Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02018D1524-20181012

    Consolidated text: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1524 tal-11 ta' Ottubru 2018 li tistabbilixxi metodoloġija ta' monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar mill-Istati Membri b'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1524/2018-10-12

    02018D1524 — MT — 12.10.2018 — 000.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    ►C1  DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1524

    tal-11 ta' Ottubru 2018

    li tistabbilixxi metodoloġija ta' monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar mill-Istati Membri b'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku ◄

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 256 12.10.2018, p. 108)


    Ikkoreġuta bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 259, 16.10.2018, p.  43 (2018/1524)




    ▼B

    ▼C1

    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1524

    tal-11 ta' Ottubru 2018

    li tistabbilixxi metodoloġija ta' monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar mill-Istati Membri b'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku

    ▼B

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi metodoloġija biex isir monitoraġġ tal-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti għar-rappurtar dwar l-eżitu tal-monitoraġġ, inkluż id-data dwar il-kejl, mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) “format aċċessibbli” tfisser dokument elettroniku konformi mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

    (2) “perjodu ta' monitoraġġ” tfisser perjodu ta' żmien li matulu l-Istati Membri għandhom iwettqu l-attivitajiet tal-monitoraġġ biex jivverifikaw il-konformità jew in-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli fil-kampjun. Il-perjodu ta' monitoraġġ jista' jinkludi wkoll id-definizzjoni tal-kampjuni, l-analiżi tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar lill-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Perjodiċità tal-monitoraġġ

    1.  L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 abbażi tal-metodoloġija stabbilita f'din id-Deċiżjoni.

    2.  L-ewwel perjodu ta' monitoraġġ għas-siti elettroniċi għandu jkun bejn l-1 ta' Jannar 2020 u t-22 ta' Diċembru 2021. Wara l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-monitoraġġ għandu jsir kull sena.

    3.  L-ewwel perjodu ta' monitoraġġ għall-applikazzjonijiet mobbli għandu jkun bejn it-23 ta' Ġunju 2021 u t-22 ta' Diċembru 2021. Fl-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-monitoraġġ tal-applikazzjonijiet mobbli għandu jinkludi riżultati bbażati fuq kampjun imnaqqas għall-applikazzjonijiet mobbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-isforzi raġonevoli tagħhom biex jagħmlu monitoraġġ ta' mill-anqas terz tal-għadd stabbilit fil-punt 2.1.5 tal-Anness I.

    4.  Wara l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-monitoraġġ tal-applikazzjonijiet mobbli għandu jsir kull sena, abbażi ta' kampjun stabbilit fil-punt 2.1.5 tal-Anness I.

    5.  Wara l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-perjodu ta' monitoraġġ annwali għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli għandu jkun bejn l-1 ta' Jannar u t-22 ta' Diċembru.

    Artikolu 4

    Ambitu u xenarju bażi tal-monitoraġġ

    1.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 abbażi tar-rekwiżiti identifikati fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    2.  Jekk ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà fid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru jkunu jaqbżu r-rekwiżiti fl-istandards jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102, il-monitoraġġ għandu jsir b'tali mod li jagħti riżultati li jiddistingwu bejn il-konformità mar-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 u r-rekwiżiti li jaqbżuhom.

    Artikolu 5

    Metodi tal-monitoraġġ

    L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 permezz ta':

    (a) metodu tal-monitoraġġ profond li jivverifika l-konformità u li jitħaddem skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.2 tal-Anness I;

    (b) metodu tal-monitoraġġ simplifikat li jsib in-nuqqasijiet ta' konformità u li jitħaddem skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.3 tal-Anness I.

    Artikolu 6

    It-teħid tal-kampjuni mis-siti elettroniċi u mill-applikazzjonijiet mobbli

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-teħid tal-kampjuni mis-siti elettroniċi u mill-applikazzjonijiet mobbli li jridu jiġu mmonitorjati, isir skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2 u 3 tal-Anness I.

    Artikolu 7

    Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ

    Jekk jiġu identifikati xi nuqqasijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jingħataw data u informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà b'rabta man-nuqqasijiet tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom, fi żmien raġonevoli u b'format li jippermetti lill-korpi tas-settur pubbliku biex jikkoreġuhom.

    Artikolu 8

    Format tar-rapport

    1.  L-Istati Membri għandhom iressqu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102 lill-Kummissjoni b'format aċċessibbli u b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.  Ir-rapport għandu jinkludi l-eżitu tal-attivitajiet tal-monitoraġġ b'rabta mar-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. Ir-rapport jista' jinkludi wkoll ir-riżultati relatati mar-rekwiżiti li jaqbżu dawk ir-rekwiżiti u jekk jiġu inklużi, dawn għandhom jiġu ppreżentati b'mod separat.

    Artikolu 9

    Kontenut tar-rapport

    1.  Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102 għandu jkun fih:

    (a) deskrizzjoni dettaljata ta' kif sar il-monitoraġġ;

    (b) immeppjar, fl-għamla ta' tabella ta' korrelazzjoni, li juri kif il-metodi applikati tal-monitoraġġ jirrelataw mar-rekwiżiti msemmija fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102, inkluż ukoll xi bidliet sinifikanti fil-metodi;

    (c) l-eżitu tal-monitoraġġ ta' kull perjodu ta' monitoraġġ, inkluż id-data dwar il-kejl;

    (d) l-informazzjoni li jeżiġi l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    2.  Fir-rapporti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness II.

    Artikolu 10

    Perjodiċità tar-rappurtar

    1.  L-ewwel rapport għandu jkopri l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) u (3).

    2.  Imbagħad, ir-rapporti għandhom ikopru l-perjodi ta' monitoraġġ għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli bejn l-iskadenzi tar-rappurtar preċedenti u suċċedenti kif stabbilit fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    Artikolu 11

    Arranġamenti oħra għar-rappurtar

    L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-rapport b'format aċċessibbli.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




    ANNESS I

    MONITORAĠĠ

    1.   METODI TAL-MONITORAĠĠ

    1.1.

    Dawn il-metodi tal-monitoraġġ la jżidu, la jieħdu post u lanqas ma jieħdu preferenza fuq xi rekwiżiti li hemm fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. Il-metodi huma indipendenti minn kwalunkwe test speċifiku, għodda tal-valutazzjoni tal-aċċessibbiltà, sistema operatorja, brawżer tal-Internet jew teknoloġija assistiva speċifika.

    1.2.

    Monitoraġġ profond

    1.2.1. L-Istati Membri għandhom japplikaw metodu tal-monitoraġġ profond li jivverifika bir-reqqa jekk sit elettroniku jew applikazzjoni mobbli jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha identifikati fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    1.2.2. Il-metodu tal-monitoraġġ profond għandu jivverifika kull pass tal-proċessi użati għall-kampjun, mill-anqas skont is-sekwenza awtomatika għat-tlestija tal-proċess.

    1.2.3. Il-metodu tal-monitoraġġ profond għandu jevalwa mill-anqas l-interazzjoni mal-formoli, il-kontrolli tal-interfaċċja u l-kaxex tad-djalogu, il-konfermi għall-entrati tad-data, il-messaġġi tal-erruri u rispons ieħor iġġenerat mill-interazzjoni mal-utenti meta possibbli, kif ukoll l-imġiba tas-siti elettroniċi jew tal-applikazzjonijiet mobbli meta jiġu applikati konfigurazzjonijiet jew preferenzi differenti.

    1.2.4. Il-metodu tal-monitoraġġ profond jista' jinkludi, meta xieraq, testijiet dwar l-użabbiltà fosthom osservazzjonijiet u analiżi dwar kif l-utenti b'diżabbiltà jipperċepixxu l-kontenut tas-sit elettroniku jew tal-applikazzjoni mobbli u dwar kemm il-komponenti tal-interfaċċja, bħall-menù tan-navigazzjoni jew il-formoli, isibuhom kumplessi biex jużawhom.

    1.2.5. Il-korp tal-monitoraġġ jista' juża, parzjalment jew għalkollox, ir-riżultati tal-evalwazzjoni mogħtija mill-korp tas-settur pubbliku skont dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a) il-korp tas-settur pubbliku jkun ta l-aktar rapport tal-evalwazzjoni dettaljat u riċenti li għandu;

    (b) din l-evalwazzjoni tkun saret sa mhux aktar kmieni minn 3 snin qabel iż-żmien tal-monitoraġġ u skont il-punti 1.2.1 sa 1.2.4 u l-punt 3 ta' dan l-Anness;

    (c) il-korp tal-monitoraġġ iqis li r-rapport tal-evalwazzjoni hu validu biex jintuża fil-monitoraġġ profond, abbażi ta'

    (i) ir-riżultati tal-applikazzjoni tal-metodu tal-monitoraġġ simplifikat għas-sit elettroniku jew l-applikazzjoni mobbli; u

    (ii) jekk l-evalwazzjoni tkun saret aktar kmieni minn sena qabel iż-żmien tal-monitoraġġ, analiżi tar-rapport, aġġustat għall-karatteristiċi tagħha, fosthom kemm ilha li saret l-evalwazzjoni u l-livell ta' dettall.

    1.2.6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess, soġġett għal xi dispożizzjonijiet legali rilevanti, li jimponu ċerti kundizzjonijiet għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, inkluż għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali, għal siti elettroniċi estranet jew intranet lill-korp tal-monitoraġġ għall-finijiet tal-monitoraġġ. Jekk l-aċċess ma jistax jingħata iżda l-korp tas-settur pubbliku jipprovdi r-riżultati tal-evalwazzjoni, il-korp tal-monitoraġġ jista' juża parzjalment jew għalkollox dawn ir-riżultati tal-evalwazzjoni skont dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a) il-korp tas-settur pubbliku jkun ta l-aktar rapport tal-evalwazzjoni dettaljat u riċenti li għandu;

    (b) din l-evalwazzjoni tkun saret sa mhux aktar kmieni minn 3 snin qabel iż-żmien tal-monitoraġġ u skont il-punti 1.2.1 sa 1.2.4 u l-punt 3 ta' dan l-Anness.

    1.3.

    Monitoraġġ simplifikat

    1.3.1. L-Istati Membri għandhom japplikaw metodu tal-monitoraġġ simplifikat li jsib okkażjonijiet ta' nuqqas ta' konformità ma' subsett tar-rekwiżiti kollha identifikati fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    1.3.2. Il-metodu tal-monitoraġġ simplifikat għandu jinkludi testijiet relatati ma' kull wieħed mir-rekwiżiti tal-perċepibbiltà, l-operabbiltà, il-komprensibbiltà u r-robustezza msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. It-testijiet għandhom jispezzjonaw is-siti elettroniċi għal xi nuqqas ta' konformità. Il-monitoraġġ simplifikat għandu l-għan li jkopri dawn il-ħtiġijiet tal-utent b'rabta mal-aċċessibbiltà li ġejjin, sa kemm jista' jkun possibbli b'mod raġonevoli, permezz ta' testijiet awtomatizzati:

    (a) użu mingħajr viżjoni;

    (b) użu b'viżjoni limitata;

    (c) użu mingħajr perċezzjoni tal-kulur;

    (d) użu mingħajr smigħ;

    (e) użu bi smigħ limitat;

    (f) użu mingħajr kapaċità vokali;

    (g) użu b'manipulazzjoni jew saħħa limitati;

    (h) il-ħtieġa li jitnaqqsu kemm jistal-istimoli ta' reazzjonijiet fotosensittivi;

    (i) użu b'konjizzjoni limitata.

    Għall-monitoraġġ simplifikat, l-Istati Membri jistgħu jużaw testijiet oħra li mhumiex awtomatizzati.

    1.3.3. L-Istati Membri għandhom jirrevedu r-regoli tat-test għall-metodu tal-monitoraġġ simplifikat wara kull skadenza għal sottomissjoni ta' rapport, kif stabbilit fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    2.   IT-TEĦID TAL-KAMPJUNI MIS-SITI ELETTRONIĊI U MILL-APPLIKAZZJONIJIET MOBBLI

    2.1.    Daqs tal-kampjun

    2.1.1. L-għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli li għandhom jiġu mmonitorjati waqt kull perjodu ta' monitoraġġ għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-popolazzjoni tal-Istat Membru.

    2.1.2. Fl-ewwel u fit-tieni perjodu ta' monitoraġġ, id-daqs minimu tal-kampjun għall-monitoraġġ simplifikat tas-siti elettroniċi għandu jkun 2 għal kull 100 000 abitant magħduda ma' 75 sit elettroniku.

    2.1.3. Fil-perjodi ta' monitoraġġ sussegwenti, id-daqs minimu tal-kampjun għall-monitoraġġ simplifikat tas-siti elettroniċi għandu jkun 3 għal kull 100 000 abitant magħduda ma' 75 sit elettroniku.

    2.1.4. Id-daqs tal-kampjun għall-monitoraġġ profond tas-siti elettroniċi għandu jkun mill-anqas 5 % tad-daqs minimu tal-kampjun għall-monitoraġġ simplifikat kif stabbilit fil-punt 2.1.2 magħduda ma' 10 siti elettroniċi.

    2.1.5. Id-daqs tal-kampjun għall-monitoraġġ profond tal-applikazzjonijiet mobbli għandu jkun 1 għal kull 1 000 000 abitant magħduda ma' 6 applikazzjonijiet mobbli.

    2.1.6. Jekk l-għadd ta' siti elettroniċi fi Stat Membru jkun inqas mill-għadd mitlub għall-monitoraġġ, l-Istat Membru għandu jwettaq monitoraġġ ta' mill-anqas 75 % tas-siti elettroniċi kollha.

    2.1.7. Jekk l-għadd ta' applikazzjonijiet mobbli fi Stat Membru jkun inqas mill-għadd mitlub għall-monitoraġġ, l-Istat Membru għandu jwettaq monitoraġġ ta' mill-anqas 50 % tal-applikazzjonijiet mobbli kollha.

    2.2.    Għażla tal-kampjun għas-siti elettroniċi

    2.2.1. L-għażla tal-kampjun għas-siti elettroniċi għandha l-għan li tikseb distribuzzjoni varjata, rappreżentattiva u ġeografikament bilanċjata.

    2.2.2. Il-kampjun għandu jkopri siti elettroniċi mil-livelli differenti ta' amministrazzjoni li jeżistu fl-Istati Membri. Filwaqt li jqis bħala referenza l-Klassifikazzjoni Komuni tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) u l-Unitajiet Amministrattivi Lokali (LAU) stabbiliti fin-NUTS, il-kampjun għandu jinkludi dawn li ġejjin, meta jkunu jeżistu:

    (a) siti elettroniċi tal-istat;

    (b) siti elettroniċi reġjonali (NUTS1, NUTS2, NUTS3);

    (c) siti elettroniċi lokali (LAU1, LAU2);

    (d) siti elettroniċi ta' korpi regolati bil-liġi pubblika li ma jappartjenux għall-kategoriji (a) sa (c).

    2.2.3. Il-kampjun għandu jinkludi siti elettroniċi li jirrappreżentaw kemm jista' jkun il-varjetà ta' servizzi li jagħtu l-korpi tas-settur pubbliku, b'mod partikolari dawn li ġejjin: il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, it-trasport, l-edukazzjoni, ix-xogħol u t-taxxi, il-ħarsien ambjentali, ir-rikreazzjoni u l-kultura, l-akkomodazzjoni u l-ħtiġijiet tal-komunità, l-ordni pubbliku u s-sikurezza.

    2.2.4. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil partijiet konċernati nazzjonali, b'mod partikolari lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà, dwar il-kompożizzjoni tal-kampjun tas-siti elettroniċi li għandhom jiġu monitorjati, u jqisu kif xieraq l-opinjoni tal-partijiet konċernati b'rabta ma' siti elettroniċi speċifiċi li jridu jiġu monitorjati.

    2.3.    Għażla tal-kampjun għall-applikazzjonijiet mobbli

    2.3.1. L-għażla tal-kampjun għall-applikazzjonijiet mobbli għandha l-għan li tikseb distribuzzjoni varjata u rappreżentattiva.

    2.3.2. Fil-kampjun għandhom jitqiesu applikazzjonijiet mobbli li jitniżżlu ta' sikwit.

    2.3.3. Meta jkunu qed jintgħażlu l-applikazzjonijiet mobbli għall-kampjun, għandhom jitqiesu sistemi operatorji differenti. Għal finijiet ta' teħid tal-kampjun, verżjonijiet ta' applikazzjoni mobbli maħluqa għal sistemi operatorji differenti għandhom jitqiesu bħala applikazzjonijiet mobbli distinti.

    2.3.4. Il-kampjun għandu jinkludi biss l-aħħar verżjoni ta' applikazzjoni mobbli, minbarra meta l-aħħar verżjoni ta' applikazzjoni mobbli ma tkunx kompatibbli ma' sistema operatorja antika, iżda li għadha tiġi appoġġata. F'dak il-każ, il-kampjun għandu jinkludi wkoll waħda minn dawk il-verżjonijiet preċedenti tal-applikazzjoni mobbli.

    2.3.5. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil partijiet konċernati nazzjonali, b'mod partikolari lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà, dwar il-kompożizzjoni tal-kampjun tal-applikazzjonijiet mobbli li għandhom jiġu monitorjati, u jqisu kif xieraq l-opinjoni tal-partijiet konċernati b'rabta ma' applikazzjonijiet mobbli speċifiċi li jridu jiġu mmonitorjati.

    2.4.    Kampjun rikorrenti

    Mit-tieni perjodu ta' monitoraġġ 'il quddiem, jekk l-għadd ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli eżistenti jkun jippermetti, il-kampjun għandu jinkludi mill-anqas 10 % tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli mmonitorjati fil-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti u mill-anqas 50 % ta' dawk li ġewx immonitorjati fil-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti.

    3.   TEĦID TA' KAMPJUNI TAL-PAĠNI

    3.1.

    Għall-finijiet ta' dan l-Anness, “paġna” tfisser paġna web jew skrin f'applikazzjoni mobbli.

    3.2.

    Għall-metodu tal-monitoraġġ profond, għandhom jiġu mmonitorjat dawn il-paġni u dokumenti li ġejjin, jekk ikunu jeżistu:

    (a) il-paġna ewlenija, il-login, il-mappa tas-sit, il-kuntatt, il-paġni tal-għajnuna u tal-informazzjoni legali;

    (b) mill-anqas paġna waħda rilevanti dwar kull tip ta' servizz mogħti mis-sit elettroniku jew mill-applikazzjoni mobbli, u kwalunkwe użi primarji oħra maħsuba tagħha, inkluż il-funzjonalità tat-tiftix;

    (c) il-paġni li fihom il-politika jew id-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà u l-paġni li fihom il-mekkaniżmu tar-rispons;

    (d) eżempji ta' paġni li għandhom apparenza distinta b'mod sostanzjali jew li jippreżentaw tip differenti ta' kontenut;

    (e) mill-anqas dokument wieħed rilevanti li jista' jitniżżel, meta applikabbli, għal kull tip ta' servizz mogħti mis-sit elettroniku jew mill-applikazzjoni mobbli, u kwalunkwe użi primarji oħra maħsuba tagħha;

    (f) kwalunkwe paġna oħra meqjusa rilevanti mill-korp tal-monitoraġġ;

    (g) paġni magħżula b'mod aleatorju li jammontaw għal mill-anqas 10 % tal-kampjun stabbilit mill-punti (a) sa (f) tal-punt 3.2.

    3.3.

    Jekk xi paġni fil-kampjun magħżul skont il-punt 3.2 jinkludu pass fi proċess, il-passi kollha tal-proċess għandhom jiġu verifikati, kif previst fil-punt 1.2.2.

    3.4.

    Għall-metodu tal-monitoraġġ simplifikat, minbarra l-paġna ewlenija għandu jiġi mmonitorjat għadd ta' paġni li jixraq skont id-daqs stmat u l-kumplessità tas-sit elettroniku.




    ANNESS II

    STRUZZJONIJIET DWAR IR-RAPPURTAR

    1.   SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT

    Ir-rapport għandu jinkludi sommarju tal-kontenut tiegħu.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-ATTIVITAJIET TAL-MONITORAĠĠ

    Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-attivitajiet tal-monitoraġġ imwettqa mill-Istat Membri, b'separazzjoni ċara tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli, u għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    2.1.    Informazzjoni ġenerali

    (a) id-dati meta sar il-monitoraġġ f'kull perjodu ta' monitoraġġ;

    (b) l-identifikazzjoni tal-korp responsabbli mill-monitoraġġ;

    (c) id-deskrizzjoni tar-rappreżentattività u d-distribuzzjoni tal-kampjun kif stabbilit fil-punti 2.2 u 2.3 tal-Anness I.

    2.2.    Kompożizzjoni tal-kampjun

    (a) l-għadd totali ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli inklużi fil-kampjun;

    (b) l-għadd ta' siti elettroniċi monitorjati permezz tal-metodu tal-monitoraġġ simplifikat;

    (c) l-għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli monitorjati permezz tal-metodu tal-monitoraġġ profond;

    (d) l-għadd ta' siti elettroniċi mmonitorjati, minn kull waħda mill-erba' kategoriji elenkati fil-punt 2.2.2 tal-Anness I;

    (e) id-distribuzzjoni tal-kampjun għas-siti elettroniċi li turi l-kopertura tas-servizzi pubbliċi (kif jeżiġi l-punt 2.2.3 tal-Anness I);

    (f) id-distribuzzjoni tal-kampjun għall-applikazzjonijiet mobbli minn fost is-sistemi operatorji differenti (kif jeżiġi l-punt 2.3.3 tal-Anness I);

    (g) l-għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli monitorjati fil-perjodu ta' monitoraġġ li ġew inklużi fil-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti (il-kampjun rikorrenti deskritt fil-punt 2.4 tal-Anness I).

    2.3.    Korrelazzjoni mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-għodod użati għall-monitoraġġ

    (a) immeppjar, fl-għamla ta' tabella ta' korrelazzjoni, li juri kif il-metodi tal-monitoraġġ, inkluż it-testijiet applikati, jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

    (b) id-dettalji dwar l-għodod użati, il-verifiki li saru u jekk kinux involuti testijiet tal-użabbiltà.

    3.   EŻITU TAL-MONITORAĠĠ

    Ir-rapport għandu jagħti dettalji dwar l-eżitu tal-monitoraġġ li għamel l-Istat Membru.

    3.1.    Eżitu dettaljat

    Għal kull metodu tal-monitoraġġ applikat (profond u simplifikat, għas-siti elettroniċi u għall-applikazzjonijiet mobbli), ir-rapport għandu jipprovdi dan li ġej:

    (a) deskrizzjoni komprensiva tal-eżitu tal-monitoraġġ, inkluż data dwar il-kejl;

    (b) analiżi kwalitattiva tal-eżitu tal-monitoraġġ, inkluż:

    (i) is-sejbiet b'rabta man-nuqqasijiet ta' konformità frekwenti jew kritiċi mar-rekwiżiti li hemm fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

    (ii) meta possibbli, l-iżviluppi minn perjodu ta' monitoraġġ partikolari għall-perjodu li jmiss, fejn tidħol l-aċċessibbiltà ġenerali tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli monitorjati.

    3.2.    Kontenut addizzjonali (fakultattiv)

    Ir-rapport jista' jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

    (a) l-eżitu tal-monitoraġġ tas-siti elettroniċi jew tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

    (b) dettalji dwar il-prestazzjoni tat-teknoloġiji differenti użati mis-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli monitorjati, fejn tidħol l-aċċessibbiltà;

    (c) ir-riżultati tal-monitoraġġ ta' kwalunkwe rekwiżiti li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

    (d) it-tagħlimiet miksuba mir-rispons li bagħat il-korp tal-monitoraġġ lill-korpi tas-settur pubbliku monitorjati;

    (e) kwalunkwe aspett rilevanti ieħor tal-monitoraġġ tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi jew tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku li jmur lilhinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

    (f) sommarju tal-eżiti tal-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati u l-lista ta' dawk ikkonsultati;

    (g) dettalji dwar l-użu tad-deroga minħabba piż sproporzjonat prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    4.   UŻU TAL-PROĊEDURA TA' INFURZAR U R-RISPONS TAL-UTENT FINALI

    Ir-rapport għandu jagħti dettalji dwar l-użu u deskrizzjoni tal-proċedura ta' infurzar stabbilita mill-Istati Membri.

    Fir-rapport, l-Istati Membri jistgħu jinkludu kwalunkwe data kwalitattiva u kwantitattiva dwar ir-rispons li rċevew il-korpi tas-settur pubbliku permezz tal-mekkaniżmu tar-rispons stabbilit fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    5.   KONTENUT RELATAT MA' MIŻURI ADDIZZJONALI

    Ir-rapport għandu jkun fih il-kontenut li jeżiġi l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

    Top