EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0325

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

COM/2021/325 final

Brussell, 21.6.2021

COM(2021) 325 final

2018/0248(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni


2018/0248 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

1.Sfond

Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2018) 471 final – 2018/0248 COD):

it-13 ta’ Ġunju 2018

Data li fiha l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta

l-Opinjoni dwar il-proposta:

is-17 ta’ Ottubru 2018

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

it-13 ta’ Marzu 2019

Data tal-adozzjoni tal-approċċ ġenerali parzjali tal-Kunsill:

is-7 ta’ Ġunju 2019

Data tal-adozzjoni tal-approċċ ġenerali tal-Kunsill:

it-12 ta’ Ottubru 2020

Data tas-sitt trilogu fejn intlaħaq qbil politiku dwar punti politiċi ewlenin:

9 ta’ Diċembru 2020

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

l-14 ta’ Ġunju 2021

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (“AMF”) biex tipprovdi appoġġ imġedded u msaħħaħ għall-ġestjoni effiċjenti tal-migrazzjoni mill-Istati Membri. Il-proposta mmirat li ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-baġit kumplessiv tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri esterni.

L-objettiv tal-Fond huwa li jikkontribwixxi għal politika robusta u ġusta dwar il-migrazzjoni fl-UE. Il-Fond jindirizza b’mod primarju l-ħtiġijiet interni tal-Istati Membri tal-UE imma jirrikonoxxi wkoll l-eżiġenzi lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE, fejn jista’ jopera b’garanziji adegwati. Permezz tal-firxa ta’ modalitajiet tal-implimentazzjoni tiegħu jista’ jappoġġa azzjonijiet barra mill-UE permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, entitajiet eliġibbli stabbiliti f’pajjiżi terzi (eż. NGOs) jew pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà biex ikunu assoċjati mal-Fond.

Il-Fond jiżgura li l-UE tkompli tissodisfa l-obbligi tagħha lejn dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, b’appoġġ għar-risistemazzjoni, għall-ammissjoni umanitarja u għall-integrazzjoni ta’ applikanti għall-ażil u immigranti. Il-Fond jista’ jiffaċilita wkoll ir-ripatrijazzjoni dinjituża ta’ dawk il-persuni li ma għandhom l-ebda dritt ta’ soġġorn fl-UE u jappoġġa soluzzjonijiet li jissostitwixxu l-migrazzjoni illegali b’oħrajn legali li huma sikuri u ġestiti tajjeb.

Kif identifikat fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, kienet meħtieġa flessibilità akbar fil-ġestjoni tal-fond preċedenti biex jiġu sostnuti aħjar l-objettivi. Filwaqt li jipprovdi din il-flessibilità, il-proposta għall-Fond il-ġdid żgurat ukoll li l-finanzjament jiġi dirett lejn il-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom benefiċċju sinifikanti għall-Unjoni. Għaldaqstant ġew proposti mekkaniżmi ġodda għall-allokazzjoni tal-finanzjament għall-ġestjoni kondiviża, diretta u indiretta biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-prijoritajiet operazzjonali li qed jinbidlu.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill kif adottata fl-ewwel qari tirrifletti bis-sħiħ il-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif konkluż fid-9 ta’ Diċembru 2020.

Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim kienu:

Isem il-Fond: Il-Fond ingħata reġa’ ngħata l-isem “Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni” (AMIF), kif kien imsemmi l-fond preċedenti matul il-perjodu ta’ finanzjament 2014–2020.

Objettivi: Objettiv politiku globali u objettivi speċifiċi, inkluża ż-żieda ta’ objettiv speċifiku ġdid dwar “is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri”.

Il-Baġit: Il-pakkett finanzjarju kien allinjat mal-ammonti miftiehma għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027, jiġifieri EUR 9,9 biljun fi prezzijiet attwali. Is-sehem tal-faċilità tematika tal-pakkett finanzjarju totali tnaqqas minn 40 % għal 36,5 %. Barra minn hekk inżammet il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonalità għar-riċeviment ta’ finanzjament addizzjonali fil-fażi tar-rieżami ta’ nofs it-terminu. Kif propost, Stat Membru jrid jissottometti applikazzjonijiet għal pagament li jkopru mill-inqas 10 % tal-allokazzjoni inizjali biex il-programm tiegħu jkun eliġibbli li jirċievi allokazzjoni addizzjonali fil-qafas tar-rieżami ta’ nofs it-terminu.

Perċentwali minimi ta’ finanzjament: Il-perċentwali minimi għall-allokazzjoni tal-fondi għall-objettivi speċifiċi ġew introdotti kif ġej:

(a)Mill-inqas 15 % tar-riżorsi għall-programmi tal-Istati Membri allokati għall-objettiv speċifiku “Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA)”;

(b)Mill-inqas 15 % tar-riżorsi għall-programmi tal-Istati Membri allokati għall-objettiv speċifiku dwar il-migrazzjoni legali, l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali;

(c)Mill-inqas 20 % tar-riżorsi tal-faċilità tematika allokati għall-objettiv speċifiku dwar is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà;

(d)Mill-inqas 5 % tal-allokazzjoni inizjali tal-faċilità tematika huma destinati għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li jimplimentaw miżuri ta’ integrazzjoni.

F’każijiet debitament ġustifikati, l-Istat Membri jistgħu jiddevjaw mill-perċentwali ta’ finanzjament minimu fil-programmi tagħhom.

Ambitu tas-sostenn: L-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Anness III (Ambitu tas-sostenn) tal-AMIF se jkunu ġestiti kif ġej:

(a)L-Anness III jibqa’ lista mhux eżawrjenti ta’ azzjonijiet (“lista miftuħa”) għall-finijiet tal-programmi mfassla mill-Istati Membri;

(b)L-Anness III, bl-eċċezzjoni tal-assistenza ta’ emerġenza, isir lista eżawrjenti ta’ azzjonijiet (“lista magħluqa”) għall-finijiet tal-programmi ta’ ħidma tal-faċilità tematika. Il-Kummissjoni tista’ żżid azzjonijiet għall-Anness III permezz ta’ att delegat.

Pajjiżi terzi u d-dimensjoni esterna tal-Fond: Intlaħaq ftehim abbażi ta’ dan li ġej:

(a)Ġew inklużi salvagwardji addizzjonali għal azzjonijiet f’pajjiżi terzi u fir-rigward tagħhom (eż. proġetti tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom jeħtieġu approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni, u l-entitajiet eliġibbli stabbiliti f’pajjiżi terzi jistgħu jirċievu finanzjament biss jekk ikunu parti minn konsorzju b’mill-inqas entità waħda stabbilita fi Stat Membru);

(b)Huma biss il-pajjiżi terzi li kkonkludew ftehim mal-Unjoni dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil li jistgħu jiġu assoċjati mal-Fond fil-qafas ta’ ftehim speċifiku li jirregola l-parteċipazzjoni msemmija;

(c)Filwaqt li l-azzjonijiet f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom jibqgħu possibbli, dispożizzjonijiet ġodda jenfasizzaw in-natura interna tal-Fond u li l-programmi jridu primarjament jaqdu l-politika interna tal-Unjoni.

Proċeduri ta’ adozzjoni għall-atti ta’ implimentazzjoni: Programmi ta’ ħidma tal-faċilità tematika li għandhom jiġu adottati b’atti ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami (bil-“klawżola ta’ ebda opinjoni”). Il-proċedura aktar mgħaġġla tal-atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament ġiet inkluża għall-assistenza ta’ emerġenza. L-adozzjoni tal-mudell għar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni se ssir permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni soġġett għall-proċedura konsultattiva.

Appoġġ operazzjonali: Il-perċentwal tal-allokazzjoni li jista’ jmur għall-appoġġ operazzjonali żdied għal 15 % (minn 10 % fil-proposta tal-Kummissjoni) u ġie estiż biex ikopri azzjonijiet fil-qafas tal-objettivi speċifiċi kollha.

Risistemazzjoni, ammissjoni umanitarja u rilokazzjoni: L-ammonti fissi li għandhom jingħataw lill-Istati Membri ġew miftiehma kif ġej:

(a)Inżammu EUR 10 000 għal kull persuna ammessa permezz ta’ risistemazzjoni, inklużi l-membri tal-familja tagħhom;

(b)Ġew introdotti EUR 6 000 għal kull persuna ammessa permezz ta’ ammissjoni umanitarja. Dan l-ammont għandu jiżdied għal EUR 8 000 għal persuni vulnerabbli. Il-membri tal-familja tagħhom jistgħu jkunu eliġibbli wkoll;

(c)Inżammu EUR 10 000 għal kull min japplika jew igawdi minn protezzjoni internazzjonali u li jiġi trasferit minn Stat Membru għal ieħor, inklużi l-membri tal-familja tiegħu; (intlaħaq qbil ukoll dwar approċċ aktar sempliċi ta’ pagamenti uniċi fir-rigward tar-rilokazzjonijiet);

(d)Il-Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammonti ta’ hawn fuq permezz ta’ atti delegati biex tqis ir-rati ta’ inflazzjoni u l-iżviluppi fl-oqsma rilevanti.

Organizzazzjonijiet internazzjonali: Fit-test ġew integrati dispożizzjonijiet ġodda dwar l-awditjar u l-kontroll tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Indikaturi tal-prestazzjoni: L-indikaturi tar-riżultati u tal-output fl-Annessi V u VIII ġew issimplifikati.

Retroattività: Ġew inklużi dispożizzjonijiet ta’ retroattività biex jitqies li l-att ma kienx se jiġi adottat qabel tmiem l-2020.

Kriterji għall-allokazzjoni tal-finanzjament għall-programmi: intlaħaq qbil dwar l-Anness I tal-AMIF dwar:

(a)L-allokazzjoni inizjali biex jiġu indirizzati soċjetajiet insulari, id-distribuzzjoni kumplessiva ponderata bejn l-ażil, il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni u l-immigrazzjoni illegali u r-ripatrijazzjoni, u s-sottokriterji għall-ażil u l-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni;

(b)Id-distribuzzjoni ponderata tas-sottokriterji għall-immigrazzjoni illegali fuq il-bażi ta’ 70 % bħala proporzjon ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn u 30 % għal dawk li fil-fatt telqu mit-territorju;

(c)L-introduzzjoni ta’ xenarju bażi għar-rapportar.

B’mod kumplessiv, il-ftehim li ntlaħaq jippreserva l-objettivi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, għalkemm il-pożizzjoni miftiehma toffri ftit inqas flessibbiltà u inqas simplifikazzjoni milli kien propost fil-bidu. Il-ftehim iżomm l-istess livell ta’ ambizzjoni bħall-proposta inizjali u jipprovdi bażi legali fattibbli għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Fond.

Fl-aħħar trilogu politiku fid-9 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni indikat li kapaċi taċċetta elementi maqbula bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex jintlaħaq ftehim finali ġenerali.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.

***

Top