Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R1185-20210101

Consolidated text: Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta' April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notofiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1185/2021-01-01

02017R1185 — MT — 01.01.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1185

tal-20 ta' April 2017

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notofiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 171 4.7.2017, p. 113)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1746 tal-1 ta’ Ottubru 2019

  L 268

6

22.10.2019




▼B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1185

tal-20 ta' April 2017

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notofiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

PRINĊIPJI U REKWIŻITI TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI

Artikolu 1

Sistema ta' informazzjoni tal-Kummissjoni u metodu ta' notifika

1.  In-notifika ta' informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa skont l-obbligi tan-notifika stabbiliti fir-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 u fl-Atti adottati fuq il-bażi ta' dawk ir-Regolamenti għandha ssir permezz ta' sistema bbażata fuq it-teknoloġija tal-informatika li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli lill-Istati Membri.

L-informazzjoni u d-dokumenti għandhom jiġu stabbiliti u notifikati f'konformità ma':

(a) 

il-proċeduri stabbiliti għas-sistema ta' informazzjoni;

(b) 

id-drittijiet tal-aċċess mogħtija mill-korp uniku ta' kollegament msemmi fir-Regolament Delegat (UE) 2017/1183; u

(c) 

il-formoli magħmula disponibbli lill-utenti fis-sistema ta' informazzjoni.

▼M1

Fil-każ ta’ notifiki skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-atti adottati abbażi ta’ dak ir-Regolament, is-sistema bbażata fuq it-teknoloġija tal-informatika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkun disponibbli wkoll, fejn rilevanti, għall-operaturi u għall-pajjiżi terzi.

▼B

2.  Bħala eċċezzjoni għall-ewwel paragrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-informazzjoni meħtieġa disponibbli lill-Kummissjoni bil-posta, bit-telefaks, bil-posta elettronika jew bl-idejn:

(a) 

jekk il-Kummissjoni ma tkunx għamlet disponibbli l-mezzi tat-teknoloġija tal-informatika għal obbligu tan-notifika speċifiku;

(b) 

fil-każijiet ta' force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali li jagħmluha impossibbli li Stat Membru juża s-sistema ta' informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

Integrità u leġġibilità maż-żmien

Is-sistema ta' informazzoni li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli għandha tkun imfassla biex tipproteġi l-integrità tad-dokumenti notifikati u miżmuma. B'mod partikolari, din għandha:

(a) 

tippermetti li kull utent jiġi identifikat b'mod ċar, u tinkorpora miżuri effettivi ta' kontroll tad-drittijiet tal-aċċess sabiex tipproteġi kontra l-aċċess illegali, malizzjuż jew mhux awtorizzat tad-dokumenti, il-fajls u l-metadata jew it-tħassir, il-modifika jew iċ-ċaqliq illegali, malizzjuż jew mhux awtorizzat tagħhom;

(b) 

tkun mgħammra b'sistemi fiżiċi ta' protezzjoni kontra l-indħil u l-inċidenti ambjentali u kif ukoll protezzjoni ta' softwer kontra attakki ċibernetiċi eventwali;

(c) 

tipprevjeni kwalunkwe tibdil mhux awtorizzat u tinkorpora mekkaniżmi ta' integrità biex tivverifika jekk maż-żmien dokument ikunx inbidel;

(d) 

iżżomm rekord tal-awditjar għal kull stadju essenzjali tal-proċedura;

(e) 

tissalvagwardja d-data maħżuna f'ambjent li jkun sigur sew f'termini fiżiċi kif ukoll f'dawk tas-softwer, f'konformità mal-punt (b);

(f) 

tipprovdi proċeduri affidabbli għall-konverżjoni u l-migrazzjoni tal-format biex tiggarantixxi li d-dokumenti jkunu leġġibbli u aċċessibbli matul il-perjodu kollu tal-ħżin meħtieġ;

(g) 

jkollha dokumentazzjoni funzjonali u teknika dettaljata biżżejjed u aġġornata dwar il-ħidma u l-karatteristiċi tas-sistema; dik id-dokumentazzjoni għandha tkun aċċessibbli f'kull waqt lill-entitajiet organizzattivi responsabbli għall-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u/jew tekniċi.

Artikolu 3

Awtentiċità tad-dokumenti

L-awtentiċità ta' dokument innotifikat jew maħżun permezz ta' sistema tal-informazzjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament hija rrikonoxxuta jekk il-persuna li tkun bagħtet id-dokument tkun identifikata kif xieraq u jekk id-dokument ikun ġie stabbilit u nnotifikat f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Protezzjoni tad-data personali

1.  Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw bla ħsara għad-Direttiva 95/46/KE, għar-Regolament (KE) Nru 45/2001, għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u għad-Direttiva 2002/58/KE u d-dispożizzjonijiet adottati permezz tagħhom.

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-data riċevuta minn operaturi ekonomiċi.

3.  Meta l-informazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni tinkiseb minn inqas minn 3 operaturi, jew meta l-informazzjoni minn operatur uniku tkun tammonta għal aktar minn 70 % tal-ammont ta' tali informazzjoni nnotifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jindika dan lill-Kummissjoni meta jinnotifika l-informazzjoni.

4.  Il-Kummissjoni m'għandhiex tippubblika informazzjoni b'tali mod li jista' jwassal għall-identifikazzjoni ta' operatur individwali. Fejn jeżisti tali riskju, il-Kummissjoni għandha tippubblika biss tali informazzjoni f'forma aggregata.

▼M1

Artikolu 5

Notifika ta’ inadempjenza

Ħlief fejn huwa previst mod ieħor fl-atti msemmija fl-Artikolu 1, fejn l-Istati Membri, jew fejn rilevanti, il-pajjiżi terzi jew l-operaturi, ma jkunux innotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni jew bid-dokumenti meħtieġa sal-iskadenza (“ritorn null”), għandu jitqies li jkunu innotifikaw dan li ġej:

(a) 

fil-każ ta’ informazzjoni kwantitattiva, ta’ valur żero;

(b) 

fil-każ ta’ informazzjoni kwalitattiva, ta’ sitwazzjoni “xejn x’tirrapporta”.

▼B



KAPITOLU II

▼M1

NOTIFIKI U KOORDINAZZJONI DWAR IL-PREZZIJIET, IL-PRODUZZJONI, L-INFORMAZZJONI TAS-SUQ U L-INFORMAZZJONI MEĦTIEĠA MINN FTEHMIET INTERNAZZJONALI

▼B



TAQSIMA 1

Notifika dwar il-prezzijiet, il-produzzjoni u l-informazzjoni tas-suq

Artikolu 6

Notifika dwar il-prezzijiet, il-produzzjoni u s-sitwazzjoni tas-suq

In-notifika tal-informazzjoni dwar il-prezzijiet meħtieġa skont l-obbligu tan-notifika stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 għandha ssir skont l-Annessi I u II.

In-notifika tal-produzzjoni u s-swieq meħtieġa skont l-obbligu tan-notifika stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 għandha ssir skont l-Anness III.

Artikolu 7

Integrità tal-informazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni nnotifikata tkun rilevanti għas-suq ikkonċernat, preċiża u kompluta. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data kwantitattiva notifikata tikkostitwixxi serje ta' statistika konsistenti. Fil-każ li Stat Membru jkollu raġun jemmen li l-informazzjoni nnotifikata tista' ma tkunx rilevanti, preċiża jew kompluta, l-Istat Membru kkonċernat għandu jindika dan lill-Kummissjoni meta jinnotifika l-informazzjoni.

▼M1

2.  L-Istati Membri u, fejn rilevanti, il-pajjiżi terzi u l-operaturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni ġdida importanti li x’aktarx tibdel sostanzjalment l-informazzjoni li tkun diġà ġiet innotifikata.

▼B

3.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jipprovdulhom l-informazzjoni meħtieġa fi ħdan il-limiti taż-żmien xierqa. L-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu lill-Istati Membri l-informazzjoni meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-informazzjoni stabbiliti f'dan ir-Regolament.

▼M1

Artikolu 8

Informazzjoni addizzjonali

L-Istati Membri u, fejn rilevanti, il-pajjiżi terzi u l-operaturi jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni addizzjonali għal dik mitluba fl-Annessi I, II u III permezz tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 fejn tali informazzjoni tkun ikkunsidrata rilevanti mill-Istati Membri u, fejn rilevanti, mill-pajjiżi terzi u mill-operaturi kkonċernati. Tali notifiki għandhom isiru permezz ta’ formola li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli fis-sistema tal-informazzjoni.

▼B

Artikolu 9

▼M1

Definizzjoni tal-prezzijiet u tal-kwantità

1.  Għal kull notifika tal-prezzijiet u tal-kwantità meħtieġa minn din it-Taqsima, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw is-sors u l-metodoloġija li ntużaw għad-determinazzjoni tal-informazzjoni pprovduta. Tali notifiki għandhom jinkludu informazzjoni dwar is-swieq rappreżentattivi ddeterminati mill-Istati Membri u l-koeffiċjenti tal-ponderazzjoni assoċjati.

▼M1

1a.  Għal kull notifika tal-prezzijiet u tal-kwantità meħtieġa minn din it-Taqsima, l-Istati Membri jistgħu jiddelegaw lill-operaturi t-trażmissjoni diretta tal-prezzijiet u tal-kwantitajiet fis-sistema ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-operaturi li huma soġġetti għal tali delega.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni pprovduta f'konformità mal-paragrafu 1.

3.  L-Isati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni jkollha d-dritt li tippubblika d-data li huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni, soġġetta għall-Artikolu 4.

▼M1

Artikolu 10

Rappurtar ta’ prezzijiet bil-munita uffiċjali

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Annessi I, II u III, l-Istati Membri u, fejn rilevanti, l-operaturi għandhom jinnotifikaw l-informazzjoni tal-prezzijiet bil-munita uffiċjali tagħhom, mingħajr il-VAT.

Artikolu 11

Notifika tal-prezzijiet ta’ kull ġimgħa

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Anness I, l-Istati Membri u, fejn rilevanti, l-operaturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni tal-prezzijiet ta’ kull ġimgħa msemmija f’dak l-Anness sa mhux aktar tard min-12.00 (ħin ta’ Brussell) kull nhar ta’ Erbgħa għall-ġimgħa ta’ qabel.

Artikolu 12

Notifika tal-prezzijiet, tal-produzzjoni u tal-informazzjoni tas-suq mhux ta’ kull ġimgħa

L-Istati Membri u, fejn rilevanti, l-operaturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fil-limiti taż-żmien stabbiliti, b’dan li ġej:

(a) 

l-informazzjoni tal-prezzijiet mhux ta’ kull ġimgħa msemmija fl-Anness II;

(b) 

l-informazzjoni tal-produzzjoni u tas-suq imsemmija fl-Anness III.

▼B



TAQSIMA 2

Notifiki mitluba minn ftehmiet internazzjonali

Artikolu 13

Data tal-appoġġ domestiku tad-WTO

1.  L-Istati Membri, sal-31 ta' Ottubru ta' kull sena, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data dwar l-infiq mill-baġit nazzjonali, inkluż id-dħul mitluf, dwar il-miżuri tal-appoġġ domestiku favur il-produtturi agrikoli għas-sena finanzjarja preċedenti tal-Unjoni. In-notifika għandha tinkludi data dwar miżuri kofinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u għandha tkopri kemm il-komponenti nazzjonali kif ukoll il-komponenti tal-finanzjament tal-Unjoni. In-notifika m'għandhiex tkopri miżuri kompletament iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni.

2.  Id-data meħtieġa skont il-paragrafu 1 għandha tkun dik stipulata fid-dokument tad-WTO G/AG/2 dwar l-appoġġ domestiku u għandha tkun notifikata bl-użu tal-format stabbilit f'dak id-dokument.

Artikolu 14

Data tal-kompetizzjoni tal-esportazzjoni tad-WTO

1.  L-Istati Membri, sat-28 ta' Frar ta' kull sena, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data għas-sena kalendarja preċedenti dwar il- miżuri tal-kompetizzjoni fl-esportazzjoni li ġejjin, li huma applikati minnhom:

(a) 

appoġġ finanzjarju tal-esportazzjoni (krediti tal-esportazzjoni, garanziji tal-krediti tal-esportazzjoni jew programmi tal-assigurazzjoni);

(b) 

għajnuna alimentari internazzjonali;

(c) 

intrapriżi kummerċjali Statali tal-esportazzjoni agrikola.

2.  Id-data meħtieġa skont il-paragrafu 1 għandha tkun dik stipulata fl-Anness tad-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO tad-19 ta' Diċembru 2015 dwar il-kompetizzjoni fl-esportazzjoni u għandha tkun notifikata bl-użu tal-format stabbilit f'dak l-Anness.



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Emendi għal bosta regolamenti u dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 315/2002 jiġi mħassar;

2.  l-Artikoli 12, 13, 14, 14a, 15a, 20, 21 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 952/2006 jitħassru mill-1 ta' Ottubru 2017. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw fir-rigward tan-notifiki residwi dwar is-sistema tal-kwota taz-zokkor;

3.  L-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 589/2008 jiġi mħassar;

4.  il-punt A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 jiġi mħassar;

5.  l-Artikoli 16(8), 17, 25(3), 27(1) u (2), 34(2) u l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1249/2008 jiġu mħassra;

6.  L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 436/2009 huwa mħassar, ħlief għall-punt (b)(iii) tal-paragrafu 1u l-paragrafu 2 li se jibqgħu japplikaw sal-31 ta' Lulju 2017;

7.  l-Artikoli 56(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 jiġu mħassra;

8.  l-Artikoli 1a, 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 479/2010 jiġu mħassra;

9.  l-Artikolu 98 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jiġi mħassar;

10.  l-Artikolu 11 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1333/2011 jiġi mħassar;

11.  l-Artikoli 4(2) u (3) u 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 807/2013 jiġu mħassra.

Artikolu 16

Tħassir

Ir-Regolamenti li ġejjin jiġu mħassra:

— 
ir-Regolament (KE) Nru 546/2003;
— 
ir-Regolament (KE) Nru 1709/2003;
— 
ir-Regolament (KE) Nru 2336/2003;
— 
ir-Regolament (KE) Nru 2095/2005;
— 
ir-Regolament (KE) Nru 1557/2006;
— 
ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1288/2011.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Punt 1 tal-Anness II u l-Punt 2 tal-Anness III għandhom japplikaw mill-1 ta' Ottubru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS I

Rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu man-notifiki tal-prezzijiet ta’ kull ġimgħa msemmija fl-Artikolu 11

Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, l-Istati Membri kkonċernati huma dawk li jipproduċu jew li jużaw aktar minn 2 % tat-total tal-produzzjoni jew tal-użu korrispondenti tal-Unjoni.

1.    Ċereali

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tas-suq rappreżentattivi għal kull wieħed miċ-ċereali u mill-kwalitajiet taċ-ċereali kkunsidrati rilevanti għas-suq tal-Unjoni, espressi għal kull tunnellata tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom jirreferu, fejn rilevanti, għall-proprjetajiet kwalitattivi, għall-post tal-kwotazzjoni u għall-istadju ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ kull prodott.

2.    Ross

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tas-suq rappreżentattivi għal kull waħda mill-varjetajiet ta’ ross ikkunsidrati rilevanti għas-suq tal-Unjoni, espressi għal kull tunnellata tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri li jipproduċu r-ross u l-Istati Membri b’industrija tat-tħin.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom jirreferu, fejn rilevanti, għall-istadju tal-ipproċessar, għall-post tal-kwotazzjoni u għall-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ kull prodott.

3.    Żrieragħ żejtnin

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet rappreżentattivi għal-lift, għaż-żerriegħa tal-ġirasol, għall-fażola tas-sojja, għall-grixa tal-lift, għall-grixa taż-żerriegħa tal-ġirasol, għall-grixa tas-sojja, għaż-żejt tal-lift mhux raffinat, għaż-żejt tal-ġirasol mhux raffinat u żejt tal-fażola tas-sojja mhux raffinat.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri b’żona mħawla tal-għalla rispettiva ta’ mill-anqas 10 000 ettaru fis-sena. Fir-rigward tan-notifiki tal-prezzijiet tal-grix u taż-żjut, l-Istati Membri li jipproduċu aktar minn 200 000 tunnellata metrika tal-għalla taż-żerriegħa żejtnija rispettiva.

4.    Żejt taż-żebbuġa

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet medji rreġistrati fis-swieq rappreżentattivi ewlenin u l-prezzijiet medji nazzjonali ponderati għall-kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa elenkati fil-Parti VIII tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri li jipproduċu aktar minn 20 000 tunnellata żejt taż-żebbuġa fil-perjodu annwali mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom jikkorrispondu għaż-żejt taż-żebbuġa sfuż, tal-mitħna għaż-żejt taż-żebbuġa verġni u tal-fabbrika għal kategoriji oħra. Is-swieq rappreżentattivi għandhom ikopru mill-inqas 70 % tal-produzzjoni nazzjonali tal-prodott ikkonċernat.

Prezzijiet tax-xiri

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tax-xiri rappreżentattivi tal-bejjiegħa bl-imnut għall-kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa verġni u taż-żejt taż-żebbuġa extra verġni msemmija fil-Parti VIII tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Oħrajn: il-prezzijiet rappreżentattivi għandhom jikkorrispondu għaż-żejt taż-żebbuġa verġni kkundizzjonat u għaż-żejt taż-żebbuġa extra verġni fil-kontenituri li jkunu lesti biex jiġu offruti lill-konsumaturi finali u għandhom ikopru mill-inqas terz tax-xiri nazzjonali tal-prodott ikkonċernat.

5.    Frott u ħxejjex, banana

(a)    Prezzijiet tal-prodotti maħsuba għas-suq tal-prodotti friski

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet rappreżentattivi għat-tipi u għall-varjetajiet ta’ tadam, tuffieħ, larinġ, ħawħ u nuċiprisk elenkati fl-Anness VI tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 ( 1 ), espressi għal kull 100 kg ta’ piż nett tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kif elenkati fl-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom ikunu dawk tal-post fejn jiġu ppakkjati, magħżulin u ppakkjati, u fejn ikun applikabbli fuq il-palits.

(b)    Prezzijiet tal-bejgħ tal-banana

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet bl-ingrossa għall-banana safra li taqa’ taħt il-kodiċi NM 0803 90 10 , espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha li jikkummerċjalizzaw aktar minn 50 000 tunnellata ta’ banana safra għal kull sena kalendarja.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom jiġu nnotifikati skont grupp ta’ pajjiżi ta’ oriġini.

(c)    Prezzijiet tal-ħruġ mill-azjenda agrikola

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet rappreżentattivi ta’ tadam, tuffieħ, larinġ, ħawħ, nuċiprisk u banana maħsuba għas-suq tal-prodotti friski. Il-prezzijiet kollha huma espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom ikunu dawk tal-ħruġ mill-azjenda agrikola u tal-prodotti maħsuda.

(d)    Prezzijiet tax-xiri

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet rappreżentattivi tax-xiri bl-imnut ta’ tadam, tuffieħ, larinġ, ħawħ u nuċiprisk, espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

6.    Laħam

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet għall-karkassi u għall-qatgħat taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u għal ċerti annimali tal-ifrat, għoġġiela u driefeġ ħajjin f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u għall-karkassi skont il-klassifikazzjoni tal-karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: għall-karkassi u l-annimali ħajjin, l-Istati Membri kollha. Għall-qatgħat, l-Istati Membri li l-produzzjoni nazzjonali tagħhom tirrappreżenta 2 % jew aktar tal-produzzjoni tal-Unjoni;

Oħrajn: meta fl-opinjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ikun hemm numru insuffiċjenti ta’ karkassi jew ta’ annimali ħajjin x’jiġu nnotifikati, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li għall-perjodu kkonċernat jissospendi r-reġistrazzjoni tal-prezzijiet għal tali karkassi jew annimali ħajjin u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-raġuni tad-deċiżjoni tiegħu. Dwar il-qatgħat, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrapportaw il-prezzijiet tar-robbu ta’ wara taċ-ċanga, tar-robbu ta’ quddiem taċ-ċanga, tal-laħam ikkapuljat taċ-ċanga, tal-laħam tal-lojn tal-majjal, tal-laħam taż-żaqq tal-majjal, tal-laħam tal-ispalla tal-majjal, tal-laħam ikkapuljat tal-majjal u tal-laħam tal-perżut tal-majjal.

Prezzijiet tax-xiri

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tax-xiri rappreżentattivi tal-bejjiegħa bl-imnut u ta’ operaturi kummerċjali oħra tal-ikel għal-laħam ikkapuljat tal-majjal u taċ-ċanga, espress għal kull 100 kg tal-prodott.

7.    Ħalib u prodotti tal-ħalib

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tat-trab tax-xorrox, tat-trab tal-ħalib xkumat, tat-trab tal-ħalib sħiħ, tal-butir, tal-krema, tal-ħalib tax-xorb u tal-ġobnijiet komoditarji espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri li l-produzzjoni nazzjonali tagħhom tirrappreżenta 2 % jew aktar tal-produzzjoni tal-Unjoni; jew, fil-każ tal-ġobnijiet komoditarji, fejn it-tip ta’ ġobon jirrappreżenta 4 % jew aktar tal-produzzjoni nazzjonali totali tal-ġobon.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom jiġu nnotifikati għall-prodotti mixtrija mill-manifattur, minbarra kwalunkwe spiża oħra (trasport, tagħbija, tqandil, ħżin, palits, assigurazzjoni, eċċ.) abbażi ta’ kuntratti konklużi għall-kunsinni fi żmien tliet xhur.

Prezzijiet tax-xiri

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tax-xiri rappreżentattivi tal-bejjiegħa bl-imnut u ta’ operaturi kummerċjali oħra tal-butir u tal-ġobnijiet rilevanti, espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

8.    Bajd

Kontenut tan-notifika: il-prezz bl-ingrossa għall-bajd tal-Klassi A skont il-metodu ta’ trobbija (medja tal-kategoriji L u M), espress għal kull 100 kg tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom jiġu nnotifikati għall-prodotti fil-postijiet tal-ippakkjar.

9.    Laħam tat-tjur

Kontenut tan-notifika: il-prezz medju bl-ingrossa għat-tiġieġ sħiħ tal-Klassi A (“65 % tiġieġ”) u għall-qatgħat tat-tiġieġ (flett tas-sidra, saqajn), espress għal kull 100 kg tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom jiġu nnotifikati għall-prodotti f’impjanti tat-tbiċċir jew għandhom jiġu rreġistrati fi swieq rappreżentattivi.

Prezzijiet tax-xiri

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tax-xiri rappreżentattivi tal-bejjiegħa bl-imnut u ta’ operaturi kummerċjali oħra għat-tiġieġ sħiħ tal-Klassi A u għall-filetti tas-sidra tat-tiġieġ, espress għal kull 100 kg tal-prodott.

10.    Oħrajn

Kontenut tan-notifika: il-prezz tat-trab mimli bix-xaħam espress għal kull 100 kg tal-prodott.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom jiġu nnotifikati għall-prodotti mixtrija mill-manifattur, minbarra kwalunkwe spiża oħra (trasport, tagħbija, tqandil, ħżin, palits, assigurazzjoni, eċċ.) abbażi ta’ kuntratti konklużi għall-kunsinni fi żmien tliet xhur.




ANNESS II

Rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu man-notifiki tal-prezzijiet mhux ta’ kull ġimgħa msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12

Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, l-Istati Membri kkonċernati huma dawk li jipproduċu jew li jużaw aktar minn 2 % tat-total tal-produzzjoni jew tal-użu korrispondenti tal-Unjoni, minbarra għall-prodotti organiċi, li għalihom hemm limitu ta’ 4 % tal-produzzjoni.

1.    Ċereali

(a)    Prezzijiet taċ-ċereali organiċi

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tas-suq rappreżentattivi għall-qamħ komuni organiku, għall-qamħ durum u għas-segala, espressi għal kull tunnellata tal-prodott.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

(b)    Prezzijiet tad-dqiq tal-qamħ

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tal-bejgħ rappreżentattivi tal-industrija tat-tħin għad-dqiq tal-qamħ, espressi għal kull tunnellata tal-prodott.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

(c)    Prezzijiet tax-xiri tad-dqiq tal-qamħ

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tax-xiri rappreżentattivi tal-bejjiegħa bl-imnut u ta’ operaturi kummerċjali oħra tal-ikel għad-dqiq tal-qamħ, espressi għal kull tunnellata tal-prodott.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

2.    Żrieragħ żejtnin u għelejjel li fihom il-proteini

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tas-suq rappreżentattivi għal kull wieħed mill-għelejjel li fihom il-proteini li huma kkunsidrati rilevanti għas-suq tal-Unjoni kif ukoll għall-fażola tas-sojja organika, għall-grixa tas-sojja organika, għall-grixa tas-sojja li mhijiex ĠM, espressi għal kull tunnellata tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: għall-għelejjel li fihom il-proteini, l-Istati Membri b’żona mħawla bl-għalla rispettiva ta’ mill-inqas 10 000 ettaru fis-sena.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

3.    Zokkor

Kontenut tan-notifika:

(a) 

il-medji pponderati tal-prezzijiet taz-zokkor li ġejjin, espressi għal kull tunnellata ta’ zokkor, kif ukoll il-kwantitajiet korrispondenti totali u d-devjazzjonijiet standard ipponderati:

(i) 

għax-xahar preċedenti, il-prezz tal-bejgħ;

(ii) 

għax-xahar preċedenti, il-prezz tal-bejgħ fuq il-fatturi li jikkorrispondu għall-kuntratti b’terminu qasir. Dawn il-prezzijiet għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni mhux aktar kmieni minn xahrejn wara tmiem il-perjodu ta’ notifika stabbilit hawn taħt.

(b) 

il-prezz medju pponderat tal-pitravi taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, espress għal kull tunnellata ta’ pitravi, kif ukoll il-kwantitajiet korrispondenti totali.

Stati Membri kkonċernati:

(a) 

għall-prezzijiet taz-zokkor, l-Istati Membri kollha li fihom jiġu prodotti aktar minn 10 000 tunnellata ta’ zokkor mill-pitravi taz-zokkor jew miz-zokkor mhux raffinat;

(b) 

għall-prezzijiet tal-pitravi taz-zokkor, l-Istati Membri kollha b’żona mħawla ta’ aktar minn 1 000 ha ta’ pitravi taz-zokkor fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata.

Perjodu tan-notifika:

(a) 

għall-prezzijiet taz-zokkor, sal-25 jum ta’ kull xahar;

(b) 

għall-prezzijiet tal-pitravi taz-zokkor, sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena.

Oħrajn:il-prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-metodoloġija ppubblikata mill-Kummissjoni u għandhom jikkonċernaw:

(a) 

il-prezzijiet tal-fabbrika taz-zokkor abjad sfuż għaz-zokkor ta’ kwalità standard kif definit fil-punt B II tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 miġbur minn impriżi u raffinaturi taz-zokkor;

(b) 

il-prezz tal-pitravi taz-zokkor imħallas mill-impriżi taz-zokkor lill-produtturi għall-pitravi taz-zokkor ta’ kwalità standard li jkun fihom 16 % zokkor. Il-pitravi għandhom jiġu attribwiti lill-istess sena ta’ kummerċjalizzazzjoni bħaz-zokkor estratt minnhom.

Prezzijiet tax-xiri

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tax-xiri rappreżentattivi tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-industrija mhux tal-ikel (għajr tal-bijofjuwil) għaz-zokkor u għall-melassi, espressi għal kull tunnellata ta’ prodott.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar.

Oħrajn: il-prezzijiet rappreżentattivi għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-metodoloġija ppubblikata mill-Kummissjoni.

4.    Fibra tal-kittien

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet medji tal-fabbrika għax-xahar preċedenti rreġistrati fis-swieq rappreżentattivi ewlenin għall-fibra tal-kittien twila, espressi għal kull tunnellata tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha fejn jiġu prodotti l-fibri tal-kittien twal minn żona mħawla ta’ aktar minn 1 000 ha ta’ fibri tal-kittien.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

5.    Żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda

Kontenut tan-notifika:

— 
il-prezzijiet tas-suq rappreżentattivi taż-żejt taż-żebbuġa organiku għall-kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa verġni u taż-żejt taż-żebbuġa extra verġni msemmija fil-Parti VIII tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, espressi għal kull 100 kg tal-prodott;
— 
il-prezzijiet rappreżentattivi taż-żebbuġ mhux ipproċessat għaż-żebbuġ tal-mejda, espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati:

— 
għaż-żejt taż-żebbuġa organiku, l-Istati Membri li jipproduċu aktar minn 5 000 tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa organiku (kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa verġni u taż-żejt taż-żebbuġa extra verġni) fil-perjodu annwali mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru;
— 
għaż-żebbuġa tal-mejda, l-Istati Membri li jipproduċu aktar minn 5 000 tunnellata ta’ żebbuġ tal-mejda fil-perjodu annwali mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Awwissu.

Perjodu tan-notifika:

— 
għaż-żejt taż-żebbuġa organiku sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti;
— 
għaż-żebbuġ tal-mejda, sal-15 ta’ Jannar ta’ kull sena, fir-rigward tal-ħsad tas-sena kalendarja preċedenti (1 ta’ Settembru – 31 ta’ Diċembru).

Oħrajn: fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa organiku, il-prezzijiet għandhom jikkorrispondu għaż-żejt taż-żebbuġa sfuż, tal-mitħna għaż-żejt taż-żebbuġa verġni u tal-fabbrika għal kategoriji oħra. Fir-rigward taż-żebbuġ mhux ipproċessat għall-produzzjoni taż-żebbuġ tal-mejda, il-prezzijiet għandhom jikkorrispondu għaż-żebbuġ li jitwassal mill-produtturi fil-punti ta’ akkoljenza tal-industrija tal-ipproċessar.

6.    Inbid

Kontenut tan-notifika: fir-rigward tal-inbejjed imsemmija fil-punt 1 tal-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013:

(a) 

sommarju tal-prezzijiet għax-xahar preċedenti espressi għal kull ettolitru ta’ nbid b’referenza għall-volumi kkonċernati; jew

(b) 

is-sorsi tal-informazzjoni disponibbli pubblikament u kkunsidrati kredibbli għar-reġistrazzjoni tal-prezzijiet.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri li l-medja tal-produzzjoni tal-inbid tagħhom matul l-aħħar ħames snin qabżet il-5 % tal-produzzjoni tal-inbid totali tal-Unjoni.

Perjodu tan-notifika: sal-15-il jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom ikunu tal-prodott mhux ippakkjat mal-ħruġ mill-post tal-produttur. Għall-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b), l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu għażla tal-aktar tmien swieq rappreżentattivi li jridu jiġu mmonitorjati, li għandhom jinkludu mill-inqas tnejn għal inbejjed b’denominazzjoni tal-oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta.

7.    Ħalib u prodotti tal-ħalib

(a)    Ħalib

Kontenut tan-notifika: il-prezz tal-ħalib mhux ipproċessat u tal-ħalib organiku mhux ipproċessat, u l-prezz stmat għal kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat fix-xahar kurrenti, espressi għal kull 100 kg tal-prodott fil-kontenut reali ta’ xaħam u ta’ proteini.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

Oħrajn: il-prezz għandu jkun dak imħallas mill-ewwel xerrejja stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru.

(b)    Prodotti tal-ħalib

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet għall-ġobnijiet, minbarra l-ġobnijiet komoditarji msemmija fil-punt 7 tal-Anness I, espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha għal tipi ta’ ġobnijiet rilevanti għas-suq nazzjonali.

Perjodu tan-notifika: sal-15-il jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom ikunu għal ġobon mixtri mill-manifattur, minbarra kwalunkwe spiża oħra (trasport, tagħbija, tqandil, ħżin, palits, assigurazzjoni, eċċ.) abbażi ta’ kuntratti konklużi għall-kunsinni fi żmien tliet xhur.

8.    Frott u ħxejjex, banana

(a)    Prezzijiet tal-frott u tal-ħxejjex friski u organiċi

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tal-bejgħ rappreżentattivi tat-tadam, tat-tuffieħ, tal-larinġ, tal-ħawħ u tan-nuċiprisk organiċi, espressi għal kull 100 kg ta’ piż nett tal-prodott.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar kalendarju preċedenti.

(b)    Prezzijiet għall-banana ħadra

Kontenut tan-notifika:

(a) 

il-prezzijiet tal-bejgħ medji fis-swieq lokali tal-banana ħadra kkummerċjalizzata fir-reġjun tal-produzzjoni, espressi għal kull 100 kg tal-prodott u l-kwantitajiet relatati;

(b) 

il-prezzijiet tal-bejgħ medji tal-banana ħadra kkummerċjalizzata barra mir-reġjun tal-produzzjoni, espressi għal kull 100 kg tal-prodott u l-kwantitajiet relatati.

Perjodu tan-notifika:

— 
sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena fir-rigward tal-perjodu preċedenti mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ April,
— 
sal-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena fir-rigward tal-perjodu preċedenti mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu,
— 
sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena fir-rigward tal-perjodu preċedenti mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri b’reġjun tal-produzzjoni, jiġifieri:

(a) 

il-Gżejjer Kanarji;

(b) 

Guadeloupe;

(c) 

Martinique;

(d) 

Madeira u l-Azores;

(e) 

Kreta u Lakonia;

(f) 

Ċipru.

Oħrajn: il-prezzijiet għall-banana ħadra kkummerċjalizzata fl-Unjoni barra mir-reġjun tal-produzzjoni tagħha għandhom ikunu fl-ewwel port tal-ħatt (prodotti mhux imħatta).

(c)    Prezzijiet tal-ħruġ mill-azjenda agrikola

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet rappreżentattivi tat-tadam, tat-tuffieħ u tal-larinġ maħsuba għall-ipproċessar. Il-prezzijiet kollha huma espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Perjodu tan-notifika:

(a) 

għat-tadam, mill-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara;

(b) 

għat-tuffieħ u għal-larinġ, sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar kalendarju preċedenti.

Oħrajn: il-prezzijiet għandhom ikunu dawk tal-ħruġ mill-azjenda agrikola u tal-prodotti maħsuda.

9.    Laħam

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tal-bejgħ rappreżentattivi tal-karkassi taċ-ċanga organika skont il-klassifikazzjoni tal-karkassi taċ-ċanga bħal fil-każ tan-notifika prevista fil-punt (a) tal-punt 6 tal-Anness I, espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

10.    Tjur

Kontenut tan-notifika: il-prezzijiet tal-bejgħ rappreżentattivi tat-tiġieġ sħaħ tal-Klassi A (“65 % tiġieġ”), espressi għal kull 100 kg tal-prodott.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar kalendarju preċedenti.




ANNESS III

Rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu man-notifiki tal-produzzjoni u tal-informazzjoni tas-suq kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 12

1.    Ross

Kontenut tan-notifika: għal kull wieħed mit-tipi ta’ ross imsemmija fil-punti 2 u 3 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013:

(a) 

żona mħawla, rendiment agronomiku, produzzjoni tar-ross fil-fosdqa fis-sena tal-ħsad u rendiment tat-tħin;

(b) 

użu domestiku (inkluż mill-industrija tal-ipproċessar) ta’ ross espress f’ekwivalenti mitħun;

(c) 

ħażniet tar-ross (espressi f’ekwivalent tat-tħin) miżmuma mill-produtturi u mill-imtieħen tar-ross fil-31 ta’ Awwissu kull sena, imqassma skont ir-ross prodott fl-Unjoni u r-ross importat.

Perjodu tan-notifika: sal-15 ta’ Jannar kull sena fir-rigward tas-sena preċedenti.

Stati Membri kkonċernati:

(a) 

għall-produzzjoni tar-ross fil-fosdqa, l-Istati Membri kollha li jipproduċu r-ross;

(b) 

għall-użu domestiku, l-Istati Membri kollha;

(c) 

għall-ħażniet tar-ross, l-Istati Membri kollha li jipproduċu r-ross u l-Istati Membri b’imtieħen tar-ross.

2.    Zokkor

A.    Żoni tal-pitravi

Kontenut tan-notifika: żona tal-pitravi taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti u stima għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara.

Perjodu tan-notifika: sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha b’żona mħawla ta’ aktar minn 1 000 ha ta’ pitravi taz-zokkor fis-sena kkonċernata.

Oħrajn: dawn iċ-ċifri għandhom jiġu espressi f’ettari u mqassma skont iż-żoni maħsuba għall-produzzjoni taz-zokkor u dawk maħsuba għall-produzzjoni tal-bijoetanol.

B.    Produzzjoni u użu taz-zokkor u tal-bijoetanol

Kontenut tan-notifika:

(a) 

produzzjoni: il-produzzjoni taz-zokkor u tal-melassi u l-produzzjoni tal-bijoetanol minn kull impriża fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti u, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti, stima tal-produzzjoni totali taz-zokkor f’kull Stat Membru u tal-produzzjoni taz-zokkor minn kull impriża;

(b) 

użu: iż-zokkor mibjugħ minn impriżi u raffinaturi fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, maqsum skont id-destinazzjoni.

Perjodu tan-notifika: sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena fir-rigward tal-produzzjoni u tal-użu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti, kif ukoll il-produzzjoni totali stmata taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni attwali; Sal-31 ta’ Marzu kull sena (it-30 ta’ Ġunju għad-dipartimenti Franċiżi tal-Guadeloupe u l-Martinique) fir-rigward tal-produzzjoni tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti minn kull impriża.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri fejn jiġu prodotti aktar minn 10 000 tunnellata ta’ zokkor.

Oħrajn:

(a) 

“produzzjoni taz-zokkor” tfisser il-kwantità totali, espressa f’tunnellati ta’ zokkor abjad kif ġej:

(i) 

zokkor abjad, mingħajr ma jitqiesu d-differenzi fil-kwalità,

(ii) 

zokkor mhux ipproċessat, abbażi tar-rendiment iddeterminat skont il-punt B.III tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013,

(iii) 

zokkor invertit, skont il-piż tiegħu,

(iv) 

sukrożju jew ġuleppi taz-zokkor invertit li huma mill-inqas 70 % puri u li huma prodotti mill-pitravi taz-zokkor, abbażi ta’ kontenut taz-zokkor li jista’ jiġi estratt jew abbażi tar-rendiment reali,

(v) 

sukrożju jew ġuleppi taz-zokkor invertit li huma mill-inqas 75 % puri u prodotti mill-kannamiela, abbażi tal-kontenut taz-zokkor;

(b) 

il-produzzjoni taz-zokkor ma għandhiex tinkludi zokkor abjad miksub minn kwalunkwe wieħed mill-prodotti msemmija fil-punt (a) jew prodott skont arranġamenti tal-ipproċessar attiv;

(c) 

iz-zokkor li jiġi estratt mill-pitravi miżrugħa matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifika għandu jiġi attribwit lis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara. Madankollu, iz-zokkor estratt mill-pitravi miżrugħa fil-ħarifa ta’ sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari għandu jiġi attribwit lill-istess sena ta’ kummerċjalizzazzjoni f’dawk l-Istati Membri li jkunu ddeċidew hekk u li jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2017;

(d) 

iċ-ċifri għaz-zokkor għandhom jitqassmu skont ix-xahar u, fir-rigward tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti, għandhom jikkorrispondu għaċ-ċifri proviżorji sax-xahar ta’ Frar u għall-istimi għax-xhur li jibqa’ mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni;

(e) 

il-produzzjoni tal-bijoetanol għandha tinkludi biss il-bijoetanol miksub minn kwalunkwe wieħed mill-prodotti msemmija fil-punt (a) u għandha tiġi espressa f’ettolitri;

(f) 

“użu taz-zokkor” tfisser il-kwantitajiet totali, espressi f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ zokkor abjad, mibjugħa mill-impriżi u mir-raffinaturi taz-zokkor lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-utenti taz-zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni. Dawk il-kwantitajiet għandhom jinqasmu bejn dawk mibjugħa għall-bejgħ bl-imnut, lill-industrija tal-ikel u lil industriji oħra minbarra l-industrija tal-bijoetanol.

C.    Produzzjoni tal-isoglukożju

Kontenut tan-notifika:

(a) 

il-kwantitajiet tal-produzzjoni proprja tal-isoglukożju ttrasportata minn kull produttur matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti;

(b) 

il-kwantitajiet tal-produzzjoni proprja tal-isoglukożju ttrasportata minn kull produttur matul ix-xahar preċedenti.

Perjodu tan-notifika: sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena fir-rigward tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti u sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha fejn jiġi prodott l-isoglukożju.

Oħrajn:“Produzzjoni tal-isoglukożju” tfisser il-kwantità totali tal-prodott miksub mill-glukożju jew mill-polimeri tiegħu b’kontenut skont il-piż fl-istat niexef ta’ mill-inqas 41 % fruttożju, espressa f’tunnellati ta’ materja niexfa irrispettivament mill-kontenut tal-fruttożju kurrenti li jaqbeż il-livell limitu ta’ 41 %. Iċ-ċifri tal-produzzjoni fis-sena għandhom jitqassmu xahar b’xahar.

D.    Ħażniet taz-zokkor u tal-isoglukożju

Kontenut tan-notifika:

(a) 

il-kwantitajiet maħżuna tal-produzzjoni taz-zokkor sal-aħħar ta’ kull xahar mill-impriżi taz-zokkor u mir-raffinaturi;

(b) 

il-kwantitajiet maħżuna tal-produzzjoni tal-isoglukożju mill-produtturi tal-isoglukożju sal-aħħar tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti.

Perjodu tan-notifika: sal-aħħar ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti kkonċernat fir-rigward taz-zokkor, u sat-30 ta’ Novembru fir-rigward tal-isoglukożju.

Stati Membri kkonċernati:

(a) 

għaz-zokkor, l-Istati Membri kollha fejn jinsabu l-impriżi jew ir-raffinaturi taz-zokkor u fejn il-produzzjoni taz-zokkor taqbeż l-10 000 tunnellata;

(b) 

għall-isoglukożju, l-Istati Membri kollha fejn jiġi prodott l-isoglukożju.

Oħrajn: iċ-ċifri għandhom jirreferu għall-prodotti maħżuna b’ċirkolazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni u għall-produzzjoni taz-zokkor u għall-produzzjoni tal-isoglukożju kif definit fil-punti B u C.

Fir-rigward taz-zokkor:

— 
iċ-ċifri għandhom jirreferu għall-kwantitajiet li huma proprjetà tal-impriża jew tar-raffinatur jew li huma koperti minn garanzija,
— 
iċ-ċifri għandhom jispeċifikaw, għall-kwantitajiet fil-ħażna fl-aħħar tax-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru, il-kwantità li tiġi mill-produzzjoni taz-zokkor skont is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara,
— 
jekk il-ħażna tkun fi Stat Membru differenti minn dak li qed jinnotifika lill-Kummissjoni, l-Istat Membru li qed jinnotifika għandu jinforma lill-Istat Membru kkonċernat bil-kwantitajiet maħżuna fit-territorju tiegħu u bil-post fejn dawn jinsabu sal-aħħar tax-xahar ta’ wara dak tan-notifika lill-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-isoglukożju, il-kwantitajiet għandhom jirreferu għall-kwantitajiet li huma proprjetà tal-produttur.

E.    Ftehimiet tan-negozju

Kontenut tan-notifika: il-kontenut tal-ftehimiet tan-negozju bejn il-kultivaturi u l-impriżi kif ukoll il-kontenut tal-klawżoli ta’ kondiviżjoni tal-valur. L-elementi rilevanti li għandhom jiġu nnotifikati f’konformità mal-metodoloġija ppubblikata mill-Kummissjoni.

Perjodu tan-notifika: sal-aħħar ta’ kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha fejn jinsabu l-impriżi taz-zokkor u fejn il-produzzjoni taz-zokkor taqbeż l-10 000 tunnellata.

3.    Għelejjel tal-fibra

Kontenut tan-notifika:

(a) 

iż-żona tal-fibra tal-kittien għas-sena tas-suq preċedenti u l-istima għas-sena tas-suq kurrenti, espressa f’ettari;

(b) 

il-produzzjoni tal-fibra tal-kittien għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti u stima għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti, espressi f’tunnellati;

(c) 

iż-żona mħawla bil-qoton għas-sena tal-ħsad preċedenti u stima għas-sena tal-ħsad kurrenti, espressi f’ettari;

(d) 

il-produzzjoni tal-qoton mhux maħluġ għas-sena tal-ħsad preċedenti u stima għas-sena tal-ħsad kurrenti, espressi f’tunnellati;

(e) 

il-prezz medju tal-qoton mhux maħluġ imħallas lill-produtturi tal-qoton fir-rigward tas-sena tal-ħsad preċedenti, espress għal kull tunnellata tal-prodott.

Perjodu tan-notifika:

(a) 

għaż-żona tal-fibra tal-kittien, sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena;

(b) 

għall-produzzjoni tal-fibri tal-kittien twal, sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena;

(c) 

għall-qoton, sal-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

Stati Membri kkonċernati:

(a) 

għall-kittien, l-Istati Membri kollha fejn il-fibri tal-kittien twal jiġu prodotti minn żona mħawla ta’ aktar minn 1 000 ha ta’ fibri tal-kittien;

(b) 

għall-qoton, l-Istati Membri kollha fejn jinżergħu mill-inqas 1 000 ha ta’ qoton.

4.    Ħops

Kontenut tan-notifika: l-informazzjoni tal-produzzjoni li ġejja, mogħtija bħala total u għall-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (c) u (d), imqassma skont il-varjetajiet tal-ħops morri u aromatiċi:

(a) 

in-numru ta’ bdiewa li qed ikabbru l-ħops;

(b) 

iż-żona mħawla bil-ħops, espressa f’ettari;

(c) 

il-kwantità f’tunnellati u l-prezz medju mal-ħruġ mill-azjenda agrikola, espressi għal kull kg ta’ ħops mibjugħ b’kuntratt bil-quddiem u mingħajr tali kuntratt;

(d) 

il-produzzjoni tal-aċidu alfa f’tunnellati u l-kontenut medju ta’ aċidu alfa (perċentwal).

Perjodu tan-notifika: sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara l-ħsad tal-ħops.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri b’żona mħawla ta’ aktar minn 200 ettaru ta’ ħops fis-sena preċedenti.

5.    Żejt taż-żebbuġa

Kontenut tan-notifika:

(a) 

data dwar il-produzzjoni finali (inkluż data dwar il-produzzjoni organika), il-konsum domestiku totali (inkluż mill-industrija tal-ipproċessar) u l-ħażniet finali għall-perjodu annwali preċedenti mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru;

(b) 

stima tal-produzzjoni fix-xahar, stima tal-livell ta’ stokkijiet fix-xahar miżmum mill-produtturi u mill-industrija u stimi tal-produzzjoni totali, tal-konsum domestiku totali (inkluż mill-industrija tal-ipproċessar) u stokkijiet tat-tmiem għall-perjodu annwali kurrenti mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru.

Perjodu tan-notifika:

(a) 

sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, id-data li tirrigwarda l-perjodu annwali preċedenti;

(b) 

sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena u sal-15 ta’ kull xahar minn Novembru sa Ġunju, għad-data li tirrigwarda l-perjodu annwali kurrenti.

Stati Membri kkonċernati: għan-notifika tal-livell ta’ stokkijiet fix-xahar, l-Istati Membri li jipproduċu aktar minn 20 000 tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa fil-perjodu annwali mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru. Għal data oħra, l-Istati Membri kollha li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa.

6.    Tabakk

Kontenut tan-notifika: għal kull grupp tal-varjetajiet tat-tabakk mhux ipproċessat:

(a) 

in-numru ta’ bdiewa;

(b) 

iż-żona f’ettari;

(c) 

il-kwantità kkonsenjata f’tunnellati;

(d) 

il-prezz medju mħallas lill-bdiewa, minbarra t-taxxi u imposti oħra, espress għal kull kg tal-prodott.

Perjodu tan-notifika: sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri b’żona mħawla ta’ aktar minn 3 000 ettaru ta’ tabakk għall-ħsad preċedenti.

Oħrajn: il-gruppi tal-varjetajiet tat-tabakk mhux ipproċessat huma:

Grupp I: 

Imnixxef bis-sħana: tabakk imnixxef fi fran b’ċirkolazzjoni tal-arja, temperatura u umdità kkontrollati, b’mod partikolari l-Virginia;

Grupp II: 

Ċar u mnixxef bl-arja: tabakk imnixxef bl-arja mgħotti, li ma jitħalliex jiffermenta, b’mod partikolari l-Burley u l-Maryland;

Grupp III: 

Skur u mnixxef bl-arja: tabakk imnixxef bl-arja mgħotti, li jitħalla jiffermenta b’mod naturali qabel ma jiġi kkummerċjalizzat, b’mod partikolari l-Badischer Geudertheimer, il-Burley Iffermentat, il-Havana, il-Mocny Skroniowski, in-Nostrano del Brenta u l-Pulawski;

Grupp IV: 

Imnixxef bin-nar: tabakk imnixxef bin-nar, b’mod partikolari l-Kentucky u s-Salento;

Grupp V: 

Imnixxef bix-xemx: tabakk imnixxef bix-xemx, imsejjaħ ukoll “Varjetajiet orjentali”, b’mod partikolari l-Basmas, il-Katerini u l-Kaba-Koulak.

7.    Prodotti tas-settur tal-inbid

Kontenut tan-notifika:

(a) 

stimi tal-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid (inkluż il-most tal-għeneb vinifikat u mhux vinifikat) fit-territorju tal-Istat Membru matul is-sena tal-inbid kurrenti;

(b) 

ir-riżultat definittiv tad-dikjarazzjonijiet tal-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/273 ( 2 ), kif ukoll stima tal-produzzjoni mhux koperta minn tali dikjarazzjonijiet;

(c) 

sommarju tad-dikjarazzjonijiet tal-ħażniet imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2018/273, li jkun sar fil-31 ta’ Lulju tas-sena tal-inbid preċedenti;

(d) 

il-karta tal-bilanċ finali tas-sena tal-inbid preċedenti inkluż informazzjoni sħiħa dwar id-disponibbiltajiet (ħażniet tal-bidu, produzzjoni, importazzjonijiet), l-użi (konsum mill-bniedem u mill-industrija, trasformazzjoni, esportazzjonijiet u telf) u l-ħażniet finali.

Perjodu tan-notifika:

(a) 

stimi tal-produzzjoni, sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena;

(b) 

ir-riżultat definittiv tad-dikjarazzjonijiet tal-produzzjoni, sal-15 ta’ Marzu ta’ kull sena;

(c) 

sommarju tad-dikjarazzjonijiet tal-ħażniet, sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena;

(d) 

karta tal-bilanċ finali, sal-15 ta’ Jannar ta’ kull sena.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri li jżommu reġistru tal-vinji aġġornat f’konformità mal-Artikolu 145(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

8.    Ħalib

Kontenut tan-notifika:

— 
il-kwantità totali tal-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat, espressa f’kilogrammi bil-kontenut ta’ xaħam reali;
— 
il-kwantità totali tal-ħalib tal-baqra organiku mhux ipproċessat, espressa f’kilogrammi bil-kontenut ta’ xaħam reali;
— 
il-kontenut ta’ xaħam u l-kontenut ta’ proteini tal-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat, bħala perċentwali tal-piż tal-prodott.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha.

Oħrajn: għall-ħalib, il-kwantitajiet jirreferu għall-ħalib ikkonsenjat fix-xahar preċedenti lill-ewwel xerrejja stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ewwel xerrejja kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom jiddikjaraw lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-kwantità tal-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat ikkonsenjat lilhom kull xahar fil-ħin u b’mod preċiż sabiex jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit.

9.    Bajd

Kontenut tan-notifika:

— 
in-numru ta’ siti tal-produzzjoni tal-bajd imqassma skont il-metodi tat-tkabbir imsemmija fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 589/2008 ( 3 ) u s-siti ta’ produzzjoni tal-bajd organiku skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 ( 4 ), inkluż il-kapaċità massima tal-istabbiliment f’termini tan-numru ta’ tiġieġ tal-bajd preżenti fl-istess ħin;
— 
il-volum tal-produzzjoni ta’ bajd fil-qoxra għal kull metodu ta’ tkabbir espress f’tunnellati ta’ piż nett, inkluż il-bajd organiku.

Perjodu tan-notifika:

— 
l-għadd ta’ siti tal-produzzjoni fis-sena sal-1 ta’ April ta’ kull sena;
— 
il-volumi tal-produzzjoni fuq bażi ta’ kull xahar sal-25 jum tax-xahar għax-xahar preċedenti.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha.

10.    Alkoħol etiliku

Kontenut tan-notifika: għall-alkoħol ta’ oriġini agrikola, espress f’ettolitri ta’ alkoħol pur:

(a) 

il-produzzjoni bil-fermentazzjoni u bid-distillazzjoni, imqassma skont il-materja prima agrikola li minnha jiġi prodott l-alkoħol;

(b) 

il-volumi ttrasferiti mill-produtturi jew mill-importaturi tal-alkoħol għall-ipproċessar jew għall-imballaġġ, imqassma skont il-kategoriji tal-użu (ikel u xorb, fjuwils, industrijali/oħrajn).

Perjodu tan-notifika: sal-1 ta’ Marzu ta’ kull sena fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha.

11.    Laħam

Kontenut tan-notifika:

(a) 

laħam taċ-ċanga: l-għadd u l-piż tal-karkassi kklassifikati għal kull kategorija u mqassma skont il-klassijiet ta’ konformazzjoni u l-kisja tax-xaħam;

(b) 

laħam tal-majjal: l-għadd u l-piż tal-karkassi kklassifikati għal kull klassi ta’ kontenut ta’ laħam dgħif;

(c) 

laħam taċ-ċanga: l-għadd u l-piż tal-karkassi organiċi kklassifikati għal kull kategorija u mqassma skont il-klassi ta’ konformazzjoni u l-kisja tax-xaħam.

Perjodu tan-notifika: kull ġimgħa għall-punti (a) u (b), flimkien man-notifika tal-prezz prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 6 tal-Anness I; kull xahar għall-punt (c), flimkien man-notifika tal-prezz prevista fil-paragrafu 9 tal-Anness II.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha.

12.    Oħrajn

Kontenut tan-notifika: il-kwantità totali ta’ trab mimli bix-xaħam, espressa f’tunnellati.

Perjodu tan-notifika: sal-25 jum ta’ kull xahar fir-rigward tax-xahar preċedenti.

Stati Membri kkonċernati: l-Istati Membri kollha

Oħrajn: il-kwantitajiet jirreferu għat-trab mimli bix-xaħam prodott fix-xahar preċedenti mill-proċessuri tal-prodotti tal-ħalib stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru.



( 1 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).

( 2 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 24).

( 3 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-termini tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li jikkonċerna n-normi tat-tqegħid fuq is-suq applikabbli għall-bajd (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 20).

( 4 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 4).

Top