Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (2021-2027)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/691 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • L-għan ta’ dan ir-regolament huwa biex iġedded il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027. Sussegwentement, il-fond ingħata l-isem il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEGĦS).
  • Dan joffri l-appoġġ għall-impjegati u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li tilfu l-impjiegi tagħhom minħabba avvenimenti kbar ta’ ristrutturazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Missjoni u oġġettivi

  • L-FEG huwa fond ta’ solidarjetà li jiffinanzja miżuri attivi fis-suq tax-xogħol (bħal taħriġ, tfittxija għall-impjiegi u bidu ta’ negozji) meta jkun hemm telf mhux mistenni u sostanzjali ta’ mpjiegi li seħħew minħabba avvenimenti kbar ta’ ristrutturazzjoni.
  • Huwa fond ta’ emerġenza barra mill-limiti tal-QFP.

Kriterji ta’ intervenzjoni

  • L-appoġġ tal-FEG jintuża jekk jintilfu aktar minn 200 impjieg (li tnaqqsu mill-500 ta’ qabel waqt il-perjodu 2014-2020) — bil-paga jew jaħdmu għal rashom — fuq perjodu ta’ erba’ xhur (għal sensji fl-istess intrapriża, jew sensji fl-istess reġjun), jew fuq perjodu ta’ sitt xhur f’intrapriża jew għal grupp ta’ negozji (b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) fl-istess settur u żona ġeografika. Għal sensji f’intrapriża, dan il-limitu jista’ jinkludi fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni.
  • Fi swieq tax-xogħol żgħar, applikazzjonijiet li ma jissodisfawx dan il-limitu jistgħu jiġu aċċettati jekk is-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjieg u l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali. F’każ ta’ eċċezzjoni, dan jista’ japplika wkoll għal swieq ikbar ta’ xogħol, imma l-appoġġ finanzjarju għall-każijiet kollha f’sena partikolari jeħtieġ li ma jaqbisx il-15 % tal-limitu annwali tal-FEG.
  • Il-FEG ma japplikax għal ħaddiema li ġew issensjati minħabba qtugħ bil-baġit minn Stat Membru tal-UE (sensji mis-settur pubbliku).

Miżuri eliġibbli

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tista’ sseħħ għall-politiki attivi dwar swieq ta’ xogħol li jiffurmaw parti minn pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li huma ddisinjati biex jerġgħu jintegraw fix-xogħol jew f’xogħol għal rasu lil dak il-ħaddiem issensjat. Dan jista’ jinkludi dan li ġej:

  • Taħriġ u taħriġ mill-ġdid, inkluż fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u ħiliet diġitali oħrajn;
  • ċertifikazzjoni ta’ tagħrif miksub u ħiliet;
  • assistenza fit-tfittxija tax-xogħol;
  • attivitajiet immirati lejn gruppi;
  • gwida okkupazzjonali u servizzi ta’ konsultazzjoni;
  • mentoraġġ;
  • għajnuna għar-rikollokament;
  • promozzjoni tal-intraprenditorija;
  • għajnuna għal impjegati indipendenti, għall-ħolqien tal-kummerċ, għal takeovers minn impjegati u għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni;
  • Miżuri b’ħin limitat (mhux iktar minn 35% tal-pakkett totali), bħal stipendji għall-mobilità, għall-kura tat-tfal, għat-taħriġ, għas-sussistenza u għall-carers, flimkien ma’ inċentivi ta’ reklutaġġ minn impjegaturi — bil-kundizzjoni li l-benefiċjarji jipparteċipaw b’mod attiv fit-tfittxijiet għall-impjiegi jew għat-taħriġ.

Id-disseminazzjoni tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali u f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi ser titqies bħala element orizzontali meta jiġu ddisinjati pakketti koordinati.

Il-FEG mhux ser jappoġġa miżuri li huma r-responsabbiltà tal-intrapriżi taħt il-liġi nazzjonali jew ftehim kollettiv. L-Istati Membri jistgħu japplikaw għal għajnuna għal attivitajiet ta’ preparament, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità kif ukoll ta’ kontroll u ta’ rappurtaġġ. Applikazzjonijiet approvati tal-FEG huma validi għal 24 xahar.

Investiment f’impjieg indipendenti, bidu ta’ negozji jew takeovers minn impjegati ma jistgħux ikunu iktar minn €22,000 għal kull benefiċjarju. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG hija limitata għal dak li huwa neċessarju biex jipprovdi għajnuna temporanja għal darba biss lil benefiċċjarji fil-mira.

Applikazzjonijiet

  • L-Istati Membri jeħtieġu li jissottomettu applikazzjoni tal-FEG fi żmien 12-il ġimgħa tal-perjodu ta’ referenza fejn it-telf tal-impjiegi jkun seħħ, sabiex jiġi analizzat mill-Kummissjoni Ewropea, li tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-FEG lill-awtorità tal-baġit (Parlament Ewropew u l-Kunsill). Dan huwa neċessarju minħabba l-fatt li l-FEG jinsab barra u ’il fuq mill-limiti tal-QFP.
  • Id-deċiżjoni dwar jekk il-finanzjament mill-FEG għandux jiġi mobilizzat ser tittieħed fi żmien 6 ġimgħat mill-awtorità tal-baġit minn meta tkun irċeviet il-proposta tal-Kummissjoni.

Rata ta’ kofinanzjament

Ir-rata ta’ kofinanzjament tal-FEG hija allinjata mal-ogħla rata ta’ kofinanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) fl-Istat Membru kkonċernat, imma mhux ser tkun inqas minn 60 %.

Revoka

Ir-regolament iħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 15 (proċedura baġitarja u implimentazzjoni) li ġie applikat mit-3 ta’ Mejju 2021.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEGĦS) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 (ĠU L 153, 3.5.2021, pp. 48-70)

DOKUMENT RELATAT

Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, Kummissjoni Ewropea, 4 ta’ Marzu 2021

l-aħħar aġġornament 18.06.2021

Top