Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02002R1606-20080410

    Consolidated text: Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1606/2008-04-10

    2002R1606 — MT — 10.04.2008 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1606/2002 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-19 ta' Lulju 2002

    rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità

    (ĠU L 243, 11.9.2002, p.1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    REGOLAMENT (KE) Nru 297/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Marzu 2008

      L 97

    62

    9.4.2008




    ▼B

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1606/2002 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-19 ta' Lulju 2002

    rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità



    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u partikolarment l-Artikolu 95(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 enfasizza l-ħtieġa biex jitħaffef it-twettieq tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji, stabbilixxa l-limitu ta' żmien ta' l-2005 biex jimplementa l-Pjan ta' Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji tal-Kummissjoni u ħeġġeġ li jittieħdu passi ħalli tittejjeb il-komparabbilità tal-prospetti finanzjarji imħejjija mill-kumpanniji nnegozjati pubblikament.

    (2)

    Sabiex jikkontribwixxu għal funzjonament aħjar tas-suq intern, kumpanniji nnegozjati pubblikament għandhom ikunu meħtieġa li japplikaw sett wieħed ta' standards internazzjoni ta' kwalità għolja għat-tħejjija tal-prospetti finanzjarji kkonsolidati tagħhom. Aktar minn hekk, huwa mportanti li l-istandards tar-rappurtaġġ finanzjarju applikati mill-kumpanniji tal-Komunità li jipparteċipaw fis-swieq finanzjarji jkunu aċċettati internazzjonalment u li tassew ikunu standards globali. Din timplika żieda ta' konverġenza ta' l-istandards tal-kontabilità preżentament użati internazzjonalment bl-objettiv aħħari li jintlaħaq sett wieħed ta' standards globali tal-kontabilità.

    (3)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji ( 4 ), id-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 dwar il-kontijiet konsolidati ( 5 ), id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra ( 6 ) u d-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati tal-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni ( 7 ), huma wkoll indirizzati lejn il-kumpanniji nnegozjati pubblikament. Il-ħtieġiet dwar ir-rapportaġġ stabbiliti f'dawn id-Direttivi ma jistgħux jassiguraw il-livell għoli ta' trasparenza u komparabbilità tar-rapportaġġ finanzjarju mill-kumpanniji kollha tal-Komunità nnegozjati pubblikament li hija kondizzjoni meħtieġa għall-bini ta' suq tal-kapital integrat li jopera effettivament, mingħajr xkiel u b'effiċċjenza. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun issupplementat il-qafas legali applikabbli għall-kumpanniji negozjati pubblikament.

    (4)

    Dan ir-Regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-funzjonament effeċjenti u l-effettiv fil-ġestjoni u fl-ispejjeż tas-suq tal-kapital. Il-protezzjoni ta' l-investituri u ż-żamma tal-fiduċja fis-swieq finanzjarji huwa wkoll aspett importanti għat-twettieq tas-suq intern f'dan il-qasam. Dan ir-Regolament isaħħaħ il-libertà tal-moviment tal-kapital fis-suq intern u jgħin biex jiffaċilita lill-kumpanniji tal-Komunità biex jikkompetu fuq bażi ugwali għar-riżorsi finanzjarji disponibbli fis-swieq tal-kapital tal-Komunità, kif ukoll fis-swieq tal-kapital tad-dinja.

    (5)

    Huwa mportanti li l-kompettittività tas-swieq tal-kapital tal-Komunità jakkwistaw konverġenza ta' l-istandards użati fl-Ewropa għat-tħejjija tal-prospetti finanzjarji, bi standards internazzjonali tal-kontabilità li jkunu jistgħu jintużaw globalment, għal trasazzjonijiet transkonfini jew biex ikunu inklużi fil-boroż fi kwalunkwe post fid-dinja.

    (6)

    Fit-13 ta' Ġunju 2000, il-Kummissjoni ppublikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar “Strateġija għar-Rapurtaġġ Finanzjarju tal-UE: it-triq” il quddiem' li fiha kien ġie propost li l-kumpanniji kollha nnegozjati pubblikament tal-Komunità iħejju l-prospetti finanzjarji kkonsolidati tagħhom skond sett wieħed ta' standards tal-kontabilità, jiġifieri l-International Accounting Standards (IAS) (Standards Internazzjoni tal-Kontabilità), l-aktar tard sal-2005.

    (7)

    International Accounting Standards (IAS) huma żvilupati mill-International Accounting Standards Committee (IASC) (Kumitat Internazzjonali ta' Standards għall-Kontabilità) li l-iskop tiegħu huwa li jiżviluppa sett wieħed ta' standards gobali tal-kontabilità. B'segwiment tar-ristrutturar tal-IASC, il-Board il-ġdid fil-1 ta' April 2001, bħala waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tiegħu, ta isem ġdid lill-IASC li huwa Il-International Accounting Standards Board (IASB), (Il-Board Internazzjonali ta' Standards għall-Kontabilità) u, f'dak li jikkonċerna l-futur ta' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità, ta isem ġdid lil-IAS bħala International Financial Reporting Standards (IFRS), (Standards Internazzjonali ta' Rapportaġġ Finanzjarju). Dawn l-istandards għandhom, kull meta jkun possibbli, u basta li dawn jassiguraw grad għoli ta' trasparenza u komparabbilità għal rapportaġġ finanzjarju fil-Komunità, isiru obligatorji għall-użu mill-kumpanniji tal-Komunità li huma nnegozjati pubblikament.

    (8)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għal-eżerċitar tal-poteri ta' implementazzjoni mogħtija lil-Kummissjoni ( 8 ) u billi tkun meqjusa kif xieraq id-dikjarazzjoni magħmulha mill-Kummissjoni fil-Parlament Ewropew fil-5 ta' Frar 2001 li tikkonċerna l-implementazzjoni tal-leġislazzjoni tas-servizzi finanazjarji.

    (9)

    Biex tadotta standard internazzjonali tal-kontabilità għall-applikazzjoni fil-Komunità, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li dan jilħaq il-ħtieġa bażika tad-Direttivi tal-Kunsill imsemmija qabel, jiġifieri li l-applikazzjoni tiegħu tirriżulta fil-wiri tal-pożizzjoni finanzjarja u l-prestazzjoni ta' impriża vera u ġusta – dan il-prinċipju jkun meqjus fid-dawl ta' l-imsemmija Direttivi tal-Kunsill mingħajr ma jimplika konformità stretta ma kull waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dawk id-Direttivi; it-tieni nett li, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000, huwa konduttiv għall-ġid publiku Ewropew u, fl-aħħar nett, li tilħaq il-kriterji bażiċi rigward il-kwalità ta' l-informazzjoni meħtieġa għall-prospetti finanzjarji biex ikunu utili għall-utenti.

    (10)

    Kumitat tekniku tal-kontabilità għandu jipprovdi sostenn u l-esperjenza lill-Kummissjoni fl-assesjar ta' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

    (11)

    Il-mekkaniżmu tal-konferma għandu jaġixxi b'ħeffa dwar standards internazzjonali tal-kontabilità kif proposti u wkoll ikun il-meżż biex jistudja, jirrefletti u jgħamel skambju ta' l-informazzjoni dwar standards internazzjonali tal-kontabilità fost il-partijiet ewlenija kkonċernati, partikolarment dawk li jistabbilixxu l-istandards nazzjonali tal-kontabilità, il-kontrolluri fl-oqsma tat-titoli, il-banek u l-assigurazzjoni, il-banek ċentrali, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew, il-professjoni tal-kontabilità u l-utenti u dawk li jippreparaw il-kontabilità. Il-mekkaniżmu għandu jkun mezz biex jinkoraġġixxi l-interpretazzjoni komuni ta' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità kif adottati fil-Komunità.

    (12)

    Bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'dan ir-Regolament, billi jeħtieġu li sett wieħed ta' standards internazzjonali tal-kontabilità ikun applikat għall-kumpanniji nnegozjati pubblikament, huma meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv li jikkontribwixxi għal-funzjonament effiċjenti u effettiv fil-ġestjoni u fl-ispejjeż tas-swieq tal-kapital tal-Komunità u b'hekk mat-twettieq tas-suq intern.

    (13)

    Bi qbil ma' l-istess prinċipju, huwa meħtieġ, f'dak li jirrigwardja l-kontijiet annwali, li titħalla lill-Istati Membri l-għażla li jippermettu jew li jeħtieġu lill-kumpanniji innegozjati pubblikament li jëjjuhom b'konformità ma' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita f'dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jestendu dan il-permess jew din il-ħtieġa lill-kumpanniji oħrajn f'dak li jirrigwardja t-tħejjija tal-kontijiet konsolidati tagħhom u/jew il-kontijiet annwali tagħhom.

    (14)

    Sabiex tiffaċilita l-iskambju ta' fehmiet u biex tippermetti lill-Istati Membri li jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni għandha perjodikament tinforma lil-Kumitat regolatorju tal-kontabilità dwar il-proġetti attivi, il-dokumenti għad-diskussjoni, taċċenna l-qafas u l-abbozzi kif ippreżentati, maħruġa mill-IASB u rigward ix-xogħol tekniku ta' konsegwenza tal-kumitat tekniku tal-kontabilità. Huwa wkoll importanti li l-kumitat regolatorju tal-kontabilità ikun informat fi stadju kmieni jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tipproponhiex li tadotta standard internazzjonali tal-kontabilità.

    (15)

    Fid-deliberazzjonijiet tagħha dwar, u fl-elaborazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħha li għandhom jittieħdu dwar id-dokumenti u l-karti maħruġa mill-IASB fil-proċess ta' l-iżvilupp ta' standard internazzjonali tal-kontabilità (IFRA u SIC-IFRIC), il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' l-importanza li tevita l-iżvantaġġi tal-kompetizzjoni għal-kumpanniji Ewropej li joperaw fis-suq globali, u, sal-limitu tal-massimu possibbli, il-veduti espressi mid-delegazzjonijiet fil-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità. Il-Kummissjoni għandha tkun irrapreżentata fil-korpi kostitwenti tal-IASB.

    (16)

    Reġim xieraq u rigoruż huwa l-qofol tat-tisħiħ tal-fiduċja ta' l-investituri fis-swieq finanzjarji. L-Istati Membri, permezz ta' Artikolu 10 tat-Trattat, huma meħtieġa li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jassiguraw il-konformità ma' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li żżomm kuntatt ma' l-Istati Membri, notevolment permezz tal-Kumitat tar-Regolamenti tat-Titoli Ewropej (CESR), li tiżviluppa approċċ komuni dwar l-infurzar.

    (17)

    Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jitħallew li jiddifferixxu l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet sal-2007 għal dawk il-kumpanniji innegozjati pubblikament kemm fil-Komunità u wkoll f'suq irregolat ta' pajjiżi terzi li diġa japplikaw sett ieħor ta' standards internazzjonalment aċċettati bħala l-bażi primarja għal-kontijiet ikkonsolidati tagħhom kif ukoll għall-kumpanniji li għandhom biss titoli ta' debitu innegozjati publikament. B'dana kollu huwa kruċjali li sal-2007 l-aktar tard, sett wieħed ta' standards internazzjonali tal-kontabilità globali, l-IAS, japplika għall-kumpanniji tal-Komunità li huma negozjati pubblikament f'suq irregolat tal-Komunità.

    (18)

    Sabiex kemm l-Istati Membri u l-kumpanniji jitħallew iwettqu l-adattamenti meħtieġa biex jgħamlu l-applikazzjoni tas-standards internazzjonali tal-kontabilità possibbli, huwa meħtieġ li jkunu applikati ċerti dispożizzjonijiet biss fl-2005. Dispożizzjonijiet xierqa għandhom jiddaħlu għal-applikazzjonijiet ta' l-ewwel darba tal-IAS mill-kumpanniji bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tar-regolament preżenti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu mħejjija f'livel internazzjonali sabiex jassiguraw għarfien internazzjonali tas-soluzzjonijiet adottati,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT



    Artikolu 1

    Għan

    Dan ir-Regolament għandu bħala l-objettiv tiegħu l-adozzjoni u l-użu ta' standards internazzjonali tal-kontabilità fil-Komunità bil-għan li jarmonizza l-informazzjoni finanzjarja preżentata mill-kumpanniji riferiti f'Artikolu 4 sabiex jassiguraw livell għoli tat-trasparenza u l-komparabblità ta' prospetti finanzjarji u b'hekk għall-funzjonament effiċjenti tas-suq tal-kapital tal-Komunità u tas-Suq Internazzjonali.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, “standards internazzjonali tal-kontabilità” għandu jfisser International Accounting Standards (IAS) (Standards Internazzjonali tal-Kontabilità), International Financil Reporting Standards (IFRS) (Standards Internazzjonali dwar ir-Raportaġġ Finanzjarju), u l-Interpretazzjonijiet relatati (interpretezzjonijiet SIC-IFRIC), emendi sussegwenti għal dawk l-istandards u l-interpretazzjonijiet relatati, standards futuri u l-interpretazzjonijiet relatati maħruġa jew adottati mill-Board ta' Standards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB).

    Artikolu 3

    Adozzjoni u l-użu ta' standards internazzjonali tal-kontabilità

    ▼M1

    1.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà fil-Komunità ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 6(2).

    ▼B

    2.  L-istandards internazzjonali tal-kontabilità jistgħu jkunu adottati biss jekk:

     dawn ma jkunux kontra l-prinċipju stabbilit f'Artikolu 2(3) tad-Direttiva 78/660/KEE u f'Artikolu 16(3) tad-Direttiva 83/349/KEE u huma konduttivi għall-ġid pubbliku Ewropew, u,

     jilħqu l-kriterja ta' ftehim, relevanza, fiduċja u l-komparabbilità meħtieġa mill-informazzjoni finanzjara kif meħtieġa għat-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u l-assessjar tat-tmexxija ta' l-amministrazzjoni.

    3.  Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni għandha, bi qbil mal-proċedura stabbilita f'Artikolu 6(2), tiddeċiedi dwar l-applikabbilità fi ħdan il-Komunità tas-standards internazzjonali tal-kontabilità li jkunu eżistenti mad-dħul b'efett ta' dan ir-Regolament.

    4.  Standards internazzjonali tal-kontabilità kif adottati għandhom ikunu publikati bis-sħiħ f'kull waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunità, bħala Regolament tal-Kummissjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 4

    Kontijiet konsolidati ta' kumpanniji negozjati pubblikament

    Għall-kull sena finanzjarja li tibda fil, jew wara l-1 ta' Jannar 2005, kumpanniji rregolati bil-liġi ta' Stat Membru għandhom jippreparaw il-kontijiet ikkonsolidati tagħhom b'konformità mal-proċedura stabbilita f'Artikolu 6(2) jekk, fid-data tal-balance sheet tagħhom, it-titoli tagħhom ikunu aċċettati għall-kummerċ f'suq regolat ta' xi Stat Membru fi ħdan it-tifsira ta' Artikolu 1(13) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tad-19 ta' Mejju 1993 dwar is-servizzi ta' l-investiment fil-qasam tat-titoli ( 9 ).

    Artikolu 5

    Għażliet fir-rigward ta' kontijiet annwali u ta' kumpanniji mhux negozjati pubblikament

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jeħtieġu:

    (a) il-kumpanniji riferiti f'Artikolu 4 biex jippreparaw il-kontijiet annwali tagħhom.

    (b) Il-kumpanniji, apparti minn dawk riferiti f'Artikolu 4 biex jippreparaw il-kontijiet konsolidati tagħhom u/jew il-kontijiet annwali tagħhom,

    b'konformità ma' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita f'Artikolu 6(2).

    Artikolu 6

    Proċedura tal-kumitat

    1.  Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn kumitat regolatorju tal-kontabilità, minn hawn “il quddiem riferit bħala” il-Kumitat.

    ▼M1

    2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    ▼M1 —————

    ▼B

    Artikolu 7

    Rapportaġġ u koordinazzjoni

    1.  Il-Kummissioni għandha żżomm kuntatt fuq bażi regolari mal-Kumitat rigward l-istat tal-proġetti attivi tal-IASB u dwar kull dokument relatat maħruġ mill-IASB sabiex tikkoordina l-pożizzjonijiet u biex tiffaċilita d-diskussjonijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni ta' standards li jistgħu jirriżultaw minn dawn il-proġetti u dokumenti.

    2.  Il-Kummissjoni għandha debitament tħejji rapport lill-Kumitat fi żmien xieraq jekk ikollha l-intenzjoni li ma tipproponiex l-adozzjoni ta' xi standard.

    Artikolu 8

    Notifika

    Meta l-Istati Membri jieħdu l-miżuri bis-saħħa ta' Artikolu 5, huma għandhom immedjetament jikkomunikaw dawn lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.

    Artikolu 9

    Dispożizzjonijiet transizzjonali

    Permezz ta' deroga mill-Artikolu 4, l-Istat Membri jistgħu jipprovdu li l-ħtiġiet ta' Artikolu 4 ikunu japplikaw biss għal kull sena finanzjarja li tibda fi jew wara, Jannar 2007, għal dawk il-kumpanniji:

    (a) li t-titoli ta' debitu tagħhom biss huma ammessi fuq suq irregolat ta' xi Stat Membru fil-qofol tat-tifsira ta' Artikolu 1(13) tad-Direttiva 93/22/KEE; jew

    (b) li t-titoli tagħhom huma ammesi għal negozju pubbliku f'xi Stat li mhux membru u li, għal dak l-iskop, kienu jagħmlu użu mill-istandards internazzjonalment aċċettati sa minn sena finanzjarja li tkun bdiet qabel il-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjail tal-Komunitajiet Ewropej.

    Artikolu 10

    Informazzjoni u reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-operat ta' dan ir-Regolament u tirraporta dwaru lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-1 ta' Lulju 2007 l-aktar tard.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



    ( 1 ) ĠU Ċ 154 E, tad-29.5.2001, p. 285.

    ( 2 ) ĠU Ċ 260, tas-17.9.2001, p. 86.

    ( 3 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 202 (Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2002.

    ( 4 ) ĠU L 222, ta' l-14.8.1978, p. 11. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, 2002/65/KE (ĠU L. 283, tas-27.10.2001, p.28).

    ( 5 ) ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, 201/65/KE.

    ( 6 ) ĠU L 372, tal-31.12.1986, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 2001/65/KE.

    ( 7 ) ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 7.

    ( 8 ) ĠU I. 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    ( 9 ) ĠU I. 141, tal-11.6.1993, p. 27. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 2000/64/KE (ĠU I. 290, tas-17.11.2000, p. 27).

    Top