Il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE mill-frodi u l-korruzzjoni
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (UE) 2021/785 li jistabbilixxi l-programm tal-Unjoni kontra l-frodi
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
Dan jistabbilixxi l-programm tal-Unjoni Ewropea (UE) kontra l-frodi. Dan jibqa’ għaddej tul il-qafas finanzjarju pluriennali tal-2021–2027. Dan jistabbilixxi:
- l-objettivi ġenerali u speċifiċi,
- il-livell, il-forom u r-regoli tal-interventi u l-finanzjament.
PUNTI EWLENIN
L-objettivi ġenerali tal-programm huma li:
- iħares l-interessi finanzjarji tal-UE;
- jappoġġa l-assistenza u l-kooperazzjoni ġenerali bejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u agrikola.
Dawn jiġu implimentati permezz ta’ tliet objettivi speċifiċi:
- il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra kontra l-interessi finanzjarji tal-UE (EUR 114.207 miljun tal-baġit tal-programm);
- l-appoġġ, permezz tal-pjattaforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS), l-iskambju ta’ informazzjoni u l-attivitajiet operattivi ta’ assistenza amministrattiva reċiproka dwar kwistjonijiet doganali u agrikoli (EUR 60 miljun tal-baġit);
- it-tisħiħ tar-rapportar ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, tal-fondi tal-UE għall-ġestjoni kondiviża u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (EUR 7 miljun tal-baġit).
Il-baġit ta’ 7 snin għall-programm huwa ta’ EUR 181.207 miljun (prezzijiet attwali), li minnhom sa 2 % jistgħu jintużaw għal:
- assistenza teknika u amministrattiva, bħat-tħejjija, il-monitoraġġ, il-kontroll, l-awditjar u l-evalwazzjoni, inklużi sistemi korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.
Il-programm jista’ jkopri ċerti kostijiet addizzjonali, bħall-installazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura teknika permanenti u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza (l-Anness I fih lista indikattiva).
Il-pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jipparteċipaw fil-programm soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Dawn jinkludu d-dritt tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, biex iħares il-finanzi tal-UE.
Ir-rata massima ta’ kofinanzjament għall-għotjiet mill-programm hija ta’ 80 % tal-kostijiet eliġibbli. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, din tista’ tiżdied għal 90 %.
L-attivitajiet li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament:
- l-għoti ta’ għarfien tekniku, ta’ tagħmir speċjalizzat u teknikament avvanzat u ta’ għodod effettivi tal-IT għall-kooperazzjoni multinazzjonali u multidixxiplinari;
- it-tisħiħ tal-iskambji tal-persunal, l-iżgurar ta’ appoġġ u l-iffaċilitar tal-investigazzjonijiet, speċjalment timijiet konġunti u operazzjonijiet transfruntiera;
- il-forniment ta’ appoġġ tekniku u operazzjonali għall-investigazzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari għall-awtoritajiet doganali u tal-infurzar tal-liġi li jiġġieldu l-frodi u attivitajiet illegali oħra;
- il-bini tal-kapaċità tal-IT fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi mhux tal-UE, iż-żieda fl-iskambju ta’ data u l-iżvilupp u l-għoti ta’ għodod tal-IT biex tiġi investigata u mmonitorjata l-ħidma dwar l-intelliġenza;
- l-arranġament ta’ taħriġ speċjalizzat, workshops tal-analiżi tar-riskju, konferenzi u studji għat-titjib tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ġenerali;
- l-organizzazzjoni ta’ kwalunkwe attività oħra inkluża fi programm ta’ ħidma biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tar-regolament.
L-entitajiet* li ġejjin huma eliġibbli għall-finanzjament tal-UE:
- awtoritajiet pubbliċi, istituti tar-riċerka u tal-edukazzjoni u entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ — kollha ħlief tal-ewwel jirrikjedu l-ogħla livell operazzjonali ta’ sena, dejjem jekk:
- jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali jew speċifiċi tal-programm
- ikunu stabbiliti fi Stat Membru jew f’pajjiż mhux tal-UE assoċjat mal-programm jew elenkati fl-aġenda ta’ ħidma tiegħu;
- kwalunkwe entità legali maħluqa fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.
Il-Kummissjoni:
- tadotta programmi ta’ ħidma;
- timmonitorja l-progress abbażi tal-indikaturi stabbiliti fl-Anness II;
- tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-prestazzjoni tal-programm fir-rapport annwali tagħha dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE — il-ġlieda kontra l-frodi;
- twettaq evalwazzjonijiet indipendenti, oġġettivi u f’waqthom;
- tipprovdi evalwazzjoni interim tal-programm mhux aktar minn 4 snin wara t-tnedija tiegħu u evalwazzjoni finali fl-istess żmien tat-tlestija tiegħu.
- tissottometti l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, u tippubblikahom fuq is-sit web tagħha;
- tista’ tadotta atti delegati sal-31 ta’ Diċembru 2028;
- twettaq kampanji regolari ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar il-proġetti li qed jiġu ffinanzjati u r-riżultati tagħhom.
Il-Parlament Ewropew jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-programm ta’ ħidma annwali.
Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-UE għandhom:
- jipprovdu data meħtieġa u f’waqtha biex jiżguraw monitoraġġ effiċjenti tal-programm, inklużi l-Istati Membri meta rilevanti;
- jirrikonoxxu, u jagħtu viżibbiltà lill-fondi tal-UE li jirċievu.
MINN META SE JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
SFOND
Il-programm il-ġdid huwa ġestit u implimentat mill-OLAF. Dan jissostitwixxi l-programm Erkole III (ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 — ara s-sommarju) li dam mill-2014 sal-2020 b’baġit ta’ EUR 104.9 miljun.
Huwa avvanz fuq il-predeċessur tiegħu billi jikkombina l-attivitajiet tiegħu ma’ dawk ta’ tnejn mis-sistemi tal-OLAF:
TERMINI EWLENIN
Entità: individwu, kumpanija jew organizzazzjoni li għandhom drittijiet u obbligi legali.
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament (UE) 2021/785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 (ĠU L 172, 17.5.2021, pp. 110-122)
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, pp. 1-16)
L-emendi suċċessivi tar-Regolament (KE) Nru 515/97 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 06.07.2021