This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0453
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 10 November 2016.#Openbaar Ministerie v Halil Ibrahim Özçelik.#Request for a preliminary ruling from the Rechtbank Amsterdam.#Reference for a preliminary ruling — Urgent preliminary ruling procedure — Police and judicial cooperation in criminal matters — European arrest warrant — Framework Decision 2002/584/JHA — Article 8(1)(c) — Concept of ‘arrest warrant’ — Autonomous concept of EU law — National arrest warrant issued by a police service and confirmed by a public prosecutor for the purpose of criminal proceedings.#Case C-453/16 PPU.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016.
Proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Halil Ibrahim Özçelik.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 8(1)(ċ) – Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest’ – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni – Mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn servizz ta’ pulizija u vvalidat minn prosekutur għall-finijiet ta’ azzjonijiet.
Kawża C-453/16 PPU.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016.
Proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Halil Ibrahim Özçelik.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 8(1)(ċ) – Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest’ – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni – Mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn servizz ta’ pulizija u vvalidat minn prosekutur għall-finijiet ta’ azzjonijiet.
Kawża C-453/16 PPU.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:860
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
10 ta’ Novembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Mandat ta’ arrest Ewropew — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Artikolu 8(1)(ċ) — Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest’ — Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni — Mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn servizz ta’ pulizija u vvalidat minn prosekutur għall-finijiet ta’ azzjonijiet”
Fil-Kawża C‑453/16 PPU,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra
Halil Ibrahim Özçelik,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, H. Stergiou u B. Koopman, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann, u J. Möller u R. Riegel, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. M. Tátrai kif ukoll minn G. Koós u Z. Fehér, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika ĠU L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Veszprémi Járásbíróság (qorti tad-distrett ta’ Veszprém, l-Ungerija) kontra Halil Ibrahim Özçelik. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 5, 6, 8 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprovdi: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]. […]” |
5 |
L-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi l-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari. |
6 |
Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”: “1. L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat. 2. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat. 3. Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.” |
7 |
L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas jirrigwarda l-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Skont il-paragrafu 1(ċ) ta’ dan l-artikolu: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jinsab fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-forma li tinsab fl-Anness: […]
|
Id-dritt Olandiż
8 |
L-Overleveringswet (liġi dwar il-konsenja) tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas fid-dritt Olandiż. L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi: […]
[…]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 5 tal-liġi dwar il-konsenja jipprovdi: “Il-konsenja għandha ssir biss lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew meħuda skont din.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Fil‑21 ta’ Ġunju 2016, il-Veszprémi Járásbíróság (qorti tad-distrett ta’ Veszprém) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra Halil Ibrahim Özçelik, ċittadin Tork, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontrih għal żewġ reati mwettqa fl-Ungerija u ssanzjonati kriminalment f’dan l-Istat Membru. |
11 |
Ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet adita b’talba intiża għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. Din il-qorti tirrileva li, fil-punt (b) tal-formola li tinsab fl-anness tad-Deċiżjoni Qafas, li jipprevedi li għandu jiġi indikat il-mandat ta’ arrest jew id-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-istess effett li fuqu huwa bbażat il-mandat Ewropew, hemm riferiment għall-“mandat ta’ arrest Nru 19060/93/2014.bü., maħruġ mid-dipartiment tal-Pulizija ta’ Ajka u kkonfermat bid-deċiżjoni tal-prosekutur ta’ Ajka tal‑14 ta’ Ġunju 2016”. |
12 |
Permezz ta’ talba għal informazzjoni tat‑8 ta’ Lulju 2016, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-awtoritajiet Ungeriżi dwar ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-Ungerija u, b’mod partikolari, dwar l-indipendenza tiegħu fil-konfront tas-setgħa eżekuttiva, kif ukoll dwar l-implikazzjonijiet tal-validazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-pulizija. |
13 |
Fl‑14 ta’ Lulju 2016, l-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew tweġiba għal din it-talba, li minnha jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa indipendenti mis-setgħa eżekuttiva u li huwa għandu r-rwol li jiżgura, matul il-fażi istruttorja kollha, li s-servizzi tal-pulizija josservaw il-liġi u li l-persuna ssuspettata tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha. Dawn l-awtoritajiet speċifikaw ukoll li, fil-kuntest ta’ dan ir-rwol, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jemenda jew jannulla deċiżjoni meħuda mill-pulizija, meta dan jaġixxi bħala awtorità istruttorja u jekk iqis li din id-deċiżjoni ma hijiex konformi mal-liġi jew mas-suġġett tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija awtoritajiet indikaw li l-prosekutur li jkun ivvalida mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mill-pulizija jista’ jintervjeni matul il-proċedura kriminali kkonċernata, bħala rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. |
14 |
Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji fuq il-kwistjoni dwar jekk mandat ta’ arrest nazzjonali, maħruġ mill-pulizija u sussegwentement ivvalidat b’deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, jistax jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas. |
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il-proċedura b’urġenza
16 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
17 |
Insostenn ta’ din it-talba, hija b’mod partikolari tinvoka l-fatt li H. I. Özçelik attwalment jinsab imċaħħad mil-libertà tiegħu, pendenti l-konsenja effettiva tiegħu lill-awtoritajiet Ungeriżi. |
18 |
Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, li taqa’ fl-oqsma li jinsabu fit-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, huwa jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
19 |
Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 24). Fil-fatt, il-miżura ta’ detenzjoni li H. I. Özçelik huwa s-suġġett tagħha ġiet ordnata, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra l-persuna interessata. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil‑31 ta’ Awwissu 2016, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domandi preliminari
21 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġi eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li validazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ preċedentement għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali minn servizz tal-pulizija, tikkostitwixxi “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
22 |
L-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinkludi informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ “sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2” tad-Deċiżjoni Qafas. Din l-informazzjoni għandha tissemma fil-punt b) tal-formola, annessa mad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Deċiżjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat ta’ arrest” u li l-punt 1 tiegħu jipprevedi li għandu jiġi indikat il-“[m]andat ta’ arrest jew [id-] deċiżjoni ġudizzjarja li jkollh[a] l-istess effett”. |
23 |
Għandu jitfakkar li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 75 sa 77). |
24 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħrajn kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13, tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191). |
25 |
Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2), tad-Deċiżjoni Qafas, li konformement miegħu l-Istati Membri huma bħala prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, previsti fl-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet limitatament previsti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas (sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Dan ingħad, il-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest”, li jissemma fl-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, jindika biss il-mandat ta’ arrest nazzjonali, u dan għandu jinftiehem li jindika deċiżjoni ġudizzjarja distinta mill-mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob‑Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punti 46 u 58). |
28 |
F’dan il-każ, il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħareġ mill-Veszprémi Járásbíróság (qorti tad-distrett ta’ Veszprém) u jagħmel riferiment għal mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mill-pulizija Ungeriża u vvalidat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju li permezz tagħha l-Prosekutur ivvalida l-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mis-servizz tal-pulizija kkonċernat tikkostitwixxi l-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
30 |
F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-gvern Ungeriż jirriżulta li l-validazzjoni, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, tal-mandat ta’ arrest maħruġ minn dan is-servizz ta’ pulizija hija att ġuridiku li permezz tiegħu l-Uffiċċju tal-Prosekutur jistħarreġ u jikkonferma dan il-mandat ta’ arrest. Wara din il-validazzjoni, li tidher fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jitqies li huwa responsabbli mill-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali. Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, il-fatt li dan il-mandat ta’ arrest nazzjonali jkun inħareġ minn servizz ta’ pulizija ma għandux rilevanza, sa fejn il-validazzjoni tiegħu mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tippermetti, bħalma irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Uffiċċju tal-Prosekutur jiġi assimiljat għall-awtur ta’ dan il-mandat ta’ arrest. |
31 |
Konsegwentement, tqum il-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur taqax taħt il-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas. |
32 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 33 u 38 tas-sentenza tal-lum, Poltorak, (C‑452/16 PPU), li fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tagħha, il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” għandu jitqies li jirreferi għall-awtoritajiet li jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ pulizija. |
33 |
Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-interpretazzjonijiet li jsiru tad-dispożizzjonijiet differenti tad-Deċiżjoni Qafas, din l-interpretazzjoni tidher, bħala prinċipju, li tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 8(1)(ċ) tagħha. Konsegwentement, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja” ikopri d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet li jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ pulizija. |
34 |
Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, għandu jiġi rrilevat li peress li l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa awtorità li tagħmel parti mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:2016:483, punt 39), id-deċiżjoni ta’ tali awtorità għandha titqies li hija deċiżjoni ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas. |
35 |
Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija meħtieġa wkoll fid-dawl tal-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas. Din hija intiża, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-gvern Ungeriż jirriżulta li l-validazzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonali mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ċ-ċertezza li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq deċiżjoni li għaddiet minn stħarriġ ġudizzjarju. Tali validazzjoni tiġġustifika, konsegwentement, il-livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri, imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
37 |
Minn dan jirriżulta li deċiżjoni ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas. |
38 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, validazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, maħruġ qabel, għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, minn servizz ta’ pulizija. |
Fuq l-ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-validazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, maħruġ qabel għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali minn servizz ta’ pulizija. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.