Regoli tal-proċedura tal-għajnuna mill-Istat
SOMMARJU TA’:
Regolament (UE) 2015/1589 — l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
Dan jistipula l-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat* tal-Unjoni Ewropea.
PUNTI EWLENIN
- Bħala regola ġenerali, l-għajnuna mill-Istat hija pprojbita skont id-dritt tal-Unjoni peress li tista’ tagħti vantaġġ mhux ġust lil kumpanija waħda jew grupp ta’ kumpaniji fuq oħra, u b’hekk tfixkel il-kompetizzjoni fl-UE. Madankollu, taħt ċerti ċirkostanzi, l-għajnuna mill-Istat hija permessa biex, pereżempju, tappoġġa setturi ekonomiċi partikolari f’diffikultà. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura rilevanti għall-applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE.
- Proċedura rigward l-għajnuna notifikata: Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe pjan biex tingħata għajnuna ġdida. F’tali każijiet, il-proċeduri jinkludu l-obbligu mill-Kummissjoni li tinforma lill-pajjiż tal-UE kkonċernat mingħajr dewmien dwar il-wasla tan-notifika u li tiddeċiedi fi żmien xahrejn dwar jekk l-għajnuna hijiex legali jew jekk hijiex meħtieġa proċedura ta’ investigazzjoni ulterjuri dwar l-għajnuna.
- Fir-rigward ta’ tali proċedura ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob minn kwalunkwe pajjiż tal-UE, kumpanija jew grupp ta’ kumpaniji l-informazzjoni kollha dwar is-suq li teħtieġ sabiex tieħu deċiżjoni dwar jekk l-għajnuna hijiex legali skont ir-regoli tal-UE. Din tista’ timponi multi fuq kwalunkwe kumpanija li tipprovdi informazzjoni falza jew qarrieqa. Il-Kummissjoni għandha tipprova tasal għal deċiżjoni fi żmien 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni.
- Proċedura rigward għajnuna illegali: il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva proprja tagħha, teżamina kwalunkwe informazzjoni li tirċievi fir-rigward ta’ xi għajnuna allegatament illegali. F’każijiet bħal dawn il-proċeduri jinkludu d-dritt tal-Kummissjoni li tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tieħu deċiżjoni. Din tista’ toħroġ ukoll inibizzjonijiet li jeħtieġu li pajjiż tal-UE jipprovdi informazzjoni rilevanti (inibizzjoni ta’ informazzjoni) jew li jissospendi kwalunkwe għajnuna illegali sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern (inibizzjoni ta’ sospensjoni).
- Perjodi ta’ limitazzjoni: is-setgħa tal-Kummissjoni li tirkupra l-għajnuna hija limitata għal 10 snin mill-jum li fih tingħata l-għajnuna illegali lill-kumpanija jew lill-grupp ta’ kumpaniji rilevanti.
- Investigazzjonijiet dwar is-setturi tal-ekonomija: il-Kummissjoni għandha tagħmel investigazzjoni fejn tissuspetta li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil settur partikolari tal-ekonomija tfixkel il-kompetizzjoni. Din tista’ titlob informazzjoni dwar il-pajjiżi tal-UE u l-kumpaniji rilevanti. Meta tagħmel dan, hija għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-inkjesta tagħha u tippubblika rapport tas-sejbiet tagħha.
MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika mill-14 ta’ Ottubru 2015.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Għajnuna mill-Istat: kwalunkwe tip ta’ vantaġġ (pereżempju, għotja, taxxa jew għajnuna għall-ħlas tal-imgħax) mogħti lil kumpanija minn pajjiż tal-UE li jikkonfereixxi fuq dik il-kumpanija vantaġġ ekonomiku fuq il-kompetituri tagħha.
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, pp. 9-29)
l-aħħar aġġornament 17.10.2016
Top