b) tal-Artikolu 7(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 8; dwar l-approvazzjoni tal-metodoloġiji, it-termini u l-kondizzjonijiet skont l-Artikolu 4(4), l-Artikolu 5(2), (3) u (4); dwar ir-rieżami taż-żoni tal-offerti kif imsemmi fl-Artikolu 5(6); dwar kwistjonijiet tekniċi kif imsemmi fl-Artikolu 6(1); dwar l-arbitraġġ fost ir-regolaturi skont l-Artikolu 6(10); relatati ma' kompiti taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 7(2); dwar l-approvazzjoni u l-emendar tal-metodoloġiji u l-kalkoli l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif imsemmi fl-9(1); dwar l-approvazzjoni u l-emendar ta' metodoloġiji kif imsemmi fl-Artikolu 9(3); dwar eżenzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 10: dwar infrastruttura kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 11; u dwar kwistjonijiet relatati mal-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa skont l-Artikolu 12.

    (e) 

    tippreżenta linji gwida ta' qafas mhux vinkolanti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

    Artikolu 3

    Kompiti ġenerali

    1.  
    L-ACER tista', fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tagħti opinjoni jew rakkomandazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-iskop li ġiet stabbilita għalih.
    2.  
    Fuq talba tal-ACER, l-awtoritajiet regolatorji, l-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, l-entità tal-UE għad-DSO, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u l-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku għandhom jipprovdu lill-ACER l-informazzjoni meħtieġa għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tal-ACER skont dan ir-Regolament, sakemm l-ACER ma tkunx diġà talbet u rċeviet tali informazzjoni.

    Bl-għan tat-talbiet għal informazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-ACER għandu jkollha s-setgħa li toħroġ deċiżjonijiet. Fid-deċiżjonijiet tagħha l-ACER għandha tispeċifika l-fini tat-talba tagħha, għandha tagħmel referenza għall-bażi legali li permezz tagħha l-informazzjoni hija mitluba, u għandha tiddikjara l-limitu ta' żmien li sal-iskadenza tiegħu l-informazzjoni għandha tiġi provduta. Dak il-limitu ta' żmien għandu jkun proporzjonat għat-talba.

    L-ACER għandha tuża l-informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi skont dan ir-Regolament għall-fini biss li twettaq il-kompiti assenjati lilha f'dan ir-Regolament. L-ACER għandha tiżgura l-protezzjoni xierqa tad-data tal-informazzjoni skont l-Artikolu 41.

    Artikolu 4

    Kompiti tal-ACER fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni tal-elettriku

    1.  
    L-ACER għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' statuti, il-lista ta' membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura tal-ENTSO tal-Elettriku f'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 u dwar dawk tal-ENTSO tal-Gass f'konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u dwar dawk tal-entità tal-EU għad-DSO f'konformità mal-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) 2019/943.
    2.  
    L-ACER għandha tissorvelja t-twettiq tal-kompiti tal-ENTSO tal-Elettriku skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/943, tal-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 kif ukoll tal-entità tal-UE għad-DSO kif stipulat fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2019/943.
    3.  

    L-ACER tista' tagħti opinjoni:

    (a) 

    lill-ENTSO tal-Elettriku skont il-punt (a) tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 u lill-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 dwar il-kodiċijiet tan-netwerk;

    (b) 

    lill-ENTSO tal-Elettriku skont l-ewwel subpragrafu tal-Artikolu 322) tar-Regolament (UE) 2019/943, kif ukoll lill-ENTSO tal-Gass skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 dwar l-abbozz ta' programm annwali ta' xogħol, dwar l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha u d-dokumenti rilevanti l-oħra li jirreferi għalihom l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet ta' nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva u l-funzjonament effiċjenti u sikur tas-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali;

    (c) 

    lill-entità tal-UE għad-DSO dwar l-abbozz tal-programm ta' ħidma annwali u dokumenti rilevanti oħrajn imsemmija fl-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) 2019/943, b'kont meħud tal-objettivi ta' nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u l-funzjonament effiċjenti u sikur tas-suq intern tal-elettriku.

    4.  
    L-ACER għandha, fejn ikun xieraq, wara li titlob aġġornamenti għall-abbozzi ppreżentati mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, tapprova l-metodoloġija rigward l-użu tad-dħul mill-konġestjoni skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2019/943.
    5.  
    L-ACER għandha, abbażi tal-fatti, tagħti opinjoni ġustifikata kif xieraq kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fejn hija tqis li l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali jew l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha ppreżentat lilha b'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 ma jikkontribwixxux għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq jew għal livell suffiċjenti ta' interkonnessjoni transfruntiera miftuħa għall-aċċess ta' partijiet terzi, jew mhumiex f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 jew id-Direttiva 2009/73/KE u mar-Regolament (KE) Nru 715/2009.
    6.  
    L-awtoritajiet regolatorji rilevanti għandhom jikkoordinaw sabiex b'mod konġunt jidentifikaw jekk l-entità tal-UE għad-DSO, l-ENTSO tal-Elettriku jew iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali ma jkunux konformi mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni u jieħdu azzjoni xierqa skont il-punt (c) tal-l-Artikolu 59(1) u l-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

    Fuq talba ta' awtorità regolatorja waħda jew aktar jew fuq inizjattiva tagħha stess, l-ACER għandha toħroġ opinjoni motivata kif ukoll rakkomandazzjoni lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-entità tal-UE għad-DSO jew liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali fir-rigward tal-konformità mal-obbligi tagħhom.

    7.  
    Fejn opinjoni motivata tal-ACER tidentifika każ ta' nuqqas ta' konformità potenzjali tal-ENTSO tal-Elettriku, tal-entità tal-UE għad-DSO jew ta' ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali mal-obbligi rispettivi tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati għandhom, unanimament jieħdu deċiżjonijiet koordinati, li jistabbilixxu jekk hemmx nuqqas ta' konformità tal-obbligi relevanti u, fejn applikabbli, liema miżuri għandhom jittieħdu mill-ENTSO tal-Elettriku, l-entità tal-UE għad-DSO jew minn ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali biex jirrimedjaw dik in-nuqqas ta' konformità. Fejn l-awtoritajiet regolatorji jonqsu milli jilħqu ftehim dwar dawn id-deċiżjonijiet ikkoordinati unanimament fi żmien erba' xhur mid-data tal-ħruġ tal-opinjoni motivata tal-ACER, il-kwistjoni għandha tiġi rriferuta lill-ACER għal deċiżjoni, skont l-Artikolu 6(10).
    8.  
    Fejn in-nuqqas ta' konformità mill-ENTSO tal-Elettriku, l-entità tal-UE għad-DSO jew ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali, li ġiet identifikata f'konformità mal-paragrafi 6 jew 7 ta' dan l-Artikolu, ma tkunx ġiet rimedjata fi żmien tliet xhur, jew fejn l-awtorità regolatorja fl-Istat Membru fi fih l-entità jkollha s-sede tagħha ma tkunx ħadet azzjoni biex tiżgura l-konformità mad-deċiżjonijiet koordinati meħuda f'konformità mal-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, l-ACER għandha toħroġ rakkomandazzjoni lill-awtorità regolatorja biex tieħu azzjoni, f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 59(1) u l-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944, sabiex tiżgura li l-ENTSO tal-Elettriku, l-entità tal-UE għad-DSO jew iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, u għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dik ir-rakkomandazzjoni.

    Artikolu 5

    Kompiti tal-ACER fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerks u tal-linji gwida

    1.  

    L-ACER għandha tipparteċipa fl-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-netwerks skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u tal-Linji gwida skont l-Artikolu 61(6) tar-Regolament (UE) 2019/943. B'mod partikolari din għandha:

    (a) 

    tippreżenta lill-Kummissjoni linji gwida ta' qafas mhux vinkolanti meta tiġi mitluba tagħmel hekk skont l-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. L-ACER għandha tirrevedi l-linji gwida ta' qafas u meta tintalab għandha terġa' tippreżentahom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59(7) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

    (b) 

    tippreżenta opinjoni ġustifikata lill-ENTSO tal-Gass dwar il-kodiċi għan-netwerks skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

    (c) 

    tirrivedi l-kodiċi għan-netwerk skont l-Artikolu 59(11) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6(9) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Fir-reviżjoni tagħha, l-ACER għandha tqis l-opinjonijiet mogħtija mill-partijiet kollha involuti waqt l-abbozzar ta' dik l-proposta mmexxi mill-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass jew mill-entità tal-UE għad-DSO, u għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-verżjoni li trid tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni. Għal dan l-għan, l-ACER tista' tuża l-kumitat stabbilit taħt il-kodiċijiet tan-netwerk fejn adatt. L-ACER għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet. Sussegwentement, l-ACER għandha tippreżenta l-kodiċi rivedut tan-netwerk lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 55(11) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6(9) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Meta l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass jew l-entità tal-UE għad-DSO jkunu naqsu milli jiżviluppaw kodiċi tan-netwerk, l-ACER għandha tħejji u tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta' kodiċi għan-netwerk fejn mitluba tagħmel dan skont l-Artikolu 59(12) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

    (d) 

    tagħti opinjoni debitament raġunata lill-Kummissjoni, b'konformità mal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, fejn l-ENTSO tal-Elettriku jew l-ENTSO tal-Gass ikun naqas milli jimplimenta kodiċi tan-netwerk imfassal b'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 jew kodiċi tan-netwerk li jkun ġie stabbilit b'konformità mal-Artikolu 59(3) sa (12) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6(1) sa (10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 iżda li ma ġiex adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59(13) tar-Regolament (UE) 2019/943 u skont l-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

    (e) 

    tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u l-linji gwida adottati skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2019/943, u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni ta' regoli applikabbli maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-nondiskriminazzjoni, fuq il-kompetizzjoni effettiva u fuq il-funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

    2.  

    Fejn wieħed mill-atti legali li ġejjin jipprovdi għall-iżvilupp ta' proposti għal termini u kondizzjonijiet jew metodoloġiji komuni għall-implimentazzjoni ta' dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li jeħtieġu l-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji kollha, dawk il-proposti għat-termini u l-kondizzjonijiet jew il-metodoloġiji komuni għandhom jiġu ppreżentati lill-ACER għal reviżjoni u approvazzjoni:

    (a) 

    att leġislattiv tal-Unjoni adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja;

    (b) 

    il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati qabel l-4 ta' Lulju 2019 u reviżjonijiet sussegwenti ta' dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida; jew

    (c) 

    il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati bħala atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

    3.  

    Fejn wieħed mill-atti legali li ġejjin jipprovdi għall-iżvilupp ta' proposti għal termini u kondizzjonijiet jew metodoloġiji għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li jeħtieġu l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji kollha tar-reġjun ikkonċernat, dawk l-awtoritajiet regolatorji għandhom jilħqu ftehim b'unanimità dwar it-termini u l-kondizzjonijiet jew metodoloġiji li għandhom jiġu approvati minn kull waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji:

    (a) 

    att leġislattiv tal-Unjoni adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja;

    (b) 

    il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li ġew adottati qabel l-4 ta' Lulju 2019 u reviżjonijiet sussegwenti ta' dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida;, jew

    (c) 

    il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati bħala atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Il-proposti msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu notifikati lill-ACER fi żmien ġimgħa mill-preżentazzjoni tagħhom lil dawk l-awtoritajiet regolatorji. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jirreferu il-proposti lill-ACER għall-approvazzjoni skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) u għandhom jagħmlu dan skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) fejn m'hemm l-ebda ftehim unanimu kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

    Id-Direttur jew il-Bord tar-Regolaturi, li jaġixxi fuq inizjattiva proprja jew fuq proposta ta' membru wieħed jew aktar tiegħu, jista' jeħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ikkonċernat jirreferu l-proposta lill-ACER għall-approvazzjoni. Tali talba għandha tkun limitata għal każijiet fejn il-proposta maqbula reġjonalment ikollha impatt tanġibbli fuq is-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sikurezza tal-provvista lil hinn mir-reġjun.

    4.  
    Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3, l-ACER għandha tkun kompetenti biex tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 6(10) fejn l-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma jaqblux fuq termini u kondizzjonijiet jew metodoloġiji għall-implimentazzjoni ta' kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida ġodda adottati wara l-4 ta' Lulju 2019 bħala atti delegati, fejn dawk it-termini u l-kondizzjonijiet jew metodoloġiji jeħtieġu l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji kollha jew mill-awtoritajiet regolatorji kollha tar-reġjun ikkonċernat.
    5.  
    Sal-31 ta' Ottubru 2023, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa possibbli li jissaħħaħ aktar l-involviment tal-ACER fl-iżvilupp u l-adozzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet jew il-metodoloġiji għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida adottati bħala atti delegati wara l-4 ta' Lulju 2019. Fejn xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġislattiva biex jiġu ttrasferiti jew immodifikati s-setgħat meħtieġa lill-ACER.
    6.  
    Qabel ma japprovaw it-termini u l-kondizzjonijiet jew il-metodoloġiji msemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-awtoritajiet regolatorji, jew, fejn tkun kompetenti, l-ACERa għandhom jirreveduhom fejn meħtieġ wara li jikkonsultaw l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gas jew l-entità tal-UE għad-DSO, sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi mal-għan tal-kodiċijiet tan-netwerk jew tal-linji gwida u li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tas-suq, għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament xieraq tas-suq. L-ACER għandha tieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni fil-perjodu speċifikat fil-kodiċijiet tan-netwerk u fil-linji gwida rilevanti. Dak il-perjodu għandu jibda fil-jum ta' wara dak li fih il-proposta tkun ġiet riferuta lill-ACER.
    7.  
    L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha fir-rigward tar-rieżami taż-żona tal-offerti skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2019/943.
    8.  
    L-ACER għandha tissorvelja l-kooperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni msemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2019/943 u fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, u għandha tqis l-eżitu ta' dik il-kooperazzjoni meta tkun qed tifformula l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha.

    Artikolu 6

    Kompiti tal-ACER marbutin mal-awtoritajiet regolatorji

    1.  
    L-ACER għandha tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet tekniċi fejn dawk id-deċiżjonijiet huma previsti fir-Regolament (UE) 2019/943, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009, id-Direttiva (UE) 2019/944 jew id-Direttiva 2009/73/KE.
    2.  
    Skont il-programm ta' ħidma tagħha, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tagħha stess, l-ACER tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jgħinu lill-awtoritajiet regolatorji u l-parteċipanti fis-suq jaqsmu bejniethom prassi tajba.
    3.  
    Sal-5 ta' Lulju 2022, u mbagħad kull erba'snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji skont l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva (UE) 2019/944.
    4.  
    L-ACER għandha tipprovdi qafas li fih ikunu jistgħu jikkoperaw l-awtoritajiet regolatorji sabiex tiżgura teħid tad-deċiżjonijiet effiċjenti dwar kwistjonijiet b'rilevanza transfruntiera. Hija għandha tippromwovi kooperazzjoni fost l-awtoritajiet regolatorji u fost l-awtoritajiet regolatorji fil-livell reġjonali u tal-Unjoni u għandha tqis l-eżitu ta' din il-kooperazzjoni meta tkun qed tifformula l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha. Fejn l-ACER tqis li jkunu meħtieġa regoli li jorbtu dwar tali kooperazzjoni, l-Aġenzija għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kummissjoni.
    5.  
    Fuq talba ta' awtorità regolatorja waħda jew aktar jew fuq talba tal-Kummissjoni, l-ACER għandha tagħti opinjoni fattwali rigward il-konformità ta' deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja mal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida msemmija fir-Regolament (UE) 2019/943, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009, d-Direttiva (UE) 2019/944, jew id-Direttiva 2009/73/KE jew f'dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta' dawk id-direttivi jew regolamenti.
    6.  
    Fejn l-awtorità regolatorja ma tikkonformax mal-opinjoni tal-ACER imsemmija fil-paragrafu 5, fi żmien erba' xhur mid-data meta tirċeviha, l-ACER għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru konċernat b'dan.
    7.  
    Fejn, f'każ speċifiku, awtorità regolatorja tiltaqa' ma' diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-linji gwida msemmija fir-Regolament (UE) 2019/943, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009, id-Direttiva (UE) 2019/944 jew id-Direttiva 2009/73/KE,, hija tkun tista' titlob lill-ACER biex tagħti opinjoni. L-Aġenzija għandha tagħti l-opinjoni tagħha, wara li tikkonsulta mal-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mid-data meta tirċievi talba bħal din.
    8.  
    Fuq talba ta' awtorità regolatorja, l-ACER tista' tipprovdi assistenza operazzjonali lil dik l-awtorità regolatorja rigward investigazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011.
    9.  
    L-ACER għandha tippreżenta opinjonijiet lill-awtorità regolatorja rilevanti u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2019/943.
    10.  

    L-ACER għandu jkollha l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet regolatorji li jkollhom effetti fuq il-kummerċ transfruntier jew is-sigurtà tas-sistemi transfruntiera li jeħtieġu deċiżjoni konġunta ta' mill-anqas żewġ awtoritajiet regolatorji, fejn dawk il-kompetenzi jkunu ġew konferiti lill-awtoritajiet regolatorji skont wieħed mill-atti ġuridiċi li ġejjin:

    (a) 

    att leġislattiv tal-Unjoni adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja;

    (b) 

    il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati qabel l-4 ta' Lulju 2019 u reviżjonijiet sussegwenti ta' dawk il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida; jew

    (c) 

    il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati bħala atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    L-ACER għandha tkun kompetenti tadotta deċiżjonijiet individwali kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    meta l-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur wara li l-każ ikun ġie riferut lill-aħħar waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji jew fi żmien erba' xhur f'każijiet skont l-Artikolu 4(7) ta' dan ir-Regolament jew skont il-punt (c) tal-Artikolu (59)(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944; jew

    (b) 

    fuq il-bażi ta' talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

    L-awtoritajiet regolatorji kompetenti jistgħu jitolbu, b'mod konġunt, li l-perjodu msemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu jiġi estiż b'perjodu sa sitt xhur, ħlief f'każijiet skont l-Artikolu 4(7) ta' dan ir-Regolament jew skont il-punt (c) tal-Artikolu (59)(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

    Meta l-kompetenzi biex tittieħed deċiżjoni dwar kwistjonijiet transfruntiera msemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu ġew ikkonferiti lill-awtoritajiet regolatorji f'kodiċijiet tan-netwerk jew linji gwida ġodda adottati bħala atti delegati wara l-4 ta' Lulju 2019, l-ACER għandha tkun kompetenti biss fuq bażi volontarja skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, fuq talba minn mill-inqas 60 % tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti. Fejn ikunu involuti żewġ awtoritajiet regolatorji biss, kwalunkwe waħda minnhom tista' jirreferi l-każ lill-ACER.

    Sal-31 ta' Ottubru 2023, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa possibbli li jissaħħaħ aktar l-involviment tal-ACER fis-soluzzjoni ta' każijiet ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet regolatorji dwar deċiżjonijiet konġunti dwar kwistjonijiet li dwarhom ġew ikkonferiti l-kompetenzi fuq dawk l-awtoritajiet regolatorji permezz ta' att delegat wara l-4 ta' Lulju 2019. Meta jkun il-każ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġislattiva biex dawn is-setgħat jiġu mmodifikati jew biex is-setgħat meħtieġa jiġu ttrasferiti lill-ACER.

    11.  
    Meta tkun qed tħejji d-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 10, l-ACER għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni konċernati u għandha tkun informata dwar il-proposti u l-osservazzjonijiet tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kollha kkonċernati.
    12.  

    Fejn każ ikun ġie riferut lill-ACER skont il-paragrafu 10, l-ACER:

    (a) 

    għandha toħroġ deċiżjoni fi żmien sitt xhur mid-data tar-riferiment; jew fi żmien ħames xhur f'każijiet skont l-Artikolu 4(7) ta' dan ir-Regolament jew il-punt (c) tal-Artikolu (59)(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944; u

    (b) 

    tista', jekk ikun meħtieġ, tipprovdi deċiżjoni interim sabiex tiżgura li s-sigurtà tal-provvista jew is-sigurtà operattiva għall-infrastruttura inkwistjoni tiġi protetta.

    13.  
    Fejn il-kwistjonijiet regolatorji msemmija fil-paragrafu 10 jinkludu eżenzjonijiet fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2019/943, jew tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE, l-iskadenzi stipulati f'dan ir-Regolament m'għandhomx jiġu kumulattivi mal-iskadenzi stipulati f'dawk id-dispożizzjonijiet.

    Artikolu 7

    Il-kompiti tal-Aġenzija fir-rigward taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

    1.  
    L-ACER, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji u mal-ENTSO, għandha tissorvelja u tanalizza l-prestazzjoni taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali, filwaqt li tqis ir-rapporti previsti fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) 2019/943.
    2.  

    Sabiex twettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 b'mod effiċjenti u rapidu, l-ACER, b'mod partikolari għandha:

    (a) 

    tiddeċiedi dwar il-konfigurazzjoni tar-reġjuni tal-operat tas-sistemi skont l-Artikolu 36(3) u (4) u toħroġ approvazzjonijiet skont l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2019/943;

    (b) 

    titlob, fejn xieraq, informazzjoni miċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/943;

    (c) 

    toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

    (d) 

    toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

    Artikolu 8

    Il-kompiti tal-ACER fir-rigward tal-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku

    Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku jwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2019/943 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 ( 4 ), l-ACER għandha:

    (a) 

    tissorvelja l-progress tal-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku fl-istabbiliment tal-funzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/1222;

    (b) 

    toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2015/1222;

    (c) 

    titlob, fejn xieraq, iktar informazzjoni lill-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku.

    Artikolu 9

    Il-kompiti tal-ACER fir-rigward tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u fir-rigward tat-tħejjija għar-riskji

    1.  

    L-ACER għandha tapprova u temenda fejn meħtieġ:

    (a) 

    il-proposti għal metodoloġiji u kalkoli relatati mal-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi skont l-Artikolu 23(3), (4), (6) u (7) tar-Regolament (UE) 2019/943;

    (b) 

    il-proposti għal speċifikazzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni transfruntiera fil-mekkaniżmi ta' kapaċità skont l-Artikolu 26(11) tar-Regolament (UE) 2019/943.

    2.  
    L-ACER għandha tagħti opinjoni skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2019/941 dwar jekk id-differenzi bejn il-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi u l-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi humiex ġustifikati.
    3.  

    L-ACER għandha tapprova u temenda, fejn ikun hemm bżonn, il-metodoloġiji:

    (a) 

    għall-identifikazzjoni ta' xenarji ta' kriżi tal-elettriku f'livell reġjonali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/941;

    (b) 

    għall-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tul perjodu qasir ta' żmien u staġjonali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/941.

    4.  
    Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, l-ACER għandha tkun irrappreżentata fil-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/1938 u għandha twettaq l-obbligi rigward il-kapaċità bidirezzjonali permanenti ta' interkonnessjonijiet għall-gass skont l-Anness III tar-Regolament (UE) 2017/1938.

    Artikolu 10

    Il-kompiti tal-ACER fir-rigward ta' eżenzjonijiet

    L-ACER għandha tiddeċiedi dwar eżenzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 63(5) tar-Regolament (UE) 2019/943. L-ACER għandha wkoll tiddeċiedi dwar eżenzjonijiet kif previst fl-Artikolu 36(4) tad-Direttiva 2009/73/KE meta l-infrastruttura konċernata tkun tinsab fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed.

    Artikolu 11

    Il-kompiti tal-ACER fir-rigward tal-infrastruttura

    F'dak li jirrigwarda l-infrastrutturi tal-enerġija trans-Ewropej, l-ACER, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji u mal-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass, għandha:

    (a) 

    timmonitorja l-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' proġetti sabiex tinħoloq kapaċità ta' interkonnetturi;

    (b) 

    timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha. Jekk l-ACER issib inkonsistenzi bejn dawk il-pjanijiet u l-implimentazzjoni tagħhom, hija għandha tinvestiga r-raġunijiet ta' dawk l-inkonsistenzi u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmizzjoni konċernati, lill-awtoritajiet regolatorji jew entitajiet kompetenti oħrajn konċernati bl-iskop li jiġu implimentati l-investimenti skont il-pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha;

    ▼M1

    (c) 

    twettaq l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5, fl-Artikoli 11(3), fl-Artikoli 11(6) sa (9), fl-Artikoli 12, 13 u 17 u fit-Taqsima 2, il-punt (12), tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2022/869tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 );

    (d) 

    tieħu deċiżjonijiet dwar talbiet ta’ investiment, inkluża l-allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet skont l-Artikolu 16(7) tar-Regolament (UE) 2022/869.

    ▼B

    Artikolu 12

    Il-kompiti tal-ACER fir-rigward tal-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa

    Sabiex l-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa jiġu sorveljati b'mod effettiv, l-ACER, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali oħra, għandha

    (a) 

    tissorvelja s-swieq bl-ingrossa, tiġbor u tikkondividi data u tistabbilixxi reġistru Ewropew ta' parteċipanti fis-suq skont l-Artikoli 7 sa 12 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

    (b) 

    toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

    (c) 

    tikkoordina investigazzjonijiet skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

    Artikolu 13

    Il-kummissjonar ta' kompiti ġodda lill-ACER

    L-ACER tista', f'ċirkustanzi definiti b'mod ċar mill-Kummissjoni fil-kodiċijiet tan-netwerk adottati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 u fil-linji gwida adottati skont l-Artikolu 61 ta' dak ir-Regolament jew fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, u dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-raġunijiet li għaliha twaqqfet, tingħata kompiti addizzjonali li ma jinvolvux setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

    Artikolu 14

    Konsultazzjonijiet, trasparenza u salvagwardji proċedurali

    1.  
    Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, b'mod partikolari fil-proċess ta' żvilupp ta' linji gwida ta' qafas skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, u fil-proċess ta' proposti għal emendi tal-kodiċijiet tan-netwerk taħt l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 l-ACER għandha tikkonsulta, b'mod estensiv, fi stadju bikri mal-parteċipanti fis-suq, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, il-konsumaturi, l-utenti finali u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tagħhom, b'mod miftuħ u trasparenti, b'mod partikolari meta l-kompiti tagħha jikkonċernaw l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni.
    2.  
    L-ACER għandha tiżgura li l-pubbliku u l-partijiet kollha interessati jingħataw informazzjoni oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli faċilment, b'mod partikolari rigward ir-riżultati tal-ħidma tagħha, fejn ikun xieraq.

    Id-dokumenti u l-minuti kollha tal-laqgħat ta' konsultazzjoni li jsiru matul l-iżvilupp tal-linji gwida ta' qafas skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, jew matul l-emenda tal-kodiċijiet tan-netwerk imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu pubbliċi.

    3.  
    Qabel jiġu adottati l-linji gwida ta' qafas jew proposti għal emendi tal-kodiċijiet tan-netwerk kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-ACER għandha tindika kif ittieħed kont tal-osservazzjonijiet li rċeviet matul il-konsultazzjoni u tagħti r-raġunijiet għal dawk l-osservazzjonijiet li ma ġewx segwiti.
    4.  
    L-ACER għandha tippubblika fil-websajt tagħha, tal-anqas l-aġenda, id-dokumenti preparatorji, u fejn ikun xieraq, il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Amministrazzjoni, tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord tal-Appell.
    5.  
    L-ACER għandha tadotta u tippubblika regoli ta' proċedura adegwati u proporzjonati skont il-proċedura stabbilita fil-punt (t) tal-Artikolu 19(1). Dawk ir-regoli għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jiżguraw proċess trasparenti u raġonevoli ta' teħid tad-deċiżjonijiet li jiggarantixxi drittijiet proċedurali fundamentali bbażati fuq l-istat tad-dritt, inkluż id-dritt li wieħed jinstema', id-dritt tal-aċċess għall-fajls u l-istandards speċifikati fil-paragrafi 6, 7 u 8.
    6.  
    Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni individwali kif previsti f'dan ir-Regolament, l-ACER għandha tinforma lil kwalunkwe parti kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tadotta dik id-deċiżjoni, u għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih il-parti kkonċernata tista' tesprimi l-fehmiet tagħha dwar il-kwistjoni, b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni.
    7.  
    Id-deċiżjonijiet individwali tal-ACER għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati sabiex ikun possibbli li jsir appell fuq il-merti.
    8.  
    Il-partijiet ikkonċernati mid-deċiżjonijiet individwali tal-Aġenzija għandhom jiġu infurmati bir-rimedji legali disponibbli skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 15

    Monitoraġġ u rappurtar dwar is-setturi tal-elettriku u tal-gass naturali

    1.  
    L-ACER, b'kopereazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, inklużi l-awtoritajiet regolatorji, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-awtoritajiet għall-kompetizzjoni, għandha timmonitorja s-swieq bl-ingrossa u bl-imnut tal-elettriku u tal-gass naturali, b'mod partikolari l-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku u tal-gass naturali, il-konformità mad-drittijiet tal-konsumaturi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/944 u d-Direttiva 2009/73/KE, l-impatt tal-iżviluppi tas-swieq fuq il-konsumaturi domestiċi, l-aċċess għan-netwerks inkluż l-aċċess għal elettriku li jkun prodott minn sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, il-progress miksub rigward l-interkonnetturi, l-ostakoli potenzjali għall-kummerċ transfruntier, l-ostakoli regolatorji għal kompetituri ġodda fis-suq u atturi iżgħar, inklużi l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadin, interventi mill-istat li ma jħallux li l-prezzijiet jirriflettu l-iskarsezza reali, bħal dawk stipulati fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi kif imsemmi fl-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament, b'kont meħud, b'mod partikolari, tal-evalwazzjoni ex-post imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2019/941.
    2.  
    L-ACER għandha tippubblika rapport fuq bażi annwali dwar ir-riżultati tal-attività ta' monitoraġġ tagħha imsemmija fil-paragrafu 1. F'dan ir-rapport hija għandha tidentifika kwalunkwe ostaklu għat-tlestija tas-swieq interni fl-elettriku u l-gass naturali.
    3.  
    Meta tippubblika r-rapport annwali tagħha l-ACER tista' tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-miżuri possibbli biex jitneħħew l-ostakoli li jirreferi għalihom il-paragrafu 2.
    4.  
    L-ACER għandha toħroġ rapport tal-aħjar prattiki dwar il-metodoloġiji tat-tariffi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni skont l-Artikolu 18(9) tar-Regolament (UE) 2019/943;



    Kapitolu II

    Organizzazzjoni tal-ACER

    Artikolu 16

    Status legali

    1.  
    L-ACER għandha tkun entità tal-Unjoni b'personalità ġuridika.
    2.  
    F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-ACER għandu jkollha l-kapaċità ġuridika l-aktar wiesgħa li tista' tingħata lil persuni ġuridiċi li jaqgħu taħt il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjeta' mobbli jew immobbli u tkun parti fi proċeduri legali.
    3.  
    L-ACER għandha tkun rappreżentata mid-Direttur tagħha.
    4.  
    L-ACER għandu jkollha s-sede tagħha f'Ljubljana, is-Slovenja.

    Artikolu 17

    Struttura Amministrattiva u ta' Ġestjoni

    L-ACER għandha tkun magħmula minn:

    (a) 

    Bord tal-Amministrazzjoni, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 19;

    (b) 

    Bord ta' Regolaturi, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 22;

    (c) 

    Direttur, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 24; u

    (d) 

    Bord tal-Appell, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 28.

    Artikolu 18

    Il-kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

    1.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jkun magħmul minn disa' membri. Kull membru għandu jkollu supplenti. Żewġ membri u s-sostituti tagħhom jinħatru mill-Kummissjoni, żewġ membri u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru mill-Parlament Ewropew u ħames membri u s-supplenti tagħhom għandhom jinħatru mill-Kunsill. L-ebda Membru tal-Parlament Ewropew m'għandu jkun membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni. Membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni ma għandux ikun membru tal-Bord tar-Regolaturi.
    2.  
    Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni u s-supplenti tagħhom għandu jkun ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba. Għall-ewwel mandat, iż-żmien għandu jkun ta' sitt snin għal nofs il-membri u s-supplenti tagħhom.
    3.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jeleġġi l-President u l-Viċi President minn fost il-membri tiegħu b'maġġoranza ta' żewġ terzi. Il-Viċi President għandu awtomatikament jieħu post il-President jekk dan ma jkunx f'qagħda li jaqdi dmirijietu. Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jkun ta' sentejn, u jista' jiġġedded darba. Il-mandat tal-President u dak tal-Viċi President għandhom jiskadu malli ma jibqgħux membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni.
    4.  
    Il-laqgħat tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jissejħu mill-President tiegħu. Il-President tal-Bord tar-Regolaturi, jew il-persuna nominata tal-Bord ta' Regolaturi, u d-Direttur għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr dritt għall-vot, sakemm il-Bord tal-Amministrazzjoni ma jiddeċidix mod ieħor fir-rigward tad-Direttur. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jiltaqa' tal-anqas darbtejn fis-sena f'sessjoni ordinarja. Għandu jiltaqa' wkoll fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq talba ta' għall-anqas terz mill-membri tiegħu. Il-Bord tal-Amministrazzjoni jista' jistieden lil kwalunkwe persuna b'opinjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti sabiex tattendi l-laqgħat bħala osservatur. Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni jistgħu, soġġett għar-regoli ta' proċedura tiegħu, jingħataw għajnuna minn konsulenti jew esperti. Is-servizzi segretarjali tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jiġu pprovduti mill-ACER.
    5.  
    Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom ikunu adottati fuq il-bażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti, sakemm dan ir-Regolament ma jipprevedix mod ieħor. Kull membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni jew is-supplenti tiegħu għandu jkollu vot wieħed.
    6.  

    Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistipulaw b'aktar dettall:

    (a) 

    l-arranġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, partikolarment il-kondizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor, kif ukoll, fejn xieraq, ir-regoli rigward il-kworum; u

    (b) 

    l-arranġamenti li jirregolaw ir-rotazzjoni applikabbli għat-tiġdid tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li jiġu maħtura mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni bbilanċjata tal-Istati Membri matul iż-żmien.

    7.  
    Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-membri maħtura mill-Kummissjoni, il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jintrabtu li jaġixxu b'mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra. Għal dan il-għan, kull membru għandu jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-impenji u dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-interessi li jindikaw jew in-nuqqas ta' kull interess li jista' jiġi meqjus li jippreġudika l-indipendenza tiegħu jew kull interess dirett jew indirett li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħha. L-ACER għandu jagħmel dawk id-dikjarazzjonijiet pubbliċi fuq bażi annwali.

    Artikolu 19

    Il-funzjonijiet tal-Bord tal-Amministrazzjoni

    1.  

    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu:

    (a) 

    wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi u kiseb l-opinjoni favorevoli tiegħu f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 22(5), jaħtar lid-Direttur bi qbil mal-Artikolu 23(2) u meta rilevanti għandu jestendi l-mandat tiegħu jew ineħħih mill-kariga;

    (b) 

    jaħtar formalment lill-membri tal-Bord tar-Regolaturi nominati bi qbil mal-Artikolu 21(1);

    (c) 

    jaħtar formalment lill-membri tal-Bord tal-Appell bi qbil mal-Artikolu 25(2);

    (d) 

    jiżgura li l-ACER twettaq il-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha skont dan ir-Regolament;

    (e) 

    jadotta d-dokument ta' programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(1) b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu u, jekk applikabbli, jemendah skont l-Artikolu 20(3);

    (f) 

    jadotta b'maġġoranza ta' żewġ terzi, il-baġit annwali tal-ACER u jeżerċita l-funzjonijiet baġitarji l-oħrajn tiegħu bi qbil mal-Artikoli 31 sa 35;

    (g) 

    jiddeċiedi, wara li jkun kiseb il-qbil tal-Kummissjoni, jekk għandux jaċċetta legati, donazzjonijiet jew għotjiet minn sorsi tal-Unjoni oħra jew kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet regolatorji. L-opinjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni mogħtija bi qbil mal-Artikolu 35(4) għandha tindirizza espliċitament is-sorsi ta' finanzjament stabbiliti f'dan il-paragrafu;

    (h) 

    wara li jikkonsulta l-Bord tar-Regolaturi, jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur. Barra minn hekk, b'konformità mal-paragrafu 2, għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-ACER, is-setgħat mogħtija permezz tar-Regolamenti tal-Persunal fuq l-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg lill-Awtorità li jkollha s-Setgħa Tikkonkludi Kuntratt ta' Impieg;

    (i) 

    ifassal, fejn meħtieġ, ir-regoli ta' implimentazzjoni tal-ACER li japplikaw ir-regoli tal-persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg b'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal bi qbil mal-Artikolu 39(2);

    (j) 

    għandu jadotta miżuri prattiċi rigward id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-ACER, bi qbil mal-Artikolu 41;

    (k) 

    jadotta u jippubblika r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-ACER, abbażi tal-abbozz tar-rapport annwali msemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 24(1) u għandu jippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta' Lulju ta' kull sena,. Ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-ACER għandu jkun fih sezzjoni indipendenti, approvata mill-Bord tar-Regolaturi, dwar l-attivitajiet regolatorji tal-ACER matul dik is-sena;.

    (l) 

    jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu;

    (m) 

    jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-ACER skont l-Artikolu 36;

    (n) 

    jadotta strateġija kontra l-frodi, proporzjonata mar-riskji ta' frodi, filwaqt li jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li jkunu se jiġu implimentati;

    (o) 

    jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu, kif ukoll fir-rigward tal-membri tal-Bord tal-Appell;

    (p) 

    jadotta u jaġġorna b'mod regolari l-pjanijiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni msemmija fl-Artikolu 41;

    (q) 

    jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li għandu jkun totalment indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu;

    (r) 

    jiżgura segwitu xieraq għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet interni u esterni tal-awditjar, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“OLAF”);

    (s) 

    jawtorizza l-konklużjoni tal-arranġamenti tax-xogħol skont l-Artikolu 43;

    (t) 

    abbażi ta' proposta mid-Direttur skont il-punt (b) tal-Artikolu 24(1) u wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi u kiseb l-opinjoni favorevoli tiegħu skont il-punt (f) tal-Artikolu 22(5), jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura msemmija skont l-Artikolu 14(5).

    2.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, filwaqt li jiddelega s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra rilevanti lid-Direttur u jiddefinixxi l-kondizzjonijiet skont liema dik id-delega ta' setgħat tista' tiġi sospiża. Id-Direttur għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat.
    3.  
    Fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jitolbu li jsir hekk, il-Bord tal-Amministrazzjoni jista', permezz ta' deċiżjoni, jissospendi b'mod temporanju d-delega tas-setgħat ta' awtorità tal-ħatra lid-Direttur u lil dawk li jkunu ġew sottodelegati minn dan tal-aħħar, favur tiegħu stess, jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal, għajr lid-Direttur. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu strettament limitati għal kwistjonijiet amministrattivi, baġitarji jew maniġerjali u mingħajr preġudizzju għall-indipendenza sħiħa tad-Direttur dwar il-kompiti tiegħu skont il-punt (c) tal-Artikolu 24(1).

    Artikolu 20

    Programmazzjoni annwali u pluriennali

    1.  
    Kull sena, id-Direttur għandu jħejji abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni li jkun fih il-programmazzjoni annwali u pluriennali, u għandu jippreżenta l-abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni u lill-Bord tar-Regolaturi.

    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta l-abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni wara li jkun irċieva l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar.

    L-abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni għandu jkun konformi mal-abbozz provviżorju tal-estimi stabbilit skont l-Artikoli 33(1), (2) u (3).

    Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta dokument ta' programmazzjoni. B'kunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-Kummissjoni, wara li jirċievi l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi, u wara li d-Direttur ikun ippreżentah lill-Parlament Ewropew. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jippreżenta d-dokument ta' programmazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru.

    Id-dokument ta' programmazzjoni għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja annwali u għandu jsir pubbliku;

    Id-dokument ta' programmazzjoni isir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali u, jekk ikun meħtieġ, dan għandu jiġi aġġustat.

    2.  
    Il-programmazzjoni annwali fid-dokument ta' programmazzjoni għandu jinkludi l-għanijiet fid-dettall u r-riżultati mistennija, inkluż l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, inkluża referenza għall-gruppi ta' ħidma tal-ACER inkarigati milli jikkontribwixxu għall-abbozzar tad-dokumenti rispettivi, skont il-prinċipji ta' baġitjar u ġestjoni bbażati fuq l-attività. Il-programmazzjoni annwali għandha tkun koerenti mal-programmazzjoni pluriennali msemmija fil-paragrafu 4. Din għandha tindika b'mod ċar il-kompiti li ġew miżjuda, mibdula jew imħassra b'paragun mas-sena finanzjarja preċedenti.
    3.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jemenda d-dokument ta' programmazzjoni adottat meta l-ACER tingħata kompitu ġdid.

    Kwalunkwe emenda sostanzjali fid-dokument ta' programmazzjoni għandha tiġi addottata bl-istess proċedura stipulata għad-dokument ta' programmazzjoni inizjali. Il-Bord tal-Amministrazzjoni jista' jiddelega s-setgħa li jsiru emendi mhux sostanzjali fid-dokument tal-programmazzjoni lid-Direttur.

    4.  
    Il-programmazzjoni pluriennali fid-dokument ta' programmazzjoni għandha tistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali li tinkludi l-għanijiet, ir-riżultati mistennija u indikaturi tal-prestazzjoni. Għandha tistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inklużi l-baġit pluriennali u l-persunal.

    Il-programmazzjoni tar-riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata meta jkun hemm bżonn, b'mod partikolari biex tindirizza l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 45.

    Artikolu 21

    Kompożizzjoni tal-Bord tar-Regolaturi

    1.  

    Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkun magħmul minn:

    (a) 

    rappreżentanti għoljin tal-awtoritajiet regolatorji, skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2009/73/KE, u supplenti minn kull Stat Membru minn fost il-persunal anzjan attwali ta' dawk l-awtoritajiet, it-tnejn li huma nominati mill-awtorità regolatorja;

    (b) 

    rappreżentant tal-Kummissjoni li ma jkollux dritt tal-vot.

    Rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru biss mill-awtorità regolatorja jista' jidħol fil-Bord tar-Regolaturi.

    2.  
    Il-Bord tar-Regolaturi għandu jeleġġi President u Viċi President mill-membri tiegħu. Il-Viċi President għandu jieħu post il-President jekk dan ma jkunx f'qagħda li jwettaq il-kompiti tiegħu. Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jkun ta' sentejn u nofs, u jista' jiġġedded. Madankollu, fi kwalunkwe każ, il-mandat tal-President u dak tal-Viċi President għandhom jiskadu malli ma jibqgħux membri tal-Bord tar-Regolaturi.

    Artikolu 22

    Funzjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi

    1.  
    Il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti tiegħu b'vot għal kull membru.
    2.  
    Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċeduri tiegħu li għandhom jistabbilixxu b'aktar dettalji l-arranġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, b'mod partikolari l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom membru wieħed jista' jaġixxi f'isem ieħor u anki, fejn ikun xieraq, ir-regoli li jirregolaw il-kworums. Ir-regoli ta' proċedura jistgħu jipprevedu metodi ta' ħidma għall-konsiderazzjoni ta' kwistjonijiet li jqumu fil-kuntest ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali.
    3.  
    Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu b'dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-membri tiegħu li jaġixxu f'isem l-awtorità regolatorja rispettiva tagħhom, il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b'mod indipendenti u m'għandu jfittex jew jaċċetta istruzzjonijiet minn ebda gvern ta' xi Stat Membru, mill-Kummissjoni, jew minn xi entità pubblika jew privata oħra.
    4.  
    Is-servizzi segretarjali tal-Bord tar-Regolaturi għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija.
    5.  

    Il-Bord tar-Regolaturi għandu:

    (a) 

    jagħti opinjonijiet u, fejn xieraq, kummenti u emendi għat-test tal-proposti tad--Direttur għal abbozzi ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3(1), l-Artikoli 4 sa 8, l-Artikolu 9(1) u (3), l-Artikolu 10, il-punt (c) tal-Artikolu 11, l-Artikolu 13, l-Artikolu 15(4), u l-Artikoli 30 u 43 li huma kkunsidrati għall-adozzjoni;

    (b) 

    fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, jservi ta' gwida lid-Direttur fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet tal-ACER skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u jservi ta' gwida lill-gruppi ta' ħidma tal-ACER stabbiliti skont l-Artikolu 30.

    (c) 

    jipprovdi opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar il-kandidat li jkun ser jinħatar bħala Direttur bi qbil mal-punt (a) tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 23(2);

    (d) 

    japprova d-dokument ta' programmazzjoni skont l-Artikolu 20(1);

    (e) 

    japprova t-taqsima indipendenti tar-rapport annwali rigward l-attivitajiet regolatorji, skont il-punt (k) tal-Artikolu 19(1) u l-punt (i) tal-Artikolu 24(1);

    (f) 

    jagħti opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar ir-regoli ta' proċedura skont l-Artikolu 14(5) u l-Artikolu 30(3);

    (g) 

    jagħti opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar il-pjanijiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni msemmija fl-Artikolu 41;

    (h) 

    jagħti opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar ir-regoli ta' proċedura għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 43.

    6.  
    Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar l-abbozz ta' aġenda tal-laqgħat li jmiss tal-Bord tar-Regolaturi mill-anqas ġimagħtejn qabel ma ssir laqgħa. Fi żmien ġimagħtejn wara l-laqgħa tal-Bord tar-Regolaturi, l-abbozz tal-minuti tal-laqgħa għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew jista' jistieden, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tiegħu, lill-President tal-Bord tar-Regolaturi, jew lill-Viċi President, biex jagħmel stqarrija quddiem il-kumitat kompetenti tiegħu u biex iwieġeb il-mistoqsijiet li jkunu saru mill-membri ta' dan il-kumitat.

    Artikolu 23

    Id-Direttur

    1.  
    L-ACER għandha titmexxa mid-Direttur tagħha, li għandu jaġixxi skont il-gwida msemmija fit-tieni sentenza tal-punt (b) tal-Artikolu 22(5) u, fejn previst f'dan ir-Regolament, skont l-opinjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi. Mingħajr preġudizzju għall-irwoli rispettivi tal-Bord tal-Amministrazzjoni u tal-Bord tar-Regolaturi fir-rigward tal-kompiti tad-Direttur, id-Direttur m'għandu jfittex jew jaċċetta istruzzjonijiet minn ebda gvern, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew minn xi entità jew persuna pubblika jew privata oħra. Id-Direttur għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord tal-Amministrazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet amministrattivi, baġitarji u maniġerjali, iżda jibqa' kompletament indipendenti fir-rigward tal-kompiti tiegħu skont il-punt (c) tal-Artikolu 24(1). Id-Direttur jista' jattendi l-laqgħat tal-Bord tar-Regolaturi bħala osservatur.
    2.  
    Id-Direttur għandu jinħatar mill-Bord tal-Amministrazzjoni wara l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi, abbażi tal-mertu kif ukoll tal-ħiliet u tal-esperjenza rilevanti mis-settur tal-enerġija minn lista ta' mill-anqas tliet kandidati proposti mill-Kummissjoni, u wara li tkun saret proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti. Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu. Għall-għan tal-konklużjoni tal-kuntratt mad-Direttur, l-ACER għandha tiġi rappreżentata mill-President tal-Bord tal-Amministrazzjoni.
    3.  

    Il-mandat tad-Direttur għandu jkun ta' ħames snin. Matul id-disa' xhur qabel it-tmiem ta' dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni. Fl-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa b'mod partikolari:

    (a) 

    il-prestazzjoni tad-Direttur;

    (b) 

    id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-ACER fis-snin ta' wara.

    4.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, wara li jkun ikkonsulta l-Bord tar-Regolaturi u ta l-akbar konsiderazzjoni għall-valutazzjoni u l-opinjoni tal-Bord tar-Regolaturi u biss fejn iġġustifikat abbażi tad-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-ACER, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur darba sa mhux aktar minn ħames snin. Direttur li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż m'għandhux jipparteċipa fi proċedura ta' għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perjodu li jkun ġie estiż.
    5.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur. Fi żmien xahar qabel l-estensjoni tal-mandat tiegħu, id-Direttur jista' jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri ta' dak il-kumitat.
    6.  
    Jekk il-mandat tiegħu ma jiġix estiż, id-Direttur għandu jibqa' fil-kariga sal-ħatra tas-suċċessur tiegħu.
    7.  
    Id-Direttur jista' jitneħħa mill-kariga tiegħu biss permezz ta' deċiżjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni, wara li dan ikun kiseb l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jilħaq din id-deċiżjoni abbażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu.
    8.  
    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lid-Direttur jippreżenta rapport dwar il-qadi ta' dmirijietu. Il-Parlament Ewropew jista' wkoll jistieden lid-Direttur biex jagħmel stqarrija quddiem il-kumitat kompetenti tagħha u jwieġeb il-mistoqsijiet li jkunu saru mill-membri ta' dak il-kumitat.

    Artikolu 24

    Il-Kompiti tad-Direttur

    1.  

    Id-Direttur għandu:

    (a) 

    ikun ir-rappreżentant legali tal-ACER, u għandu jkun responsabbli mit-tmexxija tagħha ta' kuljum;

    (b) 

    iħejji l-ħidma tal-Bord tal-Amministrazzjoni, jipparteċipa, mingħajr ma jkollu dritt għall-vot, fil-ħidma tal-Bord tal-Amministrazzjoni u jkollu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tal-Amministrazzjoni;

    (c) 

    jabbozza, jikkonsulta dwar, jadotta u jippubblika opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet;

    (d) 

    ikun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali tal-ACER, taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi u taħt il-kontroll amministrattiv tal-Bord tal-Amministrazzjoni;

    (e) 

    jieħu l-passi kollha meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni ta' istruzzjonijiet amministrattivi interni u ta' notifiki ta' pubblikazzjoni, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ACER skont dan ir-Regolament;

    (f) 

    iħejji kull sena l-abbozz tal-programm ta' ħidma tal-ACER għas-sena ta' wara, u, wara l-adozzjoni tal-abbozz mill-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jippreżentah lill-Bord tar-Regolaturi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar ta' kull sena.

    (g) 

    ikun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dokument ta' programmazzjoni u għar-rappurtar lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

    (h) 

    ifassal abbozz proviżorju tal-estimi tal-ACER bi qbil mal-Artikolu 33(1), u għandu jimplimenta l-baġit tal-ACER bi qbil mal-Artikoli 34 u 35;

    (i) 

    kull sena jħejji u jippreżenta lill-Bord tal-Amministrazzjoni abbozz tar-rapport annwali li għandu jinkludi taqsima indipendenti dwar l-attivitajiet regolatorji tal-ACER, kif ukoll taqsima dwar kwistjonijiet finanzjarji u amminstrattivi;

    (j) 

    iħejji pjan ta' azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar u l-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll dwar l-investigazzjonijiet li jsiru mill-OLAF, u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u jirrapporta b'mod regolari dwar il-progress lill-Bord tal-Amministrazzjoni;

    (k) 

    ikun responsabbli biex jiddeċiedi jekk għall-fini li jitwettqu l-kompiti tal-ACER b'mod effiċjenti u effettiv, ikunx neċessarju li jiġi lokalizzat membru wieħed tal-persunal jew aktar fi Stat Membru wieħed jew aktar.

    Għall-fini tal-punt (k) tal-ewwel subparagrafu, qabel ma jiddeċiedi li jistabbilixxi uffiċċju lokali, id-Direttur għandu jitlob l-opinjoni tal-Istati Membri kkonċernati, inkluż l-Istat Membru fejn tkun is-sede tal-ACER, u għandu jikseb l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni u tal-Bord tal-Amministrazzjoni. Id-deċiżjoni, għandha tkun ibbażata fuq analiżi xierqa tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u għandha tispeċifika l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu f'dak l-uffiċċju lokali b'mod li jiġu evitati spejjeż bla bżonn u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-ACER.

    2.  
    Għall-fini tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-adozzjoni ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3(1), l-Artikoli 4 sa 8, l-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikolu 10, il-punt (c) tal-Artikolu 11, l-Artikolu 13, l-Artikolu 15(4) u l-Artikoli 30 u 43 għandhom jiġu adottati biss wara li tkun inkisbet l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi.

    Qabel ma jippreżenta abbozzi ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet għal vot mill-Bord tar-Regolaturi, id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozzi ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet lill-grupp ta' ħidma rilevanti għall-konsultazzjoni suffiċjentement minn qabel.

    Id-Direttur:

    (a) 

    għandu jqis il-kummenti u l-emendi tal-Bord tar-Regolaturi u għandu jippreżenta mill-ġdid l-abbozz rivedut ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni lill-Bord tar-Regolaturi għal opinjoni;

    (b) 

    jista' jirtira abbozzi ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet ippreżentati sakemm id-Direttur jippreżenta spjegazzjoni debitament ġustifikata bil-miktub fejn id-Direttur ma jaqbilx mal-emendi ppreżentati mill-Bord tar-Regolaturi;

    Fil-każ tal-irtirar ta' abbozz ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni, id-Direttur jista' joħroġ abbozz ġdid ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni skont il-proċedura stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 22(5) u fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Għall-finijiet tal-punt (a) tat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu, fejn id-Direttur jiddevja mill-kummenti u l-emendi rċevuti mill-Bord tar-Regolaturi, jew jirrifjutahom, id-Direttur għandu jipprovdi spjegazzjoni debitament iġġustifikati bil-miktub.

    Jekk il-Bord tar-Regolaturi ma jagħtix opinjoni favorevoli dwar it-test ippreżentat mill-ġdid tal-abbozz ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni minħabba li l-kummenti u l-emendi tiegħu ma ġewx riflessi kif xieraq fit-test ippreżentat mill-ġdid, id-Direttur jista' jirrevedi t-test tal-abbozz ta' opinjoni, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni ulterjorment f'konformità mal-emendi u l-kummenti proposti mill-Bord tar-Regolaturi sabiex jikseb l-opinjoni favorevoli tiegħu, mingħajr ma jkollu jikkonsulta għal darb'oħra l-grupp ta' ħidma rilevanti jew ma jkollu jipprovdi raġunijiet addizzjonali bil-miktub.

    Artikolu 25

    Il-ħolqien u l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell

    1.  
    L-ACER għandha twaqqaf Bord tal-Appell.
    2.  
    Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn sitt membri u sitt sostituti, magħżula minn fost persunal fi gradi għolja, attwali jew tal-passat, tal-awtoritajiet nazzjonali, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew istituzzjonijiet tal-Unjoni jew nazzjonali oħra, b'esperjenza rilevanti fis-settur tal-enerġija. Il-Bord tal-Appell għandu jaħtar il-President tiegħu.

    Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jinħatru formalment mill-Bord tal-Amministrazzjoni, fuq proposta tal-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għal espressjoni ta' interess, u wara li jikkonsultaw mal-Bord tar-Regolaturi.

    3.  
    Il-Bord tal-Appell għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu. Dawk ir-regoli għandhom jistabbilixxu b'mod dettaljat l-arranġamenti li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Bord tal-Appell u r-regoli applikabbli għal appelli quddiem il-Bord, skont l-Artikolu 28. Il-Bord tal-Appell għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tar-regoli ta' proċedura tiegħu kif ukoll kwalunkwe bidla sinifikanti għal dawk ir-regoli. Il-Kummissjoni tista' tagħti opinjoni dwar dawk ir-regoli fi żmien tliet xhur mid-data ta' meta tirċievi n-notifika.

    Il-baġit tal-ACER għandu jinkludi linja baġitarja separata għall-finanzjament tal-funzjonament tar-reġistru tal-Bord tal-Appell.

    4.  
    Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu adottati abbażi ta' maġġoranza ta' mill-anqas erbgħa mis-sitt membri tiegħu. Il-Bord tal-Appell għandu jiltaqa' meta jkun meħtieġ.

    Artikolu 26

    Il-Membri tal-Bord tal-Appell

    1.  
    Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Appell għandu jkun ta' ħames snin. Dak il-mandat għandu jkun jista' jiġġedded darba.
    2.  
    Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jaġixxu b'mod indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Huma ma għandhomx ikunu marbutin b'ebda istruzzjoni. Ma jistgħu jwettqu l-ebda dmir ieħor fl-ACER, fil-Bord tal-Amministrazzjoni tagħha, fil-Bord tar-Regolaturi tagħha jew fi kwalunkwe wieħed mill-gruppi ta' ħidma tagħha. Il-membri tal-Bord tal-Appell m'għandhomx jitneħħew mill-kariga tagħhom waqt il-mandat, sakemm membru ma jinstabx ħati ta' kondotta ħażina serja u l-Bord tal-Amministrazzjoni, wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi, jieħu deċiżjoni f'dak ir-rigward.

    Artikolu 27

    Esklużjoni u oġġezzjoni fil-Bord tal-Appell

    1.  
    Il-membri tal-Bord tal-Appell m'għandhomx jieħdu sehem fl-ebda proċedura ta' appell jekk ikollhom xi interess personali, jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta' waħda mill-partijiet għall-proċeduri, jew jekk kienu pparteċipaw fid-deċiżjoni taħt appell.
    2.  
    Membru tal-Bord tal-Appell għandu jinforma lill-Bord fil-każ li hu, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew għal xi raġuni oħra, jidhirlu li membru sieħeb m'għandux jieħu sehem f'xi proċedura tal-appell. Kwalunkwe parti għall-proċeduri tal-appell tista' toġġezzjona għall-parteċipazzjoni ta' xi Membru tal-Bord tal-Appell għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew f'każ ta' suspett ta' parzjalità. Tali oġġezzjoni m'għandhiex tkun ammissibbli jekk tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità ta' membru jew jekk il-parti li qed toġġezzjona fil-proċedura tal-appell, waqt li tkun konxja mir-raġuni għal oġġezzjoni, tkun għamlet atti proċedurali fil-proċedimenti tal-appell li jkunu diversi mill-oġġezzjoni għall-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell.
    3.  
    Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat. Għall-iskopijiet tat-teħid ta' din id-deċiżjoni, il-membru kkonċernat għandu jiġi sostitwit fuq il-Bord tal-Appell mis-supplenti tiegħu. Jekk is-supplenti jsib ruħu f'qagħda simili, il-President għandu jaħtar sostitut minn fost is-supplenti l-oħra disponibbli.
    4.  
    Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jaraw li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku. Għal dan il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni bil-miktub tal-impenji u dikjarazzjoni bil-miktub tal-interessi li tkun tindika n-nuqqas ta' kull interess li jista' jiġi meqjus li jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew li jintika kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi ta' kull sena.

    Artikolu 28

    Deċiżjonijiet soġġetti għal appell

    1.  
    Kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji, tista' tappella kontra deċiżjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2 li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta' deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna.
    2.  
    L-appell għandu jinkludi stqarrija tar-raġunijiet għall-appell u għandu jitressaq bil-miktub lill-ACER fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, jew, fin-nuqqas tagħha, fi żmien xahrejn mill-jum li fih l-ACER tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha. Il-Bord tal-Appell ghandu jiddeċiedi dwar l-appell fi żmien erba' xhur wara li jkun tressaq l-appell.
    3.  
    Appell li jsir skont il-paragrafu 1 hawn fuq m'għandux ikollu effett ta' sospensjoni. Il-Bord tal-Appell jista', madankollu, jekk iqis illi ċ-ċirkostanzi hekk jirrikjedu, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
    4.  
    Jekk l-appell ikun ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk l-appell huwiex imsejjes fuq bażi soda. Kull meta jkun meħtieġ, għandu jistieden lill-partijiet għall-proċeduri tal-appell sabiex iressqu osservazzjonijiet dwar notifiki maħruġa minnu stess, jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħra għall-proċeduri tal-appell, fil-limiti ta' żmien speċifikati. Il-partijiet għall-proċeduri tal-appell għandu jkollhom il-jedd li jagħmlu preżentazzjoni orali.
    5.  
    Il-Bord tal-Appell jista' jikkonferma d-deċiżjoni, jew jista' jgħaddi l-każ lill-entità kompetenti tal-ACER. Din tal-aħħar għandha tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.
    6.  
    L-ACER għandha tippubblika d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Appell.

    Artikolu 29

    Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    Kawżi dwar l-annullament ta' deċiżjoni maħruġa mill-ACER skont dan ir-Regolament u azzjonijiet għal nuqqas ta' azzjoni fil-limiti ta' żmien applikabbli, jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss wara li tkun intemmet il-proċedura tal-appell imsemmija fl-Artikolu 28. L-ACER għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 30

    Gruppi ta' ħidma

    1.  
    Meta jkun ġustifikat, u b'mod partikolari biex jappoġġa l-ħidma tad-Direttur u tal-Bord tar-Regolaturi fir-rigward ta' kwistjonijiet regolatorji u għall-fini tat-tħejjija ta' opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), l-Artikoli 4 sa 8, l-Artikolu 9(1) u (3), l-Artikolu 10, il-punt (c) tal-Artikolu 11, l-Artikolu 13, l-Artikolu 15(4), u l-Artikoli 30 u 43, il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jistabbilixxi jew ineħħi gruppi ta' ħidma abbażi ta' proposta konġunta mid-Direttur u l-Bord tar-Regolaturi.

    It-twaqqif jew it-tneħħija ta' grupp ta' ħidma għandu jirrikjedi opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi.

    2.  
    Il-gruppi ta' ħidma għandhom ikunu magħmula minn esperti mill-persunal tal-ACER u mill-awtoritajiet regolatorji. L-esperti mill-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw fil-gruppi ta' ħidma. L-ACER m'għandhiex tkun responsabbli għall-ispejjeż għall-parteċipazzjoni ta' esperti mill-persunal ta' awtoritajiet regolatorji fil-gruppi ta' ħidma tal-ACER. Il-gruppi ta' ħidma għandhom iqisu l-fehmiet ta' esperti minn awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn fejn dawk l-awtoritajiet ikunu kompetenti.
    3.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta u jippubblika regoli ta' proċedura interni għall-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma abbażi ta' proposta mid-Direttur u wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi u kiseb l-opinjoni favorevoli tiegħu.
    4.  
    Il-Gruppi ta' Ħidma tal-ACER għandhom iwettqu l-attivitajiet assenjati lilhom fid-dokument ta' programmazzjoni adottat skont l-Artikolu 20 u kwalunkwe attività skont dan ir-Regolament assenjata lilhom mill-Bord tar-Regolaturi u mid-Direttur.



    Kapitolu III

    It-twaqqif u l-istruttura tal-baġit

    Artikolu 31

    L-istruttura tal-baġit

    1.  

    Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-ACER għandu jkun magħmul minn:

    (a) 

    kontribuzzjoni mill-Unjoni;

    (b) 

    id-drittijiet imħallsa lill-ACER bi qbil mal-Artikolu 32;

    (c) 

    kwalunkwe kontributi volontarji mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet regolatorji skont il-punt (g) tal-Artikolu 19(1);

    (d) 

    legati, donazzjonijiet jew għotjiet skont il-punt (g) tal-Artikolu 19(1).

    2.  
    In-nefqa tal-ACER għandha tinkludi l-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi, l-ispejjeż infrastrutturali u l-ispejjeż operattivi.
    3.  
    Id-dħul u l-infiq tal-ACER għandhom ikunu f'bilanċ.
    4.  
    Għandhom isiru previżjonijiet tad-dħul u l-infiq kollu tal-ACER għal kull sena finanzjarja, li tikkoinċidi mas-sena kalendarja, u dawn għandhom jiddaħħlu fil-baġit tagħha.
    5.  
    Id-dħul li tirċievi l-ACER ma għandux jikkomprometti n-newtralità, l-indipendenza jew l-oġġettività tagħha.

    Artikolu 32

    Drittijiet

    1.  

    Id-drittijiet għandhom ikunu dovuti lill-ACER għal dawn li ġejjin:

    (a) 

    għal talbiet għal deċiżjoni ta' eżenzjoni skont l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament u għal deċiżjonijiet dwar allokazzjoni tal-ispejjeż transfruntiera li tipprovdi l-ACER skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013;

    (b) 

    għall-ġbir, it-trattament, l-ipproċessar u l-analiżi ta' informazzjoni rrapportata minn parteċipanti fis-suq jew entitajiet li jirrapportaw f'isimhom skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

    2.  
    Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u l-mod kif dawn jitħallsu, għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni wara li twettaq konsultazzjoni pubblika u wara konsultazzjoni mal-Bord tal-Amministrazzjoni u l-Bord tar-Regolaturi. Id-drittijiet għandhom ikunu proporzjonati skont l-ispejjeż tas-servizzi rilevanti kif ipprovdut b'mod kost-effettiv u għandhom ikunu suffiċjenti biex ikopru dawk l-ispejjeż. Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu ffissati fuq livell li jiżgura li ma jkunux diskriminatorji u li jevitaw piż finanzjarju jew amministrattiv eċċessiv fuq il-parteċipanti fis-suq jew l-entitajiet li jaġixxu f'isimhom.

    Il-Kummissjoni għandha teżamina regolarment il-livell ta' dawk id-drittijiet abbażi ta' evalwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, għandha tadatta l-livell ta' dawk id-drittijiet u l-mod kif ser jitħallsu.

    Artikolu 33

    L-istabbiliment tal-baġit

    1.  
    Kull sena, id-Direttur għandu jħejji abbozz proviżorju tal-estimi li jkopri n-nefqa operattiva u l-programm ta' ħidma mistennija għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jibgħat dak l-abbozz proviżorju tal-estimi lill-Bord tal-Amministrazzjoni flimkien ma' lista tal-karigi proviżorji.
    2.  
    L-abbozz proviżorju tal-estimi għandu jkun ibbażat fuq l-għanijiet u r-riżultati mistennija tad-dokument ta' programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(1), u għandu jqis ir-riżorsi finanzjarji li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u r-riżultati mistennija.
    3.  
    Kull sena, il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta abbozz proviżorju tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-ACER għas-sena finanzjarja ta' wara, abbażi tal-abbozz proviżorju tal-estimi imħejji mid-Direttur.
    4.  
    L-abbozz proviżorju tal-estimi, li għandu jinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandu jintbagħat mill-Bord tal-Amministrazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar ta' kull sena. Qabel ma jiġu adottati l-estimi, l-abbozz imħejji mid-Direttur għandu jintbagħat lill-Bord tar-Regolaturi, li jista' joħroġ opinjoni ġustifikata dwar l-abbozz.
    5.  
    L-estimi msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
    6.  
    Abbażi tal-abbozz tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-estimi li tqis meħtieġa rigward il-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tal-għotja li għandha titħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni bi qbil mal-Artikoli 313 sa 316 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
    7.  
    Il-Kunsill, fl-irwol tiegħu ta'awtorità baġitarja għandu jadotta l-pjan tal-istabbiliment għall-ACER.
    8.  
    Il-baġit tal-ACER għandu jiġi adottat mill-Bord tal-Amministrazzjoni. Għandu jitqies finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun meħtieġ, għandu jkun aġġustat skont il-każ.
    9.  
    Kwalunkwe modifika fil-baġit, inkluż il-pjan ta' stabbiliment, għandha ssegwi l-istess proċedura.
    10.  
    Sal-5 ta' Lulju 2020, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ir-riżorsi finanzjarji u umani għad-dispożizzjoni tal-ACER jħalluhiex twettaq ir-rwol tagħha skont dan ir-Regolament li taħdem lejn il-kisba ta' suq intern tal-enerġija u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija għall-benefiċċju tal-konsumaturi fl-Unjoni.
    11.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità tal-baġit bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tal-ACER, b'mod partikolari kwalunkwe proġett marbut mal-proprjetà. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinforma wkoll lill-Kummissjoni b'dan. Jekk kwalunkwe fergħa tal-awtorità tal-baġit ikollha l-intenzjoni li toħroġ opinjoni, hija għandha, fi żmien ġimagħtejn mill-wasla tal-informazzjoni dwar il-proġett, tinnotifika lill-ACER dwar din l-intenzjoni tagħha. Fin-nuqqas ta' tweġiba, l-ACER tista' tipproċedi bil-proġett ippjanat.

    Artikolu 34

    L-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit

    1.  
    Id-Direttur għandu jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala uffiċjal ta' awtorizzazzjoni u għandu jimplimenta l-baġit tal-ACER.
    2.  
    Sal-1 ta' Marzu ta' wara l-għeluq ta' kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-ACER għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji, flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja, lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-ACER għandu jibgħat ukoll ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja lill-Parlament u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara. Wara dan, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet deċentralizzati, bi qbil mal-Artikolu 245 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) (“ir-Regolament Finanzjarju”).

    Artikolu 35

    Il-preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza

    1.  
    L-uffiċjal tal-kontijiet tal-ACER għandu jippreżenta l-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-Uffiċjal tal-Kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta' Marzu tas-sena finanzjarja ta' wara (sena N+1).
    2.  
    L-ACER għandha tippreżenta rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena N+1.

    Sal-31 ta' Marzu tas-sena N+1, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jippreżenta l-kontijiet proviżorji tal-ACER lill-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta wkoll ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    3.  
    Wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri rigward il-kontijiet proviżorji tal-ACER għas-sena N skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 246 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jelabora l-kontijiet definittivi tal-ACER għal dik is-sena fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess. Id-Direttur għandu jibgħathom lill-Bord tal-Amministrazzjoni għal opinjoni.
    4.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu joħroġ opinjoni dwar il-kontijiet definittivi tal-ACER għas-sena N.
    5.  
    Sal-1 ta' Lulju, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-ACER għandu jippreżenta l-kontijiet definittivi għas-sena N, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni għas-sena N+1, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.
    6.  
    Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena N+1.
    7.  
    Id-Direttur għandu jippreżenta tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta' Settembru tas-sena N+1. Id-Direttur għandu jippreżenta wkoll kopja ta' dik it-tweġiba lill-Bord tal-Amministrazzjoni u lill-Kummissjoni.
    8.  
    Id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kull tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena N b'konformità mal-Artikolu 109(3) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013.
    9.  
    Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jkun qed jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N+2, jagħti kwittanza lid-Direttur Ġenerali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

    Artikolu 36

    Ir-regoli finanzjarji

    Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-ACER għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Amministrazzjoni wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn ir-regoli jistgħu jiddevjaw mir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013 jekk il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-ACER hekk jirrikjedu u biss bil-qbil minn qabel tal-Kummissjoni.

    Artikolu 37

    Il-ġlieda kontra l-frodi

    1.  
    Biex jiffaċilita l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illeċiti oħra skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ),, l-ACER għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni mill-OLAF ( 8 ) u għandha tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tal-ACER billi tagħmel użu mill-mudell stabbilit fl-Anness għal dak il-Ftehim.
    2.  
    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa li twettaq awditi fuq il-post, kif ukoll awditjar abbażi ta' dokumenti, fir-rigward tal-benefiċjarji ta' għotjiet, tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand l-ACER.
    3.  
    L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' għotja jew kuntratt iffinanzjat mill-ACER, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 9 ).
    4.  
    Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja tal-ACER għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa, b'mod espliċitu, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu l-verifiki u l-investigazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.



    Kapitolu IV

    Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

    Artikolu 38

    Privileġġi u immunitajiet u l-Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali

    1.  
    Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-TUE u t-TFUE għandu japplika għall-ACER u għall-persunal tagħha.
    2.  
    L-arranġamenti meħtieġa rigward l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-ACER fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li għandhom ikunu magħmula disponibbli minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli għad-Direttur fl-Istat Membru ospitanti, il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni, il-persunal tal-ACER u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali bejn l-ACER u l-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede. Dak il-ftehim għandu jiġi konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni.

    Artikolu 39

    Il-Persunal

    1.  
    Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonjiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal kollu tal-ACER, inkluż id-Direttur tagħha.
    2.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni adatti, bi qbil mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.
    3.  
    Fir-rigward tal-persunal tagħha, l-ACER għandha teżerċita s-setgħat konferiti fuq l-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.
    4.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni jista' jadotta dispożizzjonijiet oħra sabiex esperti nazzjonali minn Stati Membri jkunu jistgħu jiġu impjegati billi jiġu ssekondati mal-ACER.

    Artikolu 40

    Responsabbiltà tal-ACER

    1.  
    Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-ACER għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

    Kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tinsab f'kuntratt li jkun ġie konkluż mill-ACER għandu jkun soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    2.  
    Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-ACER, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkaġunata minnha jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.
    3.  
    Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni f'tilwimiet marbuta mal-kumpens għal danni msemmija fil-paragrafu 2.
    4.  
    Ir-responsabbiltà finanzjarja personali u r-responsabbiltà dixxiplinarja tal-persunal tal-ACER lejn l-ACER għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-ACER.

    Artikolu 41

    Trasparenza u komunikazzjoni

    1.  
    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-ACER.
    2.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
    3.  
    Id-deċiżjonijiet meħuda mill-ACER bi qbil mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew ta' kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 228 u 263 tat-TFUE.
    4.  
    L-ipproċessar ta' data personali mill-ACER għandu jkun suġġett għar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ). Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 2018/1725 mill-ACER, inklużi miżuri li jikkonċernaw il-ħatra ta' Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-ACER. Dawk il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti wara li ssir konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.
    5.  
    L-ACER tista' tinvolvi ruħha f'attivitajiet ta' komunikazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess fil-qasam ta' kompetenza tagħha. L-allokazzjoni ta' riżorsi għal attivitajiet ta' komunikazzjoni ma għandhiex tkun ta' detriment għat-twettiq b'mod effettiv tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 3 sa 13. L-attivitajiet ta' komunikazzjoni għandhom jitwettqu skont il-pjanijiet rilevanti ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni adottati mill-Bord tal-Amministrazzjoni.

    Artikolu 42

    Il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

    1.  
    L-ACER għandha tadotta regoli proprji ta' sigurtà, li għandhom ikunu ekwivalenti għar-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta' Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, inklużi dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta' tali informazzjoni kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 ( 12 ) u (UE, Euratom) 2015/444 ( 13 ).
    2.  
    L-ACER tista' wkoll tiddeċiedi li tapplika d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 mutatis mutandis. Ir-regoli tal-ACER dwar is-sigurtà għandhom ikopru, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin tal-IKUE u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata.

    Artikolu 43

    Ftehimiet ta' kooperazzjoni

    1.  
    L-ACER għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi li jkunu kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni u li jkunu adottaw u qegħdin japplikaw ir-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, inkluż b'mod partikolari r-regoli dwar l-awtoritajiet tar-regolaturi indipendenti, l-aċċess ta' partijiet terzi għall-infrastruttura u d-diżaggregazzjoni, in-negozju fl-enerġija u t-tħaddim tas-sistemi u l-parteċipazzjoni u l-ħarsien tal-konsumaturi, kif ukoll ir-regoli rilevanti fl-oqsma tal-ambjent u l-kompetizzjoni.
    2.  
    Soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim għal dak l-għan bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-ACER tista' teżerċita wkoll il-kompiti tagħha skont l-Artikoli 3 sa 13 fir-rigward ta' pajjiżi terzi, sakemm dawk il-pajjiżi terzi jkunu adottaw u japplikaw ir-regoli rilevanti f'konformità mal-paragrafu 1 u jkunu nkarigaw lill-ACER biex tikkoordina l-attivitajiet tar-regolaturi indipendenti tagħhom ma' dawk tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri. Huwa f'dawn il-każijiet biss li r-referenzi għal kwistjonijiet ta' natura transfruntiera għandhom jikkonċernaw fruntieri bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, u mhux fruntieri bejn żewġ Stati Membri.
    3.  
    Il-ftehim imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu għal arranġamenti li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura, l-ambitu u l-aspetti proċedurali tal-involviment ta' dawn il-pajjiżi fil-ħidma tal-ACER, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u mal-persunal.
    4.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta regoli ta' proċedura għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1 wara li jkun irċieva opinjoni pożittiva mingħand il-Bord tar-Regolaturi,. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ACER topera fil-mandat tagħha u fi ħdan il-qafas istituzzjonali eżistenti billi tikkonkludi akkordju ta' ħidma xieraq mad-Direttur tal-ACER.

    Artikolu 44

    L-arranġamenti lingwistiċi

    1.  
    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru ( 14 ) għandhom japplikaw għall-ACER.
    2.  
    Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti interni għal-lingwi għall-ACER.
    3.  
    Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-ACER għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 45

    Evalwazzjoni

    1.  
    Sal-5 ta' Lulju 2024, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni, bl-assistenza ta' espert estern indipendenti, għandha twettaq evalwazzjoni biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-ACER b'rabta mal-għanijiet, il-mandat u l-kompiti tagħha. B'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli li jsiru modifiki fil-mandat tal-ACER u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe waħda minn dawn il-modifiki.
    2.  
    Meta l-Kummissjoni tqis li l-kontinwazzjoni tal-eżistenza tal-ACER ma tkunx ġustifikata aktar fir-rigward tal-għanijiet, tal-mandat u tal-kompiti assenjati lilha, hija tista' tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat kif xieraq, jew li jitħassar, wara li titwettaq konsultazzjoni adegwata mal-partijiet ikkonċernati u mal-Bord tar-Regolaturi.
    3.  
    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tar-Regolaturi tal-ACER. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jiġu ppubblikati.
    4.  
    Sal-31 ta' Ottubru 2025, u tal-anqas kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, il-kompiti tal-ACER li jinvolvu deċiżjonijiet individwali. Dak ir-rapport għandu, kif xieraq, iqis ir-riżultati tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) 2019/943.

    Il-Kummissjoni għandha, fejn ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva flimkien mar-rapport tagħha.

    Artikolu 46

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 huwa mħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 47

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS I

    Regolament imħassar bl-emenda għalih



    Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

    (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1)

     

    Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009

    Ir-referenza magħmula mill-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 għall- Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 biss.




    ANNESS II

    Tabella ta' Korrelazzjoni



    Regolament (KE) Nru 713/2009

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 4

    Artikolu 2

    Artikolu 5

    Artikolu 3

    Artikolu 6(1) sa (3) u (4) l-ewwel paragrafu

    Artikolu 4

    Artikolu 6 (4) it-tieni sas-sitt subparagrafu u l-paragrafi (5), (6) u (9)

    Artikolu 5

    Artikolu 7 u 8

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    Artikolu 9 (1) sa (2) l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 10

    Artikolu 6 (7) u (8)

    Artikolu 11

    Artikolu 12

    Artikolu 9 (2) (it-tieni subparagrafu)

    Artikolu 13

    Artikolu 10

    Artikolu 14

    Artikolu 11

    Artikolu 15

    Artikolu 2

    Artikolu 16

    Artikolu 3

    Artikolu 17

    Artikolu 12

    Artikolu 18

    Artikolu 13

    Artikolu 19

    Artikolu 20

    Artikolu 14(1) u (2)

    Artikolu 21

    Artikolu 14(3) sa (6)

    Artikolu 22 (1) sa (4)

    Artikolu 15

    Artikolu 22 (5) u (6)

    Artikolu 16

    Artikolu 23

    Artikolu 17

    Artikolu 24

    Artikolu 18(1) sa (2)

    Artikolu 25 (1), (2) u (4)

    Artikolu 19 (6)

    Artikolu 25 (3)

    Artikolu 18 (3)

    Artikolu 26

    Artikolu 18(4) sa (7)

    Artikolu 27

    Artikolu 19 (1) sa (5) u (7)

    Artikolu 28

    Artikolu 20

    Artikolu 29

    Artikolu 30

    Artikolu 21

    Artikolu 31

    Artikolu 22

    Artikolu 32

    Artikolu 23

    Artikolu 33

    Artikolu 24 (1) (2)

    Artikolu 34

    Artikolu 24 (3 u jkompli)

    Artikolu 35

    Artikolu 25

    Artikolu 36

    Artikolu 37

    Artikolu 27

    Artikolu 38

    Artikolu 28

    Artikolu 39

    Artikolu 29

    Artikolu 40

    Artikolu 30

    Artikolu 41 (1) sa (3)

    Artikolu 42

    Artikolu 31

    Artikolu 43

    Artikolu 33

    Artikolu 44

    Artikolu 34

    Artikolu 45

    Artikolu 46

    Artikolu 35

    Artikolu 47



    ( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 (Ara l-paġna 54 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    ( 2 ) Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36).

    ( 3 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    ( 4 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

    ( 5 ) Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45).

    ( 6 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    ( 7 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999. (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    ( 8 ) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

    ( 9 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

    ( 10 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    ( 11 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    ( 12 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

    ( 13 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

    ( 14 ) Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).

    Top