Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-rikonoxximent reċiproku tal-merkanzija

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/515 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ merkanzija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jsaħħaħ is-suq intern billi jtejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku* fil-qasam tal-merkanzija u t-tneħħija ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ. Jagħmel dan billi:

  • jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-prinċipju għall-awtoritajiet nazzjonali u n-negozji meta l-merkanzija tinbiegħ f’pajjiż ieħor tal-UE;
  • jipprovdi salvagwardji meta r-rikonoxximent reċiproku jiġi miċħud f’każijiet individwali;
  • isaħħaħ ir-rwol tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-prodotti bħala fornituri ta’ informazzjoni u punti ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-kumpaniji.

Il-leġiżlazzjoni tissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 764/2008.

PUNTI EWLENIN

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jiżgura l-aċċess għas-suq għal merkanzija li mhijiex, jew hija biss parzjalment, soġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-UE.

Dan ir-regolament japplika:

  • għat-tipi kollha ta’ merkanzija kummerċjalizzata legalment f’pajjiż ieħor tal-UE, inklużi prodotti agrikoli u tas-sajd, irrispettivament mill-mod kif jiġu prodotti u pproċessati;
  • għad-deċiżjonijiet amministrattivi nazzjonali li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq ta’ dak il-pajjiż għal din il-merkanzija.

Meta awtorità kompetenti fil-pajjiż importatur ikollha l-ħsieb li tivvaluta l-merkanzija, in-negozji jistgħu jużaw dikjarazzjoni volontarja ta’ rikonoxximent reċiproku biex juru li l-merkanzija hija kkummerċjalizzata legalment f’pajjiż ieħor tal-UE.

L-awtoritajiet nazzjonali li jivvalutaw il-merkanzija importata skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandhom:

  • jikkuntattjaw immedjatament lin-negozju konċernat u jispjegaw il-valutazzjoni ppjanata;
  • jippermettu li l-merkanzija tiġi distribwita u tinbiegħ waqt li jagħmlu l-valutazzjoni (sakemm ma jkunx hemm proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-merkanzija f’pajjiżhom jew jekk jissospendu temporanjament l-aċċess għas-suq);
  • jaċċettaw dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku, flimkien ma’ evidenza ta’ sostenn meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-informazzjoni li tinsab fiha, bħala suffiċjenti biex turi li l-merkanzija hija kkummerċjalizzata legalment f’pajjiż ieħor tal-UE. Jekk ma tiġi pprovduta l-ebda dikjarazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ titlob lin-negozju konċernat biex jipprovdi dokumentazzjoni u informazzjoni kemm dwar il-karatteristiċi tal-merkanzija jew it-tip ta’ merkanzija inkwistjoni kif ukoll dwar il-kummerċjalizzazzjoni legali tal-merkanzija f’pajjiż ieħor tal-UE;
  • tqis kif xieraq il-kontenut tar-rapporti tat-testijiet jew taċ-ċertifikati maħruġa minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ġew ipprovduti minn kwalunkwe negozju bħala parti mill-valutazzjoni;
  • tinnotifika lin-negozju minnufih — u lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-UE fi żmien 20 jum, jekk tiddeċiedi li tiċħad jew tillimita l-aċċess għas-suq għall-merkanzija;
  • meta jadottaw deċiżjoni amministrattiva negattiva, għandhom jistipulaw b’mod suffiċjentement dettaljat u motivat ir-raġunijiet li għalihom ikunu qed jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq, inkluż dan li ġej:
    • ir-regola teknika nazzjonali li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni;
    • ir-raġunijiet ta’ interess pubbliku leġittimi li jiġġustifikaw l-użu tar-regola teknika nazzjonali;
    • l-evidenza xjentifika u teknika kunsidrata;
    • sommarju tal-argumenti rilevanti mressqa min-negozju konċernat;
    • evidenza li turi li d-deċiżjoni hija proporzjonata;
    • id-diversi rimedji nazzjonali disponibbli għan-negozju u l-limiti ta’ żmien tagħhom, inkluża l-possibbiltà li jintuża s-servizz bla ħlas SOLVIT (li jista’ jwassal għal Opinjoni tal-Kummissjoni).

L-awtoritajiet nazzjonali li jivvalutaw il-merkanzija importata jistgħu jissospendu temporanjament il-bejgħ jew id-distribuzzjoni tagħha, u jinfurmaw immedjatament lin-negozju, lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-UE, jekk:

  • f’kundizzjonijiet normali jew raġonevolment prevedibbli ta’ użu, il-merkanzija toħloq riskju serju għas-sikurezza jew is-saħħa tal-persuni jew għall-ambjent, inkluż wieħed fejn l-effetti ma jkunux immedjati, li jirrikjedi intervent rapidu mill-awtorità kompetenti; jew
  • it-tqegħid tal-merkanzija, jew ta’ merkanzija ta’ dak it-tip, fis-suq ta’ dak il-pajjiż tal-UE jkun ġeneralment ipprojbit f’dak il-pajjiż tal-UE għal raġunijiet ta’ moralità pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

Jekk iċ-ċentri SOLVIT ma jkunux jistgħu jsibu soluzzjoni tajba f’każ individwali bl-użu tal-proċedura SOLVIT, il-Kummissjoni tista’ tgħin biex issolvi l-każ fuq talba ta’ xi wieħed miċ-ċentri SOLVIT involuti billi toħroġ Opinjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni:

  • jeħtiġilha tivvaluta jekk id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u mar-rekwiżiti tar-regolament;
  • jekk ikunu meħtieġa informazzjoni jew dokumenti addizzjonali, għandha titlob liċ-Ċentru SOLVIT rilevanti biex jikkuntattja lin-negozju jew lill-awtorità kompetenti, biex jikseb tali informazzjoni jew dokumenti addizzjonali;
  • għandha toħroġ Opinjoni fi żmien 45 jum;
  • l-opinjoni għandha tiġi kkomunikata lin-negozju u lill-awtorità nazzjonali miċ-Ċentru SOLVIT rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-Opinjoni lill-pajjiżi tal-UE;
  • fejn ikun xieraq, l-Opinjoni tal-Kummissjoni trid tidentifika kwalunkwe tħassib li għandu jiġi indirizzat fil-każ SOLVIT jew trid tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tgħin fis-soluzzjoni tal-każ.

Kull pajjiż tal-UE għandu jistabbilixxi u jżomm fit-territorju tiegħu punti ta’ kuntatt għall-prodotti, u jiżgura li jkollhom biżżejjed setgħat u riżorsi adegwati. Il-punti ta’ kuntatt għall-prodotti għandhom:

  • jipprovdu informazzjoni online dwar
    • il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-applikazzjoni tar-regolament f’pajjiżhom
    • id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, inklużi dawk tal-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli tekniċi nazzjonali applikabbli f’pajjiżhom
    • ir-rimedji u l-proċeduri disponibbli f’pajjiżhom fil-każ ta’ tilwim, inkluża l-proċedura SOLVIT stabbilita fir-regolament;
  • iwieġbu, mingħajr ħlas, fi żmien 15-il jum għal talbiet minn kumpaniji jew mill-awtoritajiet nazzjonali għal aktar informazzjoni;
  • meta jkun meħtieġ, jgħinu biex isiru arranġamenti għall-kuntatti bejn l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-proċedura ta’ valutazzjoni tar-regolament.

L-UE tista’ tiffinanzja l-attivitajiet li ġejjin b’appoġġ għar-regolament:

  • kampanji ta’ sensibilizzazzjoni;
  • edukazzjoni u taħriġ;
  • kooperazzjoni bejn il-punti ta’ kuntatt għall-prodotti u l-awtoritajiet kompetenti, u l-appoġġ tekniku u loġistiku għal din il-kooperazzjoni;
  • il-ġbir ta’ data relatata mal-funzjonament tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-impatt tiegħu fuq is-suq uniku għall-merkanzija tal-UE;
  • skambju ta’ uffiċjali u tal-aqwa prattiki.

Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tar-regolament sal-20 ta’ April 2025, u kull 4 snin wara dan, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Att ta’ implimentazzjoni

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1668 jistabbilixxi d-dettalji meħtieġa biex tiġi adattata s-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS) għall-finijiet ta’ rikonoxximent reċiproku.

Ir-regolament ta’ implimentazzjoni jintroduċi l-użu tal-ICSMS għal:

  • notifiki ta’ deċiżjonijiet amministrattivi (l-Artikolu 5);
  • notifiki ta’ sospensjonijiet temporanji (l-Artikolu 6);
  • notifika tal-opinjoni tal-Kummissjoni lill-pajjiżi kollha tal-UE (l-Artikolu 8);
  • skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE inkarigati mill-verifika tad-data u d-dokumenti pprovduti min-negozji waqt evalwazzjoni (l-Artikolu 10).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mid-19 ta’ April 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku: prinċipju tad-dritt tal-Unjoni skont liema l-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jipprojbixxu l-bejgħ fit-territorju tagħhom ta’ merkanzija li hija kummerċjalizzata legalment f’pajjiż ieħor tal-UE. L-unika eċċezzjoni hija fejn il-pajjiżi tal-UE jkollhom raġunijiet ta’ interess pubbliku leġittimi għar-restrizzjoni jew għaċ-ċaħda tal-aċċess għas-suq u r-restrizzjoni hija ġġustifikata u proporzjonata.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ merkanzija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2008 (ĠU L 91, 29.3.2019, pp. 1-18)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, pp. 1-44)

Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 1-38)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1-142)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/625 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, pp. 1-15)

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 549-607)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 30-47)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, pp. 1-24)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, pp. 4-17)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 27.11.2020

Top