EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0205

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Ruiz-Jarabo Colomer - 25 ta' Ġunju 2009.
Umweltanwalt von Kärnten vs Kärntner Landesregierung.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Umweltsenat - l-Awstrija.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 234 KE - Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ - Ammissibbiltà - Direttiva 85/337/KEE- Stima tal-effetti fuq l-ambjent - Bini ta’ kejbils tal-elettriku - Tul ta’ iktar minn 15-il km -Bini transkonfinali - Kejbil transkonfinali - Tul totali jeċċedi l-limitu - Kejbil li jinsab prinċipalment fit-territorju tal-Istat Membru ġar - Tul tas-sezzjoni nazzjonali inqas mil-limitu.
Kawża C-205/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11525

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:397

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2009 ( 1 )

Kawża C-205/08

Umweltanwalt von Kärnten

vs

Kärntner Landesregierung

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 234 KE — Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ — Ammissibbiltà — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Bini ta’ kejbils tal-elettriku fil-għoli — Tul ta’ iktar minn 15-il km — Bini transkonfinali — Kejbil transkonfinali — Tul totali li jeċċedi l-limitu — Kejbil li jinsab prinċipalment fit-territorju tal-Istat Membru ġar — Tul tas-sezzjoni nazzjonali inqas mil-limitu”

I — Introduzzjoni

1.

L-Umweltsenat (il-qorti tal-kwistjonijiet ambjentali) tal-Awstrija qed tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, li tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent ( 2 ), sabiex jiġi ċċarat jekk, għall-kejl ta’ kejbil tal-elettriku fil-għoli msemmi mill-Anness I tad-Direttiva, għandiex tittieħed bħala referenza biss il-parti tal-kejbil tal-elettriku li tinstab fit-territorju ta’ kull Stat Membru, jew bil-kontra, għandux jiġi kkunsidrat it-tul effettiv tal-installazzjoni kollha, minkejja li l-kejbil jaqsam il-fruntieri ta’ iktar minn Stat Membru wieħed.

2.

Minbarra din il-kwistjoni, din il-kawża qed terġa’ tqajjem dubji rigward in-natura ġudizzjarja tat-tribunali amministrattivi indipendenti Awstrijaċi (Senate). Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tressqu kemm-il darba talbiet għal deċiżjoni preliminari min-naħa tas-Senate, entitajiet imsemmija fl-Artikoli 11(7) u 129 tal-Kostituzzjoni Awstrijaka. Minkejja li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, dawn it-talbiet ġew iddikjarati ammissibbli, ma naqsitx il-kritika li ġibdet l-attenzjoni għall-inkompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 234 KE. Issa jmiss lill-Umweltsenat, korp kważi-ġudizzjarju speċjalizzat fil-qasam ambjentali, li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Suprema).

3.

Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża De Coster ( 3 ) issuġġerejt interpretazzjoni tal-Artikolu 234 KE li torbot id-djalogu bejn il-qrati Ewropej mal-korpi li jeżerċitaw funzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, niċħad kwalunkwe possibbiltà li entitajiet li ma humiex parti mis-sistema ġudizzjarja jkollhom il-locus standi biex iressqu talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex ma tkunx żnaturata l-filosofija li fuqha hija msejsa din id-dispożizzjoni. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Umweltsenat tippermettili li nanaliżża dan l-argument iktar fil-fond u biex nikkompleta r-raġunament li ppreżentajt fil-konklużjonijiet imsemmija. L-argument tiegħi ma jimplikax l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE ta’ kull entità li mhix parti mis-sistema ġudizzjarja nazzjonali. Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża De Coster nipproponi li għandu jiġi stabbilit ċertu ordni f’ġurisprudenza li hija wisq ambigwa. Bl-istess mod, jiena konxju mill-fatt li, f’ċerti Stati Membri, hemm awtoritajiet li ma jagħmlux parti mis-sistema ġudizzjarja imma li għandhom funzjonijiet essenzjalment ġudizzjarji. Dan l-aħħar aspett huwa s-suġġett li biħsiebni niddiskuti f’din il-kawża, peress li l-Umweltsenat tifforma parti minn struttura burokratika li, skont ċerti awturi, twettaq attivitajiet ekwivalenti għall-funzjoni ġudizzjarja.

II — Il-fatti

4.

Il-kumpannija Taljana Rete Elettrica Nazionale SpA u l-kumpannija Awstrijaka VERBUND-Austrian Power Gris AG abbozzaw proġett konġunt għall-bini u għall-ġestjoni sussegwenti ta’ kejbil tal-elettriku fil-għoli, b’enerġija nominali ta’ 300 MVA. It-tul totali previst għal-kejbil huwa ta’ madwar 49 km, li minnhom 41 km jinsabu fit-territorju tal-Italja u madwar 7 km fit-territorju tal-Awstrija.

5.

Fit-12 ta’ Lulju 2007, Alpe Adria Energia SpA għamlet talba lill-awtoritajiet ambjentali tal-Awstrija biex tikseb dikjarazzjoni ta’ konformità skont l-Artikolu 3(7) tal-Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000 (Liġi Awstrijaka dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-2000). Il-korp amministrattiv kompetenti f’dan ir-rigward kien il-Gvern tal-Land ta’ Karinzja li, fil-11 ta’ Ottubru tal-istess sena, iddeċieda li ma jwettaqx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem is-“SEA”) peress li l-proġett inkwistjoni ma kienx jilħaq, fit-territorju tal-Awstrija, il-limitu ta’ tul ta’ 15-il km stabbilit mid-Direttiva 85/337.

6.

Kontra din id-deċiżjoni, il-Landesumweltanwalt von Kärnten (Ombudsman għall-ambjent tal-Land ta’ Karinzja) appella quddiem l-Umweltsenat, fejn sostna l-obbligu li tiġi applikata d-Direttiva għall-każ inkwistjoni. Skont l-Ombudsman, il-kejl ta’ referenza ta’ proġett b’effetti fuq l-ambjent ma għandux ikun illimitat għat-territorju ta’ kull Stat Membru, peress li jeħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-biċċa xogħol kollha inkwistjoni. B’ittra tal-5 ta’ Frar 2008, Alpe Adria Spa kkontestat l-argument tal-appellant quddiem l-Umweltsenat. L-imsemmija entità ssospendiet il-kawża prinċipali u ressqet din id-domanda preliminari interpretattiva skont l-Artikolu 234 KE.

III — Il-kuntest ġuridiku

A — Il-dritt Komunitarju

7.

L-għan tad-Direttiva 85/337 huwa l-prevenzjoni u, filwaqt li tikkunsidra l-effetti ta’ kwalunkwe proġett fuq l-ambjent tal-madwar, għandha l-għan li tevita d-danni kkawżati minn xogħlijiet jew installazzjonijiet, kif ukoll minn interventi oħrajn fuq l-ambjent naturali jew fuq il-pajsaġġ. Dan il-għan huwa ddefinit b’mod ċar fl-Artikolu 1, li jipprovdi:

“Artikolu 1

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima ta’ l-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

 

‘proġett’ tfisser:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

[…]

 

‘kunsens għal żvilupp’ tfisser:

 

id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.

[…]”.

8.

In-natura preventiva tal-istima tal-effetti fuq l-ambjent u l-proġetti suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jissemmew fl-Artikoli 2(1) u 4(1) tal-imsemmija direttiva:

“Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, [tingħata l-awtorizzazzjoni] il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni [awtorizzazzjoni] għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

L-Artikolu 4

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.”

9.

Wara lista ta’ arranġamenti proċedurali previsti għall-istima tal-effetti fuq l-ambjent, inklużi fl-imsemmija dispożizzjonijiet, l-Anness I jissuġġerixxi l-imsemmija lista ta’ proġetti, fejn il-punt 20 huwa partikolarment rilevanti fir-rigward ta’ dan il-każ:

“20.

Il-bini ta’ kejblijiet [kejbils] ta’ l-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ iktar minn 15-il km.”

10.

Fir-rigward tax-xogħlijiet transkonfinali, jew tax-xogħlijiet li l-effetti tagħhom imorru lil hinn mill-fruntieri territorjali ta’ Stat Membru wieħed, l-Artikolu 7 tad-Direttiva jiddefinixxi l-azzjonijiet tal-Istati Membri b’dan il-mod:

“L-Artikolu 7

1.   Fejn Stat Membru isir ikun jaf illi proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew meta Stat Membru li x’aktarx ikun sejjer jiġi affettwat sinifikatament jitlob hekk, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu jibgħat lill-Istat Membru affettwat malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn meta jgħarraf lill-pubbliku tiegħu, fost ħwejjeġ oħra, bi:

(a)

deskrizjoni tal-proġett, flimkien ma’ kull tagħrif disponibbli dwar l-impatt possibbli tiegħu meta dan jaqsam il-fruntieri;

(b)

tagħrif dwar in-natura tad-deċiżjoni li tista’ tittieħed,

u għandu jagħti lill-Istat Membru l-ieħor żmien raġjonevoli jindika jekk jixtieqx jieħu sehem fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2), u jista’ jinkludi t-tagħrif riferit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Jekk Stat Membru li jirċievi t-tagħrif skond il-paragrafu 1 jindika illi jkun beħsiebu jieħu sehem fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2), l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu, jekk ma jkunx diġà għamel hekk, jibgħat lill-Istat Membru affettwat it-tagħrif meħtieġ skond l-Artikolu 6(2) u li jagħmel disponibbli skond l-Artikolu 6(3)(a) u (b).

3.   L-Istati Membri interessati, kull wieħed safejn jirrigwarda lilu, għandhom ukoll:

(a)

jirranġaw biex it-tagħrif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ikunu magħmula disponibbli, fi żmien raġjonevoli, lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u lill-pubbliku interessat fit-territorju ta’ l-Istat Membru li x’aktarx ikun sejjer jiġi affettwat sinifikament; u

(b)

jiżguraw illi dawn l-awtoritajiet u l-pubbliku interessat jingħataw opportunità, qabel ma jiġi konċess il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp, li jagħtu l-opinjoni tagħhom fi żmien raġjonevoli dwar it-tagħrif fornit lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun maħsub li jitwettaq il-proġett.

4.   L-Istati Membri interessati għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet rigward, fost ħwejjeġ oħra, l-effetti potenzjali li jaqsmu l-fruntiera dwar il-proġett u l-miżuri previsti li jnaqqsu jew jeliminaw dawn l-effetti u għandhom jiftiehmu fil-qafas ta’ żmien raġjonevoli dwar it-tul tal-perjodu taż-żmien tal-konsultazzjoni.

5.   L-arranġamenti ddettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri interessati u għandhom ikunu hekk li jgħinu lill-pubbiku interessat fit-territorju ta’ l-Istat membru affettwat li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(2) għall-proġett”.

B — Id-dritt nazzjonali

11.

Fl-Awstrija, hemm entitajiet speċjalizzati, li ma jaqgħux taħt is-sistema ġudizzjarja, li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Suprema Amministrattiva). L-Artikolu 11(7) tal-Liġi fundamentali jipprovdi espressament, inter alia, biex tkun stabbilita l-Umweltsenat:

“Għall-proġetti msemmija fil-punt 7 tal-paragrafu 1, — tkun ġiet eżawrita l-proċedura tar-rikorsi amministrattivi fil-Land ikkonċernat, id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-unabhängiger Umweltsenat. L-unabhängiger Umweltsenat hija kkostitwita mill-president, mill-maġistrati u minn membri ġuristi oħrajn esperti fil-qasam u għandha tiġi stabbilita fil-Ministeru Federali kompetenti. Il-kostituzzjoni, il-funzjonijiet, u l-proċeduri ta’ din l-entità huma rregolati permezz tal-liġi federali. Id-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu annullati jew emendati permezz ta’ proċeduri amministrattivi; id-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.”

12.

L-Umweltsenat inħolqot fl-1993 u hija rregolata mill-Bundesgesetz über den Umweltsenat (Liġi federali dwar l-Umweltsenat; iktar ’il quddiem l-“USG 2000”).

13.

Skont l-Artikolu 1 tal-USG 2000:

“1.   Għandu jiġi stabbilit Umweltsenat fil-Bundesministerium für Land — und Forstwirtschaft Umwelt und Wasserwirtschaft (Ministeru Federali tal-Agrikoltura, tal-Foresti, tal-Ambjent u tar-Riżorsi tal-Ilma).

2.   L-Umweltsenat għandu jkun kompost minn għaxar maġistrati u minn 32 ġurista ieħor […]”

14.

Skont l-Artikolu 4 tal-USG 2000:

“Il-membri tal-Umweltsenat jwettqu dmirijiethom b’mod indipendenti u ma humiex marbuta b’istruzzjonijiet.”

15.

L-Artikolu 5 tal-USG 2000 jipprovdi wkoll li:

“L-Umweltsenat tiddeċiedi dwar appelli li jirrigwardaw kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni parti tal-Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000 (Liġi tal-Awstrija dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-2000; iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000” ( 4 )) […]”.

16.

L-Artikolu 6 tal-USG 2000 sussegwenti jipprovdi li:

“Id-deċiżjonijiet tal-Umweltsenat ma jistgħux jiġu annullati jew emendati permezz ta’ proċeduri amministrattivi. Huma jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.”

17.

L-UVP-G 2000 ittrasponiet id-Direttiva 85/337 fis-sistema legali tal-Awstrija. Ir-rekwiżiti biex proġetti partikolari jiġu suġġetti għas-SEA huma stabbiliti fl-Artikolu 3(1):

“1.   Il-proġetti msemmija fl-Anness I kif ukoll il-bidliet f’dawn il-proġetti għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin. Għall-proġetti msemmija fil-kolonni 2 u 3 tal-Anness I għandha tiġi applikata l-proċedura ssemplifikata […]”.

18.

L-Artikolu 2(2) tal-UVP-G 2000 jiddefinixxi l-kunċett ta’ proġett:

“2.   Proġett huwa t-twettiq ta’ installazzjoni jew ta’ intervent ieħor fuq l-ambjent jew fuq il-pajsaġġ, inklużi l-miżuri kollha konnessi miegħu, mil-lat ġeografiku u materjali. Proġett jista’ jinkludi installazzjoni waħda jew iktar jew intervent wieħed jew iktar, jekk fosthom ikun hemm konnessjoni ġeografika jew materjali”.

19.

It-titoli tat-tabelli tal-Anness I għall-UVP-G 2000 jindikaw il-proġetti suġġetti għal proċedura ta’ SEA. Minn naħa, fil-kolonni 1 u 2 tal-Anness jissemmew il-proġetti kollha li huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u li għandhom jiġu suġġetti għall-proċedura tas-SEA (kolonna 1) jew għal proċedura ssemplifikata (kolonna 2). Min-naħa l-oħra, fil-kolonna 3 jissemmew il-proġetti li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent biss meta ċerti kundizzjonijiet huma sodisfatti.

20.

Fil-punt (a) tal-kolonna 1 tal-punt 16 jissemmew il-“kejbils tal-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ iktar minn 15-il km”. Fil-punt (b) tal-kolonna 3 tal-istess punt, jissemmew il-“kejbils tal-elettriku fl-għoli li jinsabu f’żoni taħt protezzjoni speċjali li jissemmew fil-kategorija A jew B b’voltaġġ ta’ 110 kV jew iktar u b’tul ta’ iktar minn 20 km”.

IV — Id-domanda preliminari

21.

B’digriet tat-2 ta’ Mejju 2008, l-Umweltsenat għamlet domanda preliminari intepretattiva skont l-Artikolu 234 KE. Wara li argumentat fil-qosor li jeżistu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni (b’mod partikolari, li l-entità tar-rinviju għandha natura ġudizzjarja), l-Umweltsenat għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent […] għandha tiġi interpretata fis-sens li, Stat Membru huwa marbut jipprovdi għal obbligu li ssir evalwazzjoni tat-tipi ta’ proġetti elenkati fl-Anness I tad-direttiva, b’mod partikolari fil-punt 20 (Bini ta’ kejbils tal-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ aktar minn 15-il kilometru), anki għal dak li jikkonċerna l-installazzjoni proġettata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar meta l-limitu li jagħti lok għall-obbligu li ssir evalwazzjoni (f’dan il-każ it-tul ta’ aktar minn 15-il kilometru) ċertament ma huwiex milħuq mill-parti tal-installazzjoni li tinsab fit-territorju tiegħu iżda, min-naħa l-oħra, jintlaħaq, saħansitra jinqabeż, jekk tiġi inkluża l-parti tal-installazzjoni proġettata li tinsab fit-territorju ta’ l-Istat Membru ġar jew ta’ Stati Membri ġirien?”

22.

Id-digriet tal-Umweltsenat ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Mejju 2008. Alpe Adria Energía SpA u l-Ombudsman għall-ambjent tal-Land ta’ Karinzja kif ukoll il-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet, fit-terminu previst mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23.

La l-Kummissjoni u lanqas il-partijiet għall-kawża prinċipali ma talbu li ssir seduta fit-terminu previst, u għaldaqstant il-każ kien lest għat-tħejjija ta’ dawn il-konklużjonijiet fl-24 ta’ April 2009.

V — Fuq l-ammissibbiltà

24.

Id-domanda preliminari li għamlet l-Umweltsenat tqajjem mill-ġdid dubji rigward il-kapaċità tal-entitajiet indipendenti tal-Awstrija li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE. Minkejja li f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari ħadd ma qajjem din il-problema, xorta jeħtieġ li tiġi analizzata, minħabba l-importanza li dawn l-entitajiet għandhom fi ħdan l-istruttura ġudizzjarja tal-Awstrija. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba dwar in-natura ġudizzjarja tal-imsemmija entitajiet, imma mhux dejjem bl-istess mod. F’dan il-kuntest, għandha titfakkar il-ġurisprudenza u għandhom jiġu esposti ċerti kunsiderazzjonijiet li jgħinu sabiex tiġi identifikata l-gwida li jagħtu.

A — Il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 234 KE u l-entitajiet li ma jaqgħux taħt is-sistema legali tal-Istati Membri

25.

Fis-sentenza Vaassen-Goebbels ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-awturi tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu ddefiniti skont kriterji Komunitarji u mhux skont id-dritt nazzjonali. Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet ir-rekwiżiti magħrufa li jeżiġu li l-qrati jkollhom oriġini legali, ikunu permanenti, jipprovdu għan-natura kontradittorja tal-proċedura, ikollhom natura obbligatorja u japplikaw ir-regoli tad-dritt. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża De Coster, mal-mogħdija taż-żmien dawn ir-rekwiżiti ttaffew, sakemm saru jinkludu taħlita ta’ istituzzjonijiet, li mhux dejjem huma koerenti mal-ispirtu ġudizzjarju li fuqu huwa msejjes l-Artikolu 234 KE.

26.

Din l-attitudni flessibbli tal-ġurisprudenza kkawżat ċerti problemi li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma solvietx. Minħabba li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie estiż għal awtoritajiet b’funzjonijiet simili għal dawk ġudizzjarji, entitajiet li ma jaqgħux taħt is-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru tħallew iressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari. Ir-riżultat ma huwiex kompletament negattiv, peress li kull tradizzjoni nazzjonali tqassam is-setgħa ġudizzjarja fuq il-bażi tal-kultura u tal-użanzi tagħha, u d-dritt Komunitarja għandu jirrispetta dan it-tqassim. Madankollu, dan l-iżvilupp jimplika periklu: f’daqqa waħda jiġu introdotti fid-djalogu, dwar id-deċiżjonijiet preliminari, entitajiet kważi-ġudizzjarji li ma għandhom l-ebda konnessjoni mal-funzjonijiet ġudizzjarji. Dan il-bilanċ delikat tkisser diversi drabi, bħal fil-kawża Gabalfrisa ( 6 ), fejn ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mressaq minn “tribunal económico-administrativo” Spanjol ġie kkunsidrat bħala ammissibbli. F’dan il-każ insibu riskju simili, li jikkonċerna s-“Senate” tal-Awstrija, entitajiet li ma jaqgħux taħt is-sistema ġudizzjarja ordinarja.

27.

F’dan il-kuntest, id-domandi tal-Umweltsenat jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi b’mod iktar dettaljat il-ġurisprudenza tagħha. Jiena stess hawnhekk qed nieħu l-okkażjoni biex niżviluppa l-argument li spjegajt ħafif ħafif fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża De Coster, u nitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi ġurisprudenza iktar rigoruża u koerenti meta l-entitajiet li jinvokaw l-Artikolu 234 KE ma jkunux konnessi mas-sistema ġudizzjarja. Kważi kważi nazzarda nissuġġerixxi xi punti utli għall-protezzjoni tad-djalogu, rigward id-deċiżjonijiet preliminari, stabbilit mill-imsemmija dispożizzjoni, sabiex ikun żgurat li d-djalogu jibqa’ fis-seħħ u għaldaqstant aċċessibbli għal dawk li ngħataw il-funzjoni li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet bejn il-partijiet.

1. Ir-rilevanza istituzzjonali tal-qrati nazzjonali fil-proċess ta’ integrazzjoni u r-rwol tat-talba għal deċiżjoni preliminari

28.

Kif sostnejt fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża De Coster, l-estensjoni tal-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 234 KE lil hinn mil-limiti tas-sistema ġudizzjarja jwassal għal għadd ta’ diffikultajiet li għandhom jiġu kkunsidrati ( 7 ). M’iniex se nirrepeti dak li diġà għidt, però nixtieq nisħaq fuq ċerti kunċetti li huma partikolarment interessanti fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza.

29.

Ma huwiex neċessarju jiġi enfasizzat ir-rwol strateġiku li għandhom il-qrati nazzjonali għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Billi rrediġew l-Artikolu 234 KE u żammewh l-istess għal iktar minn nofs seklu, il-fondaturi tal-Unjoni u s-suċċessuri tagħhom ikkonċentraw l-attenzjoni tagħhom fuq it-tisħiħ tal-leħen istituzzjonali ta’ waħda mis-setgħat tal-Istati Membri: il-ġustizzja. L-għażla hija waħda maħsuba u l-istorja tixhed dan. L-Unjoni kienet ikkaratterizzata mill-fatt li hija integrazzjoni ta’ dritt u permezz tad-dritt, biex b’hekk ġie stabbilit ir-rwol fundamentali tal-qrati fl-ispazju kostituzzjonali Ewropew ( 8 ). Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa l-konferma ta’ din ir-realtà mill-perspettiva proċedurali. Peress li huwa poter ibbażat fuq l-indipendenza, fuq ir-rispett tal-liġi u fuq is-soluzzjoni tat-tilwim, il-maġistratura għandha leħen partikolari, maqtugħa mix-xena politika u marbuta biss mar-rieda tad-dritt ( 9 ). Meta taw poteri speċjali lill-qrati nazzjonali, it-trattati pprovaw isaħħu l-awtorità ta’ sistema żagħżugħa, li nħolqot apposta għal organizzazzjoni internazzjonali li qatt ma kien hemm bħalha qabel.

30.

Is-suċċess ta’ dan l-istrument jidher ċar. Bis-saħħa tad-djalogu bejn il-qrati, ġew iddefiniti, wieħed wieħed, il-karatteristiċi ġenetiċi tas-sistema l-ġdida: l-effett dirett ( 10 ), is-supremazija tad-dritt Komunitarju ( 11 ), ir-responsabbiltà ( 12 ), l-effettività ( 13 ), l-ekwivalenza ( 14 ) u bosta prinċipji oħrajn li fformaw is-sistema legali tal-Unjon ( 15 ). Barra minn hekk, peress li dawn huma entitajiet indipendenti u li għandhom mezzi ta’ natura eżekuttiva, l-applikazzjoni tar-regoli Ewropej ibbenefikat mill-awtorità li tagħti l-imparzjalità ( 16 ).

31.

Ir-rwol strateġiku tal-qrati nazzjonali ma jibqax jissussisti meta fid-djalogu rigward id-deċiżjonijiet preliminari jidħlu entitajiet li għandhom natura amministrattiva, li jiddependu mill-poter tal-eżekuttiv u li ma jkollhomx status bħal qorti. Minkejja li ċerti entitajiet tal-eżekuttiv għandhom kompetenzi simili għal dawk ġudizzjarji, ma għandux jinħeba l-wiċċ veru tal-amministrazzjoni pubblika għaliex ċertu tip ta’ proċedura għandha karatteristiċi ta’ proċedura ġudizzjarja. Din il-kritika ssir iktar iebsa jekk wieħed josserva li, ġeneralment, id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-kważi-qrati jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati awtentiċi tal-Istat. Jekk l-Artikolu 234 KE attribwixxa lil wieħed mill-poteri tal-Istat ir-rwol ta’ interlokutur ipprivileġġjat, ma jagħmilx sens li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni tiġi estiża sabiex fid-djalogu rigward id-deċiżjonijiet preliminari jiġu inklużi entitajiet oħrajn li d-deċiżjonijiet tagħhom eventwalment jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati. Għal dawn ir-raġunijiet, fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża De Coster, ipproponejt eċċezzjoni mir-regola ġenerali meta d-deċiżjonijiet amministrattivi ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati quddiem qorti ( 17 ), każ fejn tkun għalkollox iġġustifikata l-estensjoni tal-Artikolu 234 KE għal sitwazzjonijiet oħrajn sabiex ikun evitat ir-riskju li jkunu kompromessi l-koerenza u l-uniformità tad-dritt Komunitarju, u fl-istess ħin jiġi ppreġudikat id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

32.

L-awtorità tas-sistema legali Ewropea għalhekk għandha komponent ġudizzjarju qawwi. Ma nkunux qed neżaġeraw jekk nikkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja bħala responsabbli, fl-aħħar mill-aħħar, mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz tal-qrati nazzjonali.

33.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mhux dejjem tat risposta koerenti għat-tħassib muri. Wara l-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża De Coster, it-tħassib li jsir ordni fil-ġurisprudenza jidher li naqas, pero’ l-ordni attwali tal-ġurisprudenza xorta waħda ma tipprovdix gwida ċara. Minkejja li l-kawżi Schmid ( 18 ) u Syfait ( 19 ) ġew konklużi b’dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa minn entitajiet relatati mal-awtoritajiet amministrattivi, din il-konklużjoni ġiet deċiża minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza tal-entitajiet tar-rinviju. Fl-imsemmija sentenzi, ma hemmx riflessjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-bilanċ istituzzjonali meħtieġ mill-Artikolu 234 KE, u jidher li tkun meħtieġa immaġinazzjoni kbira biex wieħed jipperċepixxi din l-attenzjoni.

34.

Minkejja dan, hemm ċertu qbil bejn il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża De Coster u l-istat attwali tal-ġurisprudenza. Se nipprova nispjega din is-simbjoċi, minkejja li hemm ir-riskju li ninterpreta b’mod żbaljat l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2. Il-kriterji Vaassen-Goebbels, interpretati mill-perspettiva kostituzzjonali

35.

L-Artikolu 234 KE jistabbilixxi djalogu bejn il-qrati sabiex tkun iggarantita l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri kollha ( 20 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet li entitajiet differenti ħafna jipparteċipaw f’dan id-djalogu, biex b’hekk tat lok għal interpretazzjoni wisq ġeneruża tas-sentenza Vaassen-Goebbels. Dan id-difett, minkejja l-problemi msemmija iktar ’il fuq, huwa b’xi mod ġustifikabbli. L-organizzazzjoni tal-ġustizzja f’Ewropa magħmula minn seba’ u għoxrin Stat Membru hija msejsa fuq parametri u proġetti ferm eteroġeni. Huwa diffiċli li jiġi kkonċepiet mudell komuni biex tkun deskritta l-funzjoni ġudizzjarja ta’ daqstant pajjiżi, diffikultà li wasslet biex tintlaqa’ interpretazzjoni daqstant ġenerika u wiesgħa tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Vaassen-Goebbels ( 21 ). Barra minn hekk, f’ċerti tradizzjonijiet ġuridiċi l-ġustizzja amministrattiva hija marbuta mal-poter tal-eżekuttiv, sabiex tkun osservata s-separazzjoni tal-poteri. Ħadd ma jista’ jiddubita li l-Conseil d’État Franċiż, istituzzjoni indispensabbli għall-iżvilupp tad-dritt pubbliku kontemporanju, ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 234 KE. Madankollu, fil-kuntest tat-tqassim tal-poteri mwettqa mill-kostituzzjonijiet suċċessivi Franċiżi, il-Conseil d’État qatt ma ddaħħal fis-sistema ġudizzjarja. Is-sitwazzjoni hija kważi simili f’dawk l-Istati li ma għandhomx sistema legali amministrattiva speċjalizzata, imma biss qrati li ma jaqgħux taħt is-sistema ġudizzjarja, minkejja li jkunu konnessi mal-amministrazzjoni biss permezz ta’ rabtiet formali ( 22 ).

36.

Il-ġurisprudenza Komunitarja introduċiet lil dawn il-qrati fid-djalogu rigward id-deċiżjonijiet preliminari, mhux sabiex jiżdied l-għadd ta’ rinviji, imma pjuttost biex tkun ippreservata l-awtonomija istituzzjonali tal-Istati Membri. Fi ftit kliem, il-ġurisprudenza estendiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE fit-tentattiv li jintlaqgħu t-tradizzjonijiet kulturali komuni fil-formazzjoni ta’ dibattitu ġudizzjarju Ewropew. Ma naqbilx ma’ dawk li jsostnu li wara din il-ġurisprudenza hemm moħbija x-xewqa tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita kontroll fuq l-għadd ta’ proċeduri mressqa quddiemha. Jekk hemm xorta ta’ docket control, dan il-kriterju jista’ jkun kontroproduċenti u jgħabbi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’ħafna proċeduri. Barra minn hekk, inqis li l-ġurisprudenza għandha l-għan sottostanti li tosserva u turi ċerta deferenza fir-rigward tal-kunċett tal-funzjoni ġudizzjarja f’kull Stat Membru. Minn dan il-kuntest, tirriżulta l-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn in-natura strettament ġudizzjarja tar-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari u t-tqassim tal-poteri fl-Istati Membri individwali.

37.

Għalhekk, jidher li jkun aħjar jekk jiġi rkuprat il-kontenut tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża De Coster, filwaqt li nżid xi sfumatura li tiddefinixxi s-sinjifikat tagħhom.

3. Proposta koerenti mal-ġurisprudenza

38.

Biex titħejja t-triq, għandu jiġi ċċarat l-ispirtu tal-Artikolu 234 KE, wara iktar minn nofs seklu ta’ ħajja. Għalhekk jidher ukoll neċessarju li jissemmew ċerti konsegwenzi li jirriżultaw mill-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża De Coster ( 23 ), biex nikkuntestwalizzawhom f’direzzjoni li hija iktar konsistenti mal-approċċ meħud mill-Qorti tal-Ġustizzja.

a) Ir-regola ġenerali: djalogu bejn il-qrati, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Vaassen-Goebbels

39.

Din l-analiżi tibda min-natura ġudizzjarja tar-relazzjoni dwar id-deċiżjonijiet preliminari. Qabel ma jiġu eżaminati fil-fond ir-rekwiżiti stabbiliti mis-sentenza Vaassen-Goebbels, għandu jiġi vverifikat jekk l-entità tar-rinviju taqax taħt is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat. Wara, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina r-rekwiżiti tal-legalità, tal-permanenza, tal-proċedura ta’ kontradittorju, tan-natura obbligatorja u l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, fil-punti 35 u 36, dawn ir-rekwiżiti ma ġewx applikati b’mod rigoruż ħafna. Kif sostnejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Roda Golf, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa mifhum bħala kooperazzjoni bejn il-qrati ( 24 ). Għaldaqstant, din hija relazzjoni kostruttiva bejn qorti u qorti u mhux bejn kawża u kawża, li tispjega għaliex, ladarba jiġu stabbiliti l-partijiet involuti f’din il-kooperazzjoni, l-approċċ isir iktar flessibbli ( 25 ).

40.

B’hekk, l-entitajiet li ma jaqgħux taħt is-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru ma għandhomx il-locus standi biex iressqu talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, din ir-regola tagħraf żewġ eċċezzjonijiet fundamentali, li se jiġu eżaminati fil-punti li ġejjin.

b) L-ewwel eċċezzjoni: in-nuqqas ta’ rimedji ġudizzjarji

41.

Kif spjegajt fil-kawża De Coster, meta entità kważi-ġudizzjarja tadotta deċiżjonijiet li ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati quddiem qrati awtentiċi, jiġi impost ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, flimkien mal-prinċipju tal-applikazzjoni uniformi u koerenti tad-dritt Komunitarju ( 26 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi lil entità li għandha tiddeċiedi definittivament rigward kawża, mingħajr iktar talbiet ta’ eżami mill-ġdid, sabiex id-deċiżjoni adottata ma tkunx inkompatibbli mas-sistema legali Ewropea.

42.

Għandu jingħad li, kuntrarjament għall-każ tad-djalogu bejn il-qrati, f’dan il-każ ir-rekwiżiti Vaassen-Goebbels għandhom jiġu applikati b’mod ferm rigoruż. Rigorożità ferm differenti minn dik meħtieġa għall-qrati li jaqgħu taħt is-sistema ġudizzjarja. Jidher raġonevoli li deroga mill-Artikolu 234 KE daqshekk ċara għandha tiġi kkompensata b’riġidità ikbar fil-verifika tar-rekwiżiti inerenti għall-kunċett ta’ qorti. Din it-teżi ġiet ikkonfermata fil-ġurisprudenza, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, anki fil-każ li rikors ma jiġix ammess quddiem qorti, l-entitajiet li ma jkunux qrati u li ma jkollhomx ir-rekwiżiti minimi ta’ indipendenza ma jistgħux iressqu talbiet għal deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 234 KE ( 27 ).

c) It-tieni eċċezzjoni: l-għoti ta’ funzjonijiet ġudizzjarji lil entitajiet kważi-ġudizzjarji, skont regola formali jew sostantiva kostituzzjonali

43.

Hemm deroga oħra għar-regola ġenerali, mingħajr dubju dik li tirrifletti l-iktar l-iżvilupp tal-ġurisprudenza. Huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja tradizzjonalment aċċettat, u mingħajr l-ebda bażi leġiżlattiva, talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mingħand entitajiet li ma jaqgħux taħt is-sistema ġudizzjarja tal-Istati Membri rispettivi. Din iċ-ċirkustanza tinsab, b’mod partikolari, fis-sistema amministrattiva, li hija ferm differenti rigward il-mudelli ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

44.

Id-dritt amministrattiv kontemporanju Ewropew huwa r-riżultat tar-rivoluzzjoni li għaddiet minnha Franza fi tmiem is-seklu 18, meta l-istħarriġ ġudizzjarju tal-amministrazzjoni kien ibbażat fuq interpretazzjoni pjuttost riġida tas-separazzjoni tal-poteri ( 28 ). Peress li s-sentenzi espressi rigward l-amministrazzjoni setgħu jimplikaw, min-naħa tagħhom, forma ta’ amministrazzjoni, fl-Ewropa ġiet stabbilita ġustizzja amministrattiva parallela għas-setgħa ġudizzjarja (peress li, inkella, dan il-pilastru kien se jitbiddel f’poter tal-eżekuttiv), imma mingħajr ma saret tagħmel parti mill-amministrazzjoni pubblika, biex b’hekk ġie ssalvagwardjat il-prinċipju tal-indipendenza. Il-Professur García de Enterría jiddeskrivi b’mod tassew mill-aqwa dan il-proċess, meta jikteb li “mill-użu interessat inizjali tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri fl-aħħar irriżultat sistema speċifika ta’ ġustizzja amministrattiva […], li kienet struttura sa mill-bidu nett bħala kontroll imwettaq minn entitajiet speċjalizzati tal-istess amministrazzjoni, u mhux minn qrati barranin u indipendenti minn din tal-aħħar […]. Il-ħolqien ta’ dan il-mekkaniżmu, li sussegwentement beda jissejjaħ sistema kontenzjuża u amministrattiva, kien xogħol l-istess Napuljun, li kellu iktar ħiliet bħala leġiżlatur milli bħala kmandant tal-armata” ( 29 ).

45.

Minn dan il-kunċett tal-“ġustizzja residwa” żviluppat sistema legali speċjali u indipendenti, bil-għan li tiggarantixxi li l-amministrazzjoni tkun subordinata għal-liġi, sistema li waslet sa żminijietna filwaqt li żammet il-karatteristiċi oriġinali prinċipali tagħha ( 30 ).

46.

Dan ma huwiex l-uniku mudell ta’ sistema kontenzjuża u amministrattiva preżenti fl-Ewropa, imma tirrappreżenta espressjoni importanti tagħha, li tikkostitwixxi l-preċedent għad-dritt amministrattiv tal-epoka moderna, u ġie ttraspost minn għadd ta’ Stati Membri: Franza, l-Olanda, il-Belġju, l-Italja u l-Greċja għażlu mudell pur ta’ separazzjoni, filwaqt li Stati oħrajn, bħall-Ġermanja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u l-Litwanja stabbilew sistemi ġurisdizzjonali awtonomi u separati mis-sistema ġudizzjarja ordinarja, li tradizzjonalment insibuha fil-kawżi f’materji ċivili u kriminali ( 31 ). Għaldaqstant, jista’ jinftiehem kif il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn tintalab tiddeċiedi deċiżjoni preliminari fuq talba ta’ entitajiet tal-ġustizzja amministrattivi ta’ din ix-xorta, tilqa’ t-talbiet li jsirulha bla ebda oġġezzjoni.

47.

Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq idea li tat lok għall-impuls għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 234 KE. Billi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jsir iktar flessibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ssaħħaħ il-valur tad-deċiżjonijiet kostituzzjonali adottati mill-Istati Membri. Meta tiftaħ il-bieb għad-djalogu bejn il-qrati u l-entitajiet li ma jaqgħux taħt is-sistema ġudizzjarja fis-sens strett tat-terminu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Istati tal-Unjoni għandhom il-kompetenza biex jiddefinixxu l-kompożizzjoni u t-tqassim tal-poteri, skont dak li huwa stabbilit fil-Kostituzzjoni nazzjonali. Jekk Stat Membru jagħti funzjonijiet ġudizzjarji lil entitajiet kważi-ġudizzjarji, filwaqt li jirratifika din id-deċiżjoni fil-mument meta jadotta l-Kostituzzjoni, hemm rieda marbuta b’mod intrinsiku mal-identità u mal-awtonomija kostituzzjonali nazzjonali, li tiġi osservata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 32 ). Konsegwentement, l-Artikolu 234 KE jipprovdi mezz ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali li jkunu awtorizzati kostituzzjonalment sabiex jamministraw il-ġustizzja. F’ċerti Stati Membri din il-funzjoni tingħata esklużivament lis-setgħa ġudizzjarja filwaqt li fi Stati oħrajn hija maqsuma bejn awtoritajiet differenti, fi ħdan struttura leġittima tal-organizzazzjoni istituzzjonali li d-dritt Komunitarju ma jikkontestax.

48.

Wara din l-ispjegazzjoni qasira dwar l-oriġini tal-qrati amministrattivi, issa ser nikkonċentra fuq it-tieni eċċezzjoni għar-regola ġenerali, li tawtorizza lil entità kważi-ġudizzjarja li tressaq talbiet għal deċiżjoni preliminari meta teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji skont dispożizzjoni formali jew sostantiva tal-Kostituzzjoni.

49.

Kif għidt fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-deroga għall-prinċipju ġenerali timplika, anzi, applikazzjoni iktar rigoruża tal-kriterji Vaassen-Goebbels. Peress li l-entità tar-rinviju ma taqax taħt is-sistema ġudizzjarja u hija suġġetta għal regoli proċedurali differenti, tista’ tkun estranja għall-prattiki konvenzjonali li jikkaratterizzaw kawża. Għaldaqstant jeħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika bl-ikbar attenzjoni r-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, prinċipalment dak tal-indipendenza, biex ma jitqiegħedx fid-dubju l-iskop oriġinali tal-Artikolu 234 KE, kif ġie rrilevat fil-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li tispjega l-eżitu tal-kawżi Schmid u Syfait imsemmija iktar ’il fuq.

4. Korollarju

50.

L-Artikolu 234 KE jistabbilixxi djalogu bejn il-qrati li jaċċettaw eċċezzjonijiet biss f’ċirkustanzi speċifiċi: l-ewwel nett, jekk ma tkunx prevista l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti nazzjonali, u t-tieni nett, meta l-entità tar-rinviju, minkejja li tkun awtorità kważi-ġudizzjarja, ikunu ngħatawlha funzjonijiet ġudizzjarji skont id-dispożizzjonijiet formali jew sostantivi kostituzzjonali. Fiż-żewġ każijiet, il-kriterji Vaassen-Goebbels għandhom jiġu applikati b’mod rigoruż, biex ma jiddgħajjfux il-bażi ta’ mekkaniżmu fundamentali għall-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, bħat-talba għal deċiżjoni preliminari.

51.

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha vantaġġi f’setturi oħrajn, li jixirqilhom ċerta attenzjoni. Is-supremazija tas-sistema legali Komunitarja timponi li, meta jkun hemm kunflitt bejn ir-regoli, huwa d-dritt nazzjonali li ma għandux jiġi applikat. Is-sentenza Fratelli Costanzo ( 33 ) kkonfermat l-estensjoni ta’ dan il-prinċipju għall-qasam tal-amministrazzjoni pubblika, fejn hemm, ukoll hemm l-obbligu li ma jiġux applikati r-regoli nazzjonali li ma jkunux kompatibbli mar-regoli Ewropej ( 34 ). Minkejja l-kritika li saritilha, din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata u rripetuta f’kawżi bħal CIF ( 35 ) jew Ciola ( 36 ). L-oġġezzjoni prinċipali li ssir fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza tirriżulta proprju mill-mekkaniżmu għal deċiżjoni preliminari pprovdut fl-Artikolu 234 KE, peress li huwa pjuttost dubjuż il-fatt li awtorità amministrattiva, li ma għandiex is-setgħa li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari, xorta jkollha l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli tad-dritt intern. Il-qorti nazzjonali dejjem tista’ sserraħ fuq l-għajnuna rigward l-interpretazzjoni li tagħtiha l-Qorti tal-Ġustizzja, għajnuna li hija ggarantita mid-djalogu rigward id-deċiżjonijiet preliminari, filwaqt li l-amministrazzjoni taġixxi mingħajr tali għajnuna ( 37 ).

52.

Din it-tensjoni tgħib jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-portata tas-sentenza Fratelli Costanzo għall-entitajiet li jkollhom locus standi biex iressqu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiemha. L-Artikolu 234 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jaċċetta li entitajiet kważi-ġudizzjarji jipparteċipaw għad-djalogu rigward id-deċiżjonijiet preliminari. Jekk il-fakultà li ma jiġux applikati r-regoli li jmorru kontra d-dritt Komunitarju tiġi llimitata għall-awtoritajiet li jkunu awtorizzati jressqu talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, il-perikli marbuta mas-sentenza Fratelli Costanzo ma jibqgħux jissussistu. L-inċertezza kkawżata minn din is-sentenza, minbarra d-diffikultajiet prattiċi biex tkun estiża l-fakultà li ma jiġix applikat id-dritt nazzjonali għal entitajiet li huma suġġetti għall-prinċipju tal-ġerarkija amministrattiva, terġa’ tingħata d-dimensjoni korretta tagħha. B’dan il-mod, is-supremazija tad-dritt Komunitarju tkun illimitata għall-kuntest ġudizzjarju, l-istess bħas-supremazija tal-Kostituzzjoni jew tal-liġi, biex ikun evitat ir-riskju li uffiċjal pubbliku jmur kontra l-istruzzjonijiet mogħtija jew jinjora r-regoli amministrattivi li jirregolaw il-qasam deċiżjonali tiegħu ( 38 ).

53.

Wara li esponejt il-mod kif taħsibha l-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-intepretazzjoni tal-Artikolu 234 KE, kif ukoll il-vantaġġi li jirriżultaw minn orjentazzjoni differenti ta’ din il-ġurisprudenza, issa ser neżamina l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq fir-rigward tal-entità tar-rinviju.

B — Il-ġurisprudenza marbuta mad-definizzjoni ta’ “qorti jew tribunal”, applikata għall-Umweltsenat

54.

L-Umweltsenat hija waħda mill-entitajiet kolleġjali rregolati mill-Artikolu 133(4) tal-Kostituzzjoni tal-Awstrija. Din id-dispożizzjoni tipprovdi deroga għar-regola ġenerali li tagħti l-kompetenza lill-Verwaltungsgerichtshof (Qorti Suprema Amministrattiva), li tippermetti lil awtoritajiet indipendenti jisimgħu appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni. Bl-istess mod, l-Umweltsenat ġiet espressament irrikonoxxuta mill-Artikolu 11(7) tal-Kostituzzjoni, għalkemm dan ir-rikonoxximent ma jneħħihiex minn taħt il-genus stabbilit fl-Artikolu 133(4) imsemmi iktar ’il fuq.

55.

Il-Verfassungsgerichtshof (Qorti Kostituzzjonali tal-Awstrija) interpretat b’mod restrittiv is-setgħa li jkunu stabbiliti entitajiet indipendenti fil-qasam amministrattiv, peress li dawn jikkostitwixxu deroga mill-prinċipju li jagħti lill-Verwaltungsgerichtshof il-kompetenza li tiddeċiedi appelli ppreżentati kontra l-amministrazzjoni ( 39 ); madankollu, l-imsemmija qorti imponiet kundizzjonjiet sostantivi fir-rigward ta’ dawn l-awtoritajiet sabiex dawn isiru jixbhu iktar lid-dinamika ta’ qorti milli lid-dinamika ta’ entità amministrattiva ta’ eżami mill-ġdid. Insostenn ta’ dan, fost il-karatteristiċi l-oħra, il-qrati stabbiliti skont l-Artikolu 133(4) huma konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward din id-dispożizzjoni.

56.

L-Umweltsenat ġiet stabbilita fl-1993, bħala qorti indipendenti fuq il-bażi tal-Artikolu 133(4) tal-Kostituzzjoni tal-Awstrija, sabiex tiddeċiedi dwar l-appelli minn deċiżjonijiet adottati mill-amministrazzjoni kompetenti fil-qasam tal-ambjent skont l-ewwel u t-tieni parti tal-UVP-G 2000. Hija magħmula minn 42 membru, li għaxra minnhom huma membri tal-ġudikatura filwaqt li t-32 l-oħra huma ġuristi b’esperjenza kbira; il-membri ta’ din l-entità għandhom mandat li huwa irrevokabbli u joffru kull garanzija ta’ imparzjalità.

57.

Il-funzjonament intern tal-Umweltsenat jixbah lil dak ta’ qorti ordinarja, fejn jiġu segwiti regoli objettivi fuq it-tqassim tal-kawżi, minkejja li lill-president jingħatawlu poteri speċifiċi rigward in-nomina tar-relatur u tat-tielet membru tal-qorti ( 40 ). Id-deliberazzjoni hija sigrieta u l-membri huma marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità ( 41 ).

58.

Il-proċedura quddiem l-Umweltsenat hija rregolata bir-regoli ġenerali tal-Verwaltungsverfahrensgesetz (Liġi dwar il-proċeduri amministrattivi; iktar ’il quddiem l-“AVG”), bir-regoli speċjali introdotti mill-USG 2000. L-appell jiġi ppreżentat lill-amministrazzjoni konvenuta fi żmien erba’ ġimgħat min-notifika tad-deċiżjoni ( 42 ), li l-effetti tagħha jibqgħu sospiżi ex lege, sakemm ma jkunx hemm qbil espliċitu li jgħid il-kontra ( 43 ). Jista’ jippreżenta appell kull min ikun ħa sehem fil-proċedura amministrattiva, kif ukoll l-istituzzjonijiet elenkati fl-UVP-G 2000 ( 44 ). Il-proċedura, bil-miktub fl-ewwel fażi, tiggarantixxi l-osservanza tal-kontradittorju u tipprovdi li għandha ssir seduta, ex officio u fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ( 45 ). Minkejja li ma hemmx l-obbligu li l-partijiet ikunu rrappreżentati minn avukat, kull parti kkonċernata tista’ tkun irrappreżentata minn avukat ( 46 ).

59.

L-Umweltsenat għandha l-ġurisdizzjoni tagħha stess. Minkejja li d-deċiżjonijiet tagħha jikkostitwixxu atti amministrattivi, huma għandhom l-awtorità ta’ res judicata, għandhom ikunu mmotivati, għandhom jingħataw waqt seduta pubblika, huma eżekuttivi u jistgħu jiġu kkontestati biss quddiem il-Verwarltungsgerichtshof ( 47 ).

60.

Skont il-kriterji deskritti fil-punti 54 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Umweltsenat hija entità li ma taqax taħt is-sistema ġudizzjarja tal-Awstrija, minkejja li ġiet rikonoxxuta espliċitament mill-Kostituzzjoni tal-pajjiż tagħha. L-Artikolu 133(4) u l-Artikolu 11(7) tal-Liġi Fundamentali tal-Awstrija jagħtu funzjonijiet ġudizzjarji lil istituzzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-istruttura bażika ġudizzjarja, imma li għandhom elementi sostantivi li jagħmlu l-funzjonijiet imwettqa ekwivalenti għal dawk ta’ qorti ordinarja. Kif diġà sostnejt fil-punt 49 iktar ’il fuq, meta awtoritajiet kważi-ġudizzjarji jassumu kompetenzi ġudizzjarji, ir-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Vaassen-Goebbels għandhom jiġu applikati b’mod ferm rigoruż. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-Umweltsenat tissodisfa r-rekwiżiti rigward l-oriġini legali, il-permanenza, il-kontradittorju, in-natura obbligatorja u l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt. Indizju ferm importanti, għalkemm mhux determinanti, huwa li l-Qorti Kostituzzjonali tal-Awstrija teħtieġ li l-Umweltsenat tosserva l-garanziji proċedurali stabbiliti mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, inqis li l-Umweltsenat, bħala entità kważi-ġudizzjarja li teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, għandha r-rikonoxximent uffiċjali tal-Kostituzzjoni tal-Awstrija u hija għalkollox konformi ma’ dak li ġie stabbilit fis-sentenza Vaassen-Goebbels, b’tali mod li l-entità tar-rinviju jkollha kompetenza sħiħa biex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE.

VI — Fuq il-mertu

62.

Id-dubju mqajjem f’dan il-każ għandu jingħata risposta sempliċi u ċara. Essenzjalment, l-Umweltsenat tistaqsi jekk il-kejl ta’ referenza ta’ proġett inter-Statali suġġett għad-Direttiva 95/337 għandux ikun illimitat għall-ispazju okkupat mill-proġett f’kull Stat Membru jew jekk għandux jinkludi l-biċċa xogħol kollha. Il-konsegwenzi prattiċi tad-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta huma rilevanti, peress li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel l-ewwel teżi, is-SEA li jkollha effett f’diversi Stati Membri għandha tiġi applikata b’mod frammentat f’kull wieħed minnhom, bħallikieku dawn huma proġetti differenti; jekk, però, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel it-tieni teżi, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha titwettaq billi jiġi kkunsidrat il-proġett kollu, jiġifieri billi jiġu injorati l-fruntieri u l-awtoritajiet nazzjonali jkunu obbligati jikkollaboraw.

63.

Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni fil-punt 20 tal-osservazzjonijiet bil-miktub, il-każ inkwistjoni jikkonċerna esklużivament l-obbligu li jiġu evalwati l-effetti fuq l-ambjent u mhux il-kontenut jew l-effetti ta’ din l-evalwazzjoni. Il-kawża — fi ftit kliem — tikkonċerna tilwima dwar il-kompetenzi, bil-għan li jiġi stabbilit jekk hux meħtieġ stħarriġ amministrattiv. Għaldaqstant, għandhom jiġu identifikati l-“proġetti” imsemmija fid-Direttiva 85/337, it-termini li skonthom għandhom jiġu applikati l-limiti pprovduti minn din tal-aħħar kif ukoll l-awtorità li għandha l-kompetenza biex twettaq il-funzjonijiet amministrattivi ta’ prevenzjoni imposti mill-istess direttiva.

A — Il-kunċett ta’ “proġetti […] li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent” skont id-Direttiva 85/337

64.

Il-Komunità Ewropea sostniet, bħala premessa għall-politika ambjentali tagħha, li l-aħjar politika ekoloġika hija dik li jiġi evitat sa mill-bidu nett tniġġis u problemi oħrajn, minflok ma jiġu miġġielda l-effetti tagħhom wara ( 48 ). Id-Direttiva 85/337 ġiet approvata b’dan il-għan, li tarmonizza l-proċeduri amministrattivi għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti xogħlijiet fuq l-ambjent. Il-filosofija ta’ dan l-istrument leġiżlattiv ġiet iddikjarata fl-Artikoli 2 u 4, li jipprovdu għal obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent qabel ma jitwettqu l-proġetti, li huma maqsuma f’żewġ gruppi: il-proġetti b’effett inkontestabbli (elenkati fl-Anness I), li għandhom dejjem ikunu ssuperviżjonati; u l-proġetti b’inqas effetti (li jinsabu fl-Anness II), li jiġu kkontrollati skont il-kriterji stabbiliti f’kull Stat Membru, imma dejjem fid-dawl tal-indikazzjonijiet inklużi fl-Anness III ( 49 ).

65.

Minħabba l-ispejjeż tal-proċedura tas-SEA, id-Direttiva 85/337 tiddefinixxi eżattament il-proġetti elenkati fl-Anness I. Fl-Anness II, il-karatteristiċi ta’ kull kategorija huma ddefiniti b’mod iktar ġenerali, għalkemm l-Istati Membri għandhom jippreċiżaw sal-inqas dettal iċ-ċirkustanzi li fihom is-SEA hija neċessarja ( 50 ). Ħadd ma għandu jistgħaġeb li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod restrittiv il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu kull leġiżlatur nazzjonali, biex tevita li l-Anness II jiġi distort minħabba l-użu ta’ kriterji nazzjonali wisq vagi jew superfiċjali. Għaldaqstant, id-deskrizzjoni ta’ kull tip ta’ proġett inkluża fid-Direttiva 85/337 hija ferm konkreta, sabiex ikun evitat li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinvokaw l-ambigwità tal-leġiżlazzjoni biex jevadu mill-obbligi tagħhom li jagħmlu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

66.

Madankollu, din id-deskrizzjoni ddettaljata hija akkumpanjata minn deskrizzjoni ġenerali tal-“proġetti” tad-Direttiva 85/337. B’hekk, skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(1) it-terminu “proġett” għandu jfisser “l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazzjonijiet jew skemi oħra”, kif ukoll “interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali ”. L-istampa tiġi kkompletata billi jiġi ppreċiżat ukoll li s-SEA għandha titwettaq fil-każ ta’ proġetti “li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom”. Fl-aħħar nett, l-Anness IV jelenka l-informazzjoni li l-iżviluppatur tal-proġett għandu jagħti lill-awtorità kompetenti, sabiex tkun tista’ ssir l-evalwazzjoni rilevanti ( 51 ).

67.

Minn dan l-abbinament ta’ elementi jirriżultaw ċerti kunsiderazzjonijiet.

68.

L-ewwel nett, il-proġetti msemmija fl-Annessi I u II għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-imsemmija Artikoli 1(2) u 2(1), peress li l-lista eżatta tal-interventi saret f’kuntest ġuridiku iktar ġenerali u d-dispożizzjonijiet speċjali għandhom jiġu applikati skont id-dispożizzjonijiet iktar ġenerali ( 52 ). Għaldaqstant, meta l-Anness I, fil-punt 20, isemmi l-bini “ta’ kejblijiet [kejbils] ta’ l-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ iktar minn 15-il km”, dan jirreferi għal dawn ix-xogħlijiet sakemm ikollhom “impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom”.

69.

It-tieni nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-definizzjoni ġenerali hija ferm effettiva biex tagħti sinjifikat konkret lil-limiti tal-proġetti; jiġifieri, tax-xogħlijiet imsemmija fl-anness, skont il-kapaċità ta’ produzzjoni ( 53 ), il-kapaċità ta’ ħażna tal-installazzjoni ( 54 ) u tat-tul tagħha ( 55 ), kundizzjonijiet magħrufa bħala “limiti tal-effetti fuq l-ambjent” ( 56 ). Il-karatteristiċi ta’ kull tip ta’ proġett jikkostitwixxu limiti li, min-naħa tagħhom, jiddeterminaw l-obbligu li jagħti bidu għall-proċedura tas-SEA skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337. Peress li dawn huma karatteristiċi li jnaqqsu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, għandhom jiġu interpretati fuq il-bażi ta’ żewġ kriterji: skont il-prinċipju interpretattiv li jipprovdi li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 57 ) u, mill-perspettiva tal-effetti negattivi globali tal-proġett, partikolarment fir-rigward tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, li tirreferi għan-“natura”, għall-“kobor” u għall-“post” tal-proġett. Dawn il-kriterji huma kkunsidrati bħala koerenti mal-effetti globali tal-proġett fuq l-ambjent. Għaldaqstant, meta l-Annessi I u II jistabbilixxu limiti bbażati fuq waħda mill-karatteristiċi msemmija, id-Direttiva 85/337 tkun koerenti fit-totalità tagħha u tirreferi għall-istess sitwazzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 2(1).

70.

Fl-aħħar nett, għandhom jiġu evitati l-interpretazzjonijiet li jċaħħdu mis-sinjifikat tagħhom dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva. Skont dan il-kriterju, kunċett iggalvanizzat u territorjalment maqsum inaqqas l-utilità tal-Anness IV. Kif fakkart diġà fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-anness jindika l-informazzjoni li għandha tingħata mill-iżviluppatur tal-proġett. Fost l-informazzjoni li għandha tingħata, hemm “[il]-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu”  ( 58 ), l-evalwazzjoni “[ta]l-kwantità, tal-fdalijiet u l-emissjonijiet mistennija […] li jirriżultaw mix-xogħlijiet tal-proġett propost”  ( 59 ) jew id-deskrizzjoni “ta’ l-aspetti fl-ambjent li x’aktarx jiġu affettwati sinifikament” mill-proġett propost ( 60 ). Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li dawn l-obbligi jiġu osservati meta jiġu kkunsidrati l-partijiet ta’ proġetti li jinsabu fit-territorju nazzjonali tal-awtorità li tagħti bidu għas-SEA. Il-“karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu” jistgħu jiġu eżaminati biss jekk jiġi evalwat il-proġett kollu u mhux il-parti nazzjonali biss. It-tniġġis potenzjali jiġi evalwat korrettament meta jiġu kkunsidrati l-fdalijiet kollha u mhux it-tniġġis tal-Istati Membri individwali.

71.

Motivi oħrajn insostenn ta’ intepretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “proġett” ma jiġux dedotti esklużivament mid-Direttiva 85/337, imma mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

B — Il-frammentazzjoni tal-proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal SEA skont il-ġurisprudenza

72.

Minkejja li l-kawża inkwistjoni għall-ewwel darba tqajjem il-kwistjoni jekk fruntiera nazzjonali hiex limitu għall-“proġetti” suġġetti għad-Direttiva 85/337, l-fatt li l-Istati Membri jsostnu l-frammentazzjoni tax-xogħlijiet li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent biex jeludu l-leġiżlazzjoni Komunitarja mhix ġdida għall-ġurisprudenza. Ma hemmx preċedenti rilevanti għall-kawża inkwistjoni, imma jitfgħu raġġ ta’ dawl, f’dan ir-rigward, is-sentenzi dwar l-estensjoni ta’ xogħlijiet, ta’ twettiq parzjali ta’ xogħlijiet fil-qasam tan-netwerks tat-trasport jew ta’ interventi posposti u spazjati tul perijodu ta’ żmien. Fil-każijiet kollha, il-qrati Komunitarji laqgħu interpretazzjoni wiesgħa tad-Direttiva 85/337 u ċaħdu tentattivi biex jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

73.

Fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja ( 61 ), ġie kkontestat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ SEA fir-rigward tal-proġett tal-linja ferrovjarja ta’ 13-il km li jgħaqqad il-ibliet ta’ Las Palmas u ta’ Oropesa. Din l-inizjattiva kienet tagħmel parti minn proġett ikbar imsemmi “Kuritur tal-Mediterran”, jiġifieri linja ferrovjarja ta’ 251 km li kellha taqsam il-kosta tal-Lvant ta’ Spanja, minn Tarragona sa Valencia. Il-Gvern Spanjol sostna li l-parti tal-linja ferrovjarja ta’ referenza kienet l-unika biċċa li kellha tkun evalwata għall-effetti fuq l-ambjent u li, minħabba t-tul tagħha, ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “linj[a] tal-ferrovija għat-traffiku fuq distanzi twal”, skont il-punt 7 tal-Anness I għad-Direttiva 85/337. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet b’mod deċiżiv dan l-argument u fakkret l-effettività tad-Direttiva, li inkella setgħet tkun kompromessa serjament, peress li l-“awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu sempliċiment jaqsmu proġett li jirrigwarda distanza twila f’partijiet żgħar suċċessivi sabiex jeskludu, kemm il-proġett kollu kemm hu, kif ukoll il-partijiet li jirriżultaw minn dan il-qsim, mill-portata ta’ din id-direttiva” ( 62 ). Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati f’din il-kawża, osserva kif, ġeneralment, ix-xogħlijiet kbar, bħal dawn inkwistjoni f’din il-kawża, jinqasmu f’fażijiet ( 63 ). Li kieku t-teżi tal-Gvern Spanjol intlaqgħet, kien ikollha l-effett li mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 tiġi eskluża mhux biss l-imsemmija linja ferrovjarja imma anki parti sostanzjali mix-xogħlijiet pubbliċi mwettqa mill-Istati Membri.

74.

Id-diffikultajiet inerenti fil-proġetti mwettqa f’diversi fażijiet ġew enfasizzati fil-kawżi Wells ( 64 ), Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit ( 65 ) u Barker ( 66 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet dwar in-neċessità li dawn il-fażijiet ikunu evalwati lkoll flimkien. Biex ikun evitat li s-segmentazzjoni tal-fażijiet amministrattivi tbiddel il-kontenut tal-proġett, u li, konsegwentement, id-Direttiva 85/337 ma tkunx tista’ tiġi applikata, il-ġurisprudenza kkonfermat li s-SEA “għandha tkun ta’ natura globali, sabiex issir fuq l-aspetti kollha tal-proġett” anki jekk dawn għadhom ma ġewx evalwati jew jeħtieġu evalwazzjoni ġdida ( 67 ). Fil-qosor, mhux possibbli li s-superviżjoni imposta mid-Direttiva 85/337 tiġi fframmentata, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li d-diversi fażijiet burokratiċi ta’ proġett jikkompromettu l-kisba tal-għanijiet tiegħu.

75.

Sitwazzjoni simili sseħħ meta s-SEA ma saritx minħabba li l-biċċa xogħol inkwistjoni, li fil-prinċipju ma kinitx suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, timplika modifika jew estensjoni ta’ biċċa xogħol oħra li tissemma’ fl-annessi għad-Direttiva 85/337. Dan kien il-każ fil-kawża Abraham et ( 68 ), bejn ir-residenti taż-żoni tal-viċinat tal-Ajruport ta’ Liège-Bierset u l-awtoritajiet li kienu qed jippromwovu l-estensjoni tiegħu, biex ikun jista’ jintuża’ 24 siegħa kuljum matul is-sena kollha. Il-punt 7 tal-Anness I għad-Direttiva jipprovdi għall-obbligu li l-“bini […] ta’ ajruporti […] b’tul bażiku tar-runway ta’ 2100 m jew iktar” ikunu suġġetti għal SEA. Madankollu, ma kienx hemm dispożizzjonijiet li kienu jipprovdu għall-estensjoni ta’ ajruport, speċjalment meta l-estensjoni ma kinitx se tbiddel id-daqs tar-runway. F’dan il-kuntest, ix-xogħlijiet ipproġettati kienu jimplikaw il-modifika tal-infrastrutturi tal-ajruport, il-bini ta’ torri ta’ kontroll, toroq ta’ konnessjoni (link roads) għall-ħruġ mir-runways u ċerti żoni fejn jieqfu l-ajruplani, kif ukoll xogħlijiet ta’ ristrutturazzjoni u ta’ titwil tar-runways, mingħajr ma jinbidel it-tul tal-istess runways. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet taf li din l-inizjattiva kien se jkollha effetti kbar fuq l-ambjent u li kien se jkun eluż l-obbligu tas-SEA bl-iskuża li t-tul tar-runway kien se jibqa’ l-istess. Bl-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni globali, is-sentenza, bil-għan li tipproteġi l-effettività tad-Direttiva 85/337, stabbiliet li x-xogħlijiet “ta’ modifika ta’ ajruport ta’ tul bażiku ta’ runway ta’ 2100 m jew iktar huma mhux biss ix-xogħlijiet li jkunu intiżi sabiex tiġi mtawla r-runway, iżda x-xogħlijiet kollha fuq il-binja, l-istallazzjonijiet jew it-tgħammir ta’ dan l-ajruport sakemm dawn jistgħu jiġu meqjusa, b’mod partikolari min-natura, l-importanza u l-karatteristiċi tagħhom, bħala modifka ta’ l-ajruport stess” ( 69 ).

76.

Is-sentenzi msemmija jirriflettu t-tħassib biex il-frammentazzjoni ta’ proġett ma titħalliex ikollha effett fuq l-obbligu li ssir is-SEA. B’evalwazzjoni globali tal-proġetti, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-effetti fuq l-ambjent huma fenomenu li ma jagħrafx valuri ta’ tul, ta’ kapaċità ta’ produzzjoni u ta’ ħażna. Fil-kawża Ecologistas en Acción-CODA, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-“għan tad-Direttiva [85/337] ma jistax jiġi evitat permezz tal-qsim ta’ proġett u li n-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ diversi proġetti ma għandux ikollu r-riżultat prattiku li dawn jaħarbu fit-totalità tagħhom mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni meta, meħudin flimkien, dawn x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent” ( 70 ).

77.

Id-diċitura ta’ din il-ħtieġa tidher kemm-il darba fil-ġurisprudenza, bħala regola ġenerali għall-każijiet kollha li jikkonċernaw id-direttiva inkwistjoni. B’hekk, jingħad li “[i]l-kamp ta’ applikazzjoni [tad-Direttiva] huwa estiż u l-għan tagħha huwa wiesa’ ħafna”  ( 71 ). Propju għal din ir-raġuni, ma jagħmilx sens jekk jiġu llimitati l-obbligi imposti mid-Direttiva, b’mod partikolari jekk, billi tiġi eluża s-SEA, jiġu approvati xogħlijiet b’effetti li jistgħu jkunu ta’ dannu għall-ambjent.

78.

Konsegwentement, jekk huwa minnu li proġett imsemmi fl-Anness I għad-Direttiva 85/337 huwa rregolat mir-regoli tal-istess direttiva meta jkun imqassam f’diversi fażijiet, meta l-proċedura amministrattiva tinkludi diversi proċeduri jew jekk tiġi mmodifikata, l-istess jiġri anki meta x-xogħol ikun imqassam fuq diversi territorji nazzjonali. Ikun xi jkun il-każ, qabel ma naslu għall-konklużjoni, ikun aħjar jekk jiġu eżaminati l-effetti tal-fattur territorjali fl-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337.

C — Il-fruntieri nazzjonali bħala limitu għas-SEA

79.

Il-ħitan imtella’ fl-Ewropa jixhdu mgħoddi komuni drammatiku. U proprju bl-iskop li jitwaqqgħu x-xtiebi u l-barrieri, li twaqqfu l-Komunitajiet Ewropej, bil-konvinzjoni li l-fruntieri jostakolaw it-tkabbir, l-iżvilupp, il-komunikazzjoni u l-konvivenza bejn il-popli. “Ejja ngħaqqdu lin-nies, u mhux lill-Istati” kien isostni Jean Monnet meta kien jiddeskrivi l-ispirtu ta’ għaqda tal-proġett tiegħu. B’dan il-proġett ta’ bini komuni, is-separazzjoni fiżika bejn il-pajjiżi bdiet tgħib gradwalment sakemm wasslet għall-għaqda, bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Schengen ( 72 ).

80.

Minħabba l-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapitali fiż-żona Ewropea, ikun tassew paradoss jekk jerġgħu jiġu stabbiliti dawn il-barrieri għal fenomenu, li minnu nnifsu, ma jagħrafx pajjiżi u lanqas kontinenti: it-tniġġis. Għaldaqstant, jekk il-politika ambjentali Komunitarja tipprevedi l-ġlieda kontra t-tniġġis fost l-Istati Membri differenti, u billi huwa magħruf li din il-ġlieda ma ssirx minn parti waħda biss, ikun bla sens jekk il-proġetti suġġetti għal SEA jiġu fframmentati skont it-territorju li jkunu jinsabu fih.

81.

Din id-dikjarazzjoni hija bbażata fuq l-istess Direttiva 85/337, li l-Artikolu 7 tagħha jiddeskrivi l-mezzi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati meta proġett jgħaddi mit-territorju ta’ diversi pajjiżi tal-Unjoni. Mill-Konvenzjoni ta’ Espoo dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent f’Kuntest li Jaqsam il-Fruntieri tal-25 ta’ Frar 1991 ( 73 ) jirriżulta prinċipju identiku. L-imsemmi Artikolu 7 tad-Direttiva 85/337 huwa konformi mal-prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni u l-Artikolu 7(1) u (2) jipprovdi l-possibbiltà li Stat Membru jikkollabora fi proċedura ta’ SEA mibdija fi Stat Membru ieħor, fejn il-proġett jitwettaq fl-ewwel Stat ( 74 ). Din il-possibbiltà mhix l-unika forma ta’ kooperazzjoni skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Anzi, jekk biċċa xogħol titwettaq parallelament f’diversi Stati Membri, l-Istati kkonċernati kollha għandhom iwettqu s-SEA, minkejja li jikkooperaw ma’ xulxin fil-proċeduri rispettivi tagħhom. Fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni Ewropea, għandu għall-inqas ikun hemm kooperazzjoni ( 75 ).

82.

Madankollu, din l-evalwazzjoni konġunta għandha ssegwi ċerti kriterji komuni, bħal kunċett uniformi u globali ta’ “proġett”, peress li, inkella, il-kooperazzjoni tispiċċa bħala farsa, u l-proġett ma jkunx suġġett għall-obbligi stabbiliti mid-Direttiva 85/337. F’din il-kawża wieħed jassumi li fl-Italja ġiet applikata s-SEA obbligatorja, peress li l-parti tal-proġett li tinsab f’dan il-pajjiż hija itwal minn 15-il km. It-tħassib tiegħi jiżdied meta naħseb f’varjanti tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali: proġett transkonfinali li b’kollox huwa twil 29 km, fejn 14.5 km minnu jinsabu fi Stat Membru wieħed filwaqt li l-14.5 km l-oħra jinsabu fi Stat Membru ieħor u b’hekk, skont l-Anness I, jeludi s-SEA fiż-żewġ pajjiżi, bir-riskju li l-inizjattiva kollha ma tkun suġġetta għall-ebda xorta ta’ superviżjoni, li juri li t-teżi li qed tiddefendi Alpe Adria tista’ jkollha konsegwenzi inkwetanti

83.

Għaldaqstant, nikkunsidra li fruntiera nazzjonali mhix limitu għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ “proġetti” stabbiliti fid-Direttiva 85/337. Konsegwentement, Stat Membru għandu jipprovdi għall-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti msemmija fl-Anness I għall-istess direttiva, b’mod partikolari, fil-punt 20, f’każ ta’ proġett ta’ installazzjoni li għandu jitwettaq fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, jekk il-limitu li jiddetermina l-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jiġi sodisfatt mhux fil-parti li tinsab fi ħdan il-fruntieri tiegħu, imma jekk tingħadd il-parti li għandha ssir fl-Istat ġar jew fl-Istati ġirien.

VII — Konklużjoni

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Umweltsenat, bil-mod li ġej:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru għandu jipprovdi għall-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti msemmija fl-Anness I għall-istess direttiva, b’mod partikolari, fil-punt 20, f’każ ta’ proġett ta’ installazzjoni li għandu jitwettaq fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, jekk il-limitu li jiddetermina l-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jiġi sodisfatt mhux fil-parti li tinsab fi ħdan il-fruntieri tiegħu, imma jekk tingħadd il-parti li għandha ssir fl-Istat ġar jew fl-Istati ġirien ”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).

( 3 ) Konklużjonijiet ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2001 (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001 C-17/00, Ġabra p. I-9445).

( 4 ) BGB1 Nru 697/1993, emendata l-aħħar bil-BGB1 Nru 153/2004.

( 5 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966 (61/65, Ġabra p. 377).

( 6 ) Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577).

( 7 ) Konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq (punti 75 sa 79).

( 8 ) Fi studju klassiku, Robert Lecourt identifika l-komponenti ta’ Komunità tad-dritt bħala regola waħda ta’ qorti waħda u ta’ awtorità waħda, trinomju ċar li jagħti pożizzjoni speċjali lill-qrati nazzjonali (“L’Europe des juges”, Ed. Bruylant, Brussell, 1976, p. 221).

( 9 ) O. Dubos, “Les juridictions nationales, juge communautaire”, Ed. Dalloz, Pariġi, 2001, p. 723.

( 10 ) Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend en Loos (26/62, Ġabra p. 3 et seq).

( 11 ) Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa vs ENEL (6/64, Ġabra p. 585); u tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629).

( 12 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357).

( 13 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1977, Sagulo et (8/77, Ġabra p. 1495).

( 14 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C-231/96, Ġabra p I-4951).

( 15 ) Ċerti awturi sostnew li l-istorja tal-kooperazzjoni bejn il-qrati hija l-istorja tal-integrazzjoni Ewropea. G. Martinico, “L’integrazione silente. La funzione interpretativa della Corte di giustizia e il diritto costituzionale europeo”, Ed. Jovene, 2009, p. 138. Kif spjega ġustament O. Dubos, op. cit., p. 74, b’riferiment għas-sentenzi Van Gend en Loos u Costa vs Enel: “Si le Président Lecourt a pu s’interroger sur ce qu’aurait été le droit des Communautés sans les arrêts de 1963 et 1964, il convient encore une fois de rappeler que ces arrêts fondateurs comme tant d’autres, ont été rendus suite à une question préjudicielle, et que l’article 234 est un indice de l’immédiateté et de la primauté du droit communautaire. Dès lors qu’eût été le droit des Communautés sans l’article 234?”

( 16 ) R. Dehousse, “The European Court of Justice”, Ed. MacMillan, Londra, 1998, p. 109 sa 114.

( 17 ) Konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq (punti 87 sa 95).

( 18 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2002 (C-516/99, Ġabra p. I-4573, punt 34).

( 19 ) Sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005 (C-53/03, Ġabra p. I-4609, punti 31 sa 35).

( 20 ) G.F. Mancini, “Democracy and Constitutionalism in the EU”, Ed. Hart, Oxford-Portland, 2001, p. 23, jesprimi dan il-kunċett b’konvinzjoni kbira, meta jenfasizza r-rwol strateġiku tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-arkitettura ġudizzjarja Ewropea: “it seems indisputable that the only way of preventing Community law from disintegrating as a result of divergent interpretations — and thus losing its validity or rather its nature as law — was to safeguard as much as possible the role of helmsman conferred upon the Court by Article [234]”.

( 21 ) Diġà kelli okkażjoni li nitkellem dwar il-ħtieġa li l-funzjonalità tas-sistema tkun ikkonċiljata man-natura ġudizzjarja tad-djalogu pprovdut mill-Artikolu 234 KE. Ara, D. Ruiz-Jarabo Colomer, “El juez nacional como juez comunitario”, Ed. Civitas, Madrid, 1993, p. 71 u 72, kif ukoll D. Chalmers, C. Hadjiemmanuil, G. Monti, u A. Tomkins, “European Union Law”, Ed. Cambridge University Press, 2006, p. 293.

( 22 ) B’mod partikolari l-Immigration Adjudicators Brittaniċi tas-sistema legali Brittanika (sentenza tat-2 ta’ Marzu 1999, Eddline El-Yassini, C-416/96, Ġabra p. I-1209), l-entitajiet dixxiplinarji tal-qasam (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1981, Broekmeulen, 246/80, Ġabra p. 2311), il-Kumitat Federali Ġermaniż għall-Kontroll tal-Għoti tal-Kuntratti (sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961) u l-awtoritajiet fiskali (sentenza De Coster, iċċitata iktar ’il fuq).

( 23 ) L-konklużjonijiet tiegħi tal-24 ta’ Mejju 2007, Osterreicher Rundfunk (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, C-195/06, Gabra p. 1-8817); u tat-22 ta’ Novembru 2007, Ing. Aigner (sentenza tal-10 ta’ April 2008, C 393/06, Gabra p.1-2339).

( 24 ) Konklużjonijiet tal-5 ta’ Marzu 2009 (C-14/08, għadha ma ngħatatx is-sentenza).

( 25 ) Konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 51 sa 53.

( 26 ) Konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, punti 83 sa 86.

( 27 ) Digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato (C-109/07, Ġabra p. I-3503), fejn kellu jiġi stabbilit jekk “Prud’homie de pêche de Martigues” hiex “qorti” minkejja li ma tagħmilx parti mill-istruttura ġudizzjarja Franċiża. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat din il-kwistjoni billi applikat b’attenzjoni r-rekwiżiti Vaassen-Goebbels u ddikjarat li t-talba kienet ammissibbli.

( 28 ) Rigward dan il-proċess rivoluzzjonarju u r-rilevanza tiegħu fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi Franza, ara l-kitba klassika ta’ E. Seligman, “La Justice en France pendant la Révolution, 1789 — 1792”, Ed. Plon, Pariġi, 1913.

( 29 ) E. García de Enterría, “Las Transformaciones de la Justicia Administrativa: de excepción singular a la plenitud jurisdiccional. ¿Un cambio de paradigma?”, Ed. Thomson-Civitas, Madrid, 2007, p. 37 u 38.

( 30 ) Dwar l-evoluzzjoni storika ta’ dan il-fenomenu fl-Ewropa sal-iżvilupp attwali, ara J. Bouineau, “Traité d’histoire européenne des institutions. XVI — XX siècle”, tomo II, Ed. Litec, Pariġi, 2009.

( 31 ) M. Fromont, “Droit administratif des États européens”, Ed. PUF, Pariġi, 2006, p. 120 sa 135.

( 32 ) Skont dak li ġie stabbilit fl-Artikolu 6(3) tat-Trattat UE, il-ġurisprudenza uriet diversi drabi li għandha rispett fir-rigward tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. B’mod partikolari, fis-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-473/93, Ġabra p. I-3207); u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C-36/02, Ġabra p. I-9609). Ara wkoll l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Michaniki (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, C-213/07, Ġabra p. I-9999)) u T. de Berranger, “Constitutions nationales et construction communautaire”, Ed. LGDJ, Pariġi, 1995, p. 249 sa 492.

( 33 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989 (103/88, Ġabra p. 1839).

( 34 ) “Barra minn hekk, tkun kontradizzjoni jekk jiġi deċiż li l-individwi jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva meta jkollhom ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, sabiex jiċċensuraw ħidmet l-amministrazzjoni u fl-istess ħin jiġi rritenut li l-amministrazzjoni mhix obbligata tapplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva billi ma tapplikax ir-regoli nazzjonali li ma humiex konformi magħhom. Għaldaqstant, jirriżulta li kull fejn ikun hemm il-kundizzjonijiet neċessarji, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex id-dispożizzjoni ta’ direttiva jkunu jistgħu jiġu invokati mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali, l-entitajiet kollha tal-amministrazzjoni, inklużi dawk tal-entitajiet territorjali, bħall-komuni, għandhom japplikaw l-imsemmija dispożizzjonijiet” (sentenza Fratelli Costanzo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

( 35 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003 (C-198/01, Ġabra p. I-8055, punt 49).

( 36 ) Sentenza tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C-224/97, Ġabra p. I-2517, punt 26).

( 37 ) R. Alonso García, jikkritika din it-teorija f’“Derecho comunitario. Sistema constitucional u administrativo de la Comunidad Europea”, Ed. Centro de Estudios Ramón Areces, Madrid, 1994, p. 332 u 333. Il-prattikabbiltà tad-duttrina stabbilita fis-sentenza Fratelli Costanzo fl-Istati Membri l-ġodda tal-Unjoni hija kkritikata anki minn M. Bobek, “Thou Shalt Have Two Masters; The Application of European Law by Administrative Authorities in the New Member States”, Review of European Administrative Law, Vol. 1, Nru 1, 2008, p. 62 u 63.

( 38 ) M. Bobek, cit. supra, jipperċepixxi l-preżenza ta’ fattur ta’ “konfużjoni kbira” mill-perspettiva tas-separazzjoni tal-poteri, impliċita fil-ġurisprudenza Costanzo.

( 39 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, B267/86 (VfSlg. 11.500); tal-24 ta’ Frar 1999, B1625/98-32 (VfSlg. 15.427); tad-29 ta’ Ġunju 2000, G175/95 (VfSlg 15.886); u tat-13 ta’ Ġunju 2001, G 141/00 (VfSlg 16.189).

( 40 ) Artikoli 9 u 10 tal-USG 2000.

( 41 ) Artikolu 67f(2) tal-AVG.

( 42 ) Artikolu 40(2) tal-UVP-G 2000.

( 43 ) Artikolu 64(1) tal-AVG.

( 44 ) Artikolu 19(1) tal-UVP-G 2000.

( 45 ) Artikolu 67d(1) tal-AVG.

( 46 ) Artikolu 10 tal-AVG.

( 47 ) Bl-unika eċċezzjoni ta’ appell eventwali quddiem il-Verfassungsgerichtshof, imma din il-possibbiltà hija limitata għall-ksur ta’ dispożizzjoni kostituzzjonali.

( 48 ) L-ewwel premessa tad-Direttiva 85/337. B’referenza għall-iskopijiet ta’ prevenzjoni tal-politika ambjentali Ewropea, ara J.H. Jans, u H.H.B. Vedder, “European Environmental Law”, it-tielet edizzjoni., Ed. Europea Law Publishing, Gröningen, 2008, p. 40 sa 42.

( 49 ) Dan l-anness jirreferi għall-“karatteristiċi tal-proġetti”, għal-“lokazzjoni” tagħhom u għall-karatteristiċi tal-“impatt potenzjali”, fejn kull kategorija tiġi deskritta permezz ta’ kriterji li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri billi jimponu l-parametri tagħhom.

( 50 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C-72/96, Ġabra p. I-5403, punt 50); tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 65); tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 36); tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-474/99, Ġabra p. I-5293, punt 31); tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-332/04, punt 76); u tat-23 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-486/04, Ġabra p. I-11025, punt 53).

( 51 ) L-Anness IV jeżiġi deskrizzjoni tal-proġett, il-punti prinċipali (“outline”) tal-alternattivi ewlenin studjati mill-iżviluppatur, deskrizzjoni tal-aspetti fl-ambjent li x’aktarx jiġu effettwati b’mod sinjifikattiv mill-proġett propost kif ukoll deskrizzjoni tal-effetti x’aktarx sinjifikattivi tal-proġett propost fuq l-ambjent. Barra minn hekk, jipprovdi għall-obbligu li tingħata deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex inaqqsu l-effetti negattivi tal-proġett flimkien ma’ sommarju mhux tekniku tad-diffikultajiet li sab l-iżviluppattur biex jiġbor l-informazzjoni mitluba.

( 52 ) Dan l-approċċ jirrispondi għan-neċċessità li tinżamm il-koerenza ta’ test leġiżlattiv sħiħ, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia, fis-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et (C-164/98 P, Ġabra p. I-447, punti 21 sa 30); u tal-15 ta’ Ġunju 1993, MATRA vs Il-Kummissjoni (C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 41).

( 53 ) Punti 1, 2, 5 u 18(b).

( 54 ) Punti 10, 12, 13, 15, 18(b) u 21.

( 55 ) Punti 7, 8, 16, 19 u 20.

( 56 ) A.M. Moreno Molina, “Derecho comunitario del medio ambiente. Marco institucional, regulación sectorial u aplicación en España”, Ed. Marcial Pons, Madrid, 2006, p. 201.

( 57 ) Sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjoni vs L-Italja (7/68, Ġabra p. 542); tat-28 ta’ Ottubru 1999, ARD (C-6/98, Ġabra p. I-7599, punti 9 sa 31); u tas-17 ta’ Ġunju 1998, Wilhelm Mecklenburg (C-321/96, Ġabra p. I-3809, punt 25).

( 58 ) L-ewwel inċiż tal-punt 1 tal-Anness IV.

( 59 ) It-tielet inċiż tal-punt 1 tal-Anness IV.

( 60 ) Punt 3 tal-Anness IV.

( 61 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004 (C-227/01, Ġabra p. I-8253).

( 62 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 53.

( 63 ) Konklużjonijiet tal-24 ta’ Marzu 2004. Fil-punt 48, l-Avukat Ġenerali jsostni dan li ġej: “[j]ekk il-bini ta’ linja ferrovjarja ta’ 251 km tinqasam f’fażijiet, ir-raġunament tar-Renju ta’ Spanja jista’ jwassal biex proġett speċifiku ma jiġi kkunsidrat qatt bħala li jikkonċerna t-traffiku fuq distanzi twal peress li s-segmenti sussegwenti tal-linja ferrovrjarja jkopru, kull wieħed, distanzi qosra u jibnu konnessjonijiet bejn imkejjen ġirien. Qbil ma’ din l-interpretazzjoni tad-Direttiva jista’ jagħti lok għar-riskju li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar ikun wisq ristrett u u tkun kompromessa l-kisba tal-għan tagħha stess”.

( 64 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004 (C-201/02, Ġabra p. I-723).

( 65 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006 (C-508/03, Ġabra p. I-3969).

( 66 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006 (C-290/03, Ġabra p I-3949).

( 67 ) Sentenza Barker iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).

( 68 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 2008 (C-2/07, Ġabra p. I-1197).

( 69 ) Punt 36.

( 70 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008 (C-142/07, Ġabra p. I-6097, punt 44).

( 71 ) Sentenzi Kraaijeveld et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; WWF et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40; Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46; u Abraham, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32.

( 72 ) Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni (ĠU 2000 L 239, p. 19), iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen (il-Lussemburgu).

( 73 ) Test li aderixxiet miegħu l-Komunità Ewropea b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent f’kuntest transkonfinali (mhux ippubblikata).

( 74 ) Din l-ipoteżi tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 7(2), fejn jingħad li: “[j]ekk Stat Membru li jirċievi t-tagħrif skond il-paragrafu 1 jindika illi jkun beħsiebu jieħu sehem fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2), l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu, jekk ma jkunx diġà għamel hekk, jibgħat lill-Istat Membru affettwat it-tagħrif meħtieġ skond l-Artikolu 6(20 u li jagħmel disponibbli skond l-Artikolu 6(3)(a) u (b)”. Huwa minnu li l-Artikolu 7 jissuġġerixxi sitwazzjoni fejn il-proġett jitwettaq fi Stat wieħed biss, imma l-effetti ta’ dan il-proġett jaffetwaw lill-pajjiż ġar jew lill-pajjiżi ġirien tiegħu.

( 75 ) Inkella, ma tagħmel l-ebda sens li ġiet stabbilita politika ambjentali Komunitarja. Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Istati Federali, il-Komunità ppreparat aġenda f’dan ir-rigward biex tevita d-diffikultajiet marbuta mal-għad ta’ leġiżlazzjonijiet, kif ukoll mal-applikazzjoni territorjali tagħhom. Huwa ferm sinjifikattiv, f’dan ir-rigward, l-eżempju tal-Istati Uniti li, l-istess bħall-Komunità, jgħaqqdu strumenti ġuridiċi armonizzati ma’ appell għall-kooperazjoni bejn l-Istati. Ara N.D. Hall, “Political Externalities, Federalism, and a Proposal for an Interstate Environmental Impact Assessment Policy”, Harvard Environmental Law Review, Nru 32/2008, u R.L. Revesz, “Environmental Regulation in Federal Systems”, Yearbook of European Environmental Law, Oxford University Press, 2000, p. 10 sa 14.

Top