Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0503

    Kawża T-503/23: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2023 – Sharif vs Il-Kunsill

    ĠU C, C/2023/63, 9.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/63/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/63/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2023/63

    9.10.2023

    Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2023 – Sharif vs Il-Kunsill

    (Kawża T-503/23)

    (C/2023/63)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Ammar Sharif (Bejrut, il-Libanu) (rappreżentanti: G. Karouni et K. Assogba, avuati)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara l-illegalità tal-atti kkontestati, jiġifieri l-paragrafu 2(b) u (3) tal-Artikolu 27 u l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836 u tal-paragrafu 1a(b) tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012 u tiddikjarahom inapplikabbli fir-rigward tar-rikorrent, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawh;

    tannulla sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

    id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1035 tal-25 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u tal-Anness I tagħha;

    ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1027 tal-25 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u tal-Anness II tiegħu;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 10,000 bħala kumpens għad-danni kollha flimkien;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk inkorsi mir-rikorrenti u dawk li hija tirriżerva d-dritt li tiġġustifika matul il-proċedura.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra l-kriterju ta’ inklużjoni ta’ persuni marbuta ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf imsemmija fil-paragrafu 2(b) tal-Artikolu 27 u l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836 u l-paragrafu 1a(b) tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012. Ir-rikorrent jinnota li ismu nżamm fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi li tidher fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1035, u fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 36/2102, implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1027, dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja, għar-raġuni li jkun: “Assoċjat ma' membru tal-familja Makhlouf (ħaten Rami Makhlouf)”. Għalhekk huwa jsostni li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu l-bażi legali tal-atti kkontestati u li teżisti rabta diretta bejn l-ewwel atti ta’ portata ġenerali li r-rikorrent qiegħed isofri l-konsegwenzi tagħhom u t-tieni li jikkostitwixxu l-atti kkontestati;

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi fattwali suffiċjenti u żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli żamm ismu fil-listi inkwistjoni b’riferiment għal persuna li l-bidla fis-sitwazzjoni tagħha hija madankollu notorja u magħrufa minn kulħadd. Huwa jemmen li billi d-destin tiegħu jiddependi fuq dak ta’ Rami Makhlouf, li s-sitwazzjoni tiegħu jagħżel li ma jerġax jeżamina mill-ġdid jew jaġġorna abbażi tal-kuntest li qed jevolvi fis-Sirja, il-Kunsill qed jagħmel ħsara serja lill-interessi tiegħu. Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Kunsill mhux qed jieħu inkunsiderazzjoni verament is-sitwazzjoni personali tiegħu. Ir-rikorrent isostni li qata’ kull assoċjazzjoni mal-attivitajiet allegati kontrih, b’konsegwenza li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova jew sensiela ta’ indizji li jagħmlu l-eżistenza ta’ ilment kontrih raġonevolment kredibbli, minbarra ċ-ċirkustanza ta’ rabta familjari ma’ membru tal-familja Makhlouf, iż-żamma ta’ ismu fil-listi tal-atti kkontestati ma hijiex iġġustifikata.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/63/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top