This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02017R0039-20200904
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/39 of 3 November 2016 on rules for the application of Regulation (EU) No 1308/2013 of the European Parliament and of the Council with regard to Union aid for the supply of fruit and vegetables, bananas and milk in educational establishments
Consolidated text: Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta' Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta' Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi
02017R0039 — MT — 04.09.2020 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/39 tat-3 ta' Novembru 2016 (ĠU L 005 10.1.2017, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1983 tat-28 ta’ Novembru 2019 |
L 308 |
82 |
29.11.2019 |
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1239 tas-17 ta’ Ġunju 2020 |
L 284 |
3 |
1.9.2020 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/39
tat-3 ta' Novembru 2016
dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni u definizzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1370/2013 fir-rigward tal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni tal-frott u l-ħxejjex, tal-prodotti pproċessati tal-frott u l-ħxejjex u tal-prodotti friski tas-settur tal-banana (“il-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel”), u tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (“il-ħalib fl-iskejjel”) lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, għall-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u għal ċerti spejjeż relatati fil-qafas tal-iskema msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-iskema tal-iskejjel”).
2. Għall-finijiet tal-iskema tal-iskejjel, “sena skolastika” tfisser perjodu li jibda mill-1 ta' Awwissu sal-31 ta' Lulju tas-sena ta' wara.
Artikolu 2
Strateġiji tal-Istati Membri
1. L-istrateġija ta' Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
il-livell amministrattiv li fih se tiġi implimentata l-iskema tal-iskejjel;
il-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati permezz tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel u l-klassifikazzjoni tagħhom f'termini ta' prijoritajiet;
ir-riżultati li mistennija jinkisbu permezz tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel u l-indikaturi biex titkejjel il-kisba tagħhom;
is-sitwazzjoni inizjali li fir-rigward tagħha se jitkejjel il-progress fil-kisba tar-riżultati, abbażi tad-dejta disponibbli;
il-baġit stmat għall-elementi ewlenin tal-iskema tal-iskejjel fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u tal-ħalib fl-iskejjel, kif ukoll il-baġit għal elementi li jikkonċernaw l-iskema sħiħa għall-iskejjel;
il-grupp fil-mira;
il-lista tal-prodotti, skont il-gruppi tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 23(3), (4) u (5) u, jekk applikabbli, (7) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li għandhom jiġu pprovduti fi ħdan l-iskema tal-iskejjel;
jekk il-prodotti ma jkunux disponibbli mingħajr ħlas fi ħdan l-iskema tal-iskejjel, l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-ammont tal-għajnuna tal-Unjoni huwa rifless b'mod xieraq fil-prezz ta' dawk il-prodotti;
jekk jiġu awtorizzati t-tabelli standard ta' kostijiet unitarji, il-finanzjament b'rata fissa u/jew il-finanzjament b'somma sħiħa, il-metodu ta' kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli użat għall-istabbiliment tagħhom; jekk tintuża sistema bbażata fuq il-kost, l-arranġamenti biex tiġi vvalutata r-raġonevolezza tal-kostijiet ippreżentati mill-applikanti għall-għajnuna;
l-għanijiet u l-kontenut tal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament;
il-proċeduri dwar l-involviment tal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti;
il-proċeduri biex jintgħażlu l-fornituri tal-prodotti, tal-materjali u tas-servizzi fi ħdan l-iskema tal-iskejjel;
l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ għar-reklamar tal-għoti ta' għajnuna tal-Unjoni fi ħdan l-iskema tal-iskejjel.
2. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, fuq talba, l-informazzjoni li ġejja, jekk din ma tkunx inkluża fl-istrateġija:
il-kriterji għall-għażla tal-prodotti li se jkunu forniti fi ħdan l-iskema tal-iskejjel u l-prijorità jew il-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 23(11) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
l-arranġamenti għall-forniment u/jew id-distribuzzjoni tal-prodotti, inkluż fir-rigward tal-kostijiet eliġibbli, il-frekwenza prevista u t-twaqqit tad-distribuzzjoni u, f'każ li tiġi permessa d-distribuzzjoni fil-qafas tal-ikliet regolari fl-iskejjel, il-miżuri meħuda sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40;
jekk ikunu stabbiliti l-prezzijiet massimi li jridu jitħallsu mill-benefiċjarji għall-prodotti, il-materjali u s-servizzi disponibbli fi ħdan l-iskema tal-iskejjel, il-metodu ta' kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli użat għall-istabbiliment tagħhom;
l-ammont ta' għajnuna nazzjonali jekk din l-għajnuna tingħata b'żieda mal-għajnuna tal-Unjoni għall-iskema tal-iskejjel;
jekk l-iskemi nazzjonali eżistenti jiġu estiżi jew isiru aktar effettivi permezz tal-għajnuna tal-Unjoni, l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-iskema tal-iskejjel;
jekk jiġu distribwiti l-prodotti msemmija fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-arranġamenti sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna tal-Unjoni titħallas biss għall-komponent tal-ħalib ta' dawk il-prodotti, u ma taqbiżx l-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013;
l-istrutturi, l-arranġamenti u l-formoli stabbiliti għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-iskema tal-iskejjel skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 u għall-verifiki b'konformità mal-Artikoli 9 u 10 ta' dan ir-Regolament.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istrateġiji tal-Istati Membri.
Artikolu 3
Talba mill-Istati Membri għall-għajnuna tal-Unjoni
L-Istati Membri għandhom jippreżentaw sal-31 ta' Jannar ta' kull sena t-talba tagħhom għall-għajnuna tal-Unjoni b'rabta mas-sena skolastika li jmiss u, jekk applikabbli, jaġġornaw it-talba għall-għajnuna tal-Unjoni b'rabta mas-sena skolastika attwali. It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
Informazzjoni relatata mas-sena skolastika li jmiss:
l-allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel, stabbilita fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013;
ir-rieda biex parti mill-allokazzjoni indikattiva għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel tiġi ttrasferita għall-allokazzjoni indikattiva l-oħra, sal-perċentwal massimu msemmi fl-Artikolu 23a(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kif ukoll il-perċentwal u l-ammont tat-trasferiment;
ir-rieda li tintuża aktar mill-allokazzjoni indikattiva għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel u l-ammont addizzjonali massimu mitlub, jekk tkun disponibbli allokazzjoni addizzjonali;
l-ammont tal-allokazzjoni indikattiva li mhijiex mitluba, jekk ma jkunx hemm rieda li jintuża l-ammont kollu tal-allokazzjoni indikattiva għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel;
l-ammont totali mitlub għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel.
Informazzjoni relatata mas-sena skolastika attwali:
it-trasferiment bejn l-allokazzjonijiet definittivi msemmija fl-Artikolu 23a(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
jekk ma jkunx hemm rieda li jintuża l-ammont kollu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel għas-sena skolastika attwali, l-ammont li ma jkunx se jintalab għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel;
ir-rieda li jintuża aktar mill-ammont kollu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel għad-dispożizzjoni tagħhom fis-sena skolastika attwali, jekk tkun disponibbli allokazzjoni addizzjonali.
L-ammonti msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu espressi f'EUR.
Artikolu 4
Applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata mill-applikanti għall-għajnuna
1. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-forma, il-kontenut u l-frekwenza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-istrateġija tagħhom u r-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6.
2. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
il-kwantitajiet tal-prodotti distribwiti skont il-gruppi tal-prodotti kif imsemmija fil-paragrafi (3), (4), (5) u, jekk applikabbli, (7) tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
l-identifikazzjoni tal-applikant u l-isem u l-indirizz jew in-numru uniku tal-identifikazzjoni tal-istabbilimenti jew tal-awtoritajiet edukattivi li lilhom ġew distribwiti dawk il-kwantitajiet;
l-għadd ta' tfal fir-reġistru tal-iskola fil-bidu tas-sena skolastika fl-istabbiliment jew fl-istabbilimenti edukattivi intitolati li jirċievu l-prodotti koperti mill-iskema tal-iskejjel matul il-perjodu kopert mill-applikazzjoni għall-għajnuna.
3. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament jistgħu jkopru perjodi ta' bejn ġimagħtejn u s-sena skolastika sħiħa.
4. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu ppreżentati fi żmien tliet xhur minn tmiem il-perjodu li jkopru jew, fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni jew ir-reklamar, mid-data tal-konsenja tal-materjal jew tas-servizz.
5. Jekk il-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 4 jinqabeż b'anqas minn 60 jum kalendarju, l-għajnuna għandha titħallas iżda għandha titnaqqas kif ġej:
b'5 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'1 sa 30 jum kalendarju;
b'10 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'31 sa 60 jum kalendarju.
Ladarba l-limitu ta' żmien jinqabeż b'aktar minn 60 jum kalendarju, l-għajnuna għandha tkompli titnaqqas b'1 % għal kull jum addizzjonali, ikkalkulat fuq il-bilanċ li jifdal.
6. L-ammonti mitluba fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom ikunu sostnuti minn evidenza ddokumentata li turi l-prezz tal-prodotti, tal-materjal jew tas-servizzi konsenjati flimkien ma' rċevuta jew prova ta' ħlas jew ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati b'sostenn għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna.
Fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament; il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-reklamar, l-evidenza dokumentata għandha tinkludi wkoll it-tqassim finanzjarju skont l-attività u d-dettalji tal-kostijiet relatati.
Artikolu 5
Ħlas tal-għajnuna
1. L-għajnuna relatata mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti għandha titħallas biss:
Jekk tiġi ppreżentata rċevuta għall-kwantitajiet effettivament ipprovduti u/jew iddistribwiti; jew
Jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu ta' skali standard ta' kostijiet unitarji, ta' finanzjament b'rata fissa u/jew ta' finanzjament b'somma sħiħa, mal-preżentazzjoni ta' prova alternattiva li l-kwantitajiet ġew fornuti u/jew iddistribwiti għall-iskop tal-iskema tal-iskejjel u ġew imħallsa.
2. L-għajnuna relatata mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, mal-monitoraġġ, mal-evalwazzjoni u mar-reklamar għandha titħallas biss mal-konsenja tal-materjal jew tas-servizzi kkonċernati u malli tiġi ppreżentata l-evidenza dokumentata relatata kif mitlub mill-awtorità kompetenti jew, jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu tal-iskali standard ta' kostijiet unitarji, tal-finanzjament b'rata fissa u/jew tal-finanzjament b'somma f'daqqa, mal-preżentazzjoni ta' prova alternattiva li l-materjal jew is-servizzi ġew ikkonsenjati u mħallsa.
3. L-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna għajr jekk ikunu ġew miftuħa inkjesti amministrattivi.
4. Kwalunkwe għajnuna li tikkonċerna s-sena skolastika 2017/2018 ma għandhiex titħallas mill-awtorità kompetenti qabel il-bidu ta' din is-sena skolastika.
Artikolu 6
Trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet
1. It-trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet indikattivi, skont l-Artikolu 23a(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandhom isiru fit-talba għall-għajnuna tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.
2. It-trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet definittivi, skont l-Artikolu 23a(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, meta ma jkun sar l-ebda trasferiment bejn l-allokazzjonijiet indikattivi, jistgħu jsiru fit-talba għall-għajnuna tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont ta' kwalunkwe trasferimenti bħal dawn sal-31 ta' Jannar tas-sena skolastika li matulha jkunu saru.
Artikolu 7
Riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni
1. Abbażi tal-ammonti tal-għajnuna tal-Unjoni mitluba skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha talloka mill-ġdid l-allokazzjonijiet indikattivi mhux mitluba jew partijiet minnhom mhux mitluba skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013.
Ma għandu jingħata l-ebda ammont addizzjonali lil Stat Membru għall-grupp ta' prodotti li minnu l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel trasferiment għall-grupp l-ieħor ta' prodotti skont l-Artikolu 6(1).
Jekk Stat Membru ma jippreżentax talba skont l-Artikolu 3, l-allokazzjonijiet indikattivi ta' dan l-Istat Membru għandhom jitqiesu bħala mhux mitluba.
2. Il-Kummissjoni tista' tqassam mill-ġdid kwalunkwe allokazzjonijiet definittivi mhux mitluba jew partijiet minnhom mhux mitluba għas-sena skolastika attwali kif notifikat skont l-Artikolu 3(b) fost dawk l-Istati Membri li nnotifikaw ir-rieda tagħhom li jużaw aktar mill-allokazzjonijiet definittivi tagħhom.
Ma għandu jingħata l-ebda ammont addizzjonali lil Stat Membru għall-grupp ta' prodotti li minnu l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel trasferiment għall-grupp l-ieħor ta' prodotti skont l-Artikolu 6(2).
Din ir-ridistribuzzjoni għandha ssir fi ħdan l-allokazzjoni għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel jew għall-ħalib fl-iskejjel, abbażi tal-allokazzjonijiet indikattivi tal-Istati Membri li jippreżentaw it-talba. Jekk applikabbli, l-ammonti mhux mitluba mill-Istati Membri fi ħdan l-istess allokazzjoni jistgħu jiġu ddistribwiti lill-Istati Membri li talbu ammonti addizzjonali għall-allokazzjoni l-oħra.
3. L-ammont tal-allokazzjoni indikattiva li jista’ jiġi riallokat lil Stat Membru ieħor skont il-paragrafu 1 għandu jkun ibbażat fuq il-livell ta’ użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni fis-sena skolastika ta’ qabel għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel rispettivament minn dak l-Istat Membru. Filwaqt li jitqiesu d-dikjarazzjonijiet tan-nefqa mibgħuta lill-Kummissjoni dwar in-nefqa li tkun saret sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tat-talba għal għajnuna tal-Unjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (
1), l-ammont tal-allokazzjoni definittiva għandu jiġi kkalkulat kif ġej:
meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jkun ta’ 50 % jew inqas, ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni addizzjonali;
meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jaqbeż il-50 % iżda jkun ta’ 75 % jew inqas, l-allokazzjoni addizzjonali massima għandha tkun limitata għal 50 % tal-allokazzjoni indikattiva;
meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jaqbeż il-75 %, l-allokazzjoni addizzjonali massima ma għandhiex tkun limitata.
Il-kalkolu deskritt fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-Istati Membri ġodda li japplikaw l-iskema għall-iskejjel jew għal wieħed mill-komponenti tagħha matul l-ewwel sentejn ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 8
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1. Il-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandu jiġbed konklużjonijiet abbażi tad-data li tfeġġ mill-obbligi ta’ ġestjoni u kontroll, inklużi dawk stipulati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament.
L-Istati Membri għandhom jissottemettu r-rapport ta’ monitoraġġ annwali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena kalendarja wara tmiem is-sena skolastika inkwistjoni.
L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni r-rapport ta’ kontroll annwali tagħhom dwar il-kontrolli fuq il-post imwettqa u s-sejbiet relatati msemmija fl-Artikolu 9(4) ta’ dak ir-Regolament sal-31 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja wara tmiem is-sena skolastika inkwistjoni.
2. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jew, jekk Stat Membru jimplimenta l-iskema tal-iskejjel fil-livell reġjonali, l-għadd korrespondenti ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandu jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel fl-ewwel ħames (5) snin skolastiċi ta’ kull perjodu kopert mill-istrateġija mfassla fil-livell nazzjonali jew reġjonali skont l-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
L-Istati Membri għandhom jissottmettu ir-rapport jew rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu tas-sena kalendarja wara tmiem dawk il-ħames (5) snin skolastiċi. L-ewwel rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu sottomessi sal-1 ta’ Marzu 2023.
Ir-rekwiżiti minimi għall-għamla u l-mili tar-rapport jew ir-rapporti ta’ evalwazzjoni huma stipulati fl-Anness ma’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapport jew rapporti sottomessi lill-Kummissjoni ma jinkludux data personali.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapporti ta’ monitoraġġ annwali u r-rapporti ta’ evalwazzjoni sottomessi skont it-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 1 u l-paragreafu 2.
Artikolu 9
Verifiki amministrattivi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu verifika amministrattiva sistematika tal-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna fi ħdan l-iskema tal-iskejjel.
2. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu d-dokumenti ta' sostenn relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti li jridu jiġu ppreżentati mal-applikazzjoni għall-għajnuna skont l-Artikolu 5. L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki fuq l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna, inkluż kampjun rappreżentattiv tad-dokumenti ta' sostenn ippreżentati mal-applikazzjoni għall-għajnuna.
3. Il-verifiki amministrattivi mwettqa fir-rigward tal-għajnuna mitluba għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-reklamar u l-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, għandhom jinkludu l-verifika tal-konsenja tal-materjal u tas-servizzi u l-veraċità tan-nefqa ddikjarata.
4. F'każ ta' għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, il-verifiki amministrattivi għandhom ikunu ssupplimentati b'verifiki fuq il-post b'konformità mal-Artikolu 10.
Artikolu 10
Verifiki fuq il-post
1. F'każ ta' għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu b'mod partikolari l-verifika ta' dan li ġej:
id-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, inklużi d-dokumenti finanzjarji bħall-fatturi tax-xiri u l-bejgħ, ir-riċevuti, l-estratti bankarji, u r-reġistrazzjoni tagħhom fid-dokumentazzjoni kontabbli;
l-użu tal-prodotti b'konformità ma' dan ir-Regolament.
2. ►M2 Għandhom jitwettqu kontrolli fuq il-post matul is-sena skolastika li magħha jkunu konnessi (il-perjodu N) u/jew matul id-disa’ (9) xhur segwenti (il-perjodu N+1). ◄
Il-verifiki fuq il-post jistgħu jsiru matul l-implimentazzjoni tal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament.
Kull verifika fuq il-post għandha titqies li hija lesta ladarba jinħareġ ir-rapport ta' kontroll korrispondenti, kif imsemmi fil-paragrafu 6.
3. L-għadd totali ta' verifiki fuq il-post għandhom ikopru mill-inqas 5 % tal-għajnuna ddikjarata fil-livell nazzjonali u mill-anqas 5 % tal-applikanti kollha għall-għajnuna li jittrattaw il-provvista u d-distribuzzjoni tal-prodotti u l-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament fir-rigward ta' kull sena skolastika.
Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn mija, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fl-istabbilimenti ta' mhux anqas minn ħames applikanti.
Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn ħamsa, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fl-istabbilimenti tal-applikanti kollha.
Meta l-applikant, li ma jkunx stabbiliment edukattiv, japplika għall-għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-verifika fuq il-post imwettqa fl-istabbiliment ta' dak l-applikant għandha tkun issupplimentata minn verifiki fuq il-post fl-istabbiliment ta' mill-inqas żewġ stabbilimenti edukattivi jew ta' mill-inqas 1 % tal-istabbilimenti edukattivi rreġistrati mill-applikant b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, skont liema minnhom ikun l-akbar.
Meta l-applikant japplika għall-għajnuna marbuta mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, il-verifiki fuq il-post fl-istabbiliment tal-applikant jistgħu jiġu sostitwiti, abbażi ta' analiżi tar-riskju, minn verifiki fuq il-post fil-postijiet fejn jitwettqu l-miżuri ta' akkumpanjament. Fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju, l-Istati Membri għandhom jiffissaw il-livell ta' tali verifiki fuq il-post.
4. Fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju, l-awtorità kompetenti għandha tagħżel dawk l-applikanti li għandhom jiġu soġġetti għal verifiki fuq il-post.
Għal dan l-għan, l-awtorità kompetenti għandha tqis b'mod partikolari dan li ġej:
iż-żoni ġeografiċi differenti;
in-natura rikorrenti tal-iżbalji u s-sejbiet tal-verifiki li jkunu twettqu fis-snin ta' qabel;
l-ammont ta' għajnuna involuta;
it-tip ta' applikanti;
it-tip ta' miżura edukattiva ta' akkumpanjament, jekk ikun hemm.
5. Sakemm l-iskop tal-verifiki ma jiġix ippreġudikat, jista' jingħata avviż bil-quddiem, limitat b'mod strett għall-perjodu taż-żmien minimu neċessarju.
6. L-awtorità kompetenti ta' kontroll għandha tfassal rapport ta' kontroll dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti kkontrollati.
Ir-rapport ta' kontroll għandu jkun maqsum fil-partijiet li ġejjin:
parti ġenerali li jkun fiha, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:
il-perjodu kopert, l-applikazzjoni jew l-applikazzjonijiet għall-għajnuna vverifikati, il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom tkun intalbet l-għajnuna fil-każ ta' applikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, l-istabbilimenti edukattivi li jkunu qed jipparteċipaw, stima bbażata fuq id-dejta disponibbli dwar l-għadd ta' tfal li għalihom tħallset l-għajnuna u l-ammont finanzjarju involut;
il-persuni responsabbli preżenti;
parti li tiddeskrivi, b'mod separat, il-verifiki mwettqa, u li jkun fiha, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:
id-dokumenti li ġew ivverifikati;
in-natura u l-ammont ta' verifiki li jkunu twettqu;
ir-rimarki u s-sejbiet.
Ir-rapporti tal-kontroll kollha għandhom jitlestew sa mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur wara tmiem is-sena skolastika.
▼M2 —————
Artikolu 11
Irkupru tal-pagamenti mhux dovuti
Għall-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball, għandu japplika, mutatis mutandis, l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.
Artikolu 12
Reklamar
1. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jużawx il-kartellun imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, fl-istrateġija tagħhom għandhom jispjegaw b'mod ċar kif se jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-iskema tal-iskejjel tagħhom.
2. Il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-miżuri tar-reklamar imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, kif ukoll il-materjali edukattivi u l-għodod li għandhom jintużaw fi ħdan il-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, għandhom juru l-bandiera Ewropea u jsemmu “l-Iskema tal-iskejjel” u sakemm id-daqs tal-materjali u l-għodod ma jeskludix dan, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
3. Ir-referenzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandhom jirċievu mill-anqas l-istess viżibbiltà bħall-kontribuzzjonijiet minn entitajiet privati jew pubbliċi oħra li jkunu qed jappoġġaw l-iskema tal-iskejjel tal-Istat Membru.
4. L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw il-ħażniet eżistenti ta' kartelluni u għodod oħra ta' reklamar skont ir-Regolamenti (UE) 2016/248 u (KE) Nru 657/2008.
Artikolu 13
Notifiki
1. In-notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom isiru b'mezzi elettroniċi, billi jintużaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasferiment tad-dejta li l-Kummissjoni għamlet disponibbli.
2. Il-forma u l-kontenut ta' dawk in-notifiki għandhom jiġu ddefiniti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni qegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, wara li jkun ġie informat il-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan japplika għall-għajnuna għas-sena skolastika 2017/2018 u għas-snin skolastiċi ta' wara.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
IR-REKWIŻITI MINIMI GĦALL-GĦAMLA U L-MILI TAR-RAPPORTI TA’ EVALWAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 8(2)
1. Sommarju eżekuttiv
2. Introduzzjoni
3. Metodoloġija
4. Valutazzjoni tal-funzjonament tal-iskema ta’ iskejjel
5. Tweġibiet għal mistoqsijiet komuni dwar l-evalwazzjoni
5.1. L-iskema tal-iskejjel kemm żiedet il-konsum kumplessiv mit-tfal ta’ frott, ħxejjex u ħalib u prodotti mill-ħalib, b’mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet nazzjonali għal dieta sana tal-grupp tal-età fil-mira?
Indikaturi:
5.2. L-iskema tal-iskejjel kemm edukat lit-tfal dwar abitudnijiet ta’ ikel tajbin għas-saħħa?
Indikaturi:
6. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
7. Annessi
Dettalji tekniċi tal-evalwazzjoni inklużi kwestjonarji, referenzi u sorsi.
( 1 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).