Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0239

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' Diċembru 2009.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Taljana.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Importazzjoni b’eżenzjoni mid-dażju ta’ apparat militari.
    Kawża C-239/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11913

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:784

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    15 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Importazzjoni ta’ apparat militari eżenti mid-dazju”

    Fil-Kawża C-239/06,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta’ Mejju 2006,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wilms, C. Cattabriga u L. Visaggio, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E.-M. Mamouna u A. Samoni-Rantou kif ukoll minn K. Boskovits, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, E. Levits u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2008,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi unilateralment eżentat l-importazzjoni ta’ materjal militari mid-dazji doganali, u billi rrifjutat li tikkalkola u tħallas ir-riżorsi proprji li ma nġabrux minħabba din l-eżenzjoni kif ukoll l-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn ir-riżorsi proprji fit-termini stabbiliti, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/1989, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni (Euratom) 88/376/KEE, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU L 155, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1552/89”), kif ukoll mill-istess artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2

    L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 176), ), u tal-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom, tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 293, p. 9), jipprovdi:

    “Dħul minn dawn li ġejjin għandhom jikkonstitwixxu riżorsi tagħhom [proprji] imdaħħla fil-bilanċ tal-Komunitajiet:

    […]

    b)

    It-tariffa doganali komuni u dazji oħrajn imwaqqfa jew li għandhom jiġu mwaqqfa mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward il-kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri u dazji fuq prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar;

    […]”

    3

    L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), jipprovdi:

    “1.   Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej.

    […]

    3.   It-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tikkomprendi:

    (a)

    in-nomenklatura magħquda tal-merkanzija;

    […]

    (ċ)

    ir-rati u kapi ta’ spejjeż oħra normalment applikabbli għal merkanzija koperta min-nomenklatura magħquda fir-rigward:

    dazji doganali

    […]

    (d)

    il-miżuri dwar tariffa preferenzjali li jinsabu f’patti ta’ ftehim li l-Komunità kkonkludiet ma’ ċerti pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi u li jipprovdu għall-għoti ta’ trattament preferenzjali dwar it-tariffa;

    (e)

    miżuri preferenzjali dwar it-tariffa adottati unilateralment mill-Komunità fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi, gruppi ta’ pajjiżi jew territorji;

    (f)

    miżuri awtonomi sospensivi li jipprovdu għal tnaqqis fi jew eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq ċerta merkanzija;

    (g)

    miżuri oħra tat-tariffa li hemm provdut dwarhom f’leġislazzjoni oħra tal-Komunità.

    […]”

    4

    L-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi:

    “Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ’ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

    […]”

    5

    Fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament Nru 1552/89, applikabbli fil-perijodu inkwistjoni fil-kawża preżenti sat-30 ta’ Mejju 2000. Dan ir-regolament ġie sostitwit sa mill-31 ta’ Mejju 2000 bir-Regolament Nru 1150/2000 li kkodifika r-Regolament Nru 1552/89 mingħajr ma biddel il-kontenut tal-imsemmi regolament.

    6

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi:

    “1.   Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Komunità għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KE, Euratom għandhom ikunu stabbiliti malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.

    1a.   Id-data li għandha titqies għall-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-dħul fil-kontijiet prevista mir-regolamenti doganali.

    […]”

    7

    L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.

    Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlasijiet”.

    8

    Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Wara tnaqqis ta’ 10% bħala spejjeż tal-ġbir bi qbil ma’ l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 88/376/KE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fi[h] l-intitolament kien ġie stabbilit bi qbil ma’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

    […]”

    9

    L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi:

    “Kull dewmien biex isir id-dħul fil-kont msemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta’ imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta’ l-imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ, għal operazzjonijiet ta’ żmien qasir ta’ finanzjament pub[b]liku, miżjud b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0,25 ta’ punt perċentwali għall kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perjodu kollu tad-dewmien.”

    10

    Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1150/2000:

    “Regolament (KEE [Euratom]) Nru 1552/89 għandu jkun imħassar

    Referenzi għall-imsemmi Regolament għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw bi qbil mat-tabella ta’ korrelazzjoni esiġita f’Parti A ta’ dan l-Anness.”

    11

    Għaldaqstant, apparti l-fatt li r-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 jirreferu, b’mod partikolari, wieħed għad-Deċiżjoni 88/376 u, l-ieħor għad-Deċiżjoni 94/728, l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma, essenzjalment, identiċi.

    12

    Ir-rata ta’ 10% msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 ġiet miżjuda għal 25% permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3. p. 200).

    13

    Il-punt 1 tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

    “Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Berlin fl-24 u l-25 ta’ Marzu 1999 ikkonkluda, fost oħrajn, li s-sistema tar-riżorsi tagħhom tal Komunità għandh[a] [t]kun ekw[a], trasparenti, effettiv[a] skond l-ispiża, sempliċi u bbażat[a] fuq kriterji li jesprimu l-aħjar abbiltà ta’ kull Stat Membru biex jikkontribwixxi..”

    14

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2003, tal-21 ta’ Jannar 2003, li jissospendi d-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 15), adottat abbazi tal-Artikolu 26 KE, jipprovdi, fil-premessa 5 tiegħu, li:

    “Sabiex tiġi protetta l-kunfidenzalità [militari] ta’ l-Istati Membri huwa neċessarju li jiġu stabbiliti proċeduri amministrattivi speċifiċi għall-għoti tal-benefiċċju tas-sospensjoni tad-dazji. Dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li għalih huma ddestinati l-armamenti u l-apparat militari, li tista’ wkoll tintuża bħala dikjarazzjoni tad-dwana kif mitlub mill-Kodiċi Doganali, tikkonstitwixxi garanzija xierqa li dawn il-kondizzjonijiet jiġu mħarsa. Id-dikjarazzjoni għandha tingħata f’forma ta’ ċertifikat. Huwa xieraq li tiġi speċifikata l-forma, li biha ser isiru dawn iċ-ċertifikati u li jkun permess l-użu ta’ mezzi u metodi ta’ data processing għad-dikjarazzjoni.”

    15

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għas-sospensjoni awtonoma tad-dazji ta’ l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari importat minn jew f’isem l-awtoritajiet inkarigati mid-difiza militari ta’ l-Istati Membri minn pajjiżi terzi.”

    16

    L-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Minkejja l-paragrafu 1, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenz[ja]lità militari, iċ-ċertifikat u l-merkanzija impurtata jistgħu jinghataw lil awtoritajiet oħra nominati mill-Istat Membru għal dan il-għan. F’każijiet bhal dawn l-awtorità kompetenti lokali li toħrog iċ-ċertifikat għandha tibgħat rapport qasir fuq dawn l-importazzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istat Membru qabel il-31 ta’ Jannar u l-31 ta’ Lulju ta’ kull sena. Ir-rapprt għandu jkopri perjodu ta’ 6 xhur li jippreċedu dak ix-xahar li fih ir-rapport irid jiġi sottomess. Għandu jkun fih in-numru u d-data tal-ħrug taċ-ċertifikati, id-data ta’ l-importazzjoni u l-valur totali u l-piż gross tal-prodotti mpurtati maċ-ċertifikati.”

    17

    Skont l-Artikolu 8 tiegħu, ir-Regolament Nru 150/2003, japplika mill-1 ta’ Jannar 2003.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    18

    Il-Kummissjoni kienet bdiet proċeduri kontra r-Repubblika Taljana, b’mod partikolari billi ħarġet opinjoni motivata fil-25 ta’ Lulju 1985, fejn invokat ksur tal-Artikolu 28 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 26 KE) u tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Komunità għaliex, skont din, dan l-Istat Membru kien unilateralment ħa d-deċiżjoni li jeżenta mid-dazji doganali l-materjal speċifikament militari importat fit-territorju tiegħu. Din il-proċedura ġiet, sussegwentement, sospiża.

    19

    Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU 1988, C 265, p. 9), il-Kummissjoni mbagħad iddeċidiet li tkompli l-imsemmija proċedura. Hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, datata l-21 ta’ Diċembru 2001, li permezz tagħha hija sostniet l-oġġezzjonijiet tagħha dwar il-ksur tal-Artikolu 26 KE u tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Komunità, billi stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-mertu f’terminu ta’ xahrejn.

    20

    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni bagħtet ukoll ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, datata l-20 ta’ Diċembru 2001, fejn stednitha tikkalkola l-ammont tar-riżorsi proprji li ma tħallsux lill-Komunità għas-snin finanzjarji sa mill-1998, sabiex tqiegħed dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha u sabiex tħallas l-interessi moratorji dovuti taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

    21

    Ir-Repubblika Taljana madankollu ma tat l-ebda risposta għal dawn iż-żewġ ittri.

    22

    Ir-Regolament Nru 150/2003 daħal fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003.

    23

    Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni tenniet it-talba inizjali tagħha dwar l-importazzjonijiet li saru qabel l-1 ta’ Jannar 2003, jiġifieri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2002, peress li l-perijodu ta’ wara kien kopert bir-Regolament Nru 150/2003. Ir-Repubblika Taljana wkoll ma rrispondietx għal din l-ittra.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, datata s-17 ta’ Ottubru 2003, li tirrigwarda b’mod iktar partikolari l-konsegwenzi finanzjarji tal-ksur inkwistjoni. F’din l-ittra, il-Kummissjoni tenniet it-talba inizjali tagħha dwar il-kalkolu u l-ħlas tar-riżorsi proprji kif ukoll tal-ħlas tal-interessi moratorji kif previst mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    25

    Ir-Repubblika Taljana rrispondiet permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2004, li fiha hija rreferiet għall-Artikolu 296(1)(b) KE sabiex tiġġustifika l-eżenzjoni tad-dazji doganali imposti sal-31 ta’ Diċembru 2002. Għal dan il-għan hija ssostni li r-Regolament Nru 150/2003 irrikonoxxa r-rilevanza tal-importazzjoni tal-materjal militari fl-interess tas-sigurtà tal-Istati Membri billi awtorizza, fl-Artikolu 2(2) tiegħu, is-sospensjoni tad-dazji doganali għal dan it-tip ta’ materjal.

    26

    Il-Kummissjoni ddeċidiet toħroġ opinjoni motivata permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Lulju 2004 fejn stiednet lir-Repubblika Taljana sabiex, f’terminu ta’ xahrejn minn meta rċeviet l-ittra, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni.

    27

    Peress li baqgħat ma ngħatatx risposta għall-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

    28

    Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Novembru 2006, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ l-intervent tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika tal-Finlandja insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.

    Fuq ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    29

    Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana żbaljat meta bbażat ruħha fuq l-Artikolu 296 KE sabiex tirrifjuta l-ħlas tad-dazji doganali għall-importazzjonijiet ikkonċernati, peress li l-ġbir tagħhom ma jippreġudikax l-interess vitali tas-siġurtà ta’ dan l-Istat Membru.

    30

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri li jistabbilixxu derogi jew eċċezzjonijiet, bħal b’mod partikolari l-Artikolu 296 KE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. B’hekk, l-Istat Membru kkonċernat, li jitlob l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, għandu juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan tal-aħħar meta huwa għandu l-intenzjoni jidderoga mill-Artikolu 20 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, fejn jinsab il-prinċipju ġenerali tal-ġbir tad-dazji kif stabbilit fl-Artikolu 26 KE.

    31

    Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana hija, konsegwentement, responsabbli sabiex tipproduċi prova konkreta u dettaljata li l-ġbir tad-dazji doganali għall-importazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti jippreġudika l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru.

    32

    Fil-fatt, miżuri li jikkonsistu f’li jċaħħdu lill-Komunità mill-mezzi li kellhom jingħatawlha bħala riżorsi proprji sabiex tużahom għall-finanzjament ġenerali tal-ispejjeż militari ma jistgħux jiġu kkunsidrati, għall-inqas mingħajr ġustifikazzjoni addizzjonali, bħala neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri.

    33

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Regolament Nru 150/2003 japplika sa mill-1 ta’ Jannar 2003 u li l-ebda effett retroattiv ma ġie attribwit lilu. Barra minn hekk, il-bażi ġuridika ta’ dan ir-regolament hija l-Artikolu 26 KE dwar l-istabbiliment tad-dazji doganali u mhux l-Artikolu 296 KE, li, anki fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ġdida, ma jistax ikun il-bażi għas-sospensjoni tad-dazji doganali previsti mill-imsemmi regolament.

    34

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ ġbir tad-dazji doganali inkwistjoni mir-Repubblika Taljana jwassal għal inugwaljanza bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom għall-baġit Komunitarju. Fil-fatt, minn dan jirriżulta tnaqqis tar-riżorsi proprji tradizzjonali Komunitarji li jista’ jiġi kkumpensat biss permezz taż-żieda tar-riżorsa magħrufa bħala “PGN” (prodott gross nazzjonali), li hija diviża bejn l-Istati Membri kollha.

    35

    Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li, taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar il-miżuri li jistgħu jieħdu sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà u li jikkonċernaw prodotti li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu 1(b). B’hekk, din id-dispożizzjoni tikkonferilhom il-possibbiltà li jidderogaw mill-Artikolu 26 KE u mill-Kodiċi Doganali tal-Komunità, f’każ ta’ importazzjoni dwar apparat intiż għall-finijiet militari, bil-għan li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru kkonċernat.

    36

    Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li l-Artikolu 296 KE għandu applikazzjoni ġenerali u ma huwiex limitat għal ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat. Konsegwentement, dan jippermetti li ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26 KE, li hija dispożizzjoni intiża sabiex isservi ta’ bażi legali għal-leġiżlatur Komunitarju sabiex iwaqqaf il-leġiżlazzjoni doganali.

    37

    Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi solvuta l-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ materjal militari tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 296 KE u jekk fl-affermattiv, li fit-tieni lok jiġi mistoqsi jekk il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu humiex sodisfatti b’mod sodisfaċenti fil-każ preżenti.

    38

    Fir-rigward tal-prova li l-eżenzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni hija neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li din ma għandhiex bżonn titressaq peress li l-leġiżlatur Komunitarju stess pprovda din il-prova meta adotta r-Regolament Nru 150/2003.

    39

    Ir-Repubblika Taljana tikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni li taħt l-Artikolu 26 KE il-Kunsill biss jista’ jiddeċiedi dwar l-eżenzjoni eventwali jew s-sospensjoni tad-dazji doganali fuq merkanzija partikolari u li, konsegwentement, eżenzjoni deċiża fil-livell nazzjonali tammonta għal deroga illegali minn din id-dispożizzjoni.

    40

    Ir-Repubblika Taljana ssostni li, billi adotta r-Regolament Nru 150/2003, il-leġiżlatur Komunitarju stess ikkunsidra li l-eżenzjoni tad-dazji doganali tippermetti li jiġu protetti aħjar l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri. Skont ir-Repubblika Taljana, dan juri li l-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 296(1)(b) KE kienu sodisfatti għal dak li jirrigwarda l-eżenzjoni applikata unilateralment minnha sal-31 ta’ Diċembru 2002.

    41

    Peress li r-relazzjoni bejn in-nuqqas ta’ ġbir tad-dazji doganali u l-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri ġiet aċċettata bir-Regolament Nru 150/2003, ir-Repubblika Taljana ma tarax għaliex għandhom jitressqu provi oħra sabiex jintwera l-preġudizzju li l-ġbir ta’ dawn id-dazji jkollu fuq l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha.

    42

    Sussidjarjament, ir-Repubblika Taljana issostni fl-aħħar nett li t-talba tal-Kummissjoni dwar l-għoti tar-riżorsi proprji evitati minħabba l-eżenzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni fil-kawża preżenti kellha tiġi miċħuda għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-perijodu qabel ma ġiet irċevuta l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Diċembru 2001. Hija ssostni li, fid-dawl tal-passività tal-Kummissjoni matul perijodu twil li beda min-notifika tal-opinjoni motivata tal-25 ta’ Lulju 1985 sat-trażmissjoni tal-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Diċembru 2001, hija setgħet tissoponi li din l-istituzzjoni kienet impliċitament aċċettat din l-eżenzjoni. B’hekk, fid-dawl tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, ikun xieraq li jiġi llimitat l-obbligu tal-ħlas lura tar-riżorsi proprji inkwistjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    43

    Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi l-ġbir tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti għal użu militari, bħal dawk inkwistjoni provenjenti minn pajjiżi terzi. L-ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Komunità ma tipprovdi, għall-perijodu tal-importazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri dak mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2002, għal eżenzjoni speċifika tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ oġġetti. Konsegwentement, għal dan il-perijodu lanqas ma teżisti eżenzjoni speċifika għall-obbligu li jitħallsu lill-awtoritajiet kompetenti d-drittijiet dovuti, flimkien, f’ċerti każijiet, mal-interessi moratorji.

    44

    Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003 li jipprovdi għas-sospensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari sa mill-1 ta’ Jannar 2003, li l-leġiżlatur Komunitarju telaq mill-ipoteżi li kien jeżisti obbligu tal-ħlas tal-imsemmi dazju qabel din id-data.

    45

    Ir-Repubblika Taljana fl-ebda mument ma nnegat l-eżistenza tal-importazzjonijiet ikkontestati fil-perijodu kkunsidrat. Hija llimitat ruħha li tikkontesta d-dritt tal-Komunità fuq ir-riżorsi proprji inkwistjoni billi argumentat li, taħt l-Artikolu 296 KE, l-obbligu tal-ħlas tad-dazji doganali fuq dan il-materjal importat minn Stati terżi jippreġudika b’mod gravi l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha.

    46

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jixtabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar, C-273/97, Ġabra p. I-7403, punt 15, u tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 15). Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, it-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jimminaw is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali li huma ddefiniti sew. Minn dan ma jistax jiġi dedott li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi kull miżura meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt. (ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Dory, C-186/01, Ġabra p. I-2479, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Barra minn hekk, id-derogi previsti fl-Artikoli 296 KE u 297 KE għandhom, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita għad-derogi mil-libertajiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-503/03, Ġabra p. I-1097, punt 45, tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 86 u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 50) jiġu interpretati b’mod strett.

    48

    B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda, l-Artikolu 296 KE, għandu jingħad li, għalkemm dan l-artikolu jirreferi għal miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu jew tal-informazzjoni li t-tixrid tagħha jqisu bħala kuntrarju għal dawn l-interessi, huwa xorta waħda ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikkonferixxi s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi sempliċement jinvokaw l-imsemmija interessi.

    49

    Barra minn hekk, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, Ġabra p. I-5585), ikkonstatat in-nuqqas inkwistjoni peress li r-Renju ta’ Spanja ma kienx wera li l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa fuq l-importazzjonijiet u x-xiri ta’ armamenti, ta’ munizzjoni u ta’ materjal għal użu esklużivament militari, eżenzjoni prevista mil-liġi Spanjola, kienet iġġustifikata, taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE, min-neċessità li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru.

    50

    Konsegwentement, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 296 KE li għandu jagħti prova tal-ħtieġa li juża d deroga stabbilita f’dan l-artikolu bil-għan li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

    51

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi aċċettat li Stat Membru jeċċepixxi ż-żieda fl-ispiża tal-materjal militari minħabba l-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ tali materjal provenjenti minn Stati terzi sabiex jipprova jevita, b’detriment għall-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, jiġbru u jħallsu d-dazji doganali konnessi ma’ tali importazzjonijiet, l-obbligi li timponi fuqu s-solidarjetà finanzjarja fir rigward tal-baġit Komunitarju.

    52

    Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-proċeduri doganali tal-Komunità ma humiex ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà tar-Repubblika Taljana, fir-rigward tal-eżiġenzi tal-kunfidenzjalità kontenuti fil-ftehim konkluż mal-Istati esportaturi, għandu jingħad, hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni, li l-applikazzjoni tas-sistema doganali Komunitarja tinvolvi l-intervent ta’ aġenti, komunitarji u nazzjonali, li huma marbuta, jekk ikun il-każ, mill-obbligu ta’ kunfidenzjalità, f’każ ta’ trattament ta’ informazzjoni sensittiva, ta’ natura li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri.

    53

    Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jikkompletaw u jibgħatu lill-Kummissjoni b’mod regolari ma jimplikawx ksib ta’ livell ta’ preċiżjoni ta’ tip li jippreġudika l-interessi tal-imsemmija Stati kemm fil-qasam tas-sigurtà kif ukoll f’dak tal-kunfidenzjalità.

    54

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod konformi mal-Artikolu 10 KE dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti f’li tiżgura l-osservanza tat-Trattat, dawn huma marbuta jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni d-dokumenti neċessarji għall-verifika tar-regolarità tat-trasferiment tar-riżorsi proprji tal-Komunità. Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 168 tal-konklużjonijiet tiegħu, obbligu bħal dan ma jostakolax l-Istati Membri, każ b’każ u eċċezzjonalment, fuq il-bażi tal-Artikolu 296 KE, milli jkunu jistgħu jillimitaw l-informazzjoni mibgħuta lil ċerti elementi ta’ dokument jew jirrifjutawha kompletament.

    55

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika Taljana ma urietx li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 296 KE huma sodisfatti.

    56

    Fir-rigward tat-talba tar-Repubblika Taljana intiża għal limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza preżenti, għal dak li jirrigwarda l-obbligu tal-ħlas tar-riżorsi proprji evitati minħabba l-eżenzjoni tad-dazji doganali inkwistjoni fil-kawża preżenti, li għandha tiġi miċħuda għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-perijodu qabel ma ġiet irċevuta l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Diċembru 2001, għandu jingħad li din it-talba hija motivata mill-allegati aspettattivi leġittimi li kienu jqanqlu, minn dan l-Istat Membru, in-nuqqas ta’ azzjoni prolongat tal-Kummissjoni kif ukoll l-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003.

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss f’każ eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti għall-ordni ġuridiku Komunitarju, tiġi mwassla tillimita l-possibbiltà għal dawk kollha kkonċernati li jinvokaw dispożizzjoni li hija interpretat bil-għan li jiġu kkontestati r-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti bona fede (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Buchner et, C-104/98, Ġabra p. I-3625, punt 39).

    58

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi minħabba, b’mod partikolari, in-numru għoli tar-relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti bona fede fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata li hija validament fis-seħħ, u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa sabiex jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inċertezza li għaliha kkontribwixxa eventwalment wkoll l-aġir ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-359/97, Ġabra p. I-6355, punt 91).

    59

    Anki jekk is-sentenzi mogħtija skont l-Artikolu 226 KE jkollhom l-istess effetti bħal dawk mogħtija skont l-Artikolu 234 KE u li, b’hekk, il-kunsiderazzjonijiet taċ-ċertezza legali jistgħu jrendu neċessarji, b’mod eċċezzjonali, il-limitazzjoni tal-effetti tagħhom fiż-żmien (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-178/05, Ġabra p. I-4185, punt 67; tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-475/07, punt 61, u tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-559/07, punt 78), għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni fl-ebda stadju tal-proċedura ma abbandunat il-pożizzjoni tagħha ta’ prinċipju. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tagħha li saret fin-negozjati dwar ir-Regolament Nru 150/2003, uriet biċ-ċar ir-rieda tagħha li tkompli titlob il-ħlas tad-dazji doganali li kellhom jitħallsu għall-perijodi preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ dan u rriżervat id-dritt li tadotta l-inizjattivi xierqa f’dan ir-rigward.

    60

    It-talba tar-Repubblika Taljana fuq il-limitazzjoni tal-effetti fiż-żmien tas-sentenza preżenti għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

    61

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, billi eżentat l-importazzjoni tal-materjal militari mid-dazji doganali, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2002 u billi rrifjutat li tikkalkola, tiddikjara u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji li ma nġabrux minħabba din l-eżenzjoni kif ukoll l-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn ir-riżorsi proprji fit-termini imposti, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1552/89 kif ukoll tal-istess artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000.

    Fuq l-ispejjeż

    62

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    63

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Finlandja, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi eżentat l-importazzjoni tal-materjal militari mid-dazji doganali għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2002 u billi rrifjutat li tikkalkola, tiddikjara u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji li ma nġabrux minħabba din l-eżenzjoni kif ukoll l-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta’ dawn ir-riżorsi proprji fit-terimini imposti, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/1989, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni (Euratom) 88/376/KEE, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996, kif ukoll mill-istess artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet.

     

    2)

    Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    3)

    Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top