Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02013R0666-20170109

    Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2013 tat- 8 ta’ Lulju 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-vacuum cleaners (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/666/2017-01-09

    02013R0666 — MT — 09.01.2017 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 666/2013

    tat-8 ta’ Lulju 2013

    li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-vacuum cleaners

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 192 13.7.2013, p. 24)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2282 tat-30 ta' Novembru 2016

      L 346

    51

    20.12.2016




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 666/2013

    tat-8 ta’ Lulju 2013

    li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-vacuum cleaners

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)



    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-kamp tal-applikazzjoni

    1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq ta’ vacuum cleaners li jitqabbdu mal-mejn tal-elettriku, inklużi vacuum cleaners ibridi.

    2.  Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    (a) vacuum cleaners li jnaddfu l-likwidi, dawk li jnaddfu l-likwidi u fix-xott, dawk li jaħdmu bil-batterija, dawk robot, industrijali, jew ċentrali;

    (b) magni li jillustraw l-art;

    (c) vacuum cleaners għal barra.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Minbarra d-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/125/KE, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1. “vacuum cleaner” tfisser apparat li jneħħi l-ħmieġ minn fuq wiċċ li jeħtieġ jitnaddaf permezz ta’ fluss tal-arja maħluq minn pressjoni baxxa żviluppata fl-unità;

    2. “vacuum cleaner ibridu” tfisser vacuum cleaner li jista’ jitħaddem kemm permezz tal-mejn tal-elettriku kif ukoll permezz ta’ batteriji;

    3. “vacuum cleaner li jnaddaf il-likwidi” tfisser vacuum cleaner li jneħħi materjal niexef u/jew imxarrab (ħmieġ) minn fuq wiċċ bl-applikazzjoni ta’ deterġent b’bażi tal-ilma jew ta’ stim fuq il-wiċċ li jeħtieġ jitnaddaf, u jneħħieh, flimkien mal-ħmieġ permezz ta’ fluss ta’ arja maħluq minn pressjoni baxxa żviluppata fl-unità, inklużi tipi magħrufin l-aktar bħala spray-extraction vacuum cleaners;

    4. “vacuum cleaner li jnaddaf il-likwidi u fix-xott” tfisser vacuum cleaner imfassal sabiex ineħħi volum ta’ aktar minn 2,5 litri, ta’ likwidu, flimkien mal-funzjonalità ta’ vacuum cleaner li jnaddaf fix-xott;

    5. “vacuum cleaner li jnaddaf fix-xott” tfisser vacuum cleaner imfassal biex ineħħi ħmieġ li huwa prinċipalment xott (trab, fibra, ħjut), inklużi tipi mgħammra b’żennuna attiva li jaħdmu bil-batterija;

    6. “żennuna attiva li taħdem bil-batterija” tfisser parti fit-tarf li jnaddaf, fornuta b’tagħmir li jiċċaqlaq u li taħdem bil-batterija biex jgħin fit-tneħħija tal-ħmieġ;

    7. “vacuum cleaner li jaħdem bil-batterija” tfisser vacuum cleaner li jaħdem bil-batterija biss;

    8. “vacuum cleaner robot” tfisser vacuum cleaner li jaħdem bil-batterija li jkun kapaċi jaħdem mingħajr intervent mill-bniedem f’perimetru definit, li jikkonsisti f’parti mobbli u stazzjon fiss u/jew aċċessorji oħra biex jgħinu fit-tħaddim tiegħu;

    9. “vacuum cleaner industrijali” tfisser vacuum cleaner maħsub biex ikun parti minn proċess ta’ produzzjoni, iddisinjat biex ineħħi materjal perikoluż, iddisinjat biex ineħħi mases ta’ trabijiet mill-industriji tal-bini, funderiji, minjieri u tal-ikel, jew bħala parti minn magni jew għodod industrijali u/jew vacuum cleaner kummerċjali b’tarf wiesa’ aktar minn 0,50 m;

    10. “vacuum cleaner kummerċjali” tfisser vacuum cleaner għal skopijiet ta’ tindif professjonali u maħsub biex jintuża minn persuni sekulari, persunal tat-tindif jew naddafa li jaħdmu b’kuntratt, f’uffiċini, ħwienet, sptarijiet u ambjenti tal-lukandi, iddikjarati fid-Dikjarazzjoni tal-Konformità mill-manifattur bħala tali li jappartjenu għad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

    11. “vacuum cleaner ċentrali” tfisser vacuum cleaner bis-sors tal-pressjoni baxxa b’lokazzjoni fissa (ma tiċċaqlaqx) u bil-konnessjonijiet tal-pajp (il-hose) impoġġija f’pożizzjonijiet fissi fil-bini;

    12. “magna li tillostra l-art” tfisser tagħmir elettriku li huwa mfassal biex jipproteġi, jillixxa u/jew jagħmel ċerti tipi ta’ art tleqq, ġeneralment imħaddem flimkien ma’ lostru li jkun jingħorok fuq l-art permezz tat-tagħmir u normalment mgħammar ukoll b’funzjonalità awżiljarja ta’ vacuum cleaner;

    13. “vacuum cleaner għal barra” tfisser apparat li huwa mfassal għall-użu barra sabiex jiġbor f’kontenitur apposta terrapien bħal biċċiet tal-ħaxix u weraq permezz ta’ fluss ta’ arja maħluq minn pressjoni baxxa żviluppata fl-unità u li jista’ jinkludi apparat tat-tqattigħ u li jista’ jintuża wkoll bħala blower;

    14. “vacuum cleaner ta’ daqs sħiħ li jaħdem bil-batterija” tfisser vacuum cleaner li jaħdem bil-batterija li meta jkun iċċarġjat għal kollox, jista’ jnaddaf art b’erja ta’ 15 m2 bl-applikazzjoni ta’ daqqiet doppji għal kull parti ta’ art mingħajr iċċarġjar mill-ġdid;

    15. “vacuum cleaner bl-ilma bħala filter” tfisser vacuum cleaner li jnaddaf fix-xott u li juża aktar minn 0,5 ta’ litru ilma bħala l-mezz ewlieni tal-iffiltrar, fejn l-arja miġbuda hija sfurzata tgħaddi mill-ilma biex b’hekk il-materjal niexef jinqabad fl-ilma kif ikun għaddej;

    16. “vacuum cleaner għad-djar” tfisser vacuum cleaner maħsuba għall-użu fid-djar jew għall-użu domestiku, iddikjarat mill-manifattur bħala tali fid-Dikjarazzjoni tal-Konformità li tikkonċerna d-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

    17. “vacuum cleaner bi skopijiet ġenerali” tfisser vacuum cleaner li jiġi b’żennuna fissa jew tal-anqas b’żennuna waħda li tinqala’ maħsub għat-tindif kemm ta’ twapet kif ukoll ta’ art iebsa, jew fornut bit-tnejn li huma jiġifieri tal-anqas b’żennuna waħda li tinqala’ mfassla speċifikament għat-tindif tat-twapet u tal-anqas żennuna waħda li tinqala’ għat-tindif ta’ art iebsa;

    18. “vacuum cleaner għal art iebsa” tfisser vacuum cleaner fornut b’żennuna fissa mfassla speċifikament għat-tindif ta’ art iebsa, jew fornut biss b’żennuna waħda li tinqala’ jew aktar, imfasslin speċifikament għat-tindif ta’ art iebsa;

    19. “vacuum cleaner għat-twapet” tfisser vacuum cleaner fornut b’żennuna fissa mfassla speċifikament għat-tindif tat-twapet, jew fornut biss b’żennuna waħda jew aktar li tinqala’/jinqalgħu mfasslin speċifikament għat-tindif tat-twapet;

    20. “vacuum cleaner ekwivalenti” tfisser mudell ta’ vacuum cleaner li jitqiegħed fis-suq u jkollu l-istess potenza input ta’ enerġija, l-istess konsum annwali ta’ enerġija, l-istess trab miġbur mit-twapet u minn fuq art iebsa, l-istess emissjoni mill-ġdid tat-trab, l-istess livell fil-qawwa tal-ħoss, l-istess durabilità tal-pajp u l-istess ħajja tal-mutur operazzjonali bħal mudell ieħor ta’ vacuum cleaner li jitqiegħed fis-suq mill-istess manifattur imma b’numru tal-kodiċi kummerċjali differenti.

    Artikolu 3

    Rekwiżiti tal-ekodisinn

    1.  Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għal vacuum cleaners huma stipulati fl-Anness I. Dawn għandhom japplikaw skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

    (a) mill-1 ta’ Settembru 2014: kif indikat fl-Anness I, il-punt 1(a) u l-punt 2;

    (b) mill-1 ta’ Settembru 2017: kif indikat fl-Anness I, il-punt 1(b) u l-punt 2.

    2.  Il-konformità mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandha titkejjel u tiġi kkalkulata skont il-metodi stabbiliti fl-Anness II.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni tal-konformità

    1.  Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stipulata fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni stipulata fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

    2.  Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, il-fajl tad-dokumentazzjoni teknika għandu jinkludi kopja tal-kalkoli stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    3.  Fejn l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari ta’ vacuum cleaner ġiet miksuba b’kalkolu abbażi ta’ vacuum cleaner ekwivalenti, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi dettalji ta’ dawn il-kalkoli u tat-testijiet imwettqa mill-manifatturi għall-verifika tal-eżattezza tal-kalkoli mwettqa. F’dawn il-każijiet, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi wkoll lista tal-mudelli l-oħra kollha ta’ vacuum cleaners ekwivalenti fejn l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika tagħhom tkun inkisbet bl-istess bażi ta’ kalkolu.

    Artikolu 5

    Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

    L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika deskritta fl-Anness III għal dan ir-Regolament meta jwettqu l-kontrolli ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE biex jiċċekkjaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Punti ta’ riferiment indikattivi

    Il-punti ta’ riferiment indikattivi għal vacuum cleaners bl-aħjar prestazzjoni disponibbli fis-suq meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ huma stipulati fl-Anness IV.

    Artikolu 7

    Reviżjoni

    1.  Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ din ir-reviżjoni lill-Forum ta’ Konsultazzjoni sa mhux aktar tard minn ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ. Ir-reviżjoni għandha b’mod partikolari tivvaluta t-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fl-Anness III, jekk il-vacuum cleaners ta’ daqs sħiħ li jaħdmu bil-batterija għandhomx ikunu inklużi fil-kamp tal-applikazzjoni u jekk hux possibbli li jiġu stipulati l-konsum annwali tal-enerġija, ir-rekwiżiti dwar it-trab miġbur u l-emissjoni mill-ġdid tat-trab li huma bbażati fuq kejl b’kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tirrevedi r-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn dwar id-durabbiltà tal-pajp u l-ħajja operattiva tal-mutur u tippreżenta r-riżultat ta’ din ir-reviżjoni lill-Forum ta’ Konsultazzjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2016.

    Artikolu 8

    Emenda tar-Regolament (UE) Nru 327/2011

    Ir-Regolament (UE) Nru 327/2011 huwa emendat kif ġej:

    Dan li ġej għandu jiżdied fl-aħħar tal-Artikolu 1(3):

    “(e) imfassal sabiex jopera b’effiċjenza enerġetika ottimali ta’ 8 000 rotazzjoni fil-minuta jew aktar.”

    Dan li ġej għandu jitħassar mill-Artikolu 3(4):

    “(a) bl-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija meta jkunu qed jaħdmu bi 8 000 dawra kull minuta jew aktar.”

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS I

    Rekwiżiti tal-Ekodisinn

    1.    Rekwiżiti speċifiċi tal-Ekodisinn

    Il-vacuum cleaners għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

    (a) mill-1 ta’ Settembru 2014:

     il-konsum annwali tal-enerġija għandu jkun inqas minn 62,0 kWh/sena,

     il-potenza input nominali għandha tkun inqas minn 1 600  W,

     it-trab miġbur minn fuq tapit (dpuc ) għandu jkun 0,70 jew ikbar. Dan il-limitu ma għandux japplika għall-vacuum cleaners li jnaddfu art iebsa,

     it-trab miġbur minn fuq art iebsa (dpuhf ) għandu jkun 0,95 jew ikbar. Dan il-limitu ma għandux japplika għal vacuum cleaners tat-twapet.

    Dawn il-limiti ma għandhomx japplikaw għal vacuum cleaners li jużaw l-ilma bħala filter.

    (b) mill-1 ta’ Settembru 2017:

     il-konsum annwali tal-enerġija għandu jkun inqas minn 43,0 kWh/sena,

     il-potenza input nominali għandha tkun inqas minn 900 W,

     it-trab miġbur minn fuq tapit (dpuc ) għandu jkun 0,75 jew aktar. Dan il-limitu ma għandux japplika għall-vacuum cleaners li jnaddfu art iebsa,

     it-trab miġbur minn fuq art iebsa (dpuhf ) għandu jkun 0,98 jew aktar. Dan il-limitu ma għandux japplika għal vacuum cleaners tat-twapet,

     l-emissjoni mill-ġdid tat-trab ma għandhiex tkun aktar minn 1,00 %,

     il-livell tal-qawwa tal-ħoss għandu jkun 80 dB(A) jew anqas,

     il-pajp, jekk ikun hemm, għandu jiflaħ għall-istrapazz tant li jibqa’ tajjeb biex jintuża wara 40 000 oxxillazzjoni taħt pressjoni,

     il-ħajja operattiva tal-mutur għandha tkun 500 siegħa jew aktar.

    Il-konsum annwali tal-enerġija, il-potenza ta’ input nominali, id-dpuc (it-trab miġbur minn fuq tapit), id-dpuhf (it-trab miġbur minn fuq art iebsa), l-emissjoni mill-ġdid tat-trab, il-livell tal-qawwa tal-ħoss, id-durabilità tal-pajp u l-ħajja operattiva tal-mutur huma mkejla u kkalkulati skont l-Anness II.

    2.    Informazzjoni li trid tingħata mill-manifatturi

    (a) Id-dokumentazzjoni teknika, il-ktejjeb tal-istruzzjonijiet u s-siti elettroniċi b’aċċess ħieles tal-manifatturi, ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, jew l-importaturi għandu jkollhom l-elementi li ġejjin:

     kwalunkwe informazzjoni meħtieġa li għandha tiġi ppubblikata fir-rigward tal-vacuum cleaner taħt kwalunkwe atti ddelegati adottati skont id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ),

     titolu qasir jew referenza għall-kejl u l-metodi ta’ kalkolu użati biex jistabbilixxu l-konformità mar-rekwiżiti ta’ hawn fuq,

     għal vacuum cleaners li jnaddfu art iebsa, għandu jissemma li mhumiex adattati għall-użu fuq it-twapet biż-żennuna fornuta,

     għal vacuum cleaners tat-twapet, għandu jissemma li mhumiex adattati għall-użu fuq art iebsa biż-żennuna fornuta,

     għal apparat li jista’ jiffunzjona wkoll għal għanijiet oħra barra minn dawk ta’ tindif bil-vakum, il-potenza elettrika input relevanti għat-tindif bil-vakum jekk din tkun anqas mill-potenza ta’ input nominali tal-apparat,

     liema mit-tliet gruppi ta’ vacuum cleaners li ġejjin għandhom jiġu ttestjati: vacuum cleaners għal skopijiet ġenerali, vacuum cleaners għal art iebsa jew vacuum cleaners għat-twapet.

    (b) Id-dokumentazzjoni teknika u parti mill-websajts b’aċċess liberu tal-manifatturi għall-professjonisti, ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, jew l-importaturi għandu jkollhom dawn l-elemnti li ġejjin:

     informazzjoni relevanti għal żarmar mhux distruttiv bi skopijiet ta’ manutenzjoni, partikolarment fir-rigward tal-pajp, tad-daħla minn fejn tinġibed l-arja, tal-mutur, tal-kejsing u tal-kejbil,

     informazzjoni relevanti għaż-żarmar, partikolarment fir-rigward ta’ muturi u ta’ kwalunkwe batteriji, tar-riċiklaġġ, tal-irkupru u tar-rimi fl-aħħar tal-ħajja tal-apparat.




    ANNESS II

    Metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu

    1.

    Għall-finijiet ta’konformità u ta’ valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom jitwettqu permezz ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl u kalkolu l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inklużi l-istandards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jikkonformaw mad-definizzjonijiet tekniċi, il-kundizzjonijiet, l-ekwazzjonijiet u l-parametri stabbiliti f’dan l-Anness.

    2.

    Definizzjonijiet tekniċi

    (a) “test tal-art iebsa” tfisser test ta’ żewġ ċikli tat-tindif fejn it-tarf li jnaddaf tal-vacuum cleaner li jkun qed jopera fuq il-ġbid massimu jgħaddi minn fuq folja tal-injam bħala żona tat-test bl-istess wisa’ daqs it-tarf li jnaddaf u b’tul xieraq, li huwa test ta’ fil dijagonali (45o), fejn jiġu mkejla u rreġistrati kontinwament b’rata xierqa tal-kampjun, iż-żmien li jgħaddi, il-konsum tal-elettriku u l-pożizzjoni relattiva taċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf maż-żona tat-test u fejn x’ħin jispiċċa kull ċiklu ta’ tindif jiġi vvalutat b’mod xieraq in-nuqqas fil-massa tal-fil tat-test;

    (b) “fil tat-test” tfisser inserzjoni f’forma ta’ U, u li tista’ tinqala’, ta’ dimensjonijiet adattati li jimtlew bi trab artifiċjali apposta fil-bidu ta’ ċiklu ta’ tindif;

    (c) “test tat-twapet” tfisser test b’numru adattat ta’ ċikli ta’ tindif fuq pjattaforma tat-test b’tapit Wilton fejn it-tarf li jnaddaf tal-vacuum cleaner li jkun qed jopera fuq il-ġbid massimu jgħaddi minn fuq l-erja tat-test li tkun tal-istess wisa’ daqs it-tarf li jnaddaf u b’tul xieraq, maħmuġ bi trab imdeffes apposta għat-test li jkun ta’ kompożizzjoni adattat u mqassam indaqs u f’ammont medju, fejn jiġu mkejla u rreġistrati kontinwament b’rata xierqa tal-kampjun, iż-żmien li jgħaddi, il-konsum tal-elettriku u l-pożizzjoni relattiva taċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf maż-żona tat-test u fejn x’ħin jispiċċa kull ċiklu ta’ tindif jiġi vvalutat b’mod xieraq iż-żieda fil-massa tal-kontenitur tat-trab tal-apparat;

    (d) “il-wisa’ tat-tarf li jnaddaf” f’m, bi preċiżjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, tfisser il-wisa’ massima esterna tat-tarf li jnaddaf;

    (e) “ċiklu tat-tindif” tfisser sekwenza ta’ ħames (5) daqqiet doppji bil-vacuum cleaner fuq erja speċifika ta’ art għat-test (“tapit” jew “art iebsa”);

    (f) “daqqa doppja” tfisser moviment parallel wieħed ‘l quddiem u wieħed lura bit-tarf li jnaddaf, imwettaq b’veloċita uniformi tad-daqqa tat-test u b’tul speċifikat tad-daqqa tat-test;

    (g) “veloċità tad-daqqa tat-test” f’m/h tfisser il-veloċità adegwata għall-ittestjar tat-tarf li jnaddaf, preferibbilment magħmula minn operatur elettromekkaniku. Prodotti bi truf li jnaddfu li jduru weħidhom għandhom jippruvaw jaslu qrib kemm jista’ jkun tal-veloċità xierqa, iżda hija permessa devjazzjoni meta jkun iddikjarat dan b’mod ċar fid-dokumentazzjoni teknika;

    (h) “tul tad-daqqa tat-test” f’m tfisser it-tul tal-erja tat-test flimkien mad-distanza koperta miċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf meta mmexxi fuq iż-żoni ta’ aċċelerazzjoni xierqa qabel u wara l-erja tat-test;

    (i) “it-trab miġbur” (dpu), bi preċiżjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, tfisser il-proporzjon tal-massa artifiċjali mingħajr trab, iddeterminat għal tapit permezz taż-żieda fil-massa tal-kontenitur tat-trab tal-apparat, u għal art iebsa permezz tat-tnaqqis fil-massa tat-test tal-fil, wara għadd ta’ daqqiet doppji bit-tarf li jnaddaf fuq il-massa ta’ trab artifiċjali inizjalment applikata fuq l-erja tat-test, għal korrezzjoni tat-tapit għall-kundizzjonijiet speċifiċi tat-test u għall-korrezzjoni tal-art iebsa għat-tul u l-pożizzjonar tat-test tal-fil;

    (j) “sistema ta’ vacuum cleaner ta’ referenza” tfisser tagħmir tal-laboratorju li jaħdem bl-elettriku użat biex jitkejjel it-trab miġbur ta’ referenza u kalibrat minn fuq it-twapet b’parametri relatati tal-arja biex tittejjeb ir-riproduċibilità tar-riżultati tat-test;

    (k) “il-potenza ta’ input nominali” f’W tfisser il-potenza elettrika input iddikjarata mill-manifattur, fejn għal apparat li jista’ jintuża wkoll għal għanijiet oħra għajr dawk ta’ tindif bil-vakum, tapplika biss il-potenza elettrika input relevanti għat-tindif bil-vakum;

    (l) “emissjoni mill-ġdid tat-trab” tfisser il-proporzjon, espress bħala persentaġġ bi preċiżjoni sa żewġ (2) ċifri wara l-punt deċimali, tal-għadd ta’ partikuli kollha ta’ trab ta’ daqs minn 0,3 sa 10 μm li joħorġu minn vacuum cleaner mal-għadd ta’ partikuli kollha ta’ trab tal-istess firxa ta’ daqs li jidħlu fid-daħla minn fejn tinġibed l-arja, meta pprovduta b’ammont speċifiku ta’ trab ta’ dik il-firxa ta’ daqs ta’ partikuli. Il-valur ma jinkludix biss it-trab imkejjel fl-iżbokk tal-vacuum cleaner iżda wkoll it-trab imtajjar xi mkien ieħor jew minn tnixxijiet, jew iġġenerat mill-vacuum cleaner stess;

    (m) “il-livell tal-qawwa tal-ħoss” tfisser l-emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja, espress f’dB(A) re 1 pW u aġġustat għall-eqreb numru sħiħ.

    3.

    Konsum annwali tal-enerġija

    Il-konsum annwali tal-enerġija AE jiġi kkalkulat, f’kWh/sena u aġġustat sal-ewwel ċifra wara l-punt deċimali, kif ġej:

    għal vacuum cleaners tat-twapet:

    image

    għal vacuum cleaners għal art iebsa:

    image

    għal vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali:

    image

    fejn:

      ASEc hija l-medja tal-konsum speċifiku ta’ enerġija f’Wh/m2 matul it-test tat-tapit, ikkalkulat kif previst hawn taħt,

      ASEhf hija l-medja tal-konsum speċifiku ta’ enerġija f’Wh/m2 matul it-test tal-art iebsa, ikkalkulat kif previst hawn taħt,

      dpuc huwa t-trab miġbur minn fuq it-tapit, iddeterminat skont il-punt 4 ta’ dan l-Anness,

      dpuhf huwa t-trab miġbur minn fuq art iebsa, iddeterminat skont il-punt 4 ta’ dan l-Anness,

     l-għadd standard ta’ kompiti ta’ tindif ta’ siegħa fis-sena huwa 50,

     il-wiċċ li jitnaddaf f’abitazzjoni standard f’m2 huwa 87,

     l-għadd standard ta’ drabi li vacuum cleaner jgħaddi minn fuq kull punt fl-art huwa 4 (żewġ daqqiet doppji),

     il-fattur ta’ konverżjoni minn Wh għal kWh huwa 0,001,

     l-istandard tat-trab miġbur huwa 1,

     id-differenza standard bejn it-trab miġbur wara ħames u wara żewġ daqqiet doppji hija 0,20.

    Il-medja tal-konsum tal-enerġija speċifika (ASE)

    Il-medja tal-konsum tal-enerġija speċifika matul it-test tat-tapit (ASEc ) u matul it-test tal-art iebsa (ASEhf ) għandha tiġi ddeterminata bħala medja tal-konsum speċifiku tal-enerġija (SE) tan-numru ta’ ċikli ta’ tindif li jikkostitwixxu t-test tat-tapit u tal-art iebsa rispettivament. L-ekwazzjoni ġenerali għall-konsum speċifiku ta’ enerġija SE fl-erja tat-test f’Wh/m2, bi preċiżjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, applikabbli għal vacuum cleaners tat-twapet, tal-art iebsa u għal dawk bi skopijiet ġenerali bis-suffissi xierqa, huwa:

    image

    fejn:

      P huwa l-medja tal-potenza f’W, bi preċiżjoni sat-tieni (2) ċifra wara l-punt deċimali, matul iż-żmien f’ċiklu ta’ tindif li ċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf ikun miexi fuq l-erja tat-test,

      NP huwa l-potenza medja ekwivalenti f’W, bi preċiżjoni sat-tieni (2) ċifra wara l-punt deċimali, ta’ żennuni attivi li jaħdmu bil-batterija, jekk hemm, tal-vacuum cleaner, ikkalkulat kif jidher hawn taħt,

      t huwa l-ħin totali f’sigħat, bi preċiżjoni sar-raba’ (4) ċifra wara l-punt deċimali, f’ċiklu ta’ tindif waqt li ċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf, jiġifieri punt fin-nofs bejn il-ġenb, quddiem u wara tat-tarf li jnaddaf, ikun miexi fuq l-erja tat-test,

      A huwa l-erja tal-wiċċ f’m2, bi preċiżjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, mgħoddija mit-tarf li jnaddaf f’ċiklu ta’ tindif, ikkalkulata bħala 10 darbiet il-prodott tal-wisa’ tat-tarf li jnaddaf u t-tul xieraq tal-erja tat-test. Jekk vacuum cleaner domestiku għandu tarf li jnaddaf usa’ minn 0,320 m, allura ċ-ċifra ta’ 0,320 m għandha tkun sostitwita għal wisa’ tat-tarf li jnaddaf f’din il-kalkolazzjoni.

    Għal testijiet tal-art iebsa s-suffiss hf u l-ismijiet tal-parametri SEhf, Phf, NPhf, thf u Ahf għandhom jintużaw fl-ekwazzjoni ta’ hawn fuq. Għat-testijiet tat-twapet is-suffiss c u l-ismijiet tal-parametri SEc, Pc, NPc, tc u Ac għandhom jintużaw fl-ekwazzjoni ta’ hawn fuq. Għal kull wieħed miċ-ċikli ta’ tindif, il-valuri ta’ SEhf, Phf, NPhf, thf , Ahf u/jew SEc, Pc, NPc, tc , Ac kif applikabbli,għandhom jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni teknika.

    L-ekwivalenti tal-potenza f’żennuni attivi li jaħdmu bil-batterija (NP)

    L-ekwazzjoni ġenerali għall-medja tal-ekwivalenti tal-potenza f’żennuni attivi li jaħdmu bil-batterija NP f’W, applikabbli għal vacuum cleaners tat-twapet, tal-art iebsa u għal dawk bi skopijiet ġenerali bis-suffissi xierqa, huwa:

    image

    fejn:

      E huwa l-konsum tal-elettriku meħtieġ, f’Wh bi preċiżjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, biex iż-żennuna attivai tal-vacuum cleaners li jaħdmu bil-batterija jerġgħu jiċċarġjaw il-batterija kompletament sal-istat oriġinali tagħha wara ċiklu ta’ tindif,

      tbat huwa l-ħin totali f’sigħat, bi preċiżjoni sar-raba’ (4) ċifra wara l-punt deċimali, f’ċiklu ta’ tindif li fih iż-żennunai attiva tal-vacuum cleaner li jaħdem bil-batterija tjiġi attivatai, skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

    Fil-każ li l-vacuum cleaner ma jkunx mgħammar b’żennuni attivi li jaħdmu bil-batterija l-valur ta’ NP ikun żero.

    Għal testijiet tal-art iebsa s-suffiss hf u l-ismijiet tal-parametri NPhf , u għandhom jintużaw fl-ekwazzjoni ta’ hawn fuq. Għat-testijiet tat-twapet is-suffiss c u l-ismijiet tal-parametri NPc, Ec, tbatc għandhom jintużaw fl-ekwazzjoni ta’ hawn fuq. Għal kull wieħed miċ-ċikli ta’ tindif, il-valuri ta’ Ehf, tbathf u/jew Ec, tbatc kif applikabbli, għandhom jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni teknika għal kull wieħed miż-żewġ ċikli ta’ tindif.

    4.

    It-trab miġbur

    It-trab miġbur minn fuq art iebsa (dpuhf ) għandu jkun iddeterminat bħala l-medja tar-riżultati taż-żewġ ċikli tat-tindif f’test tal-art iebsa.

    It-trab miġbur minn fuq tapit (dpuc ) għandu jkun iddeterminat bħala l-medja tar-riżultati taċ-ċikli tat-tindif f’test tat-twapet. Għall-korrezzjoni tad-devjazzjonijiet mill-proprjetajiet oriġinali tat-test tat-twapet, it-trab miġbur minn fuq it-tapit (dpuc ) għandu jkun ikkalkolat kif ġej:

    image

    fejn:

      dpum huwa t-trab miġbur mill-vacuum cleaner imkejjel,

      dpucal huwa t-trab miġbur tas-sistema ta’ vacuum cleaner ta’ referenza mkejjel meta t-test tat-twapet kien f’kundizzjoni oriġinali,

      dpuref huwa t-trab miġbur mis-sistema ta’ vacuum cleaner ta’ referenza u mkejjel.

    Il-valuri ta’ dpum , għal kull wieħed miċ-ċikli ta’ tindif,dpuc, dpucal u dpuref għandhom jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni teknika.

    5.

    L-emissjoni mill-ġdid tat-trab

    L-emissjoni mill-ġdid tat-trab għandha tiġi ddeterminata waqt li l-vacuum cleaner ikun qed jitħaddem bl-influss massimu tal-arja.

    6.

    Il-livell tal-qawwa tal-ħoss

    Il-livell tal-qawwa tal-ħoss għandu jkun iddeterminat fuq it-tapit.

    7.

    Id-durabilità tal-pajp

    Il-pajp għandu jkun meqjus utli wara 40 000 oxxillazzjoni taħt pressjoni jekk ma jkollux ħsara viżibbli wara dawk l-oxxillazzjonijiet. Għandu jiġi sfurzat permezz ta’ piż ta’ 2,5 kilogramm.

    8.

    It-tul tal-ħajja operattiva tal-mutur

    Il-vacuum cleaner għandu jitħaddem b’kontenitur tat-trab nofsu mimli b’mod intermittenti f’perjodi ta’ 14-il minuta fejn jaħdem għal 30 sekonda u jintefa għal 30 sekonda. Il-kontenitur tat-trab u l-filtri għandhom jinbidlu f’intervalli tal-ħin addattati. It-test jista’ jitwaqqaf wara 500 siegħa u għandu jitwaqqaf wara 600 siegħa. Għandu jiġi rreġistrat il-ħin totali tal-ħidma li jkun inkluż fid-dokumentazzjoni teknika. Il-fluss tal-arja, il-potenza tal-input u tal-vakum għandhom jiġu ddeterminati f’intervalli xierqa u l-valuri operattivi għandhom, flimkien mal-ħajja operattiva tal-mutur, jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni teknika.

    9.

    Vacuum cleaners ibridi

    Għal vacuum cleaners ibridi l-kejl kollu għandu jiġi esegwit mal-vacuum cleaner li jaħdem permezz tal-mejn tal-elettriku u ma’ kwalunkwe żennuni attivi li jaħdmu bil-batterija biss.

    ▼M1




    ANNESS III

    Il-verifika tal-konformità tal-prodott mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq

    It-tolleranzi tal-verifika ddefiniti f'dan l-Anness huma marbutin biss mal-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur jew mill-importatur bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew biex jiġu interpretati dawk il-valuri, bil-għan li tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar akkost ta' kollox.

    Meta jivverifikaw il-konformità ta' mudell ta' prodott mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f'dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw din il-proċedura:

    (1) L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw unità waħda tal-mudell.

    (2) Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk:

    (a) il-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE (il-valuri dikjarati) u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta' dawn il-valuri ma jkunux aktar favorevoli għall-manifattur jew għall-importatur milli jkunu r-riżultati tal-kejl korrispondenti mwettaq skont il-paragrafu (g) tiegħu; kif ukoll

    (b) il-valuri dikjarati jkunu jissodisfaw r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, u kull informazzjoni fuq il-prodott meħtieġa li jippubblikaw il-manifattur jew l-importatur ma jkunx fiha valuri li jkunu aktar favorevoli għall-manifattur jew għall-importatur mill-valuri dikjarati; kif ukoll

    (c) meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri stabbiliti (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla waqt it-testijiet u l-valuri kkalkulati minn dan il-kejl) ikunu fi ħdan it-tolleranzi tal-verifika rispettivi kif turi t-Tabella 1.

    (3) Jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punti 2(a) jew (b), il-mudell u kull mudell li ġie elenkat fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur jew tal-importatur bħala mudell ta' vacuum cleaner ekwivalenti, għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma' dan ir-Regolament.

    (4) Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 2(c), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet oħra tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. Inkella, it-tliet unitajiet l-oħra magħżula jistgħu jkunu ta' xi wieħed mill-mudelli jew aktar li tniżżlu fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur jew tal-importatur bħala mudelli ta' vacuum cleaner ekwivalenti.

    (5) Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawn it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika tal-valuri stabbiliti tkun fi ħdan it-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1.

    (6) Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 5, il-mudell u kull mudell li ġie elenkat fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur jew tal-importatur bħala mudell ekwivalenti ta' vacuum cleaner, għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma' dan ir-Regolament.

    (7) Meta tittieħed id-deċiżjoni tan-nuqqas ta' konformità tal-mudell skont il-punti 3 u 6, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu mogħtija fl-Anness II.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 1 u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 sa 7 għar-rekwiżiti msemmija f'dan l-Anness. M'għandha tintuża l-ebda tolleranza oħra, lanqas dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew f'xi metodi oħrajn tal-kejl.



    Tabella 1

    It-tolleranzi tal-verifika

    Parametri

    It-tolleranzi tal-verifika

    Il-konsum annwali tal-enerġija

    Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur dikjarat b'iktar minn 10 %.

    It-trab miġbur minn fuq it-twapet

    Il-valur stabbilit m'għandux ikun inqas mill-valur dikjarat b'aktar minn 0,03.

    It-trab miġbur minn fuq l-art iebsa

    Il-valur stabbilit m'għandux ikun inqas mill-valur dikjarat b'aktar minn 0,03.

    L-emissjoni mill-ġdid tat-trab

    Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur dikjarat b'iktar minn 15 %.

    Il-livell tal-qawwa tal-ħoss

    Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur dikjarat.

    Il-ħajja operattiva tal-mutur

    Il-valur stabbilit m'għandux ikun inqas mill-valur dikjarat b'aktar minn 5 %.

    ▼B




    ANNESS IV

    Parametri ta’ riferiment

    Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq għal vacuum cleaners domestiċi, f’termini tal-konsum tal-enerġija speċifiku tagħhom, huwa vacuum cleaner wieqaf ta’ 650 W bit-tarf li jnaddaf b’wisa’ ta’ 0,28 m, li jittraduċi ruħu f’konsum speċifiku ta’ enerġija ta’ 1,29 Wh/m2, għalkemm b’livell tal-qawwa tal-ħoss stmat aktar minn 83 dB.

    Id-dejta dwar it-trab miġbur u l-emissjoni mill-ġdid tat-trab għall-magna msemmija hawn fuq u konformi mal-metodi definiti u ta’ referenza f’dan ir-Regolament mhijiex disponibbli. L-aħjar valur tat-trab miġbur attwalment disponibbli fis-suq huwa madwar 1,08 għal art iebsa bil-fil, u 0,90 fuq tapit. L-aħjar valur tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab attwalment disponibbli fis-suq huwa madwar 0,0002 %. L-aħjar livell tal-qawwa tal-ħoss huwa 62 dB.



    ( 1 ) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

    ( 2 ) ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10.

    ( 3 ) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.

    Top