Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0339

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-12 ta' Frar 2009.
    Christopher Seagon vs Deko Marty Belgium NV.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
    Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Proċedimenti ta’ falliment - Qorti kompetenti.
    Kawża C-339/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:83

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    12 ta’ Frar 2009 ( *1 )

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċedimenti ta’ falliment — Qorti li għandha ġurisdizzjoni”

    Fil-Kawża C-339/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2007, fil-proċedura

    Christopher Seagon, bħala stralċjarju ta’ Frick Teppichboden Supermärkte GmbH

    vs

    Deko Marty Belgium NV,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal C. Seagon, bħala stralċjarju ta’ Frick Teppichboden Supermärkte GmbH, minn B. Ackermann, Avukat,

    għal Deko Marty Belgium NV, minn H. Raeschke-Kessler, Avukat,

    għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

    għall-Gvern Elleniku, minn O. Patsopoulou u M. Tassopoulou, kif ukoll minn I. Bakopoulos, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u S. Gruenheid, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), u tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Seagon, bħala stralċjarju ta’ Frick Teppichboden Supermärkte GmbH (iktar ’il quddiem “Frick”), u Deko Marty Belgium NV (iktar ’il quddiem “Deko”), fir-rigward tar-restituzjoni, min-naħa ta’ Deko, tas-somma ta’ EUR 50000 li kienet tħallset lilha minn Frick.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1346/2000 tipprovdi:

    “Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ illi l-proċedimenti ta’ falliment trans-fruntieri [transkonfinali] joperaw b’effiċjenza u b’effettività u dan ir-Regolament għandu jiġi adottat sabiex jintlaħaq dan il-għan li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 65 tat-Trattat [KE].”

    4

    Skont il-premessa 4 tal-imsemmi regolament “[h]uwa meħtieġ għal funzjonament tajjeb tas-suq intern li jiġu evitati inċentivi għal partijiet li jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex b’hekk ifittxu sitwazzjoni legali aktar favorevoli (forum shopping).”

    5

    Il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament tipprovdi:

    “Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju”

    6

    Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1346/2000 tipprovdi:

    “Sabiex jintlaħaq il-għan illi jinġiebu ’l quddiem l-effiċjenza u l-effettività ta’ proċedimenti ta’ falliment li għandhom effett trans-fruntier [transkonfinali], huwa meħtieġ, u xieraq, li dispożizzjonijiet dwar ġurisdizzjoni, għarfien, u l-applikabilità tal-liġi f’dan il-qasam għandhom ikunu miġbura f’miżura ta’ liġi tal-Komunità li tkun torbot u tapplika direttament fi Stati Membri.”

    7

    L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post tal-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru tal-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.”

    8

    L-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.

    Din ir-regola għandha wkoll tapplika fejn, minħabba l-kapaċità tiegħu, proċedimenti ta’ falliment ma jistgħux jinġiebu kontra debitur fi Stat Membru ieħor.”

    9

    L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 25(1) tal-istess regolament jipprovdu:

    “Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. […]

    L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor.”

    10

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Dan tal-aħħar japplika f’materji ċivili u kummerċjali u ma jkoprix, b’mod partikolari, l-oqsma tat-taxxa, tad-dwana u amministrattivi.

    11

    L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    […]

    b)

    falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Fl-14 ta’ Marzu 2002, Frick, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Ġermanja, ħallset is-somma ta’ EUR 50000 fuq il-kont miftuħ mal-KBC Bank, f’Düsseldorf, f’isem Deko, kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Belġju. Fil-15 ta’ Marzu 2002 Frick ressqet talba quddiem l-Amtsgericht Marburg (il-Ġermanja) sabiex jinfetħu proċedimenti ta’ falliment fir-rigward tal-patrimonju ta’ Frick. L-Amtsgericht Marburg fetħet il-proċedimenti mitlub fl-1 ta’ Ġunju 2002. Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Landgericht Marburg (il-Ġermanja), C. Seagon, bħala stralċjarju ta’ Frick, talab lil dan it-tribunal sabiex, permezz ta’ azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment tad-debitur, jordna lil Deko tħallas lura l-imsemmija somma.

    13

    Il-Landgericht Marburg ċaħad din id-domanda bħala inammissibbli minħabba li huwa ma kellux il-ġurisdizzjoni internazzjonali meħtieġa sabiex jiddeċiedi dwarha. Peress li l-appell li C. Seagon ressaq lanqas ma rnexxa, huwa ressaq rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof.

    14

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Skont ir-regolament dwar il-proċedimenti ta’ falliment, il-qrati tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom ikunu nfetħu proċedimenti ta’ falliment dwar il-patrimonju tad-debitur għandhom ġurisdizzjoni li, fuq livell internazzjonali, jiddeċiedu fuq azzjoni revokatorja kontra konvenut li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab fi Stat Membru ieħor?

    2)

    Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

    l-azzjoni revokatorja taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament [Nru 44/2001]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    15

    Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati fir-rigward ta’ azzjonijiet revokatorji bbażati fuq il-falliment.

    16

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-azzjoni revokatorja hija rregolata, fid-dritt Ġermaniż, mill-Artikoli 129 et seq tar-Regolament dwar il-falliment (Insolvenzordnung), tal-5 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2866). Huwa biss l-istralċjarju li, fil-każ ta’ falliment, jista’ jressaq din l-azzjoni u dan biss sabiex jipproteġi l-interessi tal-kredituri. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 130 sa 146 ta’ dan ir-regolament, l-istralċjarju jista’ jikkontesta l-atti mwettqa qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment li jkunu ta’ ħsara għal-kredituri.

    17

    Għalhekk, l-azzjoni revokatorja inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tkabbar l-attiv ta’ impriża li tkun is-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment.

    18

    Għandu jiġi eżaminat jekk l-azzjonijiet revokatorji jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    19

    F’dan ir-rigward għandu preliminarjament jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1986 fuq il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), li azzjoni simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija marbuta ma’ proċedimenti ta’ falliment fil-każ fejn din toriġina direttament mill-falliment u tkun tidħol strettament fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ likwidazzjoni tal-assi jew ta’ amministrazzjoni mill-qorti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Frar 1979, Gourdain, 133/78, p. 733, punt 4). Għaldaqstant, azzjoni li jkollha karatteristiċi bħal dawn ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

    20

    Għandu jingħad li sabiex tidentifika l-għan tar-Regolament Nru 1346/2000, il-premessa 6 tiegħu tuża preċiżament dan l-istess kriterju. Għalhekk, skont din il-premessa, l-imsemmi regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġurisdizzjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u deċiżjonijiet li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn.

    21

    Fid-dawl ta’ din l-intenzjoni tal-leġiżlatur u tal-effett utli tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jagħti wkoll ġurisdizzjoni internazzjonali lil dak l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment sabiex jiddeċiedi dwar azzjonijiet li joriġinaw direttament minn dawn il-proċedimenti u li huma marbuta mill-qrib magħhom.

    22

    Konċentrazzjoni bħal din tal-azzjonijiet kollha direttament marbutin mal-falliment ta’ impriża quddiem il-qrati tal-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni sabiex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment tidher li hija wkoll konformi mal-għan, espost fil-premessi 2 u 8 tar-Regolament Nru 1346/2000, li tittejjeb l-effiċjenza u l-ħeffa tal-proċedimenti ta’ falliment li jkollhom effetti transkonfinali.

    23

    Barra minn dan, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, li tipprovdi li sabiex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-suq intern huwa meħtieġ li jiġu evitati li l-partijiet jiġu inċentivati li jittrasferixxu assi jew proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex b’hekk ifittxu sitwazzjoni legali iktar favorevoli (forum shopping).

    24

    Għandu jingħad li l-possibbiltà li jkun hemm iktar minn qorti waħda li jkollha l-ġurisdizzjoni f’dak li jikkonċerna l-azzjonijiet revokatorji mibdija fi Stati Membri differenti twassal sabiex jiddgħajjef l-ilħuq ta’ tali għan.

    25

    Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 kif esposta fil-punt 21 ta’ din is-sentenza hija kkonfermata mill-Artikolu 25(1) tal-istess regolament. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jistabbilixxi l-obbligu tar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet relatati mal-iżvolġiment u l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ falliment li jingħataw minn qorti li d-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tal-proċedimenti hija rrikonoxxuta skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, fi kliem ieħor, minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament.

    26

    Għandu jingħad li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tippermetti li l-qrati ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħu proċedimenti ta’ falliment, skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, ikunu jistgħu jiddeċiedu wkoll dwar azzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    27

    F’dan il-kuntest, il-kliem “anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor”, li jikkostitwixxu l-aħħar parti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, ma jimplikax li l-leġiżlatur Komunitarju ried jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment fir-rigward tat-tip ta’ azzjonijiet inkwistjoni. Dan il-kliem ifisser, b’mod partikolari, li huwa l-Istat Membru li għandu jiddetermina l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni territorjali u materjali, u din il-qorti ma għandhiex neċessarjament tkun dik li kienet fetħet il-proċedimenti ta’ falliment. Barra minn dan, l-istess kliem jirreferi għar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet li jiftħu proċedimenti ta’ falliment ipprovduti fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1346/2000.

    28

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment u intiża kontra konvenut li jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru ieħor.

    29

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    30

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq il-falliment u intiża kontra konvenut li jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru ieħor.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top