Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0337

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-13 ta' Diċembru 2007.
    Bayerischer Rundfunk et. vs GEWA - Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
    Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE - Kuntratti pubbliċi ta’ servizzi - Xandara pubbliċi - Awtoritajiet kontraeni - Korpi rregolati mid-dritt pubbliku - Kundizzjoni li timponi li l-attività tal-korp tiġi ‘ffinanzjata fil-parti l-kbira mill-Istat’.
    Kawża C-337/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-11173

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:786

    Kawża C-337/06

    Bayerischer Rundfunk et      

    vs

    GEWA — Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf)

    “Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi għal servizz — Xandara pubbliċi — Awtoritajiet kontraenti — Korpi rregolati mid-dritt pubbliku — Kundizzjoni li timponi li l-attività tal-korp tiġi ‘iffinanzjata fil-parti l-kbira mill-Istat’”

    Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2007 

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2007 

    Sommarju tas-sentenza

    1.     Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 92/50 — Awtoritajiet kontraenti — Korp ta’ dritt pubbliku

    (Direttiva tal-Kunsill 92/50, it-tielet subinċiżi tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b))

    2.     Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 92/50 — Kamp ta’ applikazzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikolu 1(a)(iv))

    1.     L-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li huma kkunsidrati bħala “xandara pubbliċi” il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku u, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li b’“korp irregolat mil-liġi pubblika’” huwa mfisser kwalunkwe korp stabbilit għall-iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali (l-ewwel subinċiż), li għandu personalità ġuridika (it-tieni subinċiż) u li huwa ffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika; jew soġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika (it-tielet subinċiż).

    Fir-rigward tat-tielet subinċiż, il-frażi “iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat” għandha tiġi interpetata fis-sens li hemm tali finanzjament meta l-attivitajiet ta’ xandara pubbliċi, li huma għandhom personalità ġuridika, u li għandhom missjoni ta’ interess pubbliku, li huma indipendenti mill-awtorajiet ta’ l-Istat, imexxu lilhom infushom u huma organizzati b’tali mod li l-influwenza ta’ l-awtoritajiet pubbliċi hija eskluża u li ma jagħmlux parti mill-organizzazzjoni ta’ l-Istat, huma ffinanzjati fil-parti l-kbira minn ħlas tal-liċenzji miġbur fuq min iżomm riċevitur, li huwa impost, ikkalkulat u miġbur skond regoli minn Trattati ta’ l-Istat konklużi għal dawn l-għanijiet u li u ma jirriżultax minn tranżazzjoni kuntrattwali konkluża bejn dawn il-korpi u l-konsumaturi.

    Barra minn hekk, f’każ ta’ finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet ta’ xandara pubbliċi li jsegwu l-imsemmija proċeduri, il-kundizzjoni dwar il-“finanzjament mill-Istat” ma teħtieġx l-interferenza diretta ta’ l-Istat jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra matul l-għoti, minn dawn il-korpi, ta’ kuntratti pubbliċi li m’għandhom l-ebda relazzjoni mat-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku hekk imsejjaħ ta’ dawn il-korpi. Fil-fatt, safejn, fir-rigward tal-metodu ta’ finanzjament tagħhom, l-eżistenza stess tax-xandara pubbliċi in kwistjoni tiddependi mill-Istat, il-kriterju tad-dipendenza ta’ dawn il-korpi fir-rigward ta’ l-Istat huwa b’hekk issodisfat, mingħajr ma tkun meħtieġa possibbiltà ta’ influwenza konkreta ta’ l-awtoritajiet pubbliċi fuq id-deċiżjonijiet differenti tal-korpi kkunsidrati fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti.

    (ara l-punti 41, 50, 54-55, 60 u d-dispożittivi 1-2)

    2.     L-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz, li jipprovdi n-non- applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan is-servizzi li jmissu l-funzjoni proprja tax-xandara, jiġifieri l-ħolqien u t-twettiq ta’ programmi, għandu jiġi interpetat fis-sens li, skond din id-dispożizzjoni, huma biss il-kuntratti pubbliċi li jirrigwardaw is-servizzi ċċitati fiha li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-għan prinċipali tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-moviment liberu tas-servizzi u l-ftuħ għal kompetizzjoni b’mod kemm jista’ jkun wiesa’, għandha tiġi interpetata b’mod restrittiv. Għaldaqstant, huma eskużi biss mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 il-kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan is-servizzi ċċitati fl-Artikolu 1(a)(iv) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-kuntratti għall-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ materjal ta’ programmi minn xandara u kuntratti għal ħin ta’ xandir. Min-naħa l-oħra, huma għal kollox soġġetti għar-regoli Komunitarji l-kuntratti pubbliċi għal servizz li m’għandhomx relazzjoni ma’ l-attivitajiet li jaqgħu taħt it-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku proprjament imsejjaħ tax-xandara pubbliċi.

    (ara l-punti 62, 64, 67 u d-dispożittiv 3)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    13 ta’ Diċembru 2007 (*)

    “Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE – Kuntratti pubbliċi għal servizz – Xandara pubbliċi – Awtoritajiet kontraeni – Korpi rregolati mid-dritt pubbliku – Kundizzjoni li timponi li l-attività tal-korp tiġi ‘ffinanzjata fil-parti l-kbira mill-Istat’”

    Fil-kawża C-337/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-21 ta’ Lulju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2006, fil-proċedura

    Bayerischer Rundfunk,

    Deutschlandradio,

    Hessischer Rundfunk,

    Mitteldeutscher Rundfunk,

    Norddeutscher Rundfunk,

    Radio Bremen,

    Rundfunk Berlin-Brandenburg,

    Saarländischer Rundfunk,

    Südwestrundfunk,

    Westdeutscher Rundfunk,

    Zweites Deutsches Fernsehen

    vs

    GEWA ­- Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH,

    fil-preżenza ta’:

    Heinz W. Warnecke, li jaġixxi taħt id-denominazzjoni kummerċjali ta’ Großbauten Spezial Reinigung,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal Bayerischer Rundfunk, Deutschlandradio, Hessischer Rundfunk, Mitteldeutscher Rundfunk, Norddeutscher Rundfunk, Radio Bremen, Rundfunk Berlin-Brandenburg, Saarländischer Rundfunk, Südwestrundfunk, Westdeutscher Rundfunk, Zweites Deutsches Fernsehen, minn B. Mitrenga u K.‑P. Mailänder, Rechtsanwälte, kif ukoll minn C.-E. Eberle u J. Betz, Justiziare, u N. Hütt, Referentin im Justiziariat,

    –       għal GEWA ­- Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH, minn C. Antweiler u K. P. Dreesen, Rechtsanwälte,

    –       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u B. Schima, bħala aġenti,

    –       għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn B. Alterskjær u L. Young, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel suppożizzjoni tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda l-kwistjoni jekk xandara pubbliċi Ġermaniżi (Landesrundfunkanstalten) jikkostitwixxux awtorità kontraenti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       Skond l-Artikolu 7(1), id-Direttiva 92/50 tapplika għal kuntratti pubbliċi għal servizz, li l-valur stmat tagħhom, nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud mhuwiex inqas minn ECU 200 000.

    4       L-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 jipprovdi:

    “‘l-awtoritajiet kontraenti’ għandhom ifissru l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika [dritt pubbliku], assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika.

    ‘Korp irregolat mil-liġi pubblika’ jfisser kwalunkwe korp: 

    –       stabbilit għall-iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali,

    u

    –        li jkollu personalità ġuridika

    u

    –       iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika; jew soġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika.

    Il-listi tal-korpi jew tal-kategoriji ta’ dawn il-korpi rregolati mil-liġi pubblika li jissodisfaw il-kriterja msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt huma stabbiliti fl-Anness I għad-Direttiva 71/305/KEE. Dawn il-listi għandhom jkunu sħaħ kemm jista’ jkun u jistgħu jiġu riveduti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30b ta’ dik id-Direttiva”.

    5       Din id-dispożizzjoni tinsab f’termini kważi identiċi fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114). Skond l-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 2004/18 hija bidla f’test wieħed tad-direttivi distintament applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fit-tliet oqsam msemmija iktar ‘il fuq u, skond l-Artikolu 80 tagħha, hija għandha tiġi trasposta fis-sistema ġuridika ta’ l-Istati Membri mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2006.

    6       Ix-xandara pubbliċi Ġermaniżi mhumiex imsemmija la fl-Anness iċċitat fl-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, imsemmi iktar ‘il fuq, u lanqas fl-Anness III, li għandu kontenut analogu, tad-Direttiva 2004/18.

    7       Skond l-Artikolu 1(1)(iv) tad-Direttiva 92/50, huma esklużi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha:

    “kuntratti għall-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ materjal ta’ programmi minn xandara u kuntratti għal ħin ta’ xandir”.

    8       Din id-dispożizzjoni tinsab f’termini identiċi fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18.

    9       Ir-raġuni għalfejn teżisti din id-dispożizzjoni hija esposta fil-ħdax-il premessa tad-Direttiva 92/50, li tipprovdi:

    “[b]illi l-għoti ta’ kuntratti għal ċerti servizzi awdjoviżwali fil-qasam tax-xandir huwa rregolat b’kunsiderazzjonijiet li jagħmlu inapproprjata l-applikazzjoni tal-liġijiet ta’ akkwist” [għoti ta’ kuntratti pubbliċi].

    10     Din ir-raġuni hija spjegata wkoll fil-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2004/18, skond liema:

    “L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal ċerti servizzi awdjoviżivi fil-qasam tax-xandir għandhom iħallu l-aspetti ta’ sinifikat kulturali u soċjali biex jiġu meqjusa li tagħmel applikazzjoni ta’ regoli ta’ kisba mhux xierqa. Għal dawn ir-raġunijiet, għandha ssir eċċezzjoni fil-kuntratti għal servizz pubbliku għax-xiri, żvilupp, produzzjoni jew koproduzzjoni ta’ programmi minn fuq l-iskaffa u servizzi oħra preparatorji, bħal ma huma dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ skripts, jew esekuzzjoni artistika meħtieġa għall-produzzjoni tal-programm u kuntratti li jikkonċernaw ħinijiet ta’ xandir. Però, din l-esklużjoni ma tistax tiġi applikata għall-forniment ta’ tagħmir tekniku meħtieġ għall-produzzjoni, koproduzzjoni u x-xandir ta’ dawn il-programmi […]”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    11     L-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, imsemmi iktar ‘il fuq, huwa traspost fid-dritt nazzjonali mill-Artikolu 98(2) tal-liġi kontra r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni (Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen). Il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni huwa identiku għal dak tar-regoli Komunitarji, bl-unika differenza li, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ l-“korp irregolat mil-liġi pubblika” bil-kundizzjoni dwar finanzjament fil-parti l-kbira mill-attività tal-korp in kwistjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, jingħad ukoll li dan il-finanzjament jista’ jiġi effettwat “permezz ta’ sehem jew b’mod ieħor”.

    12     It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Kostituzzjoni Ġermaniża huwa miktub kif ġej:

    “Il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ informazzjoni permezz tar-radju, it-televiżjoni u ċ-ċinema huma ggarantiti”

    13     Din id-dispożizzjoni hija interpretata b’mod kostanti mill-qrati supremi Ġermaniżi, b’mod partikolari mill-Bundesverfassungsgericht u l-Bundesverwaltungsgericht, bħala projbizzjoni assoluta ta’ kull interferenza u kull intervent ta’ l-awtoritajiet pubbliċi fit-tmexxija u l-funzjonament tax-xandara pubbliċi u bħala obbligu ta’ newtralità stretta fir-rigward tal-programmi ta’ dawn ix-xandara. Din id-dispożizzjoni kostituzzjonali tokkupa post fundamentali fl-istrutturar statali attwali Ġermaniż u hija intiża sabiex teskludi li x-xandir isir strument tal-politika. Hija tikkostitwixxi garanzija kostituzzjonali tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-pluraliżmu ta’ l-informazzjoni kif ukoll ta’ l-eżistenza, tal-finanzjament u ta’ l-iżvilupp tax-xandara.

    14     Ix-xandara in kwistjoni huma entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, għandhom personalità ġuridika u għandhom missjoni ta’ interess pubbliku. Huma indipendenti mill-awtorajiet ta’ l-Istat, imexxu lilhom infushom u huma organizzati b’tali mod li l-influwenza ta’ l-awtoritajiet pubbliċi hija eskluża. Skond il-ġurispurdenza tal-qrati supremi Ġermaniżi, dawn il-korpi ma jagħmlux parti mill-organizzazzjoni ta’ l-Istat.

    15     Il-finanzjament ta’ dawn il-korpi huwa rregolat minn Trattati ta’ l-Istat (Staatsverträge), jiġifieri Trattati konklużi bejn l-awtorità Federali (Bund) u l-Länder.

    16     It-Trattat ta’ l-Istat fuq ix-xandir (Rundfunkstaatsvertrag) jipprovdi fl-Artikolu 12(1) tiegħu:

    “L-għoti ta’ kariga għandha tippermetti lix-xandara pubbliċi li jissodisfaw il-missjonijiet kostituzzjonali u legali tagħhom; dan għandu b’mod partikolari jiggarantixxi l-eżistenza u l-iżvilupp tax-xandir irregolat mid-dritt pubbliku.”

    17     Skond l-Artikolu 13 tat-Trattat ta’ l-Istat in kwistjoni, il-bżonnijiet tax-xandara pubbliċi huma ffinanzjati l-aktar, jiġifieri aktar min-nofs, minn ħlasijiet tal-liċenzji mingħand iċ-ċittadini u, għall-bqija, minn dħul li ġej minn reklami u minn dħul ieħor. Skond il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht, il-finanzjament permezz tal-ħlas tal-liċenzji huwa adattat għall-missjoni ta’ servizz pubbliku tax-xandir, jikkorrispondi għall-garanzija Kostituzzjonali ta’ finanzjament u jikkostitwixxi metodu funzjonali ta’ finanzjament li jippermetti li tinżamm l-awtonomija tal-programmazzjoni minn eventwali interferenzi politiċi ta’ l-Istat.

    18     Il-metodi tal-ġbir tal-ħlas tal-liċenzji huma rregolati mit-Trattat ta’ l-Istat dwar ir-regolamentazzjoni tal-ħlas tal-liċenzji (Staatsvertrag über die Regelung des Rundfunkgebührenwesens), tal-31 ta’ Awwissu 1991, kif emendat fil-11 ta’ Settembru 1996 (GVBl. NRW 1996, p. 431, iktar ‘il quddiem it-“Trattat ta’ l-Istat dwar il-ħlas tal-liċenzji”). Skond dan it-Trattat ta’ l-istat, il-fatt li joħloq l-obbligu tal-ħlas tal-liċenzja huwa ż-żamma ta’ riċevitur tax-xandir. Il-fatt li dan l-apparat mhuwiex effettivament utilizzat m’għandu ebda effett fuq l-obbligu ta’ ħlas. Il-kredituri tal-ħlas tal-liċenzja huma formalment ix-xandara reġjonali stabbiliti fit-territorji rispettivi tal-Länder.

    19     Il-leġiżlazzjoni dwar l-ammont tal-ħlas tal-liċenzji, ikkalkulat fid-dawl tad-determinazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji tax-xandara pubbliċi, hija kkostitwita mit-Trattat dwar il-finanzjament tax-xandir (Rundfunkfinanzierungsstaatsvertrag), tas-26 ta’ Novembru 1996 (GVBl. NRW 1996, p. 484). L-ammont tal-ħlas tal-liċenjzi huwa formalment approvat mill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Länder.

    20     Ix-xandara pubbliċi ħolqu, permezz ta’ arranġament amministrattiv, korp ċentrali ta’ rkupru ta’ ħlas tal-liċenzji, il-Gebühreneinzugszentrale der öffentlich-rechtlichen Rundfunkanstalten (iktar ‘il quddiem il-“GEZ”). Dan jikkostiwixxi grupp irregolat mid-dritt pubbliku li b’mod partikolari għandu bħala missjoni l-irkupru u l-fatturazzjoni tal-ħlas tal-liċenzji. Huwa m’għandux personalità ġuridika u lanqas kapaċità biex jaġixxi fid-dritt, iżda jaġixxi f’isem xandara reġjonali differenti. Mandakollu, f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-ħlas tal-liċenzji mingħand iċ-ċittadini, dan jaġixxi permezz ta’ avviż ta’ stima, jiġifieri permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika. Bl-istess mod, fil-każ tan-nuqqas ta’ ħlas tal-liċenzji, it-Trattat ta’ l-Istat dwar il-ħlas tal-liċenzji, imsemmi iktar ‘il fuq, jipprovdi fl-Artikolu 7(6) li “[n]otifiki ta’ ħlas b’lura tal-liċenzji tax-xandir huma suġġetti għal proċedura eżekutorja amministrattiva. Il-korp reġjonali tax-xandir kreditur jista’ jindirizza direttament it-talba għal għajnuna għal eżukuzzjoni furzata fl-istanza kompetenti skond il-lok tad-domiċilju jew tar-residenza abitwali tad-debituri tal-ħlas tal-liċenzji [...]”.

    21      Il-kontroll u d-determinazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji ddikjarati mix-xandara pubbliċi huma fdati lil kummissjoni indipendenti, il-Kommission zur Überprüfung und Ermittlung des Finanzbedarfs der Rundfunkanstalten (iktar ‘il quddiem il-“KEF”). Din il-kummissjoni, komposta minn sittax-il espert indipendenti, tirċievi u teżamina l-estimi tal-bżonnijiet ikkomunikati mix-xandara pubbliċi u tiddiskutihom ma’ rappreżentanti tagħhom. Hija toħroġ rapport għall-anqas darba kull sentejn, li fuqu l-parlamenti u l-gvernijiet tal-Länder jibbażaw id-deċiżjonijiet formali tagħhom fuq l-ammont tal-ħlas tal-liċenzji. Din il-proċedura, li fiha hija implikata l-KEF, ġiet stabbilita sussegwentement għal sentenza tal-Bundesverfassungsgericht tat-22 ta’ Frar 1994, li ddeċidiet li l-proċedura, li skond din id-deċiżjoni fuq l-ammont tal-ħlas tal-liċenzji kienet ittieħdet mill-Primi Ministri tal-Länder mingħajr l-intervent ta’ kummissjoni indipendenti, ma tiggarantixxix l-indipendenza mixtieqa mill-Kostituzzjoni.

    22     Id-dħul tal-ħlas tal-liċenzji huwa allokat, b’mod partikolari, lix-xandara pubbliċi u l-awtorità tal-midja tal-Land rispettiv.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    23     Il-GEZ stieden bil-miktub, matul ix-xahar ta’ Awwissu 2005, ħdax-il impriża ta’ tindif sabiex jippreżentaw offerti vinkolanti għall-provvista ta’ servizzi tat-tindif fil-bini tiegħu li jinsab f’Cologne. Ebda proċedura formali ta’ għoti ta’ kuntratt skond ir-regoli Komunitarji ma kienet ġiet organizzata. It-tul ta’ żmien previst mill-kuntratt kien mill-1 ta’ Marzu 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2008, u dan kien jiġġedded impliċitament minn sena għal sena. Il-GEZ evalwa t-totalità ta’ l-ispejjeż annwali għal aktar minn EUR 400 000.

    24     L-impriża GEWA - Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH, waħda mill-impriżi ta’ tindif ikkuntattjati fil-kuntest tas-sejħa għal offerti, ġiet infurmata fix-xahar ta’ Novembru 2005 minn GEZ li l-kuntratt ma kienx ġie assenjat lilha. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li, inwkwantu awtorità kontraenti, il-GEZ kellu jissoġġetta l-kuntratt ta’ tindif għal sejħa għal offerti skond ir-regoli Komunitarji, din l-impriża ressqet rikors quddiem il-qorti tal-kuntratti pubbliċi tal-Bezirksregierung Köln. Din il-qorti laqgħet ir-rikors billi ddeċidiet li l-kuntratt in kwistjoni ma kellux x’jaqsam ma’ l-attività effettiva tax-xandir u għaldaqstant kien jaqa’ taħt id-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi.

    25     Il-korpi tax-xandara pubbliċi appellaw din id-deċiżjoni quddiem l-qorti tal-kuntratti pubbliċi ta’ l-Oberlandesgericht Düsseldorf, fejn sostnew li huma mhumiex awtoritajiet kontraenti, peress li s-servizz pubbliku tax-xandir huwa ffinanzjat fil-parti l-kbira minn ħlas tal-liċenzji li jsir mit-telespettaturi u li mhemm ebda finanzjament u lanqas kontroll pubbliku f’dan ir-rigward.

    26     Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-kundizzjonijiet ifformulati f’(a) u (b) ta’ l-ewwel u t-tieni subinċiżi tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 kif ukoll mit-tieni subparagrafu (a) ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 dwar id-definizzjoni ta’ “[k]orpi rregolati bil-liġi pubblika ” huma ssodisfati f’dan il-każ, safejn ix-xandara pubbliċi kienu nħolqu sabiex jissodisfaw speċifikatament bżonnijiet ta’ interess ġenerali li għandhom karattru ieħor oħra barra dak industrijali jew kummerċjali u li għandhom personalità ġuridika. Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li fil-każ tat-tliet suppożizzjonijiet li jinsabu, rispettivament, fit-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) u ta’ (c) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, dawn it-tnejn ta’ l-aħħar mhumiex issodisfati f’dan il-każ, f’każ fejn l-awtoritajiet pubbliċi ma jeżerċitaw ebda kontroll fuq it-tmexxija ta’ dawn il-korpi u m’għandhom ebda influwenza fuq il-ħatra tal-korpi ta’ tmexxija tagħhom. B’hekk jibqa’ li jiġi vverifikat jekk l-attività tal-korpi in kwistjoni hijiex iffinanzjata fil-parti l-kbira mill-Istat jew minn awtoritajiet kontraenti oħra sabiex dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “[k]orpi rregolati bil-liġi pubblika”.

    27     Il-qorti tar-rinviju tirrileva li skond ġurisprudenza u dottrina attwali fil-Ġermanja, il-kundizzjoni dwar “finanzjament fil-parti kbira mill-Istat” tirrikjedi rabta ta’ kawżalità diretta bejn dan il-finanzjament u l-Istat. Dan l-approċċ jirreferi biss għall-oriġini statali jew għall-provenjenza tal-fondi, jiġifieri dawk li ġejjin mill-baġit ta’ l-Istat, u ma jiħux kunsiderazzjoni tal-fatt li l-assoġġettament tal-konsumaturi għall-ħlas tal-liċenzji huwa fondat fuq test regolamentari u lanqas il-fatt li l-irkupru ta’ dan il-ħlas ta’ liċenzji jseħħ permezz ta’ trasferiment ta’ prerogattivi ta’ l-awtorità pubblika. Skond dan l-ewwel approċċ, il-finanzjament statali dirett għandu wkoll jippermetti lill-Istat jew lil awtoritajiet pubbliċi oħra li jeżerċitaw influwenza konkreta fuq il-proċeduri differenti ta’ għoti ta’ kuntratti tal-korp iffinanzjat.

    28     Skond ġurisprudenza u dottrina oħra, li l-qorti tar-rinviju taderixxi magħom, l-eżistenza ta’ bażi legali li tobbliga l-individwi sabiex iħallsu l-liċenzji hija suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar il-“finanzjament mill-Istat” ta’ l-attività tax-xandara fil-kawża prinċipali hija ssodisfata. Ir-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi huma applikabbli għal dawn il-korpi, li huma ffinanzjati mill-ħlas tal-liċenzji obbligatorji u b’hekk mhumiex soġġetti għal-liġi tas-suq. Barra minn hekk, dejjem skond din il-ġurisprudenza, l-obbligu kostituzzjonali ta’ newtralità ta’ l-Istat fir-rigward tat-tmexxija u tal-programmazzjoni ta’ dawn il-korpi ma jirrikjedix li l-kuntratti pubbliċi ta’ dawn ta’ l-aħħar, li m’għandhom ebda relazzjoni mal-missjonijiet prinċipali tagħhom, ma jiġux soġġetti għar-regoli Komunitarji.

    29     Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi d-domandi preliminari li ġejjin, lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)      Il-kundizzjoni dwar il-’finanzjament mill-Istat’ magħmula mill-ewwel suppożizzjoni ta’ (c) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(9) Direttiva 2004/18 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-finanzjament indirett ta’ korpi permezz ta’ taxxa obbligatorja fuq persuni li jżommu riċevituri tax-xandir jikkostitwixxi finanzjament skond din il-kundizzjoni fid-dawl ta’ l-obbligu kostituzzjonali ta’ l-Istat li jiggarantixxi l-indipendenza tal-finanzjament u l-eżistenza ta’ dawn il-korpi ?

    2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-ewwel suppożizzjoni ta’ (c) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjoni dwar il-’finanzjament mill-Istat’ teżiġi l-interferenza diretta ta’ l-Istat matul l-għoti ta’ kuntratti mill-korp li dan jiffinanzja ?

    3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, l-ewwel suppożizzjoni ta’ (c) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ l-Artikolu 16(b) [ta’ din id-Direttiva] fis-sens li s-servizzi msemmija fl-Artikolu 16(b) biss huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u li s-servizzi l-oħra, li ma jaqgħux speċifikatament taħt din is-sistema iżda li għandhom karattru sussidjarju u konness, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-[istess] Direttiva (interpretazzjoni a contrario)?”

     Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    30     Id-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju jirreferu għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/18. Madankollu, peress li l-fatti tal-kawża prinċipali għandhom ratione temporis tad-Direttiva 92/50, l-eżami u r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirreferu għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 92/50, fid-dawl ta’ ċerti kjarimenti magħmula mid-Direttiva 2004/18. F’kull każ, id-dispożizzjonijiet ta’ din l-aħħar Direttiva, kif ukoll il-prinċipji li jsostnuha, għandhom kontenut identiku għal dak tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tad-direttivi preċedenti u d-Direttiva 2004/18 tikkostitwixxi kitba mill-ġdid tad-dispożizzjonijiet diġà eżistenti. B’hekk, m’hemm ebda raġuni li tista’ tiġġustifika approċċ ieħor taħt il-kappa ta’ din l-aħħar Direttiva.

    31     Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk is-sistema ta’ finanzjament Ġermaniża tax-xandara pubbliċi bħala prinċipju teskludi li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw kwalunkwe influwenza politika fuq dawn il-korpi, din iċ-ċirkustanza mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika li din il-kawża tiġi eżaminati biss mill-angolu ta’ l-impossibbiltà, mid-definizzjoni tagħha, ta’ l-eżerċizzju ta’ tali influwenza mill-Istat. Għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni u ta’ l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tat-twettiq ta’ l-għanijiet tat-Trattat KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fatt, tieħu kunsiderazzjoni wkoll ta’ kunsiderazzjonijiet oħra bħall-moviment liberu u l-ftuħ tas-suq.

     Fuq l-ewwel domanda

    32     Permezz ta’ din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-kunċett ta’ “finanzjament fil-parti l-kbira mill-Istat” jew minn korp pubbliku ieħor li jinsab fl-ewwel suppożizzjoni tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, dwar jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta meta l-attivitajiet tax-xandara pubbliċi bħal dawk fil-kawża prinċipali huma ffinanzjati fil-parti l-kbira minn ħlas ta’ liċenzji impost, ikkalkulat u miġbur skond regoli bħal dawk fil-kawża prinċipali.

    33     Fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-karattru “fil-parti l-kbira” tal-finanzjament, huwa paċifiku li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kundizzjoni hija sodisfatta f’dan il-każ safejn id-dħul tax-xandara pubbliċi in kwistjoni huwa ġej għal aktar min-nofs tiegħu mill-ħlas tal-liċenzji fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge, C-380/98, Ġabra p. I-8035, punt 30).

    34     Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li l-kliem ta’ l-ewwel suppożizzjoni tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 ma fihom ebda preċiżazzjoni fuq il-proċeduri li skond dawn għandu jsir il-finanzjament in kwisjtoni f’din id-dispożizzjoni. B’hekk, b’mod partikolari, din ma tirrikedix li l-attività tal-korpi kkunsidrati tiġi ffinanzjata direttament mill-Istat jew minn korp pubbliku ieħor sabiex il-kundizzjoni relatata magħha tiġi ssodisfata. L-eżami tal-proċeduri ta’ finanzjament b’hekk m’għandux jiġi limitat għal dawk imressaqa minn diversi partijiet interessati f’din il-kawża.

    35     Għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “finanzjament mill-Istat” jew minn korpi pubbliċi oħra, għandha ssir referenza għall-għan tad-Direttivi Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, hekk kif irrilevat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    36     Skond din il-ġurisprudenza, l-għan tad-direttivi fil-qasam ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi huwa li jeskludi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-appaltaturi jew kandidati nazzjonali fi kwalunkwe għoti ta’ kuntratt li jsir mill-awtoritajiet kontraenti u l-possibbiltà li korp iffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika jitħalla jiġi ggwidat minn kunsiderazzjonijiet li mhumiex ekonomiċi (sentenza University of Cambridge, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37     Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat dawn l-għanijiet billi żiedet li, fid-dawl tagħhom, il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti li jinkludi dak ta’ “korp irregolat mid-dritt pubbliku” għandu jirċievi interpretazzjoni funzjonali (sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-237/99, Ġabra p. I-939, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38     Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-koordinament fuq livell Komunitarju tal-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi huwa intiż sabiex jabolixxi l-ostakoli għall-moviemnt liberu tas-servizzi u tal-merkanzija u għalhekk sabiex jipproteġi l-interessi ta’ l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru li jixtiequ joffru oġġetti jew servizzi lill-awtoritajiet kontraenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq University of Cambridge, punt 16, u Il-Kummissjoni vs Franza, punt 41).

    39     Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kuntratti pubbliċi għal servizz, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-istess għan prinċipali, jiġifieri l-moviment liberu tas-servizzi u l-ftuħ għal kompetizzjoni b’mod kemm jista’ jkun wiesgħa fl-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I-1, punti 44 u 47).

    40     Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet u skond dawn il-kriterji li għandu jiġi kkunsidrat metodu ta’ finanzjament tax-xandara pubbliċi bħal dak tal-kawża prinċipali, li jimplika li l-kunċett ta’ “finanzjament mill-Istat” għandu jirċievi wkoll interpretazzjoni funzjonali.

    41     L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-ħlas tal-liċenzji li jassigura l-finanzjament fil-parti l-kbira mill-attività tal-korpi in kwistjoni għandu l-oriġini tiegħu fit-Trattat ta’ l-Istat dwar ix-xandir, jiġifieri f’att ta’ l-Istat. Dan il-ħlas huwa previst u impost mil-liġi u ma jirriżultax minn tranżazzjoni kuntrattwali konkluża bejn dawn il-korpi u l-konsumaturi. L-asuġġettament għal dan il-ħlas tal-liċenzji jirriżulta mis-sempliċi fatt taż-żamma ta’ riċevitur u mhux mill-korrispettiv tat-tgawdija effettiva tas-servizzi pprovduti mill-korpi in kwistjoni.

    42     Sussegwentement għandu jiġi osservat li l-fissazzjoni ta’ l-ammont tal-ħlas tal-liċenzji mhuwiex ir-riżultat ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn ix-xandara fil-kawża prinċipali u l-konsumaturi. B’mod konformi mat-Trattat ta’ l-Istat dwar il-finanzjament tax-xandir, dan l-ammont huwa ffissat minn deċiżjoni formali tal-parlamenti u tal-gvernijiet tal-Länder, adottata abbażi ta’ relazzjoni stabbilita mill-KEF fil-funzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji ddikjarati minn dawn il-korpi stess. Il-parlamenti u l-gvernijiet tal-Länder jistgħu ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tal-KEF, bil-kundizzjoni li jirrispettaw il-prinċipju tal-libertà tax-xandir, minħabba raġunijiet madankollu limitati, jiġifieri meta l-ammont tal-ħlas tal-liċenzji jikkostitwixxi għall-konsumaturi imposta finanzjarja sproporzjonata fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ġenerali, li tista’ tikkawża dannu għall-aċċess tagħhom għall-informazzjoni (ara s-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht tal-11 ta’ Settembru 2007, BvR 2270/05, BvR 809/06 et BvR 830/06).

    43     Ukoll fis-suppożizzjoni fejn il-parlamenti u l-gvernijiet tal-Länder għandhom isegwu mingħajr bidliet ir-rakkomandazzjonijiet tal-KEF, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-mekkaniżmu ta’ fissazzjoni ta’ l-ammont tal-ħlas tal-liċenzji huwa stabbilit mill-Istat, li kien ittrasferixxa prerogattivi ta’ awtorità pubblika lil kummissjoni ta’ esperti.

    44     F’dak li jirrigwarda l-metodi tal-ġbir tal-ħlas tal-liċenzji, jirriżulta mit-Trattat ta’ l-Istat dwar il-ħlas tal-liċenzji li l-irkupru tiegħu isir mill-GEZ li jaġixxi f’isem korpi tax-xandir pubbliċi, permezz ta’ avviż ta’ stima, jiġifieri permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika. Bl-istess mod, f’każ ta’ dewmien ta’ ħlas, l-avviżi ta’ ħlas b’lura huma suġġetti għal proċedura eżekutorja amministrattiva, fejn ix-xandar pubbliku kkonċernat, inwkantu kreditur, jista’ jindirizza t-talba għal għajnuna direttament għall-eżekuzzjoni furzata quddiem l-istanza kompetenti. B’hekk, il-korpi in kwistjoni jibbenefikaw f’dan ir-rigward minn prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

    45     Ir-riżorsi hekk allokati lil dawn il-korpi huma mħallsa mingħajr korrispettiv speċifiku, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza University of Cambridge, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 23 sa 25). Fil-fatt, ebda korrispettiv kuntrattwali ma huwa marbut ma’ dawn il-ħlasijiet, safejn la s-soġġettament għall-ħlas tal-liċenzji u lanqas l-ammont tiegħu ma jikkostitwixxu r-riżultat ta’ ftehim bejn ix-xandara pubbliċi u l-konsumaturi, dawn ta’ l-aħħar huma obbligati li jħallsu l-liċenzji mill-fatt biss taż-żamma ta’ riċevitur, indipendentement mill-użu tas-servizz propost minn dawn il-korpi. B’hekk, il-konsumaturi għandhom iħallsu l-liċenzja, anki jekk huma qatt ma għamlu użu mis-servizzi ta’ dawn il-korpi.

    46     Għandu jiġi enfasizzat li huwa irrilevanti l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, skond liema l-fatt li l-ħlas tal-liċenzji huwa previst f’test regolamentari mhuwiex determinanti, peress li kieku t-tobba, avukati u periti kollha stabbiliti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanżja huma “ffinanzjati mill-Istat”, peress li t-tariffi ta’ l-onorarji tagħhom huma ffissati mill-Istat. Fil-fatt, anke jekk dawn it-tariffi huma rregolamentati mill-Istat, il-konsumatur jidħol dejjem skond il-volontà libera tiegħu f’relazzjoni kuntrattwali mal-membri ta’ dawn il-professjonijiet u jirċievi dejjem servizz effettiv. Minbarra dan, il-finanazjament ta’ l-attivitajiet tal-membri tal-professjonijiet liberi in kwistjoni la huwa assigurat u lanqas iggarantit mill-Istat.

    47     Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ l-approċċ funzjonali msemmi iktar ‘il fuq, kif tosserva ġustament ukoll il-Kummissoni tal-Komunitarjiet Ewropej, ma jistax ikun hemm differenza ta’ evalwazzjoni skond liema l-mezzi finanzjarji jgħaddu mill-baġit pubbliku, fejn l-Istat l-ewwel jiġbor il-ħlas u sussegwentement iqiegħed id-dħul li ġej minnu għad-dispożizzjoni tax-xandara pubbliċi, jew li l-Istat jagħti lil dawn il-korpi d-dritt li huma stess jirċievu dan il-ħlas.

    48     B’hekk għandu jiġi konkluż li finanzjament bħal dak fil-kawża prinċipali, li jsib il-bidu tiegħu f’att ta’ l-Istat, huwa ggarantit mill-Istat u huwa assigurat permezz ta’ metodu ta’ impożizzjoni u ta’ ġbir li huwa soġġett għal prerogattivi ta’ awtorità pubblika, u jissodisfa l-kundizzjoni ta’ “finanzjament mill-Istat” għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    49     Dan il-metodu ta’ finanzjament indirett huwa biżżejjed sabiex il-kundizzjoni dwar il-“finanzjament mill-Istat” prevista mil-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi ssodisfata, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat jistabbilixxi jew jaħtar huwa stess korp pubbliku jew privat inkarigat mill-irkupru tal-ħlas tal-liċenzji.

    50     B’hekk l-ewwel domanda għandha tingħatalha risposta li l-ewwel suppożizzjoni tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm finanzjament fil-parti l-kbira mill-Istat meta l-attivitajiet ta’ xandara pubbliċi bħal dawk fil-kawża prinċpali huma ffinanzjati fil-parti l-kbira minn ħlas tal-liċenzji fuq min iżomm riċevitur, li huwa impost, ikkalkulat u miġbur skond regoli bħal dawk fil-kawża prinċipali.

     Fuq it-tieni domanda

    51     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel suppożizzjoni tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, f’każ ta’ finanzjament ta’ korpi tax-xandir pubbliku li jsegwi l-proċeduri esposti fil-kuntest ta’ l-ewwel domanda preliminari, il-kundizzjoni dwar il-“finanzjament mill-Istat” teżiġix l-interferenza diretta ta’ l-Istat jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra matul l-għoti ta’ kuntratt bħal dak fil-kawża prinċipali minn tali korp.

    52     Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li interferenza diretta mill-Istat, jew minn korp pubbliku ieħor, matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku partikolari mhijiex meħtieġa skond il-kliem tad-dispożizzjoni kkunsidrata sabiex il-kundizzjoni dwar il-“finanzjament mill-Istat” tiġi ssodisfata.

    53     Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju ta’ dipendenza ta’ korp fir-rigward ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda t-tliet suppożizzjonijiet li jinsabu fit-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et C-44/96, Ġarba p. I-73, punt 20), il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-approċċ, imsemmi iktar ‘il fuq, adottat minn ġurisprudenza u dottrina fil-Ġermanja, skond liema din id-dipendenza timplika li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw influwenza konkreta fuq il-proċeduri differenti ta’ għoti ta’ kuntratti.

    54     L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-kwistjoni tad-dipendenza fir-rigward ta’ l-awtoritajiet pubbliċi mix-xandara fil-kawża prinċipali tqum biss għall-għoti tal-kuntratti li m’għandhom l-ebda relazzjoni mat-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku hekk imsejjaħ ta’ dawn il-korpi, hekk kif iggarantita mill-Kostituzzjoni Ġermaniża, jiġifieri l-ħolqien u t-twettiq ta’ programmi. Il-kuntratt in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jmissx din il-funzjoni proprja ta’ dawn il-korpi.

    55     Sussegwentement għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest ta’ l-ewwel domanda, l-eżistenza stess tax-xandara pubbliċi in kwistjoni tiddependi mill-Istat. Il-kriterju tad-dipendenza ta’ dawn il-korpi fir-rigward ta’ l-Istat huwa b’hekk issodisfat, mingħajr ma tkun meħtieġa possibbiltà ta’ influwenza konkreta ta’ l-awtoritajiet pubbliċi fuq id-deċiżjonijiet differenti tal-korpi kkunsidrati fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti.

    56     Fil-fatt, din id-dipendenza fis-sens wiesa’ ma teskludix ir-riskju, fin-nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li x-xandara in kwistjoni fil-kawża prinċipali jitħallew jiġu ggwidati minn kunsiderazzjonijiet barra dawk ekonomiċi, b’mod partikolari dawk li jiffavorixxu l-appaltaturi jew kandidati nazzjonali. Dawn il-korpi jista’ jkollhom tali attitudni mingħajr ma jiksru r-rekwiżiti previsti mill-Kostituzzjoni Ġermaniża, li ma tipprojbixxix dan. B’hekk kif osservat il-qorti tar-rinviju b’mod rilevanti, l-obbligu ta’ newtralità ta’ l-Istat Membru fir-rigward ta’ tfassil ta’ programmi tal-korpi in kwistjoni, hekk kif iggarantit mill-Kostituzzjoni Ġermaniża, u kif interpretata mill-Bundesverfassungsgericht, ma jirrikjedix in-newtralità ta’ dawn il-korpi fil-qasam ta’ l-għoti tal-kuntratti. Tali riskju jmur kontra l-għanijiet tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jinsabu fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza.

    57     Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi safejn hija rilevanti, għall-finijiet tar-risposta għat-tieni domanda magħmula, il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 21 tas-sentenza University of Cambridge, iċċitata iktar ‘il fuq, skond liema jekk il-metodu ta’ finanzjament ta’ korp partikolari jista’ juri dipendenza stretta ta’ dan il-korp fir-rigward ta’ awtorità kontraenti oħra, dan il-kriterju madankollu m’għandux portata assoluta. Il-ħlasijiet kollha li jsiru minn awtorità kontraenti m’għandhomx bħala effett li joħolqu jew japprofondixxu rabta speċifika ta’ subordinazzjoni jew ta’ dipendenza. Huma biss il-prestazzjonijiet li jiffinanzjaw jew isostnu, permezz ta’ għajuna finanzjarja mħallsa bħala korrispettiv speċifiku, l-attivitajiet tal-korp ikkonċernat li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “finanzjament pubbliku”.

    58     Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-korpi in kwistjoni u l-konsumaturi, jirriżulta mill-punti 23 sa 25 tas-sentenza University of Cambridge, iċċitata iktar ‘il fuq, li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “finanzjament pubbliku” il-ħlasijiet pubbliċi li għalihom m’hemm marbut ebda korrispettiv kuntrattwali. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, ebda korrispettiv kuntrattwali ma huwa marbut, f’dan il-każ, mar-riżorsi allokati max-xandara fil-kawża prinċipali, safejn la s-soġġettament għall-ħlas tal-liċenzji u lanqas l-ammont tiegħu ma jikkostitwixxu r-riżultat ta’ ftehim bejn dawn il-korpi u l-konsumaturi, peress li dawn ta’ l-aħħar huma obbligati li jħallsu l-liċenzji minħabba l-uniku fatt taż-żamma ta’ riċevitur, anki jekk huma qatt ma għamlu użu mis-servizzi ta’ dawn il-korpi.

    59     Bl-istess mod, f’dan il-każ mhemm ebda korrispettiv speċifiku fir-rigward ta’ l-Istat, peress illi, kif issostni b’mod rilevanti l-qorti tar-rinviju, il-finanzjament fil-kawża prinċipali jservi sabiex jikkumpensa l-imposti li nħolqu mit-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ l-Istat li tikkonsisti f’li tassigura informazzjoni awdjoviżiva pluralista u obbjettiva liċ-ċittadini. F’dan il-każ, ix-xandara fil-kawża prinċipali mhumiex differenti minn servizz pubbliku ieħor li jirċievi sussidju mill-Istat sabiex iwettaq il-ħidma tiegħu ta’ interess pubbliku.

    60     B’hekk it-tielet domanda għandha tingħatalha risposta li l-ewwel suppożizzjoni tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ ta’ finanzjament ta’ l-attivitajiet ta’ xandara pubbliċi bħal dawk fil-kawża prinċipali li jsegwu l-proċeduri esposti fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ewwel domanda preliminari, il-kundizzjoni dwar il-“finanzjament mill-Istat” ma teħtieġx l-interferenza diretta ta’ l-Istat jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra matul l-għoti, minn dawn il-korpi, ta’ kuntratt bħal dak fil-kawża prinċipali.

     Fuq it-tielet domanda

    61     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50 għandux jiġi interpetat, fid-dawl tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) ta’ din id-Direttiva, fis-sens li huma biss il-kuntratti pubbliċi li jikkonċernaw is-servizzi li għalihom tirreferi l-ewwel dispożizzjoni li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    62     L-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50 jipprovdi n-non-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan is-servizzi li jmissu l-funzjoni proprja tax-xandara, jiġifieri l-ħolqien u t-twettiq ta’ programmi, minħabba raġunijiet ta’ ordni kulturali u soċjali evokati fil-ħdax-il premessa tad-Direttiva 92/50 u, b’mod aktar espliċitu, fil-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2004/18, li jagħmlu inappropjata din l-applikazzjoni.

    63     Din id-dispożizzjoni, kif iħalli x’jifhem l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-Konklużjonijiet tiegħu, tirrifletti l-istess xewqa bħal dik li hija espressa fil-Kostituzzjoni Ġermaniża, jiġifieri l-garanzija tat-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tax-xandara pubbliċi għal kollox indipendenti u imparzjali.

    64     Id-dispożizzjoni in kwistjoni li tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-għan prinċipali tar-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kif irrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-moviment liberu tas-servizzi u l-ftuħ għal kompetizzjoni b’mod kemm jista’ jkun wiesgħa, għandha tiġi interpetata b’mod restrittiv. Għaldaqstant, huma eskużi biss mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 il-kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan is-servizzi ċċitati fl-Artikolu 1(a)(iv) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, huma għal kollox soġġetti għar-regoli Komunitarji l-kuntratti pubbliċi għal servizz li m’għandhomx relazzjoni ma’ l-attivitajiet li jaqgħu taħt it-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku proprjament imsejjaħ tax-xandara pubbliċi.

    65     Dan l-approċċ huwa kkonfermat fil-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2004/18, imsemmija iktar ‘il fuq, li tipprovdi, bħala indikazzjoni, fil-frażi ta’ qabel ta’ l-aħħar tagħha, li l-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tistax tiġi applikata għall-forniment ta’ tagħmir tekniku meħtieġ għall-produzzjoni, il-koproduzzjoni u x-xandir ta’ dawn il-programmi

    66     Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw biss f’każ konkret, ta’ kuntratt mogħti minn korp ikkunsidrat bħala “awtorità kontraenti” skond l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50.

    67     B’hekk it-tielet domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50 għandu jiġi interpetat fis-sens li, skond din id-dispożizzjoni, huma biss il-kuntratti pubbliċi li jikkonċernaw is-servizzi ċċitati fiha li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    68     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-ewwel suppożizzjoni tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz, għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm finanzjament fil-parti l-kbira mill-Istat meta l-attivitajiet ta’ xandara pubbliċi bħal dawk fil-kawża prinċpali huma ffinanzjati, fil-parti l-kbira, minn ħlas tal-liċenzji fuq min iżomm riċevitur, li huwa impost, ikkalkulat u miġbur skond regoli bħal dawk fil-kawża prinċipali.

    2)      L-ewwel suppożizzjoni tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ ta’ finanzjament ta’ l-attivitajiet ta’ xandara pubbliċi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jsegwu l-proċeduri esposti fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ewwel domanda preliminari, il-kundizzjoni dwar il-“finanzjament mill-Istat” ma teħtieġx l-interferenza diretta ta’ l-Istat jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra matul l-għoti, minn dawn il-korpi, ta’ kuntratt bħal dak fil-kawża prinċipali.

    3)      L-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50 għandu jiġi interpretat fis-sens li, skond din id-dispożizzjoni, huma biss il-kuntratti pubbliċi li jikkonċernaw is-servizzi ċċitati fiha li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top