Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02000R1825-20070323

Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1825/2000 tal-25 ta’ Awwissu 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettjar taċ-ċanga u tal-prodotti taċ-ċanga

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/1825/2007-03-23

2000R1825 — MT — 23.03.2007 — 001.002


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1825/2000

tal-25 ta’ Awwissu 2000

li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettjar taċ-ċanga u tal-prodotti taċ-ċanga

(ĠU L 216, 26.8.2000, p.8)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 275/2007 tal-15 ta’ Marzu 2007

  L 76

12

16.3.2007


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 071M, 17.3.2009, p. 572  (275/07)




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1825/2000

tal-25 ta’ Awwissu 2000

li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettjar taċ-ċanga u tal-prodotti taċ-ċanga



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxil-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u ta' prodotti mill-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 ( 1 ), b'mod partikolari l-Artiklu 19 tiegħu.

Billi:

(1)

Regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandhom jiġu stabbiliti, b’mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ bejn Stati Membri, sabiex is-sistema tat-tikkettjar ma twassalx għat-tfixkil tal-kummerċ taċ-ċanga u s-suq tal-vitella.

(2)

Sabiex tassigura t-traċċabilità, huwa neċessarju, fil-kuntest ta’ sistemi kemm obbligatorji kif ukoll volontari tat-tikkettjar taċ-ċanga, li l-operaturi u l-organizazzjonijiet iżommu sistema ta’ identifikazzjoni u sistema ta’ reġistrazzjoni komprensiva għaċ-ċanga, f’kull wieħed mid-diversi stadji tal-produzzjoni u l-bejgħ.

(3)

Sabiex tidentifika l-biċċeriji li għalihom ma jeżisti ebda numru ta’ approvazzjoni, huwa meħtieġ, għal perjodu transitorju, li jiġu stabbiliti metodi alternattivi għal dawn il-biċċeriji.

(4)

Huwa wkoll neċessarju li tiġi definita l-proċedura li trid tiġi stabbilita għat-tikkettjar ta’ laħam taċ-ċanga miksub mill-annimali, li l-informazzjoni sħiħa dwar it-twelid u l-ispustament tagħhom ma kinitx disponibbli minħabba li r-reġistrazzjoni ta’ dik l-informazzjoni saret meħtieġa biss wara l-1 ta’ Jannar ta’ l-1998 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 tal-21 ta’ April 1997 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali tal-fart u fir-rigward tat-tikketjar taċ-ċanga u l-prodotti taċ-ċanga( ( 2 )), Dispożizzjoni simili hi meħtieġa għat-tikkettjar taċ-ċanga li ġejja minn annimali importati ħajjin fil-Komunità minn pajjiżi terzi.

(5)

Fil-kuntest ta’ indikazzjoni sħiħa ta’ l-oriġini, biex jevitaw repetizzjoni mhux neċessarja ta’ l-indikazzjoni fuq it-tikketta ta’ l-Istati Membri jew pajjiżi terzi fejn ikun sar it-tkabbir, huwa neċessarju li tiġi introdotta preżentazzjoni ssimplifikata ibbażata fuq il-ħin li matulu l-annimal li minnu ċ-ċanga kienet miksuba nżamm fl-Istat membru jew fil-pajjiż terz tat-twelid jew tal-qatla..

(6)

Huwa neċessarju li s-sitwazzjoni tiġi ċċarata fir-rigward ta’ l-informazzjoni supplimentarja li tista’ tiġi inkluża fuq tikketti taħt proċeduri ssimplifikati għall-kapuljat taċ-ċanga. Din l-informazzjoni supplementari tista’, taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, tiġi indikata sal-1 ta’ Settembru 2000. Ċerta informazzjoni tista’ tiġi indikata biss sal-1 ta’ Jannar 2002 jekk l-Istati Membri kkonċernati jkunu ħadu deċiżjoni biex tapplika sistema ta’ tikkettjar nazzjonali obbligatorja li tinkludi t-tali informazzjoni jekk l-operatur ikkonċernat jindika l-informazzjoni fuq bażi volontarja.

(7)

Fil-kuntest ta’ sistema ta’ tikkettjar taċ-ċanga volontarja, huwa neċessarju li tipprovdi għal proċedura aċċelerata jew issimplifikata għal ċertu qtugħ ta’ ċanga ittikkettjati fi Stat Membru skond speċifikazzjoni approvata u introdotta fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

(8)

Bil-ħsieb li tiggarantixxi l-affidabbiltà ta’ l-ispeċifikazzjoni, huwa neċessarju għall-entità indipendenti u għall-awtorità kompetenti li jkollhom aċċess għar-rekords kollha miżmuma mill-operaturi u mill-organzzazzjonijiet u li jwettqu kontroll fuq il-post fuq bażi ta’ analiżi tar-riskju.

(9)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet meta l-produzzjoni taċ-ċanga sseħħ, b’mod sħiħ jew in parti, f’pajjiż terz. Ikun approprjat jekk jiġu stabbiliti regoli ddettaljati implimentattivi għall-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ l-importazzjoni taċ-ċanga minn pajjiżi terzi.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-arranġamenti tat-tikkettjar li għandhom x’jaqsmu ma’ ċanga importata ta’ affidabbiltà ekwivalenti għal dawk applikabbli għaċ-ċanga tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifiki li jaslu minn pajjiżi terzi. In-notifiki sħaħ għandhom jiġu trasmessi lill-Istati Membri meta l-Kummissoni tasal għall-konklużjoni li l-proċeduri u/jew l-kriterji applikati fil-pajjiż terz konċernat hi ekwivalenti għall-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

(11)

Sabiex tiggarantixxi l-affidabbiltà tas-sistema tat-tikketjar fil-pajjiżi terzi l-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali u għandha tieħu l-miżuri meħtieġa fid-dawl ta’ l-informazzjoni li tasal bħala riżultat ta’ dawn it-talbiet.

(12)

Il-Kummissjoni tista’ twettaq kontrolli fil-pajjiżi terzi. Sabiex tkun tista’ twettaq kontrolli f’pajjiż terz, il-Kummissjoni teħtieġ il-kunsens tal-pajjiż terz in kwestjoni. Jekk it-tali kunsens ma jasalx, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa.

(13)

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jwettqu kontrolli sabiex jiggarantixxu reqqa suffiċenti għat-tikketti użati volontarjament.

(14)

Għandu jiġi stabbilit qafas għas-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq l-operaturi. Dan il-qafas għandu jqis is-sitwazzjonijiet meta operatur ma jkunx ittikkettja ċ-ċanga b’mod konformi mar-regoli ta’ sistema ta’ tikkettjar obbligatorja jew meta operatur jittekkettja ċ-ċanga, fil-kuntest ta’ sistema ta’ tikkettjar volontarja, mingħajr ma jħares l-ispeċifikazzjonijiet jew fejn m’hemm l-ebda speċifikazzjoni approvata. Għal perjodu limitat, sa l-1 ta’ Jannar 2001, biex tagħmel tajjeb għad-diffikultajiet ta’ operaturi fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-iktar sanzjonijiet iebsin għandhom jittieħdu biss meta t-tikketta jkollha informazzjoni li tista’ tqarraq lill-konsumatur jew ma tikkonformax ma’ l-ispeċifikazzjoni approvata.

(15)

Ir-Regolament (KE) Nru 820/97 jistabbilixxi li kull operatur jew organizzazzjoni li jixtiequ jagħmlu indikazzjoni volontarja fuq tikketta għandhom jissottomettu speċifikazzjoni għall-approvazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru li fih iseħħu l-produzzjoni jew il-bejgħ taċ-ċanga in kwestjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2772/1999 tal-21 ta’ Diċembru 1999 li jistabbilixxi regoli ġenerali għal sistema obbligatorja ta’ tikkettjar taċ-ċanga ( ( 3 )) ippermettiet lill-operaturi biex ikomplu jagħtu indikazzjonijiet volontarji fuq it-tikketti taċ-ċanga, bħala kumpliment għall-indikazzjonijiet obbligatorji, sal-31 ta’ Awwissu 2000.

(16)

Kemm-il darba ma tkun saret ebda bidla għall-ispeċifikazzjonijiet volontarji approvati u fuq kondizzjoni li huma konformi mar-regoli l-ġodda, huwa xieraq li t-tali speċifikazzjonijiet kif ukoll dawk approvati għall-pajjiżi terzi, għandhom ikomplu jkunu validi.

(17)

Ir-Regolament (KE) Nru 820/97 jistabbilixxi li, meta jkunu disponibbli dettalji suffiċenti fis-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali tal-fart, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, għal ċanga minn annimali mwielda, imkabbra u maqtula fl-istess Stat Membru, iridu jiġu indikati wkoll biċċiet supplimentari ta’ informazzjoni fuq it-tikketti. Ir-Regolament (KE) Nru 2772/1999 jippermetti lill-Istati Membri biex ikomplu jirrikorru għall-possibbiltà li jimponu sistema ta’ tikkettjar obbligatorja għaċ-ċanga minn annimali mwielda, imsemmna u maqtula fit-territorju tagħhom stess, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 820/97, fuq bażi proviżorja, sal-31 ta’ Awwissu 2000.

(18)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 98/595/KE tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar l-applikazzjoni għal sistema ta’ tikkettjar taċ-ċanga obbligatorja fi Franza u l-Belġju ( 4 ) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1999/1/KE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998 dwar l-applikazzjoni għal sistema ta’ tikkettjar obbligatorja fil-Finlandja( ( 5 )) tippermetti li dawk l-Istati Membri jimponu sistema ta’ tikkettjar obbligatorja għaċ-ċanga għall-annimali mwielda, imsemmna u maqtula fit-territorju tagħhom stess. Dawk id-deċiżjonijiet, kif ukoll kull deċiżjonijiet ulterjuri ta’ din ix-xorta, għandhom ikomplu jkunu applikabbli sa kemm l-indikazzjoni sħiħa ta’ l-oriġini fis-sistema Komunitarja tat-tikkettjar obbligatorja tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.

(19)

Sabiex jissorveljaw l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tikkettjar volontarja, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw l-ispeċifikazzjonijiet approvati u jikkomunikaw l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar ir-regoli implimentattivi nazzjonali tagħhom u l-indikazzjonijiet volontarji approvati fit-territorju tagħhom. Huwa meħtieġ li din l-informazzjoni tinżamm regolarment aġġornata.

(20)

Huwa meħtieġ li jiġi abrogat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1141/97 tat-23 ta’ Ġunju 1997, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 fir-rigward tat-tikkettjar taċ-ċanga u tal-prodotti taċ-ċanga( ( 6 )), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 824/98( ( 7 )). Madanakollu, sabiex tiġi evitata kull konfużjoni matul il-perjodu tranżitorju qabel l-introduzzjoni tas-sistema obbligatorja, kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, ir-Regolament (KE) Nru 1141/97 għandu jibqa’ jgħodd għal-laħam li ġej minn annimali maqtula qabel l-1 ta’ Settembru 2000.

(21)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



L-Artikolu 1

Traċċabilità

L-operaturi u l-organizazzjonijiet kollha, fit-tifsira tat-tielet daħla ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, għandhom, f’kull wieħed mid-diversi stadji tal-produzzjoni u l-bejgħ, ikollhom sistema ta’ identifikazzjoni u sistema ta’ reġistrazzjoni komprensiva.

Din is-sistema għandha tiġi applikata b’tali mod li tassigura rabta bejn l-identifikazzjonijiet tal-laħam u l-animal jew annimali in kwestjoni kif stabbilit fl-Artikolu 13(1) u 16(2) tar-Regolament.

Is-sistema tar-reġistrazzjoni għandha tirreġistra, b’mod partikolari, il-wasla u t-tluq tal-bhejjem, karkassi u/jew qtugħ biex tassigura li korrelazzjoni bejn il-wasliet u t-tluq tkun iggarantita.

▼C1

Artikolu 1a

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

a) “laħam ikkapuljat” tfisser kull laħam li jkun ġie kkapuljat f'biċċiet jew mgħoddi minn magna ta' l-ikkapuljat bi skruwn spirali, li jikkorrispondi ma' wieħed mill-kodiċijiet tan-NM ipprovduti fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, u li fih inqas minn 1 % melħ;

b) “fdal tal-laħam” tfisser biċċiet tal-laħam ta' daqs żgħir meqjusa tajbin għall-konsum uman, prodotti esklussivament minn operazzjoni ta' tirqim waqt id-dissussar tal-karkassi u/jew it-tqattigħ tal-laħmijiet;

c) “laħam imqatta'” tfisser laħam imqatta' f'kubi, biċċiet (fetet) jew porzjonijiet oħra individwali, li ma jeħtiġux jkomplu jitqattgħu minn operatur qabel l-akkwist tagħhom mill-konsumatur finali, u li dan jista' juża direttament. Il-laħam ikkapuljat u l-fdal tal-laħam huma esklużi minn din id-definizzjoni;

d) “laħam imqatta' imballat” tfisser il-pakkett individwali ddestinat biex ikun offrut kif inhu u mingħajr tibdil ieħor lill-konsumatur finali jew lil stabbiliment iddedikat esklussivament għall-bejgħ bl-imnut, magħmul minn laħam imqatta' u l-imballaġġ li fih ikun ġie ppakkjat qabel ma ġie offrut għall-bejgħ, sew jekk l-imballaġġ jgħatti l-laħam għal kollox sew jekk parzjalment, iżda b'mod li l-kontenut ma jistax jinbidel mingħajr ma jinfetaħ jew jinbidel l-imballaġġ;

e) “laħam imqatta' mhux imballat” tfisser laħam imqatta' espost għall-bejgħ mingħajr imballaġġ f'punt tal-bejgħ lill-konsumatur finali, kif ukoll kull biċċa laħam espost għall-bejgħ mingħajr imballaġġ f'punt tal-bejgħ lill-konsumatur finali ddestinata biex titqatta' skond it-talba tal-konsumatur finali;

f) “lott” tfisser il-laħam kollu bl-għadam jew mingħajru, per eżempju, karkassi, kwarti jew biċċiet ta' laħam dissussati, imqattgħin, ikkapuljati jew imballati flimkien f'ċirkostanzi prattikament identiċi;

g) “bejgħ bl-imnut” tfisser il-manipulazzjoni u/jew l-ipproċessar ta' laħam u l-ħżin tiegħu fil-punti tal-bejgħ jew ta' twassil lill-konsumatur finali, inklużi l-kejterers, il-kantins pubbliċi u tax-xogħol, ir-restoranti u operaturi oħrajn li jipprovdu servizz ta' l-ikel, ħwienet, ċentri ta' tqassim għas-supermarkits u ħwienet li jbigħu bl-ingrossa;

h) “konsumatur finali” tfisser l-aħħar konsumatur ta' laħam imqatta' li ma jużax dan il-laħam bħala parti minn operazzjoni jew attività ta' negozju ta' l-ikel.

▼B

L-Artikolu 2

It-tikkettjar meta l-informazzjoni ma tkunx disponibbli

1.  In-numru ta’ l-approvazzjoni, kif issir referenza għalih fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandu jkun:

(a) jew in-numru ta’ approvazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE ( 8 ),

(b) jew, meta ma jkun hemm l-ebda numru ta’ approvazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni nazzjonali.

Meta l-ebda wieħed miż-żewġ numri ma jkun disponibbli, sa l-1 ta’ Jannar 2001, in-numru jista’ jiġi mibdul bl-isem u l-indirizz tal-biċċerija.

2.  Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 (5) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000:

(a) għal-laħam li ġej minn annimali mwielda fil-Komunità qabel l-1 ta’ Jannar 1998, meta l-informazzjoni dwar il-post tat-twelid u/jew il-post tat-trobbija, minbarra l-aħħar post tat-trobbija, ma tkunx disponibbli, l-indikazzjoni tal-post tat-twelid u/jew post tat-trobbija għandha tiġi mibdula bl-indikazzjoni “*(Imwielda qabel l-1 ta’ Jannar 1998)”.

(b) għal laħam miksub minn annimali impurtati ħajjin fil-Komunità, meta l-informazzjoni dwar il-post tat-twelid u/jew il-post tat-trobbija, minbarra l-aħħar post tat-trobbija, ma tkunx disponibbli, l-indikazzjoni tal-post tat-twelid u/jew applikazzjoni tal-post tat-trobbija għandhom jiġu mibdula bl-indikazzjoni “*(Importazzjoni ħajja fil-KE)” jew “*(Importazzjoni ta’ annimali ħajjin minn (isem ta’ pajjiż terz) )”.

L-Artikolu 3

Simplifikazzjoni ta’ l-indikazzjoni ta’ l-oriġini

Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, għaċ-ċanga miksuba minn annimali li jkun ilhom jiġu mrobbija għal 30 jum jew inqas:

 fl-Istat Membru jew pajjiż terz tat-twelid,

 fl-Istat Membru jew pajjiż terz fejn saret il-qatla,

l-indikazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri jew pajjiżi terzi, bħala l-Istat Membru jew pajjiż terz fejn saret it-trobbija, m’għandhiex tkun meħtieġa, kemm-il darba dawk l-annimali ġew imrobbija fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz għal perjodu itwal minn 30 jum.

▼M1

Artikolu 4

Id-daqs u l-kompożizzjoni tal-grupp

1.  Id-daqs tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 13, paragrafu 1, subparagrafu 2, tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 huwa ddefinit kif ġej:

a) waqt it-tqattigħ tal-karkassi jew tal-kwarti, skond l-għadd ta' karkassi jew ta' kwarti li jikkostitwixxu lott wieħed għall-impjant ikkonċernat;

b) waqt l-operazzjonijiet ta' tkomplija ta' tqattigħ jew ikkapuljar, skond l-għadd ta' karkassi jew ta' kwarti li l-laħam tagħhom jikkostitwixxi lott wieħed għall-impjant ikkonċernat ta' qtugħ jew ikkapuljar.

Id-daqs tal-grupp ma jista' fl-ebda każ jaqbeż il-produzzjoni ta' ġurnata.

2.  Fil-mument tal-kostituzzjoni tal-lottijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-operaturi għandhom jiżguraw li:

a) waqt l-operazzjonijiet ta' tqattigħ tal-karkassi jew tal-kwarti, il-karkassi jew il-kwarti kollha tal-lott għandhom jiġu minn annimali li twieldu fl-istess pajjiż, trabbew fl-istess pajjiż jew pajjiżi, inqatlu fl-istess pajjiż u fl-istess biċċerija;

b) waqt l-operazzjonijiet ta' tkomplija ta' tqattigħ tal-laħam, il-karkassi kollha tal-lott jirrispettaw il-kundizzjoni stipulata fil-punt a), u jkunu tqattgħu fl-istess impjant ta' qtugħ;

c) waqt l-operazzjonijiet ta' l-ikkapuljar, il-laħam tal-lott jiġi minn annimali maqtulin fl-istess pajjiż.

3.  B'deroga mir-regola tal-biċċerija unika u ta' l-impjant uniku ta' qtugħ tal-karkassi stipulata fil-punt b) tal-paragrafu 2, waqt il-produzzjoni tal-laħam imqatta', l-operaturi huma awtorizzati biex jikkostitwixxu lottijiet abbażi ta' laħam li ġej minn annimali maqtulin f'massimu ta' tliet biċċeriji differenti, u li ġej minn karkassi mqattgħin f'massimu ta' tliet impjanti ta' qtugħ differenti.

4.  B'deroga mill-punt b) tal-paragrafu 2, waqt il-kostituzzjoni tal-lottijiet fil-produzzjoni tal-fdal tal-laħam, l-operaturi jridu jikkonformaw biss mar-regola tal-pajjiż uniku ta' qatla fil-biċċeriji.

▼B

L-Artikolu 5

Kapuljat taċ-ċanga

▼M1 —————

▼B

2.  L-informazzjoni supplimentari li tista’ tkun inkluża fuq tikketti kif provdut fit-tielet subinċiż ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandha tkun:

(a) sa mill-1 ta’ Settembru 2000, l-indikazzjonijiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 13(2)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, kif ukoll id-data ta’ l-ikkapuljar;

(b) sa mill-1 ta’ Settembru 2000 sa l-1 ta’ Jannar 2002, l-indikazzjonijiet li għalihom issir referenza fil-punti (a)(i) u (ii) u (b) ta’ l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun ħa deċiżjoni biex japplika sistema ta’ tikkettjar obbligatorja inkluża t-tali informazzjoni jew jekk l-operatur konċernat jindika l-informazzjoni, b’mod konformi mat-Taqsima II tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, fuq bażi volontarja,

(c) sa mill-1 ta’ Jannar 2002, l-indikazzjonijiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 13(5)(a)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

▼M1

Artikolu 5a

Il-fdal tal-laħam

1.  B'deroga mill-Artikolu 13, paragrafu 2, punti b) u c), kif ukoll mill-paragrafu 5, punt a)i) u a)ii), tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, l-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom jindikaw fit-tikkettar tal-fdal tal-laħam it-tagħrif li ġej:

a) isem il-pajjiż fejn inkunu nqatlu l-annimali li minnhom ġej il-fdal tal-laħam; din it-tagħrifa għandha tidher hekk: “Post tal-qatla: (isem l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn tkun saret il-qatla)”;

b) isem il-pajjiż tal-produzzjoni tal-fdal tal-laħam, u n-numru ta' approvazzjoni ta' l-istabbiliment li fih ikun inkiseb; din it-tagħrifa għandha tidher hekk: “Post tal-produzzjoni: (isem l-Istat Membru jew il-pajjiż terz tal-produzzjoni, u n-numru ta' approvazzjoni ta' l-istabbiliment)”;

c) l-ismijiet tal-pajjiżi fejn twieldu u trabbew l-annimali tal-grupp; din it-tagħrifa għandha tidher hekk: “Pajjiż tat-twelid u tat-trobbija:” (elenku ta' l-ismijiet tal-pajjiżi li fihom saru t-twelid u t-trobbija).

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, punti a) u c), ladarba l-pajjiż tat-twelid, il-pajjiż tat-trobbija u l-pajjiż tal-qatla jkun l-istess wieħed għall-annimali kollha tal-grupp, l-operaturi jkunu awtorizzati li jużaw it-tagħrifa “Oriġini” segwita minn isem l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fih ikunu saru t-twelid, it-trobbija u l-qatla.

Artikolu 5b

Laħam imqatta' imballat

B'deroga mill-Artikolu 13, paragrafu 2, punti b) u c) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, operatur jew organizzazzjoni li juża l-possibbiltà pprovduta fl-Artikolu 4, paragrafu 3 ta' dan ir-Regolament, għandu jindika fit-tikkettar tal-laħam imqatta' imballat it-tagħrif li ġej, li jikkomplementa t-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 13, paragrafu 5, punt a) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000:

a) isem il-pajjiż fejn jkunu nqatlu l-annimali, segwit min-numru ta' approvazzjoni tal-biċċerija, jew, skond il-każ, ta' żewġ biċċeriji jew tlieta li fihom jkunu nqatlu l-annimali tal-grupp; din it-tagħrifa għandha tidher hekk: “Post (x) tal-qatla ta' l-annimali tal-grupp: (isem l-Istat Membru jew il-pajjiż terz tal-qatla) (numru/i ta' approvazzjoni tal-biċċerija kkonċernata jew taż-żewġ jew tliet biċċeriji kkonċernati)”;

b) isem il-pajjiż fejn ikunu tqattgħu l-karkassi, segwit min-numru ta' approvazzjoni ta' l-impjant, jew, skond il-każ, ta' żewġ jew tliet impjanti li fihom ikunu tqattgħu l-karkassi; din it-tagħrifa għandha tidher hekk: “Post (x) tat-tqattigħ tal-laħam tal-lott: (isem l-Istat Membru jew il-pajjiż terz tat-tqattigħ) (numru/i ta' approvazzjoni ta' l-impjant ikkonċernat jew taż-żewġ jew tliet impjanti kkonċernati)”.

Artikolu 5c

Laħam imqatta' mhux imballat

1.  Kull meta laħam imqatta' mhux imballat jiġi espost għall-bejgħ lill-konsumatur finali, u fejn tapplika d-deroga prevista fl-Artikolu 4(3), l-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kostituzzjoni tal-lottijiet hija konformi mal-paragrafu msemmi għal kull laħam imqatta' mhux imballat li jkun espost għall-bejgħ fl-istess ħin.

2.  B'deroga mill-Artikolu 13(2), punti b) u c), tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, fil-punt tal-bejgħ lill-konsumatur finali, l-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom jindikaw fuq it-tikkettar tal-laħam imqatta' mhux imballat espost għall-bejgħ isem il-pajjiż tat-twelid, tat-trobbija u tal-qatla ta' l-annimali li minnhom ġej il-laħam, segwit mill-ismijiet tal-pajjiżi fejn ikunu tqattgħu l-karkassi.

Il-laħam li ġej minn annimali li jkunu twieldu u/jew trabbew u/jew inqatlu f'pajjiżi differenti għandhom ikunu separati ċarament minn xulxin meta jkunu esposti għall-bejgħ. L-informazzjoni murija fil-punt tal-bejgħ għandha titqiegħed qrib dan il-laħam sabiex il-konsumatur finali jkun jista' jiddistingwi faċilment bejn il-laħmijiet ta' oriġini differenti.

L-operaturi li jesponu kuljum għall-bejgħ laħam imqatta' mhux imballat għandhom jirreġistraw, flimkien mad-data, in-numri ta' approvazzjoni tal-biċċeriji fejn ikunu nqatlu l-annimali u ta' l-impjanti fejn ikunu tqattgħu l-karkassi. Għandhom jikkomunikaw dan it-tagħrif lill-konsumatur li jitolbu.

3.  B'deroga mit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(1), u sakemm ikunu rrispettati l-kundizzjonijiet definiti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għal-laħam taċ-ċanga mqatta' espost għall-bejgħ lill-konsumatur finali mingħajr imballaġġ, id-daqs tal-grupp jista' jaqbeż il-produzzjoni ta' ġurnata.

▼B

L-Artikolu 6

Proċeduri ta’ approvazzjoni

1.  Il-perjodu stabbilit fit-tieni subinċiż ta’ l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, li matulu ma tkunx ingħatat jew ġiet miċħuda l-approvazzjoni u li matulu ma tkunx ġiet mitluba informazzjoni supplimentari mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li lilu tintbagħat iċ-ċanga, għandu jkun ta’ xahrejn mill-ġurnata wara d-data ta’ meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni.

2.  Skond l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar il-qtugħ ta’ ċanga fina f’pakketti individwali, ittikkettjati fi Stat Membru skond speċifikazzjoni approvata u introdott fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, meta l-ebda informazzjoni ma tkun miżjuda mat-tikketta tal-bidu, il-perjodu pprovdut fit-tini subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 għandu jkun ta’ 14-il jum.

3.  Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, ċanga f’pakketti żgħar ta’ l-imnut li ġew ittikketjati fi Stat Membru skond speċifikazzjoni approvata tista’ tiġi introdotta fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u mibjugħa hemmehekk mingħajr approvazzjoni minn qabel ta’ l-ispeċifikazzjoni tat-tikketjar minn dan l-Istat Membru, dejjem jekk:

(a) il-pakketti in kwestjoni jibqgħu mhux mibdula;

(b) l-ispeċifikazzjoni approvati mill-Istat Membru tal-pakkettjar jkopri wkoll l-bejgħ taċ-ċanga ppakjata fi Stati Membri oħrajn;

(c) l-Istat Membru li japprova t-tali speċifikazzjoni jipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha bil-quddiem lill-Istati Membri l-oħrajn kollha, fejn, skond l-ispeċifikazzjoni approvata, iċ-ċanga ppakkjata għandha tinbiegħ.

L-Artikolu 7

Kontrolli

1.  L-operaturi u l-organizzazzjonijiet għandhom il-ħin kollu jagħtu lill-esperti tal-Kummissjoni, lill-awtorità kompetenti u lill-entità ta’ kontroll indipendenti relevanti fit-tifsira tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, aċċess għall-kwartieri tagħhom u għar-rekords kollha li jippruvaw li l-informazzjoni fuq it-tikketti in kwestjoni hija tajba.

2.  L-awtorità kompetenti u, fil-każ li għalih issir referenza fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, l-entità ta’ kontroll indipendenti għandha twettaq kontrolli regolari fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju li għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, il-komplessità ta’ l-ispeċifikazzjoni kkonċernata. Għal kull kontroll għandu jsir rapport ta’ spezzjoni li jinkludi kwalunkwe nuqqas kif ukoll il-miżuri proposti biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni u kwalunkwe limiti ta’ żmien u sanzjonijiet imposti.

3.  Meta l-għażla pprovduta fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 ma tiġix magħżula, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli b’tali mod li tagħti garanziji suffiċenti ta’ l-eżattezza fuq it-tikketti użati. Il-frekwenza tagħhom għandha tkun stabbilita, b’mod partikolari, b’referenza għall-kumplessità ta’ l-ispeċifikazzjoni kkonċernata.

4.  L-operaturi, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet ta’ kontroll independenti għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni relevanti kollha lill-awtorità kompetenti.

L-Artikolu 8

Approvazzjonijiet mogħtija minn pajjiżi terzi

1.  Il-Kummissjoni għandha tivverifika li n-notifikazzjonijiet huma kompluti kif stabbilit fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000. Mal-wasla ta’ notifikazzjoni li ma tkunx kompluta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż terz kkonċernat filwaqt li tindika l-informazzjoni li hija meħtieġa.

In-notifikazzonijiet kompluti għandhom jiġu trażmessi mill-Istati Membri sa kemm il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-proċeduri u/jew l-kriterji applikati fil-pajjiż terz ikkonċernat humiex ekwivalenti għall-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 b’mod konformi mal-poteri tiegħu li jagħmel hekk skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 17(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.  Jekk, f’kull ħin, il-Kummissjoni jidhrilha, fuq il-bażi tan-notifika stabbilita fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, li huwa approprjat li tivverifika li l-proċeduri u/jew kriterji notifikati f’pajjiż terz huma fl-istess ħin ekwivalenti ma’ l-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-pajjiż terz biex jipprovdi kull informazzjoni meħtieġa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-pajjiż terz biex jipprovdi kopji ta’ l-ispeċifikazzjonijiet approvati mill-awtorità kompetenti nnominata. Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll lill-pajjiż terz biex jawtorizza lil rappreżentanti tal-Kummissjoni biex iwettqu kontrolli f’pajjiż terz.

3.  Jekk xi informazzjoni jew awtorizzazzjoni skond il-paragrafu preċedenti ma tasalx fiż-żmien speċifikat mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-proċeduri u/jew kriterji applikati fil-pajjiż terz m’humiex ekwivalenti għall-istandards stabiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

4.  Il-Kummisjoni tista’ f’kull ħin tibdel id-deċiżjoni inizjali tagħha fir-rigward ta’ l-ekwivalenza tal-proċeduri u/jew kriterji applikati fil-pajjiż terz konċernat skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikoli 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

L-Artikolu 9

Sanzjonijiet

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ sanzjonijiet li għandha tkun applikabbli fil-każ ta’ ksur tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jassiguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Is-sanzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi.

2.  Mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet li għalihom issir referenza fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, meta ċ-ċanga tkun ġiet ittikkettjata:

 mingħajr ma ġiet imħarsa s-sistema ta’ tikkettjar obbligatorja, jew

 fil-każ ta’ applikazzjoni tas-sistema volontarja, mingħajr ma ġiet imħarsa l-ispeċifikazzjoni, jew meta ma jkun hemm ebda speċifikazzjoni approvata,

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li ċ-ċanga titneħħa minn fuq is-suq sakemm tiġi ittikkettjata mill-ġdid skond dan ir-Regolament.

Madanakollu, jekk il-laħam ikkonċernat jkun konformi mar-regoli kollha eżistenti veterinarji jew ta’ iġene, l-Istati Membri jistgħu, minbarra s-sanzjonijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1, jawtorizzaw li t-tali ċanga tintbagħat direttament għall-ipproċessar fi prodotti, minbarra dawk indikati fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

3.  Sa l-1 ta’ Jannar 2001, it-tneħħija tal-laħam taċ-ċanga mis-suq għandha ssir biss meta t-tikketta jkollha informazzjoni li tista’ tqarraq lill-konsumatur b’ċertu grad sostanzjali jew jekk ma tkunx tikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjoni approvata.

L-Artikolu 10

Rekords

L-awtorità kompetenti għandha tagħmel rekord ta’ l-ispeċifikazzjonijiet approvati u, b’mod partikolari, ta’ kull operatur u organizzazzjoni responsabbli għat-tikkettjar taċ-ċanga u l-entità independenti responsabbli għall-kontrolli.

L-Artikolu 11

Komunikazzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni:

(a) l-ismijiet ta’ l-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ tikkettjar skond ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 kif ukoll ir-regoli ddettaljati l-oħrajn u, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-kontrolli relevanti li għandhom jitwettqu u s-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati;

(b) sat-30 ta’ Settembru 2000, lista ta’ l-indikazzjonijiet volontarji kollha approvati fit-territorju tagħhom;

(c) kull tliet xhur, aġġornatment tal-lista li għaliha ssir referenza fil-punt (b).

L-Artikolu 12

Dispożizzjonijiet transitorji

Fuq il-kondizzjoni li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u ma’ dan ir-Regolament,

(a) l-ispeċifikazzjonijiet volontarji approvati taħt l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 820/97 għandhom ikomplu jkunu validi;

(b) is-sistemi nazzjonali obbligatorji tat-tikkettjar taċ-ċanga, approvati taħt l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 820/97, għandhom ikomplu jkunu validi sa l-1 ta’ Jannar 2002, kif ukoll kull deċiżjonijiet oħra ta’ din ix-xorta.

L-Artikolu 13

Abrogazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1141/97 huwa hawnhekk abrogat.

Madanakollu, għandu jibqa’ applikabbli għall-laħam li ġej minn annimali maqtula qabel l-1 ta’ Settembru 2000.

Ir-referenzi għar-Regolament abbrogat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b'mod konformi mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness.

L-Artikolu 14

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu japplika għaċ-ċanga miksuba minn animali maqtula mill-1 ta’ Settembru 2000.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.




L-ANNESS



Tabella tal-Korrelazzjoni

(Regolament (KE) Nru 1141/97)

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 2

L-Artikolu 1

L-Artikolu 2

L-Artikolu 3

L-Artikolu 4

L-Artikolu 5

L-Artikolu 1

L-Artikolu 6

L-Artikolu 3

L-Artikolu 7

L-Artikolu 4a

L-Artikolu 8

L-Artikolu 4

L-Artikolu 9

L-Artikolu 5(1)

L-Artikolu 10

L-Artikolu 5(2)

L-Artikolu 11

L-Artikolu 12

L-Artikolu 13

L-Artikolu 6

L-Artikolu 14



( 1 ) ĠU L 204, tal-11.08.2000, p. 1.

( 2 ) ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 1.

( 3 ) ĠU L 334, tat-28.12.1999, p. 1.

( 4 ) ĠU L 286, tat-23.10.1998, p. 55.

( 5 ) ĠU L 1, tal-5.1.1999, p. 3.

( 6 ) ĠU L 165, ta' l-24.06.1997, p. 7.

( 7 ) ĠU L 117, tal-21.04.1998, p. 4.

( 8 ) ĠU 121, tad-29.7.1964, p. 2012/64.

Top