Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02011D0344-20140426

    Consolidated text: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 17 ta’ Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (2011/344/UE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/344/2014-04-26

    2011D0344 — MT — 26.04.2014 — 010.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ Mejju 2011

    dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    (2011/344/UE)

    (ĠU L 159, 17.6.2011, p.88)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Settembru 2011

      L 240

    8

    16.9.2011

    ►M2

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Ottubru 2011

      L 269

    32

    14.10.2011

    ►M3

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2011

      L 46

    40

    17.2.2012

     M4

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Marzu 2012

      L 115

    21

    27.4.2012

     M5

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012

      L 192

    12

    20.7.2012

    ►M6

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2012

      L 295

    14

    25.10.2012

     M7

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012

      L 26

    30

    26.1.2013

    ►M8

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013

      L 175

    47

    27.6.2013

    ►M9

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2013

      L 322

    31

    3.12.2013

     M10

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2014

      L 107

    61

    10.4.2014

    ►M11

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' April 2014

      L 125

    75

    26.4.2014


    Ikkoreġut b'

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 178, 10.7.2012, p. 15  (344/2011)




    ▼B

    ▼C1

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ Mejju 2011

    dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    ▼B

    (2011/344/UE)



    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu.

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Portugall dan l-aħħar kien taħt pressjoni dejjem akbar fir-rigward tas-swieq finanzjarji, u dan ħoloq tħassib dejjem jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu. Tabilħaqq, il-kriżi attwalikellha impatt drammatiku wkoll fuq il-finanzi pubbliċi, li finalment wasslet għal żieda kbira fil-firxiet tad-dejn sovran. Fost tnaqqis konsekuttiv fil-klassifikazzjoni ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-bonds Portugiżi, il-pajjiż ma baqax f’pożizzjoni li jiffinanzja lilu nnifsu mill-ġdid b’rati kompatibbli ma’ sostenibbiltà fiskali fuq perijodu ta’ żmien twil. Fl-istess waqt, is-settur bankarju, li jiddependi ħafna mill-finanzjament estern, partikolarment fiż-żona euro, ġie maqtugħ dejjem aktar mill-finanzjament tas-swieq.

    (2)

    Fid-dawl ta’ dan it-taqlib ekonomiku u finanzjarju gravi kkawżat minn ċirkostanzi eċċezzjonali lilhinn mill-kontroll tal-gvern, il-Portugall talab uffiċjalment assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”) fis-7 ta’ April 2011 bil-għan li jiġi appoġġat programm ta’ politika li jerġa’ jistabbilixxi l-fiduċja u li jippermetti li l-ekonomija terġa’ lura fit-triq li twassal għal tkabbir sostenibbli, u li tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, iż-żona euro u l-Unjoni. Fit-3 ta’ Mejju 2011, intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-missjoni konġunta tal-Kummissjoni/FMI/BĊE fir-rigward ta’ programm komprensiv ta’ politika fuq tliet snin għall-perijodu sa nofs l-2014, sabiex jiġi stipulat f’Memorandum ta’ Politika Ekonomika u Finanzjarja (“MPEF”) u Memorandum ta’ Qbil dwar Kundizzjonalità ta’ Politika Ekonomika Speċifika (“MtQ”). Dan il-progrmm ta’ politika kien appoġġat mill-akbar żewġ partiti fl-oppożizzjoni.

    (3)

    Dan l-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) ippreżentat mill-Portugall lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għandu l-għan li jerġa’ jistabbilixxi l-fiduċja fis-settur tad-dejn sovran u f’dak bankarju u li jappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi. Jipprevedi azzjoni komprensiva li tindirizza tliet kwistjonijiet. L-ewwel nett, riformi strutturali profondi u bi frontloading li jippermettu żieda fit-tkabbir potenzjali, li joħolqu l-impjiegi, u li jtejbu l-kompetittività (inkluż permezz ta’ devalwazzjoni fiskali). B’mod partikolari, il-Programm fih riformi tas-suq tax-xogħol, tas-sistema ġudizzjarja, tal-industriji tan-netwerks, u tas-setturi tad-djar u tas-servizzi, bil-għan li jissaħħaħ il-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomija, titjieb il-kompetittività u jiġi ffaċilitat l-aġġustament ekonomiku. It-tieni, strateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali bbilanċjata u kredibbli, appoġġata minn miżuri fiskali strateġiċi u kontroll fiskali aħjar ta’ Sħubiji Pubbliċi Privati (“SPP”) u Impriżi tal-Istat (State-Owned Enterprises, “SOEs”), bil-għan li l-proporzjon ta’ dejn pubbliku gross mal-PDG jaqbad triq tan-niżla soda fuq perijodu ta’ żmien medju. L-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu d-defiċit għal 3 % tal-PDG sal-2013. It-tielet, strateġija għas-settur finanzjarju bbażata fuq ir-rikapitalizzazzjoni u d-diżingranaġġ, bi sforzi biex is-settur finanzjarju jiġi ssalvagwardjat kontra d-diżingranaġġ diżordinat permezz ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq b’faċilitajiet ta’ riżerva.

    (4)

    Skont it-tbassir attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (-1,2 % fl-2011, -0,5 % fl-2012, 2,5 % fl-2013 u 3,9 % fl-2014), il-miri fiskali huma konsistenti ma’ triq li twassal għal proporzjon ta’ dejn mal-PDG ta’ 101,7 % fl-2011, 107,4 % fl-2012, 108,6 % fl-2013 u 107,6 % fl-2014. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG ikun għalhekk stabbilizzat fl-2013 u, minn hemm ‘il quddiem, jaqbad nieżel, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqsis tad-defiċit. Id-dinamika tad-dejn hija affettwata minn diversi operazzjonijiet miżmuma barra mill-baġit, u jitbassar li dawn iżidu l-proporzjon tad-dejn mal-PDG b’1¾ punti perċentwali (“pps”) tal-PDG fl-2011 u b’¾ pps fis-sena bejn l-2012 u l-2014. Dawn jinkludu akkwiżizzjonijiet imdaqqsa ta’ assi finanzjarji, b’mod partikolari għar-rikapitalizzazzjoni ta’ banek u l-finanzjament possibbli tal-SOEs li jammontaw għal ½% tal-PDG fis-sena bejn l-2011 u l-2014. Min-naħa l-oħra, ir-rikavati mill-privatizzazzjoni li jammontaw għal madwar 3 % tal-PDG sas-sena 2013 ser jappoġġaw l-isforzi tat-tnaqqis tad-dejn.

    (5)

    Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) u flimkien mal-FMI, hija li l-Portugall jeħtieġ finanzjament li jammonta għal EUR 78 biljun (78 000 miljun) tul il-perijodu minn Ġunju 2011 sa nofs 2014. Minkejja l-aġġustament fiskali sinifikanti, id-diskrepanza fil-finanzjament għad-dejn sovran jista’ jammonta għal EUR 63 biljun tul il-perijodu tal-Programm. Dan jippresupponi li ma jkunx hemm aċċess għas-suq tad-dejn fuq perijodu ta’ żmien medju u twil sal-ewwel nofs tal-2013. Wieħed jassumi li l-Portugall ser ikun jista’ jittrasferixxi parti mill-istokk eżistenti tiegħu ta’ dejn fuq perijodu ta’ żmien qasir, filwaqt li l-programm jipprovdi wkoll bafer ta’ finanzjamant f’każ ta’ devjazzjonijiet mhux mistennija mix-xenarju bażiku ta’ finanzjament tal-Kummissjoni. Il-Portugall huwa mħeġġeġ biex iżomm u jaġġusta l-operazzjonijiet tas-suq finanzjarju, waqt li jfittex li jiżviluppa l-aċċess għas-suq u l-kunfidenza. L-istrateġija tas-settur finanzjarju li tinsab fil-programm biex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-sistema bankarja Portugiża fuq bażi sostenibbli tesiġi li l-gruppi bankarji jkollhom il-proporzjon tal-kapital ewlieni tal-livell wieħed (core tier 1) tagħhom ekwivalenti għal 9 % sal-aħħar tal-2011 u għal 10 % sal-aħħar tal-2012 u li jibqgħu hekk wara dan. Il-programm fih skema ta’ appoġġ bankarju sa massimu ta’ EUR 12-il biljun biex jiġi pprovdut il-kapital meħtieġ f’każ li ma jkunux jistgħu jinstabu soluzzjonijiet tas-suq. Madankollu, il-ħtiġijiet reali tal-finanzjament jistgħu jkunu sostanzjalment inqas, b’mod partikolari jekk il-kondizzjonijiet tas-suq jitjiebu b’mod sinifikanti u ma jseħħ l-ebda telf bankarju gravi mhux mistenni matul il-perijodu tal-Programm.

    (6)

    Il-Programm ikun iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn sorsi esterni. L-assistenza tal-Unjoni lill-Portugall tilħaq massimu ta’ EUR 52 biljun skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (“EFSM”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 407/2010 u minn kontribuzzjonijiet mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. Barra minn hekk, il-Portugall talab self ta’ SDR 23,742 biljun (ekwivalenti għal EUR 26 biljun bir-rata tal-kambju tal-5 ta’ Mejju 2011) mill-FMI skont Faċilità ta’ Fond Estiża. L-appoġġ mill-EFSM jeħtieġ li jiġi pprovdut skont termini u kondizzjonijiet simili għal dawk tal-FMI. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni.

    (7)

    Il-Kunsill għandu jirrevedi, fuq bażi regolari, il-politika ekonomika implimentata mill-Portugall.

    (8)

    Il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika miftiehma mal-Portugall għandha tiġi stipulata f’Memorandum ta’ Qbil dwar Kondizzjonalità tal-Politika Ekonomika Speċifika (il-“Memorandum ta’ Qbil”). It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta’ Self.

    (9)

    Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kondizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbuta mal-assistenza jiġu sodisfatti, permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Portugiżi.

    (10)

    Tul l-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika u assistenza teknika addizzjonali f’oqsma speċifiċi.

    (11)

    L-operazzjonijiet li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tgħin fil-finanzjament tagħhom għandhom ikunu kompatibbli mal-politika tal-Unjoni u konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni. Interventi b’appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

    (12)

    L-assistenza għandha tiġi pprovduta bil-għan li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni effikaċi tal-Programm,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



    Artikolu 1

    ▼M8

    1.  L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli lill-Portugall self li jammonta għal massimu ta’ EUR 26 biljun, b’maturità medja massima ta’ 19,5 snin. Kull wieħed mill-ħlasijiet individwali tal-faċilità ta’ self jista’ jkollu maturità ta’ mhux aktar minn 30 sena.

    ▼M11

    2.  L-assistenza finanzjarja tkun disponibbli għal tliet snin u sitt ġimgħat, li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

    ▼M1

    3.  L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Portugall f’massimu ta’ 14-il ħlas parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’porzjon wieħed jew iktar. Il-maturitajiet tal-porzjonijiet taħt l-ewwel u t-tieni ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ porzjonijiet oħra għandhom jiġu ffissati sabiex il-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tinkiseb ladarba l-porzjonijiet kollha jkunu ngħataw.

    ▼B

    4.  L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self u l-Memorandum ta’ Qbil. Kwalunkwe rilaxx ta’ self sussegwenti għandu jkun taħt kondizzjoni ta’ analiżi favorevoli mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, rigward il-konformità tal-Portugall mal-kondizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika kif definit b’din id-Deċiżjoni u l-Memorandum ta’ Qbil.

    ▼M2

    5.  Għal kull ħlas individwali, il-Portugall għandu jħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni.

    ▼B

    6.  Barra minn hekk, l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 għandhom jitħallsu mill-Portugall.

    7.  Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, l-użu prudenti ta’ swaps tar-rata tal-imgħax ma’ kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta’ kreditu u teħid bil-quddiem ta’ self għandhom ikunu permessi.

    8.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx ta’ ħlasijiet parzjali ulterjuri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs tal-partijiet.

    ▼M8

    9.  Fuq talba tal-Portugall, il-Kummissjoni tista’ ttawwal il-maturità ta’ pagament akkont jew parti, sakemm il-maturità medja massima kif stabbilita fil-paragrafu 1 tkun rispettata. Il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self kollu tagħha jew parti minnu għal dik il-fini. Kull ammont misluf mill-Kummissjoni bil-quddiem jinżamm f’kont mal-BĊE li l-Kummissjoni fetħet għall-amministrazzjoni tal-assistenza finanzjarja.

    ▼B

    Artikolu 2

    1.  L-assistenza għandha tkun amministrata mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tal-Portugall.

    2.  Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, għandha taqbel mal-awtoritajiet Portugiżi dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika marbutin mal-assistenza finanzjarja kif stabbilit fl-Artikolu 3. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Qbil li għandu jiġi ffirmat mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Portugiżi konsistenti mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta’ Self li għandu jiġi konkluż mal-Kummissjoni.

    3.  Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari (tal-inqas kull tliet xhur) li l-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika marbutin mal-assistenza jiġu sodisfatti, u tirrapporta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju qabel l-iżborż ta’ kull ħlas parzjali. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ mal-Kummissjoni u l-BĊE, u għandhom jagħmlulhom disponibbli kull tagħtrif meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju mgħarraf dwar il-possibbiltà ta’ rifinanzjament tat-teħid ta’ self, jew ta’ tibdil fil-kondizzjonijiet finanzjarji.

    4.  Il-Portugall għandu jadotta u jimplimenta miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni biex jiżgura l-istabbiltà makro-finanzjarja, f’każ li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa matul il-programm ta’ assistenza. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-BĊE minn qabel jekk jadottaw xi miżura addizzjonali bħal dawn.

    Artikolu 3

    1.  L-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) imħejji mill-awtoritajiet Portugiżi huwa b’dan approvat.

    2.  L-iżborż ta’ kull ħlas parzjali wara l-ewwel wieħed għandu jsir abbażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Programm u, partikolarment, il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta’ Qbil. Dawn għandhom jinkludu, inter alia, il-miżuri previsti fil-paragrafi 4 sa 8 ta’ dan l-Artikolu.

    ▼M8

    3.  Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż il-5,9 % tal-PDG fl-2011, 5,0 % tal-PDG fl-2012, 5,5 % tal-PDG fl-2013 u 4 % tal-PDG fl-2014. Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern. Il-konsolidazzjoni baġitarja għandha tintlaħaq permezz ta’ miżuri permanenti ta’ kwalità għolja u bil-minimizzazzjoni tal-impatt tal-konsolidazzjoni fuq gruppi vulnerabbli.

    4.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 5 sa 8 qabel tmiem is-sena indikata, u d-dati ta’ skadenza preċiżi għas-snin 2011-2014 għandhom ikunu speċifikati fil-Memorandum ta’ Qbil. Il-Portugall għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni biex jintlaħqu l-miri tad-defiċit matul il-perijodu tal-programm.

    ▼B

    5.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin qabel tmiem l-2011, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

    ▼M3

    (a) Il-mira tad-defiċit fiskali għall-2011 għandha tiġi milħuqa permezz ta’ miżura eċċezzjonali. L-assi ottenuti b’riżultat tat-trasferiment tal-fondi tal-pensjonijiet tal-banek għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat ma għandhomx jintużaw fi kwalunkwe mod li jkun detrimentali għas-sostenibbiltà fuq terminu ta’ żmien twil tal-finanzi pubbliċi Portugiżi.

    (b) Il-Portugall għandu jadotta miżuri sabiex isaħħaħ il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri mogħtija fil-Liġi Qafas Baġitarja l-ġdida, inkluż l-istabbilment ta’ qafas baġitarju ta’ terminu medju u l-istabbilment ta’ Kunsill Fiskali indipendenti. Il-qafas baġitarju fil-livelli lokali u reġjonali għandu jissaħħaħ b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi jipproponi l-għażliet ewlenin għall-allinjament tal-liġijiet finanzjarji rispettivi mar-rekwiżiti tal-Liġi Qafas Baġitarja. Il-Portugall għandu jżid ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi u jirrinforza r-regoli u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni baġitarja. Il-Gvern Portugiż għandu jħejji strateġija għall-validazzjoni u s-saldu ta’ arretrati li se tippreżenta mappa direzzjonali li tistabbilixxi kif u meta se jiġu stabilizzati l-istokkijiet ta’ arretrati u tesplora għażliet varji għas-saldu ta’ arretrati. Rigward is-Sħubiji Pubbliċi-Privati (“PPPs”), il-Gvern Portugiż m’għandux jidħol f’PPPs ġodda qabel ma jiġu disponibbli r-riżultati tal-istudji dwar PPPs eżistenti mbassra fil-Programm u r-riformi legali u istituzzjonali proposti.

    ▼M1

    (c) Il-Portugall għandu jkompli jsaħħaħ il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jieħu miżuri li jirriformaw il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-impjieg, l-issettjar tal-pagi u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

    ▼B

    (d) Fis-settur tal-enerġija, il-Portugall għandu jieħu miżuri biex jiffaċilita d-dħul, jippromwovi l-istabbiliment tas-suq tal-gass Iberjan u jirrevedi l-appoġġ u l-iskemi ta’ kumpens għall-produzzjoni tal-elettriku. Għal industriji oħra tan-netwerk, b’mod partikolari t-trasport, is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tal-posta, il-Portugall għandu jadotta miżuri addizzjonali biex jippromwovi l-kompetizzjoni u l-flessibilità.

    ▼M3

    (e) Il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija għall-kompetizzjoni. Il-Gvern Portugiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-Istat Portugiż jew kwalunkwe korp pubbliku ieħor ma jikkonkludix, f’kapaċità ta’ azzjonist, ftehimiet li jistgħu jxekklu l-moviment ħieles ta’ kapital jew li jistgħu jinfluwenzaw il-kontroll amministrattiv ta’ kumpaniji. Il-Liġi ta’ Privatizzazzjoni l-ġdida għandha tirrispetta wkoll il-prinċipji ta’ moviment ħieles ta’ kapital u ma tagħti jew tippermetti l-ebda drittijiet speċjali lill-Istat. Għandha ssir reviżjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni bil-għan li jitjiebu l-veloċità u l-effettività tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    ▼B

    (f) Il-Portugall għandu jtejjeb il-prattiki u r-regoli għall-akkwist pubbliku sabiex jikkontribwixxi għal ambjent kummerċjali aktar kompetittiv u għal infiq pubbliku aktar effiċjenti.

    ▼M1

    (g) Il-Portugall għandu jadotta miżuri biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-SOEs fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall għandu jipprepara dokument komprensiv ta’ strateġija tal-SOEs li janalizza l-istruttura tat-tariffi u l-provvista tas-servizz u pjan biex jissikka r-rekwiżiti tas-self mill-2012. Il-Portugall għandu jimplimenta l-pjanijiet kurrenti biex fl-SOEs tal-gvern ċentrali jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi b’mill-inqas 15 % bħala medja barra mis-settur tas-saħħa u jipprepara pjan ekwivalenti għall-SOEs tal-gvern reġjonali u lokali.

    ▼M3

    (h) Il-Portugall għandu jħejji arranġament finanzjarju mar-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira (“RAM”) b’mod konsistenti mal-Programm. Sakemm jintlaħaq ftehim dwar dak l-arranġament u l-implimentazzjoni tiegħu fil-baġit RAM, il-Portugall għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-eżekuzzjoni tal-baġit tar-RAM, għandu jżomm it-trasferimenti mill-Istat lill-gvern tar-RAM sospiżi u ma għandu jonora l-ebda dejn jew garanziji kummerċjali jew finanzjarji ġodda mill-gvern tar-RAM u s-SOEs tiegħu li mhumiex approvati mill-Ministeru tal-Finanzi.

    ▼M6

    6.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2012, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

    (a) id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż il-5,0 % tal-PDG fl-2012. Il-Portugall għandu jkompli jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fiskali u jimplimenta aktar aġġustamenti ta' politika biex tintlaħaq il-mira tal-2012. Għal dan il-għan, il-Portugall għandu jiffriża xi approprjazzjonijiet baġitarji tal-2012 għal proġetti ta' investiment li għadhom ma bdewx; iżid it-taxxi tal-bolla fuq proprjetajiet ta’ valur għoli; iżid ir-rati tat-taxxa fuq l-introjtu mill-investimenti; jantiċipa wħud mill-miżuri baġitarji tal-2013 li jaffettwaw il-benefiċċji soċjali; jimplimenta miżuri addizzjonali li jiġġeneraw iffrankar fil-konsum intermedju u li jdaħħlu dħul ieħor sabiex tiġi żgurata l-mira tad-defiċit għall-2012.

    (b) il-Portugall għandu jimmira li jnaqqas in-nefqa fl-2012 b'mill-inqas EUR 6,8 biljun, inkluż billi jnaqqas il-pagi u l-impjiegi fis-settur pubbliku; inaqqas il-pensjonijiet; iwettaq organizzazzjoni mill-ġdid komprensiva tal-amministrazzjoni ċentrali, jelimina l-ħela u ineffiċjenzi oħra; inaqqas it-trasferimenti lejn SOEs; jorganizza mill-ġdid u jnaqqas l-għadd ta’ muniċipalitajiet u parroċċi; inaqqas l-infieq fl-edukazzjoni u s-saħħa; inaqqas it-trasferimenti lejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali; u jnaqqas in-nefqa kapitali u infiq ieħor kif stabbilit fil-Programm;

    (c) mil-lat tad-dħul, il-Portugall għandu jimplimenta miżuri ta’ dħul li jammontaw, mill-inqas, għal total ta’ EUR 3 biljun, inkluż billi jitwessgħu l-bażijiet tal-VAT permezz tat-tnaqqis tal-eżenzjonijiet u l-arranġament mill-ġdid tal-listi ta’ prodotti u servizzi soġġetti għal rati mnaqqsa, intermedji u ogħla; żieda fit-taxxi tas-sisa; twessigħ tal-bażijiet għat-taxxa korporattiva u dik fuq l-introjtu personali billi jonqsu t-tnaqqis fit-taxxi u r-reġimi speċjali; tiġi żgurata l-konverġenza tat-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu personali applikata għal introjtu minn pensjonijiet u mix-xogħol; u tibdiliet fit-tassazzjoni tal-proprjetà billi l-eżenzjonijiet jitnaqqsu b’mod sostanzjali. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomplementati minn azzjoni ta’ ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, frodi u informalità;

    (d) il-Portugall għandu jkompli jadotta miżuri biex isaħħaħ l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri previsti fil-Liġi Qafas Baġitarja l-ġdida, inkluż it-twaqqif ta’ qafas baġitarju fuq terminu medju. L-oqfsa baġitarji lokali u reġjonali għandhom jissaħħu b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi l-liġijiet finanzjarji rispettivi jiġu allinjati mar-rekwiżiti tal-Liġi Qafas Baġitarja. Il-Portugall għandu jżid ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi u jsaħħaħ ir-regoli u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni baġitarja. Il-Gvern Portugiż għandu japplika l-istrateġija għall-validazzjoni u s-saldu ta' arretrati u jħaffef l-implimentazzjoni tal-liġi ta' kontroll tal-impenji biex jiġi evitat il-ħolqien ta' arretrati ġodda. Il-Portugall għandu jimplimenta l-qafas legali u istituzzjonali l-ġdid tas-sħubijiet pubbliċi privati (PPPs). Ebda PPP ma għandha tiġi varata sakemm il-qafas il-ġdid ikun effettiv bis-sħiħ. Abbażi ta' studju mħejji minn ditta internazzjonali tal-awditjar, il-Portugall għandu jiżviluppa pjan strateġiku dettaljat, f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni applikabbli inkluża l-liġi dwar l-akkwist pubbliku, bil-għan li jikseb gwadanji fiskali sostanzjali, filwaqt li jimminimizza l-piż tad-dejn u jiżgura tnaqqis sostenibbli fl-obbligazzjonijiet tal-gvern. Il-Portugall għandu jadotta liġi li tirregola l-ħolqien u l-funzjonament tal-SOEs fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali;

    (e) il-Portugall għandu japplika l-leġiżlazzjoni ġdida biex jorganizza mill-ġdid u jnaqqas konsiderevolment l-għadd ta' entitajiet tal-gvern lokali. Dawn il-bidliet għandhom jidħlu fis-seħħ sal-bidu taċ-ċiklu tal-elezzjonijiet lokali li jmiss. Barra minn hekk, il-Portugall għandu jsaħħaħ l-isforzi għar-razzjonalizzazzjoni tas-settur pubbliku billi jnaqqas l-entitajiet u jtejjeb il-kondiviżjoni tal-kompiti fil-livelli kollha tal-gvern;

    (f) il-Portugall għandu jwettaq riforma aktar profonda tal-amministrazzjoni tad-dħul billi jirrinforza r-rabtiet bejn l-Autoridade Tributária e Aduaneira u l-unitajiet tal-ġbir tad-dħul tas-Sigurtà Soċjali, inaqqas l-għadd ta' uffiċċji muniċipali u jindirizza l-ostakli li jifdal fis-sistema tal-appell tat-taxxa;

    (g) il-Portugall għandu jimplimenta l-arranġament finanzjarju mar-RAM.

    (h) il-Portugall għandu jadotta miżuri biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-SOEs fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall għandu jesplora opzjonijiet sabiex jiġġestixxi l-piż kbir tad-dejn tal-SOEs, inkluż Parpública, u biex jiżgura kundizzjonijiet imtejba għal finanzjament mis-suq. Il-Portugall għandu jimmira li jilħaq bilanċ operazzjonali fil-livell tas-setturi sa tmiem l-2012;

    (i) il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta' privatizzazzjoni. Il-bejgħ dirett ta' Caixa Seguros, il-fergħa tal-assigurazzjoni tal-Caixa Geral de Depòsitos (CGD), jinsab għaddej;

    (j) il-Gvern Portugiż għandu jippreżenta abbozz ta’ leġiżlazzjoni lill-Parlament Portugiż sabiex jallinja l-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg mal-medja tal-Unjoni ta’ 8-12-il jum għal kull sena xogħol u sabiex joħloq fond ta’ kumpens għall-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg;

    (k) il-Portugall għandu jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perjodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet fl-iskemi ta’ negozjar tal-pagi attwali, inkluża leġiżlazzjoni li tiddefinixxi mill-ġdid il-kriterji u l-modalitajiet tal-estensjoni tal-ftehimiet kollettivi u biex jiġu faċilitati l-ftehimiet fil-livell tal-impriżi. Sadanittant, il-ftehimiet kollettivi ma għandhomx jiġu estiżi;

    (l) il-Portugall għandu jkompli jtejjeb l-effettività ta’ politiki attivi tiegħu għas-suq tax-xogħol f'konformità mar-riżultati tar-rapport ta' valutazzjoni u tal-pjan ta' azzjoni biex jittejjeb il-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi;

    (m) il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali u t-taħriġ;

    (n) il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja għandu jittejjeb billi jiġu implimentati l-miżuri proposti taħt il-Pjan Direzzjonali tar-Riforma Ġudizzjarja u bl-applikazzjoni ta’ miżuri mmirati biex progressivament jiġi eliminat ix-xogħol b’lura fil-qrati u biex jitrawmu soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim;

    (o) il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija tiegħu għall-kompetizzjoni. Il-Gvern Portuġiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li ma jinħolqux ostakli għall-moviment liberu tal-kapital permezz tal-azzjoni tiegħu u, b'mod partikolari, sabiex l-Istat Portugiż jew kwalunkwe entità pubblika ma jikkonkludux, bħala azzjonisti, ftehimiet li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-kapital jew jinfluwenzaw il-kontroll tal-ġestjoni tal-kumpaniji. Il-funzjonament tas-servizzi professjonali għandu jitrawwem billi jitjieb il-qafas għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u billi jiġu eliminati restrizzjonijiet bla bżonn għall-professjonijiet regolati. Fir-rigward tal-attivitajiet ta' kostruzzjoni u dawk immobiljari, il-Portugall għandu jtaffi r-rekwiżiti għal fornituri transfruntieri filwaqt li janalizza l-ostakli għall-istabbiliment tal-fornituri tas-servizzi;

    (p) għandhom jitjiebu l-qafas tal-kompetizzjoni u dak regolatorju. Il-Portugall għandu jsaħħaħ l-indipendenza, l-awtonomija u l-governanza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali prinċipali; jimplimenta l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni bil-għan li jtejjeb il-veloċità u l-effettività tal-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni; u jimmonitorja l-influss ta' każijiet ġodda u jirapporta dwar il-funzjonament tal-qorti speċjalizzata għall-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni;

    (q) fis-settur tal-enerġija, il-Portugall għandu jieħu miżuri biex jiffaċilita d-dħul fis-suq u jippromwovi l-istabbiliment tas-suq tal-gass Iberjan u għandu jieħu passi ulterjuri lejn traspożizzjoni sħiħa tat-tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE. Biex jiġu żgurati l-indipendenza, l-awtonomija u s-setgħat tal-awtorità regolatorja nazzjonali previsti fit-Tielet Pakkett tal-UE dwar l-Enerġija, il-Portugall għandu jadotta l-bylaws ġodda tar-regolaturi, kif miftiehem f'Lulju 2012 mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI sat-tielet trimestru tal-2012, u għandu jiżgura li jkunu effettivi qabel l-aħħar tas-sena 2012 fil-ħin għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku u l-gass. Il-Portugall għandu jieħu miżuri sabiex jirrevedi l-iskemi ta' appoġġ u ta' kumpens għall-produzzjoni tal-elettriku. Il-Portugall għandu jieħu miżuri sabiex inaqqas kirjiet eċċessivi u jelimina d-dejn tariffarju sal-2020, filwaqt li jiffoka fuq skemi ta' kumpens għall-garanzija tal-enerġija, ir-reġimi speċjali (tipi ta' enerġija rinnovvabli - esklużi dawk mgħotija permezz ta' mekkaniżmi tal-offerti - u koġenerazzjoni), kif ukoll ir-reġim ordinarju (“CMECs” u “CAEs”);

    (r) f'industriji oħra tan-netwerk, b’mod partikolari s-servizzi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u l-posta, il-Portugall għandu jadotta miżuri addizzjonali biex jippromwovi l-kompetizzjoni u l-flessibilità;

    (s) il-Portugall għandu jadotta għadd ta’ miżuri bl-għan li jżid l-effiċjenza tal-iskemi tal-liċenzji għall-ippjanar territorjali, liċenzji industrijali u kummerċjali u dawk għat-turiżmu. Barra minn hekk, il-Gvern Portugiż għandu janalizza u jħaffef l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għall-proġetti ta' investiment ppjanati li baqgħu ma ssolvewx jew ma ġewx deċiżi wara aktar minn 12-il xahar;

    (t) il-Portugall għandu jipprepara pjan ta' azzjoni b'miżuri biex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u għas-swieq tal-esportazzjoni għall-kumpaniji, b'mod partikolari għall-SMEs.

    ▼M9

    7.  Il-Portugall għandu jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2013, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil:

    (a) Id-defiċit ġenerali tal-Gvern ma għandux jaqbeż il-5,5 % tal-PDG fl-2013. Għall-kalkolu ta’ dan id-defiċit, ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta’ appoġġ tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern. Il-miżuri ta’ konsolidazzjoni inklużi fil-baġit tal-2013 u l-baġit supplimentari għandhom jiġu implimentati bir-reqqa matul il-bqija tas-sena. Barra minn hekk, jekk jinqala’ aktar telf fl-eżekuzzjoni baġitarja, il-Gvern għandu jimplimenta miżuri korrettivi addizzjonali;

    (b) Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm ta’ privatizzazzjoni tiegħu;

    (c) Il-Portugall għandu jlesti l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-servizzi kondiviżi fl-amministrazzjoni pubblika;

    (d) Il-Portugall għandu jkompli r-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet permezz tal-ispeċjalizzazzjoni, il-konċentrazzjoni u t-tnaqqis ta’ servizzi tal-isptar, il-ġestjoni konġunta u t-tħaddim konġunt tal-isptarijiet. Il-Portugall għandu jiżgura l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fuq għadd ta’ snin għar-riorganizzazzjoni tal-isptarijiet;

    (e) Wara l-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi Nru 6/2006 dwar kirjiet urbani ġodda u d-digriet leġiżlattiv li jissimplifika l-proċedura amministrattiva għar-rinnovazzjoni, il-Portugall għandu jwettaq analiżi komprensiva tal-funzjonament tas-suq tad-djar;

    (f) Il-Portugall għandu jiżviluppa sistema mifruxa mal-pajjiż kollu ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet li tippermetti distribuzzjoni aktar ekwa tal-benefiċċji u l-ispejjeż fl-eżekuzzjoni tal-ippjanar urban;

    (g) Filwaqt li jirrispetta s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas-26 ta’ Settembru 2013, il-Portugall għandu joħloq u jimplimenta għażliet alternattivi ta’ riforma tas-suq tax-xogħol b’effetti simili għal dawk li kienu ddikjarati mhux kostituzzjonali f’dik is-sentenza;

    (h) Il-Portugall għandu jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perjodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol;

    (i) Il-Portugall għandu jkompli jtejjeb l-effettività tal-politiki attivi tiegħu għas-suq tax-xogħol f’konformità mar-riżultati tar-rapport ta’ valutazzjoni u tal-pjan ta’ azzjoni biex jittejjeb il-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi;

    (j) Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjanijiet ta’ azzjoni tiegħu biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali u t-taħriġ, b’mod partikolari l-Gvern għandu jippreżenta pjanijiet biex il-qafas ta’ finanzjament tal-iskejjel ikun aktar effettiv u l-iskejjel professjonali ta’ referenza għandhom ikunu stabbiliti;

    (k) Il-Portugall għandu jlesti l-adozzjoni tal-emendi settorjali pendenti meħtieġa sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

    (l) Il-Gvern għandu jissottometti lill-Parlament Portugiż l-istatuti emendati tal-korpi professjonali;

    (m) Il-Portugall għandu japprova l-emendi korrispondenti għal-liġijiet amministrattivi tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali;

    (n) Il-Portugall għandu jippubblika rapporti kull tliet xhur dwar ir-rati ta’ rkupru; it-tul ta’ żmien u l-ispejjeż għall-kawżi korporattivi ta’ insolvenza; it-tul ta’ żmien u l-ispejjeż għall-kawżi dwar it-taxxa u dwar ir-rata tal-ikklirjar tal-kawżi tal-qorti tal-infurzar;

    (o) Il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent kummerċjali billi jlesti r-riformi pendenti dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv il-proġetti ta’ Punt ta’ Kuntatt Uniku previsti fid-Direttiva 2006/123/KE u ta’ “Bla Ħtieġa ta’ Awtorizzazzjoni” operazzjonali b’mod sħiħ u billi jwettaq simplifikazzjoni ulterjuri ta’ proċeduri, regolamenti u piżijiet ammnistrattivi oħra eżistenti ta’ ħruġ ta’ liċenzji fl-ekonomija li huma ostaklu kbir għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi;

    (p) Il-Portugall għandu jlesti r-riforma tas-sistema ta’ governanza tal-portijiet, inkluża r-reviżjoni totali tal-konċessjonijiet tal-operat portwali;

    (q) Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-setturi tal-posta u tat-telekomunikazzjoni;

    (r) Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport;

    (s) Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri li jeliminaw id-dejn tariffarju tal-enerġija;

    (t) Il-Portugall għandu jiżgura li l-qafas PPP legali u istituzzjonali l-ġdid huwa applikat u li l-kuntratti PPP tat-toroq ikomplu jiġu negozjati mill-ġdid bi qbil mal-pjan strateġiku ippreżentat mill-Gvern u mar-reviżjoni tal-qafas regolatorju, sabiex jinkisbu gwadanji fiskali sostanzjali, partikolarment fl-2013;

    (u) Il-Portugall għandu jkompli jiffoka fuq miżuri biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u biex tissaħħaħ il-konformità tal-kontribwenti.

    ▼M11

    8.  Il-Portugall jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2014, f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta' Qbil:

    (a) Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika m'għandux jaqbeż l-4 % tal-PDG fl-2014 u l-akkumulazzjoni ta' arretrati ġodda għandha titwaqqaf. Għall-kalkolu tal-mira tad-defiċit, ma jiġux ikkunsidrati l-kostijiet baġitarji possibbli tal-miżuri ta' sostenn tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern. Biex jintlaħaq dan l-għan il-Portugall jieħu miżuri ta' konsolidazzjoni li jammontaw għal 2,3 % tal-PDG kif definit fil-Liġi tal-Baġit tal-2014 u fil-leġiżlazzjoni ta' sostenn adottata b'dan l-għan;

    (b) biex ikun hemm kontroll fuq infiq żejjed potenzjali, il-Gvern għandu jimmonitorja mill-qrib ir-rispett tal-limiti ta' nefqa Ministerjali permezz ta' rappurtar ta' kull xahar lill-Kunsill tal-Ministri;

    (c) il-Portugall fi żmien qasir jiddefinixxi u jimplimenta l-bidliet previsti fil-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà tal-pensjonijiet tas-superstiti kif ukoll jabbozza l-liġi qafas li tirregola l-kundizzjonijiet tal-bejgħ ta' liċenzji tal-logħob tal-azzard onlajn sa tmiem Marzu. Barra minn hekk, il-Portugall għandu jieħu passi deċiżivi biex jimplimenta l-bejgħ ta' xi konċessjonijiet fil-portijiet;

    (d) ir-riforma komprensiva tat-taxxa fuq id-dħul korporattiva tiġi implimentata fil-pakkett baġitarju eżistenti biex tkun tirrispetta l-miri ta' konsolidazzjoni fiskali;

    (e) ir-regola ta' standstill rigward in-nefqia fuq it-taxxa fuq livell ċentrali, reġjonali jew lokali tinżamm. Sforzi kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi għal diversi tipi ta' taxxi jkomplu jissaħħu, fost l-oħrajn permezz tal-monitoraġġ tas-sistema tal-fatturar elettroniku. Sat-tnax-il rieżami għandu jsir studju dwar l-ekonomija klandestina fis-suq tad-djar bil-ħsieb li jfittex modi biex titnaqqaas l-evażjoni tat-taxxa mill-kiri;

    (f) jekk jimmaterjalizzaw riskji legali jew riskji ta' eżekuzzjoni baġitarja negattivi, il-Portugall jimplimenta miżuri kumpensatorji ta' kwalità għolja sabiex tintlaħaq il-mira tad-defiċit;

    (g) Il-gvern għandu jispeċifika l-miżuri neċessarji biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit fiskali ta' mhux aktar minn 2,5 % tal-PDG fl-2015. Pjanijiet dettaljati għandhom jiġu riflessi fid-Dokument ta' Strateġija Fiskali tal-2014 li għandu jkun ippubblikat sal-aħħar ta' April 2014, li għandhom ukoll jispeċifikaw limiti massimi dettaljati tan-nefqa mill-ministeri rilevanti. Sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-qafas baġitarju tal-Unjoni, dak id-dokument ikun jipprovdi wkoll dettalji tal-pjani finanzjarji fit-terminu medju;

    (h) l-istrateġija ta' konsolidament tal-2015 għandha tintrifed fost l-oħrajn, mill-miri li ġejjin:

    (i) il-Gvern għandu jiviluppa skala unika tal-pagi matul l-2014 bil-ħsieb li jimplimentaha fl-2015 u tkun immirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni u l-konsistenza tal-politika ta' rimunerazzjoni madwar il-karrieri kollha tas-settur pubbliku;

    (ii) l-iskala unika tas-supplimenti tal-pagi li hi mistenija li tiġi implimentata fl-2014, għandu jkollha l-ewwel impatt fiskali sħiħ fl-2015;

    (iii) għandhom isiru miżuri komprensivi ġodda bħala pari mir-riforma li għaddejja tal-pensjonijiet, bil-mira li ttejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet. Il-Kumitat dwar ir-riforma tal-pensjonijiet li nħatar reċentement għandu jiżviluppa dettalji speċifiċi tar-riforma. Ir-riforma għandha tinkludi aktar miżuri għal żmien qasir li torbot l-intitolamenti tal-pensjoni ma' kriterji demografiċi u ekonomiċi filwaqt li tirrispetta wkoll il-prinċipji ta' progressività, skont sentenza tal-qorti kostituzzjonali dwar il-konverġenza tas-sistema tal-pensjoni tal-ħaddiema tas-settur pubbliku (CGA) mas-sistema ġenerali tal-pensjonijiet. It-tfassil speċifiku ta' din ir-riforma għandu jiġi ppreżentat sat-tnax-il rieżami b'abbozz ta' liġi li għandha titressqa quddiem il-Parlament fl-ewwel nofs tas-sena. Aktar passi li jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjoni għandhom ikunu speċifikati. Barra minn hekk, il-Gvern għandu jiżgura li l-età tal-irtirar li żdiedet dan l-aħħar tapplika effettivament għall-pensjonanti CGA matul l-2014; u

    (iv) miżuri oħra biex tintlaħaq il-mira ta' 2,5 % tal-PDG għandhom jiġu ddefiniti qabel nofs April;

    (i) l-istrateġija fiskali ta' terminu medju għandha tibni fuq riformi ulterjuri li huma, inter alia, deskritti fil-proposta għar-riforma tal-Istat. Dawn ir-riformi għandhom jimmiraw sabiex itejbu l-effiċjenza tas-settur pubbliku u l-kwalità tas-servizzi tiegħu. Billi jibni fuq l-ewwel ċiklu ta' konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali, il-progress ta' din l-aġenda jiġi diskuss fit-tnax-il rieżami;

    (j) Il-Portugall għandu jippubblika r-rapport dwar in-nefqa fuq it-taxxa bħala parti mill-baġit tal-2014 li jkopri l-amministrazzjonijiet ċentrali, reġjonali u lokali;

    (k) Il-Portugall għandu jistabbilixxi funzjoni ta' kontabilità fil-Ministeru tal-Finanzi biex ittejjeb il-Kontabilità għas-Settur Pubbliku u l-qafas tar-rappurtar sal-aħħar ta' Ġunju 2014. Bħala parti mill-kompiti tagħha, hija għandha tiżgura l-kontabilità xierqa għal dħul, spejjeż, assi u obbligazzjonijiet relatati mal-kontijiet bankarji, id-dejn u PPPs;

    (l) il-Liġi dwar il-Kontroll tal-Impenji għandha tiġi nfurzata bis-sħiħ fl-entitajiet pubbliċi kollha biex jipprevjenu l-ħolqien ta' arretrati ġodda;

    (m) il-Portugall jieħu miżuri addizzjonali sabiex ikompli jsaħħaħ is-sistema tiegħu ta' ġestjoni finanzjarja pubblika. Il-Portugall jagħmel rieżami tal-Liġi Qafas tal-Baġit biex jittrasponi b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni sal-aħħar ta' Marzu. Barra minn hekk, il-Portugall għandu jwettaq reviżjoni aktar komprensiva tal-Liġi Qafas tal-Baġit biex inaqqas il-frammentazzjoni baġitarja billi jillimita n-numru ta' entitajiet tal-baġit u jirrevedi l-klassifikazzjoni ta' d-dħul proprju; jissimplifika l-istruttura tal-approprjazzjoni tal-baġit; Isaħħaħ l-akkontabilità; u jankra ulterjorment il-finanzi pubbliċi f'qafas għat-terminu medju ta' żmien. L-aspetti ewlenin u l-istruttura tal-liġi ġdida għandhom jiġu żviluppati sal-aħħar ta' April tal-2014. Il-Portugall jiżgura li l-miżuri biex jimplimentaw il-qafas baġitarju l-ġdid fil-livell tal-gvern ċentrali jiġu applikati wkoll fil-livell reġjonali u dak lokali;

    (n) il-Portugall jimplimenta bis-sħiħ il-qafas ġuridiku u istituzzjonali l-ġdid tal-PPPs. Negozjati mill-ġdid tal-PPPs jipproċedu f'diversi setturi sabiex ikunu jinkludu l-impatt baġitarju tagħhom. Ir-rappurtar annwali dwar il-PPPs għandu jipprovdi valutazzjoni komprensiva tar-riskji fiskali li ġejjin mill-PPPs u l-konċessjonijiet fiż-żmein għal valutazzjoni ta' riskji fiskali tal-baġit. Wara l-Liġi Qafas il-ġdida tal-SOEs u skont ir-rwol imsaħħaħ ta' azzjonist tal-Ministeru tal-Finanzi, Unità Teknika għall-monitoraġġ tal-SOEs għandha tingaġġa aktar persunal. Il-Gvern ikompli l-programm komprensiv tiegħu ta' ristrutturar tal-SOEs, bil-għan li jżomm u jsaħħaħ bilanċ operazzjonali sostenibbli. Il-Gvern ikompli bil-privatizzazzjonijiet li diġà qed jitħejjew;

    (o) il-Portugall ikompli bl-aġenda ta' riforma lejn amministrazzjoni fiskali moderna u aktar effiċjenti f'konformità mal-aħjar prattiki. Sa Marzu tal-2014 il-Portugall għandu jħabbar il-lista ta' 50 % tal-uffiċċji lokali tat-taxxa li għandhim jingħalqu sa Mejju 2014. In-numru ta' riżorsi ddedikati għall-awditjar fl-amministrazzjoni tat-taxxa jiżdied b'mill-inqas 30 % tal-persunal totali sat-tnax-il rieżami. Għandu jinħoloq Dipartiment ġdid tas-Servizzi tal-Kontribwenti, fi ħdan l-amministrazzjoni tat-taxxa. L-Unità tal-Ġestjoni tar-Riskju tkun kompletament operazzjonali fl-ewwel kwart tal-2014, u inizjalment tiffoka fuq proġetti mmirati biex titjieb il-konformità ta' professjonisti li jaħdmu għal rashom u individwi b'ġid nett għoli. Is-sitwazzjoni rigward il-konformità mat-taxxa tiġi mmonitorjata kontinwament; Il-qafas ġuridiku u regolatorju kontra l-ħasil tal-flus għandu jissaħħaħ biex jindirizza b'mod aktar effettiv il-ħasil tal-flus u r-reati relatati, inklużi reati ta' taxxa;

    (p) il-Portugall jippreżenta rapport bl-għanijiet li ġejjin:

    (i) jidentifika l-irduppjar tas-servizzi u l-ġuriżdizzjonijiet u sorsi oħra ta' ineffiċjenzi bejn il-livelli ċentrali u dawk lokali tal-Gvern; u

    (ii) jirriorganizza mill-ġdid in-netwerk ta' servizzi deċentralizzati tal-Ministeri prinċipalment permezz tan-netwerk Lojas do Cidadão (punti singoli ta' kuntatt tal-amministrazzjoni u l-utilitajiet) u approċċi oħra, li tinkludi żoni ġeografiċi aktar effiċjenti u tintensifika l-użu tas-serivizzi kondiviżi u l-gvern diġitali;

    (q) Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-strateġija ta' servizzi komuni fl-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari dwar il-ġesjoni tar-riżorsi umani u dwar teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

    (r) Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta riformi fil-ġestjoni tar-riżorsi umani fl-amministrazzjoni pubblika. Fuq il-bażi ta' stħarriġ u rapport dwar supplimenti mal-paga, għandu jiġi ppreżentat abbozz ta' leġiżlazzjoni għal skala unika tas-supplimenti tal-pagi sat-tnax-il rieżami bil-għan li jiġi implimentat sa Ġunju 2014. Il-Liġi l-ġdida tax-Xogħol tal-Amministrazzjoni Pubblika, li tissimplifika u tiġbor ir-regoli eżistenti u tas-settur pubbliku skont l-istruttura tal-Kodiċi tax-Xogħol privati, għandha tkun approvata mill-Parlament sa Marzu tal-2014;

    (s) il-Portugall jiżgura effiċjenza u effikaċja fis-sistema tal-kura tas-saħħa billi jkompli jagħmel użu razzjonali tas-servizzi u jikkontrolla l-infiq, inkluż l-infiq pubbliku fuq il-farmaċewtiċi u l-kura fl-isptarijiet u jelimina l-arretrati;

    (t) il-Portugall ikompli bir-riorganizzazzjoni kontinwa u r-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet permezz tal-ispeċjalizzazzjoni, il-konċentrazzjoni u ridistribuzzjoni tas-servizzi tal-isptar, u jiżgura l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni fuq għadd ta' snin għar-riorganizzazzjoni tal-isptarijiet;

    (u) il-Portugall għandu jkompli jwettaq riformi biex jiġu indirizzati l-livelli għolja tas-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol;

    (v) il-Portugall jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta' trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perjodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol;

    (w) il-Portugall għandu jkompli jiżgura l-effikaċja tal-politiki attivi tiegħu għas-suq tax-xogħol f'konformità mar-riżultati tar-rapport ta' valutazzjoni u tal-pjan ta' azzjoni biex jittejjeb il-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi;

    (x) il-Portugall ikompli jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjani ta' azzjoni tiegħu biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ sekondarji u vokazzjonali u jżid l-involviment tan-negozju fis-sistema tat-taħriġ vokazzjonali u edukattiv;

    (y) il-Portugall jimplimenta pjan biex tinħoloq kumpanija operatriċi indipendenti tal-loġistika tal-gass u tal-elettriku;

    (z) il-Portugall jimplimenta miżuri adegwati biex jelimina d-dejn tat-tariffa tal-enerġija u biex jiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema nazzjonali tal-elettriku;

    (aa) il-Portugall jadotta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport; il-pjan strateġiku għat-trasport għall-2011-2015 se jiġi implimentat b'mod sħiħ, inklużi azzjonijiet ta' terminu twil li jiżguraw l-effiċjenza u s-sostenibbiltà;

    (bb) il-Portugall ikompli jimplimenta t-traspożizzjoni tal-Pakketti Ferrovjarji tal-UE;

    (cc) Il-Portgal ikompli bit-titjib tas-sistema ta' governanza għall-portijiet, ir-regolamentazzjoni u l-operazzjoni ekonomika tagħha;

    (dd) Il-Portugall ikompli jelimina l-ostakoli għad-dħul, itaffi r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni eżistenti u jnaqqas il-piż amministrattiv fis-settur tas-servizzi;

    (ee) il-Portugall għandu jlesti l-adozzjoni tal-liġijiet dwar il-kostruzzjoni u l-emendi settorjali l-oħra pendenti meħtieġa sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE u jibgħathom il-Parlament fejn meħtieġ;

    (ff) il-Gvern jissottometti lill-Parlament l-istatuti emendati tal-korpi professjonali;

    (gg) il-Portugall għandu jtejjeb l-ambjent kummerċjali billi jlesti ir-riformi pendenti dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv, b'mod partikolari billi jagħmel il-Punti ta' Kuntatt Uniċi kompletament operazzjoanli biex jiżgura l-konformità mad-Direttiva 2006/123/KE u mad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u billi jwettaq simplifikazzjoni ulterjuri ta' proċeduri, regolamenti u piżijiet ammnistrattivi oħra eżistenti ta' ħruġ ta' liċenzji fl-ekonomija li huma ostaklu kbir għall-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi;

    (hh) wara l-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi Nru 6/2006 dwar lokazzjonijiet urbani ġodda u d-digriet leġiżlattiv li jissimplifika l-proċedura amministrattiva għar-rinnovazzjoni, il-Portugall iwettaq analiżi komprensiva tal-funzjonament tas-suq tad-djar;

    (ii) il-gvern għandu japprova l-emendi korrispondenti tal-liġi amministrattiva mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u għandu jiżgura l-funzjonament effettiv tal-mudell ta' finanzjament tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni;

    (jj) il-Portugall jivvaluta l-impatt tar-reġim fakultattiv tal-kontabbiltà tal-VAT bbażat fuq il-kontijiet tal-karta bilanċjali;

    (kk) Il-Portugall għandu jkompli jimplimenta l-programm komprensiv li jittratta l-proċeduri ta' liċenzjar eċċessiv, ir-regolamenti u piżijiet amministrattivi oħra fl-ekonomija.

    9.  Bil-għan li tiġi restawrata l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jimmira li jżomm livell adegwat ta' kapital fis-settur bankarju tiegħu u jiżgura proċess ta' diżingranaġġ b'mod ordinat f'konformità mal-iskadenzi stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil. F'dak ir-rigward, il-Portugall jimplimenta l-istrateġija għas-settur bankarju Portugiż kif miftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI biex tiġi mħarsal-istabbiltà finanzjarja. B'mod partikolari, il-Portugall għandu:

    (a) jiżgura li l-bafers kapitali tal-banek jibqgħu adegwati u jsegwu r-regoli ġodda dwar il-kapital kif stabbilit fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

    (b) jagħti pariri lill-banek tiegħu biex issaħħu l-bafers kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli;

    (c) jibqa' impenjat li jipprovdi aktar appoġġ għas-sistema bankarja, jekk meħtieġ, bl-inkoraġġiment tal-banek biex ifittxu soluzzjonijiet privati filwaqt li r-riżorsi mill-Faċilità ta' Appoġġ għas-Solvenza tal-Banek ikunu disponibbli skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat biex jagħtu aktar appoġġ lil banek li huma vijabbli, soġġett għal kundizzjonalità stretta;

    (d) jiżgura diżingranaġġ ibbilanċjat u ordinat tas-settur bankarju, li hu importanti fl-eliminazzjoni b'mod permanenti tal-iżbilanċi ta' finanzjament, u li jnaqqas id-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosistema fuq terminu medju. Il-finanzjament tal-banek u tal-kapital jiġu rieżaminati kull tliet xhur;

    (e) ikompli jsaħħaħ l-organizzazzjoni superviżorja tal-Banco de Portugal, jottimizza l-proċessi superviżorji tiegħu u jiżviluppa u jimplimenta metodoloġiji u għodod superviżorji ġodda. Il-Banco de Portugal se jirrevedi l-istandards fuq self li ma jrendix sabiex tinkiseb konverġenza mal-kriterji inklużi fl-istandard tekniku rilevanti tal-Awtorità Bankarja Ewropea f'konformità mal-qafas ta' żmien stabbilit fil-livell tal-Unjoni;

    (f) ikompli jimmonitorja fuq bażi trimestrali l-ħtiġijiet potenzjali ta' kapital tal-banek b'approċċ li jħares 'il quddiem f'kundizzjonijiet ta' stress inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-qafas ta' ttestjar tal-istress minn fuq għal isfel fil-proċess ta' assigurazzjoni tal-kwalità, li jippermetti għal rieżami tal-muturi ewlenin tar-riżultati;

    (g) ikompli jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma fil-pjanijiet ta' ristrutturar tal-banek li rċevew appoġġ kapitali pubbliku;

    (h) jiżgura d-disponiment f'waqtu tas-sussidjarji u l-assi fit-tliet vejikoli bi skop speċjali kollha proprjetà tal-Istat inkluż permezz taż-żewġ fornituri tas-servizzi magħżula;

    (i) janalizza l-pjani ta' rkupru tal-banek u joħroġ linji gwida għas-sistema fuq il-pjani ta' rkupru f'konformità mal-istandards tekniċi rilevanti tal-Awtorità Bankarja Ewropea u l-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, u jħejji pjani ta' riżoluzzjoni fuq il-bażi tar-rapporti sottomessi mill-banek;

    (j) jipprepara rapporti trimestrali dwar l-implimentazzjoni tal-għodod ġodda tar-ristrutturar; ikompli jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-qafas biex l-istituzzjonijiet finanzjarji jimpenjaw ruħhom f'ristrutturar tad-dejn tal-unitajiet domestiċi barra mill-qorti u jiffaċilita l-applikazzjoni tal-qafas għar-ristrutturar tad-dejn korporattiv. Jipprepara, f'konsultazzjoni mal-Banco de Portugal, pjan strateġiku li għandu l-għan li jindirizza dejn korporattiv eċċessiv uli jappoġġa r-riallokazzjoni kapitali għas-setturi produttivi tal-ekonomija, filwaqt li jippromwovi l-istabbilità finanzjarja;

    (k) ikompli l-monitoraġġ ta' dejn għoli fis-setturi korporattivi u domestiċi permezz ta' rapporti trimestrali tal-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid għar-ristrutturar tad-dejn sabiex jiżgura li qed jaħdem bl-aktar mod effettiv possibbli;

    (l) jinkoraġġixxi, fuq il-bażi tal-proposti li saru diġà, id-diversifikazzjoni ta' alternattivi ta' finanzjament ippreżentati lis-settur korporattiv, jiżviluppa u jimplimenta soluzzjonijiet li jipprovdu alternattivi ta' finanzjament għall-kreditu bankarju tradizzjonali permezz ta' firxa ta' miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali;

    (m) ikompli jevalwa l-impatt tat-titjib tal-istrumenti ta' kreditu ggarantiti mill-gvern fuq ir-rati reali tal-imgħax; ikun lest biex isegwi alternattivi ta' politika jekk ikun hemm bżonn, sabiex jiġi żgurat li s-self iggarantit mill-gvern ikun pprezzat b'mod kompetittiv u trasparenti favur l-utenti finali. jirrapporta regolarment dwar il-progress;

    (n) jistabbilixxi istituzzjoni finanzjarja għall-iżvilupp (DFI) bl-għan li tiġi ssimplifikata u ċċentralizzata l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji appoġġjati mill-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Id-DFI ma għandhiex taċċetta depożiti jew fondi oħra li jitħallsu lura mingħand il-pubbliku, la tkun involuta f'self dirett, u lanqas ma tista' tinvesti fid-dejn tal-gvern jew tagħti self lill-Gvern. L-abbozz ta' mudell ta' negozju tad-DFI u ordinamenti għandhom jiġu mfassla biex jiġi evitat kwalunkwe piż addizzjonali fuq il-finanzi pubbliċi jew riski għalihom.

    ▼M6

    10.  Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-kundizzjonalità tal-Programm, u sabiex tgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi b’mod sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali, kif ukoll dawk tas-suq finanzjarju u strutturali. Fi ħdan il-qafas tal-assistenza li għandha tingħata lill-Portugall, flimkien mal-FMI u b'koordinazzjoni mal-BĊE, il-Kummissjoni għandha tanalizza b’mod perjodiku l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri miftiehma, u għandhom jiġu rrakkomandati l-korrezzjonijiet meħtieġa bil-għan li jissaħħaħ it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi żgurata l-konsolidazzjoni fiskali meħtieġa u jiġu minimizzati l-impatti soċjali negattivi, b’mod partikolari fuq l-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà Portugiża.

    ▼B

    Artikolu 4

    Il-Portugall għandu jiftaħ kont speċjali mal-Bank tal-Portugall għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



    ( 1 ) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    ( 2 ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    ( 3 ) Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

    ( 4 ) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    Top