Tämä asiakirja on ote EUR-Lex-verkkosivustolta
Asiakirja 62004TJ0346
Judgment of the Court of First Instance (Third Chamber) of 24 November 2005. # Sadas SA v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Opposition proceedings - Application for Community word mark ARTHUR ET FELICIE - Earlier figurative mark including the word element "Arthur" - Relative ground of refusal - Likelihood of confusion - Article 8(1)(b) of Regulation (EC) No 40/94. # Case T-346/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) ta' l-24 ta' Novembru 2005.
Sadas SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trademark Komunitarja - Proċediment ta' oppożizzjoni - Applikazzjoni għal trademark Komunitarja verbali ARTHUR ET FELICIE - Trademark figurattiva preċedenti li tinkludi l-element verbali 'Arthur' - Raġuni relattiva għar-rifjut - Probabbiltà ta' konfużjoni - Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
Kawża T-346/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) ta' l-24 ta' Novembru 2005.
Sadas SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trademark Komunitarja - Proċediment ta' oppożizzjoni - Applikazzjoni għal trademark Komunitarja verbali ARTHUR ET FELICIE - Trademark figurattiva preċedenti li tinkludi l-element verbali 'Arthur' - Raġuni relattiva għar-rifjut - Probabbiltà ta' konfużjoni - Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
Kawża T-346/04.
ECLI-tunnus: ECLI:EU:T:2005:420
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)
24 ta' Novembru 2005
" Trademark Komunitarja – Proċediment ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trademark Komunitarja verbali ARTHUR ET FELICIE – Trademark figurattiva preċedenti li tinkludi l-element verbali 'Arthur' – Raġuni relattiva għar-rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (KE) Nru 40/94 "
Fil-kawża T-346/04
Sadas SA, stabbilita f'Tourcoing (Franza), irrapreżentata minn A. Bertrand, avocat,
rikorrenti
vs
l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (UASI), irrapreżentat minn A. Folliard-Monguiral u G. Schneider, bħala aġenti,
konvenut
il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija
LTJ Diffusion SA, stabbilita f'Colombes (Franza), irrapreżentata minn F. Fajgenbaum u S. Lederman, avocats,
li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-7 ta' Ġunju 2004 (Kawża R 393/2003-1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Sadas SA u LTJ Diffusion SA,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),
komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,
Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' Awwissu 2004,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-31 ta' Jannar 2005,
wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Jannar 2005,
wara s-seduta tas-6 ta' Lulju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Fid-9 ta' Settembru 1996, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trademark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.
2 It-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hi s-sinjal verbali ARTHUR ET FELICIE.
3 Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 24 u 25 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, wara l-limitazzjoni magħmula mir-rikorrenti waqt il-proċedimenti għal oppożizzjoni, għad-deskrizzjoni li ġejja :
– klassi 16 : " Katalogu ta' bejgħ b'korrispondenza " ;
– klassi 24 : " Drappijiet għal użu tessili ; għata għas-sodod u tvalji għall-imwejjed " ;
– klassi 25 : " Ħwejjeġ (ilbies), żraben (ħlief żraben ortopediċi), xedd ir-ras, dawn il-prodotti kollha għat-tfal mibjugħa b'korrispondenza u fil-ħwienet speċjalizzati li jqassmu il-prodotti tal-katalogu ".
4 Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trademarks Komunitarji Nru 24/98, tas-6 ta' April 1998.
5 Fit-2 ta' Lulju 1998, l-intervenjenti ressqet oppożizzjoni, taħt l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata, minn naħa, fuq ir-reġistrazzjoni Franċiża Nru 17 731, li ġġib id-data tas-16 ta' Ġunju 1983, imġedda fl-14 ta' Ġunju 1993, u, min-naħa l-oħra, fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 539 689, li ġġib id-data tal-31 ta' Mejju 1989, li hi effettiva fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fi Spanja u fil-pajjiżi tal-Benelux. Dawn iż-żewġ trademarks figurattivi preċedenti jidhru hekk kif ġej :
6 L-oppożizzjoni tressqet kontra xi wħud mill-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark Komunitarja, jiġifieri l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 24 u 25. Hi kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha li huma koperti mit-trademarks preċedenti, jiġifieri l-"oġġetti tessili, ta' ħwejjeġ lesti u tal-qies inklużi fosthom l-istvali, iż-żraben u l-papoċċi ta' ġewwa", li jaqgħu taħt il-klassi 25.
7 Ir-raġunijiet invokati sabiex isostnu l-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94.
8 Permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Ottubru 1999 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-8 ta' Ottubru 1999"), id-Divizjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Hi qieset li s-sinjali in kwistjoni la kienu identiċi u lanqas jixxiebhu u li, peress li l-intervenjenti ma kienet ġabet ebda element tali li jaffettwa l-eżami tal-probabbiltà ta' konfużjoni, bħal dokumenti li jaġevolaw l-evalwazzjoni ta' l-għarfien tat-trademarks preċedenti fil-pajjiżi kkonċernati, ma setax kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, hu x'inhu l-livell ta' identità jew xebh bejn il-prodotti koperti mit-trademarks in kwistjoni, b'tali mod li ma kienx meħtieġ li jsir tqabbil tal-prodotti.
9 Fis-7 ta' Diċembru 1999, l-intervenjenti ressqet appell quddiem il-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-8 ta' Ottubru 1999.
10 Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Ġunju 2002, it-Tielet Bord ta' l-Appell ċaħad ir-rikors safejn jirrigwarda l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat-8 ta' Ottubru 1999 safejn din kienet ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba n-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks in kwistjoni. Hu qies li kien hemm elementi importanti ta' xebh bejniethom u rrefera l-kawża quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sabiex din tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, it-tqabbil tal-prodotti, il-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti mitluba mir-rikorrenti kif ukoll l-impatt tad-dokumenti l-ġodda mressqa miż-żewġ partijiet u meqjusa bħala ammissibbli mill-Bord ta' l-Appell.
11 Permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' April 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni"), id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni. Hi qieset, l-ewwel nett, li t-trademarks in kwistjoni ma kinux identiċi u li l-Artikolu 8(1) (a) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx applikabbbli. It-tieni nett, hi qieset li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni, li tinkludi l-probabbiltà ta' assoċjazzjoni, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25. Hi kkonstatat ukoll li t-trademark Franċiża preċedenti kienet tgawdi ċerta fama fuq is-suq Franċiż.
12 Fit-18 ta' Ġunju 2003, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem il-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.
13 Permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' Ġunju 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ċaħad ir-rikors. Hu qies li, fid-dawl ta' l-elementi importanti ta' xebh bejn it-trademarks in kwistjoni, l-identità bejn il-prodotti korrispondenti kif ukoll il-karattru distintiv intrinsikament għoli u l-għarfien fuq is-suq tat-trademark preċedenti, id-differenzi viżivi u fonetiċi li jirriżultaw mill-preżenza tat-termini "et" u "Félicie" fit-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma kinux tali li jeskludu l-probabbiltà ta' konfużjoni kkreata fil-konsumatur Franċiż għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25.
It-talbiet tal-partijiet
14 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :
– tbiddel id-deċiżjoni kkontestata ;
– tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ;
– tordna li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż.
15 L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :
– tiċħad ir-rikors ;
– tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
16 L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza :
– tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ;
– tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż, skond l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 40/94.
Fuq l-ammissibiltà tad-dokumenti mressqa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza
17 L-intervenjenti ssostni li l-annessi 15 u 21 sa 30 tar-rikors huma dokumenti ġodda fis-sens li ma kinux tressqu quddiem il-UASI. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti huma inammissibbli.
18 L-annessi 22 sa 24, 26 u 27 huma magħmulin minn estratti tas-siti Internet, stampati wara l-proċedimenti amministrattivi quddiem il-UASI. L-anness 25 isemmi r-riżultati ta' stħarriġ magħmul bejn it-22 u t-28 ta' Lulju 2003 mill-istitut ta' stħarriġ Ipsos (iktar 'il quddiem l-i"stħarriġ Ipsos") li lanqas ma jidher fil-fajl amministrattiv. Barra minn hekk, l-anness 16, li juri r-riżultati ta' riċerka fuq l-Internet li jġibu d-data tas-17 ta' Ġunju 2003, lanqas ma tressaq quddiem il-UASI.
19 Għalhekk, dawn id-dokumenti, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, b'tali mod li l-funzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza m'hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta' fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Frar 2004, Koubi vs l-UASI - Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52; tad-29 ta' April 2004, Eurocermex vs l-UASI (Forma ta' flixkun tal-birra), T-399/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52, u ta' l-10 ta' Novembru 2004, Storck vs l-UASI (Forma ta' ħelwa), T-396/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24, u tal-21 ta' April 2005, Ampafrance vs l-UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T-164/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29].
20 L-annessi 15 u 21 jirriproduċu, rispettivament, deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell tal-25 ta' Lulju 2001 u sentenza tat-tribunal de grande instance ta' Pariġi tat-23 ta' Jannar 2004. Minkejja li tressqu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, dawn id-dokumenti mhumiex provi fis-sens proprju tagħhom, imma jikkonċernaw il-prassi deċiżjonali ta' l-UASI u tal-ġurisprudenza nazzjonali, li għaliha, anki wara l-proċedimenti quddiem l-UASI, parti tista tirreferi għaliha.
21 L-annessi 28 sa 30, li jikkonsistu fid-dokumenti mitluba mir-Regolament tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jiġifieri estratt mir-Reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji in kwistjoni, kopja tal-karta ta' l-identità tar-rappreżentant tiegħu u s-setgħat tiegħu, huma, ammissibbli.
Fuq il-mertu
22 Biex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, fis-sustanza, eċċezzjoni waħda, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
23 Ir-rikorrenti ssostni prinċipalment li l-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni diversi fatturi li kellhom iwassluh għall-konklużjoni li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks in kwistjoni. Dawn il-fatturi huma, b'mod partikolari, il-karattru distintiv intrinsikament baxx tat-trademark preċedenti, minħabba r-reġistrazzjoni ta' diversi tużżani ta' trademarks ta' ħwejjeġ li jinkludu t-terminu "Arthur", l-għarfien fuq is-suq tas-sinjal li għalih saret applikazzjoni sa mill-bidu tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, l-eżistenza ta' koeżistenza tat-trademarks in kwistjoni fuq is-suq Franċiż, id-differenzi bejn l-istrutturi u l-kanali ta' distribuzzjoni kif ukoll bejn il-kategoriji ta' prodotti offerti għall-bejgħ mir-rikorrenti u mill-intervenjenti u, fl-aħħar, l-istħarriġ Ipsos, li juri li l-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun kompletament eskluża.
24 L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Bord ta' l-Appell evalwa b'mod korrett l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.
25 Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta' trademark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark m'għandhiex tiġi milqugħa jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma' trademark preċedenti u l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trademarks, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trademark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trademark preċedenti. Minbarra dan, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 40/94, it-terminu " trademarks preċedenti" jfisser it-trademarks irreġistrati fi Stat Membru u t-trademarks irreġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru, li jkollhom data ta' preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni li tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għal trademark Komunitarja.
26 Skond ġurisprudenza kostanti, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom.
27 Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u billi jiġu meqjusa l-fatturi rilevanti kollha fil-kwistjoni, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].
Fuq il-pubbliku rilevanti
28 F'dan il-każ, it-trademarks preċedenti huma trademark nazzjonali Franċiża u trademark internazzjonali li għandhom effett fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fi Spanja u fil-pajjiżi tal-Benelux. Id-deċiżjoni kkontestata hi bbażata biss fuq it-trademark Franċiża preċedenti, fatt li l-partijiet ma jikkontestawx. Għaldaqstant, l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza għandu jiġi ristrett għall-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u t-trademark Franċiża preċedenti (iktar 'il quddiem it-"trademark Arthur") u, għalhekk, fit-territorju Franċiż.
29 Ir-rikorrenti tikkritika d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, li mhix l-istess għall-prodotti kkumerċjalizzati mill-intervenjenti u għal dawk li hi tikkummerċjalizza, għax huma biss dawn ta' l-aħħar li huma maħsubin għat-tfal bejn is-sentejn u t-tnax-il sena. Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, safejn il-prodotti li normalment huma maħsuba għat-tfal huma mixtrija minn adulti, il-prodotti koperti mit-trademark li għaliha saret applikazzjoni huma mmirati kemm għall-adulti kemm għat-tfal. L-istess japplika għall-prodotti ta' l-intervenjenti, ladarba dawn jistgħu jinkludu ħwejjeġ maħsubin għat-tfal.
30 Għaldaqstant, peress illi l-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta' konsum kurrenti, il-pubbliku mmirat hu l-konsumatur medju, li hu mistenni jkun informat normalment u raġonevolment attent u prudenti.
Fuq it-tqabbil tal-prodotti
31 Il-Bord ta' l-Appell qies li l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti kienu identiċi għal dawk mitluba mir-rikorrenti.
32 Ir-rikorrenti tikkritika din il-kunsiderazzjoni filwaqt li temfasizza li, minkejja li ż-żewġ trademarks ikopru l-oġġetti ta' lbies, l-oġġetti mibjugħa mill-intervenjenti jikkonsistu kważi għal kollox minn ħwejjeġ ta' ġewwa (qliezet ta' taħt ta' l-irġiel, piġami, eċċ.) għall-irġiel, nisa u tfal, filwaqt li hi tikkummerċjalizza ħwejjeġ ta' kuljum u żraben maħsuba biss għat-tfal bejn is-sentejn u t-tnax-il sena. Għaldaqstant, il-ħwejjeġ ipprovduti mir-rikorrenti u mill-intervenjenti m'għandhomx l-istess funzjoni. Barra minn hekk, il-modi ta' kummerċjalizzazzjoni mhumiex l-istess, għax ir-rikorrenti tqassam il-prodotti tagħha b'korrispondenza u b'bejgħ b'distanza filwaqt li l-intervenjenti tqassam prinċipalment il-prodotti tagħha f'ipermarkits u fi ħwienet. Il-perċentwali baxxa (5%) tal-bejgħ li l-intervenjenti tagħmel fis-settur tal-bejgħ b'korrispondenza l-istess bħall-perċentwali baxxa (5%) tal-bejgħ li r-rikorrenti tagħmel fil-ħwienet mhuwiex biżżejjed biex jkun tista' jiġi stabbilita l-identità tal-mod ta' kummerċjalizzazzjoni.
33 Biex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni, għandhom jiġi kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaraterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi. Dawn is-servizzi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompettitiv jew kumplementari tagħhom (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 23).
34 Barra minn hekk, peress li l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti jinkludu l-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal trademark, dawn il-prodotti huma meqjusa bħala identiċi [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Oberhauser vs l-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punti 32 u 33].
35 Għandu jitfakkar li t-tqabbil tal-prodotti għandu jsir fuq dawk koperti mir-reġistrazzjoni tat-trademarks in kwistjoni u mhux fuq dawk li għalihom intużat effettivament it-trademark, sakemm, wara talba ppreżentata skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, jidher li t-trademark preċedenti ma kinitx użata ħlief għal xi wħud mill-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata. F'dan il-każ, it-trademark preċedenti mhijiex meqjusa rreġistrata, għall-finijiet ta' l-eżami ta' l-oppożizzjoni, ħlief għal xi wħud mill-prodotti. Issa, tali talba ma tidhirx f'dan il-każ. Għaldaqstant, il-prodotti koperti mit-trademark preċedenti li wieħed għandu jikkunsidra, meta jitqabblu l-prodotti, huma dawk kollha li għalihom l-imsemmija trademark ġiet irreġistrata.
36 F'dan il-każ, il-prodotti li għalihom it-trademark preċedenti kienet ġiet irreġistrata huma l-"l-oġġetti tessili, ta' ħwejjeġ lesti u tal-qies li jinkludu l-istvali, iż-żraben u l-papoċċi ta' ġewwa", li jaqgħu taħt il-klassi 25. Il-prodotti mitluba mir-rikorrenti, li huma s-suġġett ta' din il-kwistjoni, huma l-"ħwejjeġ (lbies), żraben (ħlief żraben ortopediċi), xedd ir-ras, dawn il-prodotti kollha għat-tfal mibjugħa b'korrispondenza u fil-ħwienet speċjalizzati li jqassmu l-prodotti tal-katalogu", li jaqgħu wkoll taħt il-klassi 25.
37 Għandu jingħad li dawn ta' l-aħħar huma inklużi fl-ewwel prodotti. Fil-fatt, il-prodotti li għalihom it-trademark preċedenti ġiet irreġistrata mhumiex ristretti la għal kategorija ta' età u lanqas għal xi mod partikolari ta' kummerċjalizzazzjoni.
38 Fil-fatt, bħalma ikkonstatah ġustament l-UASI, peress li l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti jistgħu bl-istess mod ikunu mmirati għat-tfal, ir-referenza għal dan il-pubbliku speċifiku fl-applikazzjoni għal trademark Komunitarja ma taffettwax l-identità tal-prodotti mitluba. Barra minn hekk, minħabba li ebda mod partikolari ta' kummerċjalizzazzjoni ma huwa speċifikat fil-formulazzjoni ta' l-att ta' reġistrazzjoni tat-trademark preċedenti, il-prodotti koperti minnha jistgħu bl-istess mod jiġu mqassma permezz ta' sistema ta' bejgħ b'korrispondenza, b'mod partikolari permezz ta' katalogu, bl-istess mod bħall-prodotti mitluba fl-applikazzjoni għal trademark.
39 Għaldaqstant, għandu jingħad li l-Bord ta' l-Appell ma għamel ebda żball meta kkonstata li l-prodotti koperti mit-trademarks in kwistjoni kienu identiċi.
Fuq it-tqabbil tas-sinjali
40 Jirriżulta wkoll, mill-ġurisprudenza kostanti, li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, f'dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trademarks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali mogħtija minnhom, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI - Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].
41 Ir-rikorrenti tqis li s-sinjali in kwistjoni mhumiex simili filwaqt li l-UASI u l-intervenjenti waslu għall-konklużjoni li huma simili.
42 Is-sinjali li għandhom jiġu mqabbla huma dawn li ġejjin :
|
ARTHUR ET FELICIE |
trademark preċedenti |
trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni |
43 Għandu jingħad li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell semma biss "elementi importanti ta' xebh li jeżistu bejn it-trademarks". Il-motivi li huma l-bażi tal-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell jidhru fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni fit-termini li ġejjin :
"Huwa ċar, fil-fatt, li ż-żewġ trademarks għandhom in komuni l-kelma '[A]rthur'. Din il-kelma hija l-unika kelma tat-trademark preċedenti u tikkostitwixxi l-element viżiv u foniku inizjali ta' l-applikazzjoni għal trademark Komunitarja. Anki li kieku l-kaligrafija użata għat-trademark preċedenti hija speċifika, l-impatt ta' l-aspett figurattif tat-trademark preċedenti ma jistax jingħata importanza żejda. Il-kelma '[A]rthur tibqa' perfettament tinqara fit-trademark preċedenti. Saħansitra din il-kelma tikkostitwixxi l-element dominanti u distintiv tat-trademark. Ċertament, iż-żieda tal-kelma '[F]élicie' fl-applikazzjoni għal trademark Komunitarja tikkostitwixxi element ta' differenzjazzjoni, imma l-impatt tagħha jonqos minħabba l-pożizzjoni finali tagħha. L-attenzjoni tal-konsumatur medju u normalment attent fl-ewwel lok u essenzjalment tmur fuq l-element inizjali : il-kelma '[A] rthur'. Fuq il-livell kunċettwali, il-[B]ord [ta' l-Appell] ma jistax jeskludi l-ipoteżi li l-applikazzjoni għal trademark Komunitarja tista' tagħti l-idea, fost il-pubbliku, ta' estensjoni tal-gamma ta' prodotti li huma koperti mit-trademark Arthur. L-applikazzjoni għal trademark Komunitarja tkun miftiehma bħala varjanti tat-trademark preċedenti biex tindika li t-trademark hi mmirata, issa, ukoll għal klijentela femminili. Għaldaqstant, il-[B]ord [ta' l-Appell] iqis li jeżistu bejn it-trademarks elementi importanti ta' xebh."
44 Ir-rikorrenti ssostni li t-trademark li għaliha applikat għar-reġistrazzjoni hi trademark kumplessa, ikkostitwita minn tliet kelmiet u tidher f'kitba ta' l-istampar maħlula tip "bâton simple", filwaqt li t-trademark preċedenti hi magħmula minn kelma waħda, li tidher taħt il-forma ta' firma magħquda miktuba bl-idejn u li tħalli spazju jidher bejn iż-żewġ partijiet ta' l-ittra "a". Il-preżentazzjoni differenti tal-kelma komuni "Arthur", peress li għandha karattru distintiv intrinsikament baxx, kif ukoll il-preżenza tal-kelma "Félicie" fit-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jikkostitwixxu elementi ta' differenzjazzjoni essenzjali. Barra minn hekk, il-pożizzjoni inizjali tal-kelma "Arthur" fit-trademark li għaliha saret applikazzjoni hi mnaqqsa b'mod konsiderevoli permezz tal-preżenza qawwija tal-kliem "et" u "Félicie" minkejja li jidhru fil-parti finali.
45 Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu milqugħa.
46 L-element verbali "Arthur" għandu jiġi meqjus bħala l-element dominanti fit-trademark preċedenti, għaliex l-elementi figurattivi jibqgħu sekondarji, peress li l-ispazju huwa insinifikanti u l-kitba partikolari ma tippermettix l-identifikazzjoni ta' l-oriġini tal-prodotti li huma koperti indipendentament mill-kelma " Arthur ". Rigward it-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, din hi magħmula mill-konġunzjoni ta' koordinazzjoni "et" kif ukoll minn żewġ kelmiet, "Arthur" u "Félicie", li, a priori, hi x'inhi l-pożizzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu distinti. Madankollu, peress li l-imsemmija trademark tibda bil-kelma "Arthur", din tista' tiġi meqjusa bħala l-element dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni.
47 Fuq il-livell viżiv, peress li l-elementi figurattivi tat-trademark preċedenti huma sekondarji meta mqabbla ma' l-element verbali tagħha, it-tqabbil tas-sinjali jista' jsir fuq il-bażi ta' l-element verbali biss, dan filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju li jgħid li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, rigward ix-xebh tas-sinjali, għandu jkun ibbażat fuq l-impressjoni totali li tinħoloq minnhom. Għaldaqstant, peress li t-trademark preċedenti Arthur hi inkluża fl-intier tagħha fit-trademark li għaliha saret applikazzjoni ARTHUR ET FELICIE, id-differenza marbuta maż-żieda tal-kliem "et" u "Félicie" fl-aħħar tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni mhijiex biżżejjed importanti sabiex jiġi eskluż ix-xebh ikkreat mill-koinċidenza ta' l-element dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni, jiġifieri l-kelma "Arthur". Barra minn hekk, peress li r-reġistrazzjoni tat-trademark ARTHUR ET FELICIE ġiet mitluba bħala trademark verbali, xejn ma jipprojbixxi l-użu tagħha taħt kitbiet differenti, bħal, per eżempju, taħt sura simili għal dik tat-trademark preċedenti. Jirriżulta minn dan li s-sinjali in kwistjoni għandhom jiġu meqjusa bħala viżivament simili.
48 Fuq il-livell fonetiku, ir-rikorrenti ssostni li l-pronunzja tat-trademark ARTHUR ET FELICIE, li fiha sitt sillabi, hi "bil-wisq aktar rikka u twila" minn dik tat-trademark Arthur, li fiha żewġ sillabi. Għaldaqstant, it-trademarks ivarjaw ħafna kemm fuq il-livell tas-sekwenzi tagħhom u tar-ritmi tagħhom rispettivi kemm fuq il-livell tan-numru ta' l-elementi verbali tagħhom.
49 Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu milqugħa. Fil-fatt, l-inklużjoni kompleta tas-sinjal kopert mit-trademark preċedenti fl-element dominanti tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni jagħti lok għall-konklużjoni ta' xebh fonetiku konsiderevoli [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 2004, New Look vs l-UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T-117/03 sa T-119/03 u T-171/03, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 37].
50 Fuq il-livell kunċettwali, ir-rikorrenti ssostni li t-trademark ARTHUR ET FELICIE tindika koppja magħmula minn elementi differenti, mhux bħat-trademark Arthur.
51 Għandu jingħad li t-trademark preċedenti hi magħmula mill-isem maskili Arthur, filwaqt li t-trademark li għaliha saret applikazzjoni hi magħmula mill-istess isem maskili, minn konġunzjoni ta' koordinazzjoni u minn isem femminili. Peress li huma jinkludu l-istess isem maskili, ċertu xebh kunċettwali mhuwiex eskluż, minkejja li t-trademark li għaliha saret applikazzjoni donnha tindika koppja. Fil-fatt, iż-żieda ta' isem femminili ma' l-isem Arthur tista' tagħti l-impressjoni li fil-fatt hi estensjoni jew varjazzjoni tat-trademark komposta mill-isem waħdieni Arthur.
52 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstat li l-Bord ta' l-Appell ma ħax żball meta qies li kien hemm, bejn is-sinjali in kwistjoni, elementi konsiderevoli ta' xebh.
53 Għandha terġa' ssir evalwazzjoni globali tas-sinjali in kwistjoni biex jiġi ddeterminat jekk teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom.
Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni
54 Skond ġurisprudenza kostanti, aktar ma jkun sinifikattiv il-karattru distintiv tat-trademark preċedenti, aktar tkun għolja l-probabbiltà ta' konfużjoni (ara, b' analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24). It-trademarks li għandhom karattru distintiv għoli, kemm intrinsikament, kif ukoll minħabba l-għarfien tagħhom fuq is-suq, igawdu, għaldaqstant, minn protezzjoni aktar estensiva minn dawk li għandhom karattru anqas distintiv. (ara, b'analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, paragrafu 18, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 20).
55 Biex jiġi ddeterminat il-karattru distintiv ta' trademark u, għalhekk, biex jiġi evalwat jekk din għandhiex karattru distiniv għoli, għandha ssir evalwazzjoni globali tal-kapaċità li t-trademark għandha li tagħti identità lill-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata bħala prodotti jew servizzi ġejjin minn impriża partikolari u għalhekk li tiddistingwi dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi minn dawk ta' impriżi oħra. (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 49, u s-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).
56 Waqt din l-evalwazzjoni, għandhom jitqiesu b'mod partikolari il-kwalitajiet intrinsiċi tat-trademark, inluż il-fatt li din għandha jew m'għandhiex element deskrittiv tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata, is-sehem mis-suq li għandha t-trademark, l-intensità, l-estensjoni ġeografika u ż-żmien li tulu ilha tintuża t-trademark, l-ammont ta' investiment li l-impriża għamlet biex tippromwoviha, il-proporzjoni ta' l-oqsma kkonċernati li jagħtu identità lill-prodotti jew lis-servizzi bħala ġejjin minn impriża partikolari permezz tat-trademark, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Kmamar tal-Kummerċ u ta' l-Industrija jew ta' assoċjazzjonijiet professjonali oħra (ara, b'analoġija, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).
57 Għaldaqstant, il-karattru distintiv tat-trademark preċedenti, u b'mod partikolari r-reputazzjoni tagħha, hu element li għandu jitqies sabiex jiġi evalwat jekk ix-xebh bejn is-sinjali jew bejn il-prodotti u s-servizzi huwiex biżżejjed sabiex iwassal għal probabbiltà ta' konfużjoni [ara, b'analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs l-UASI - Trucco (Starix), T-311/01, Ġabra p. II-4625, punt 61, u tat-22 ta' Ġunju 2004, "Drie Mollen sinds 1818" vs l-UASI - Nabeiro Silveira (Galáxia), T-66/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30].
58 F'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell qies li t-trademark preċedenti Arthur għandha setgħa distintiva qawwija kemm minnha nfisha kemm mill-fatt ta' l-użu intensiv li sar minnha. Fil-fatt, fid-data meta ġiet ippreżentata, jiġifieri fl-1983, ma ġiex ippruvat li kien hemm fi Franza trademarks oħra magħmula mill-isem Arthur, waħdu jew flimkien ma' kelma oħra, biex jiġu indikati prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25, minħabba li t-trademarks kollha ċċitati mir-rikorrenti kienu ġew ippreżentati wara. Ma ġie lanqas ippruvat li dan l-isem kien jagħmel parti mill-ismijiet użati ta' spiss fil-qasam tal-moda. Skond il-Bord ta' l-Appell, peress li ebda rabta kunċettwali ma tista' tiġi stabbilita bejn il-prodotti koperti mit-trademark preċedenti u l-isem Arthur, din tippreżenta minnha nfisha karattru li ma setax jiġi deskritt bħala ftit distintiv. Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li, permezz ta' l-użu li sara minnha sa mir-reġistrazzjoni tagħha, din it-trademark kienet mingħajr dubju kisbet fama ċerta rigward, b'mod partikolari, il-ħwejjeġ ta' taħt u l-ħwejjeġ ta' ġewwa kemm għall-adulti kemm għat-tfal.
59 Ir-rikorrenti tikkontesta l-karattru intrinsikament distintiv għoli tat-trademark preċedenti. Min-naħa l-oħra, hi ma tikkontestax, minnu nnifsu, l-għarfien fuq is-suq tat-trademark preċedenti, imma biss l-fatt li r-reputazzjoni hi biżżejjed minnha nfisha sabiex toħloq probabbiltà ta' konfużjoni.
60 Għandu jiġi mfakkar li trademark jista' jkollha karattru distintiv għoli kemm intrinsikament kemm minħabba l-għarfien tagħha fuq is-suq. Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti ma kkontestatx ir-reputazzjoni tat-trademark preċedenti, irrikonuxxuta mill-UASI wara l-eżami tal-provi ippreżentati spontanjament f'dan ir-rigward mill-intervenjenti, din għandha tiġi meqjusa bħala stabbilita u t-trademark preċedenti tgawdi għaldaqstant minn protezzjoni akbar mit-trademarks li għandhom karattru distintiv anqas għoli, anke jekk hi m'għandhiex karattru distintiv intrinsikament għoli. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li jiġi eżaminat jekk it-trademark preċedenti għandhiex karattru intrinsikament distintiv baxx minħabba l-allegata koeżistenza ta' diversi tużżani ta' trademarks ta' ħwejjeġ li jinkludu l-kelma "Arthur", bħalma sostniet ir-rikorrenti.
61 F'kull ċirkustanza, jekk il-karattru distintiv tat-trademark preċedenti għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni (ara b'analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24), dan mhuwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f'din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, anki fil-preżenza ta' trademark preċedenti li għandha karattru baxx, tista' teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, b'mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u l-prodotti jew is-servizzi koperti [ara, f'dan ir-rigward, is-Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Marzu 2005, L'Oréal vs l-UASI - Revlon (FLEXI AIR), T-112/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61].
62 Jibqa' l-fatt li hemm lok li tiġi eżaminata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-allegata koeżistenza tat-trademark preċedenti u tat-trademark Franċiża ARTHUR ET FELICIE tar-rikorrenti teskludi kull probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ.
63 Huwa minnu li mhuwiex eskluż kompletament li tali koeżistenza tista' eventwalment tnaqqas il-probabbiltà ta' konfużjoni kkonstatata mill-istanzi ta' l-UASI bejn iż-żewġ trademarks in kwistjoni. Madankollu, tali eventwalità ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni ħlief jekk, ta' l-inqas, matul il-proċediment dwar ir-raġunijiet relattivi għar-rifjut quddiem l-UASI, l-applikant għar-reġistrazzjoni tat-trademark Komunitarja wera debitament li l-imsemmija koeżistenza tistrieħ fuq in-nuqqas ta' probabbiltà ta' riskju ta' konfużjoni, fost il-pubbliku rilevanti, bejn it-trademark Franċiża ARTHUR ET FELICIE u t-trademark preċedenti ta' l-intervenjenti li tibbaża l-oppożizzjoni u bil-kundizzjoni li t-trademark Franċiża ARTHUR ET FELICIE u t-trademarks in kwistjoni jkunu identiċi [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Mejju 2005, Grupo Sada vs l-UASI – Sadia (GRUPO SADA), T-31/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 86].
64 F'dan il-każ, biżżejjed jingħad li t-trademark Franċiża tar-rikorrenti u t-trademark preċedenti ta' l-intervenjenti mhumiex identiċi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppruvatx li l-imsemmija koeżistenza tistrieħ fuq in-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni. Jirriżulta mill-fajl li t-trademark Franċiża kienet ġiet irreġistrata fl-1994 u li l-intervenjenti ġabet quddiem it-tribunal de grande instance ta' Pariġi proċedimenti ta' ksur fl-1998 kontra t-trademark Franċiża ARTHUR ET FELICIE. Permezz tas-sentenza tiegħu tat-23 ta' Jannar 2004, it-tribunal de grande instance annulla din it-trademark. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata permezz tas-sentenza tal-cour d'appel ta' Pariġi tal-11 ta' Mejju 2005. Dan il-fatt juri biċ-ċar li l-allegata koeżistenza mhijiex paċifika. Din il-kunsiderazzjoni mhijiex ikkontestata mill-fatt li l-proċedimenti ta' ksur ma ġewx imressqa ħlief erba' snin wara r-reġistrazzjoni tat-trademark Franċiża ARTHUR ET FELICIE, fis-sens li r-rikorrenti ma wrietx li l-intervenjenti kienet taf effettivament bl-imsemmija trademark, sa mill-waqt tal-preżentata tagħha.
65 Barra minn hekk, mhumiex biżżejjed l-argumenti tar-rikorrenti rigward l-għarfien tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni u li jgħidu li sa mill-jum tal-preżentata tat-trademark ARTHUR ET FELICIE fi Franza u tal-kummerċjalizzazzjoni taħt din it-trademark ta' ħwejjeġ fil-katalogu tagħha sa mill-1994, hi mexxiet kummerċ paċifiku tat-trademark tagħha mingħajr ebda inċident u, aktar partikolarment, ebda talba ta' dritt ta' prijorità min-naħa ta' kwalunkwe kumpannija terza ma ġiet tiddisturba dan l-użu. Bejn l-1994 u l-1998, aktar minn 11-il miljun katalogu kienu ġew imqassma fi Franza, li ġġeneraw fatturat ta' aktar minn 35 miljun EUR għat-trademark ARTHUR ET FELICIE, li saret għaldaqstant trademark verament magħrufa, assoċjata mill-pubbliku mal-katalogu Vertbaudet u mar-rikorrenti, fatt li juri għalhekk in-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni.
66 F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-istħarriġ Ipsos, li minnu jirriżulta li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku bejn it-trademarks in kwistjoni. Dan huwa wkoll ikkonfermat minn stħarriġ fuq l-Internet, peress li ebda okkorrenza simultanja taż-żewġ trademarks ma nstabet. Issa, bħalma ġie kkonstatat iktar 'il fuq, dawn id-dokumenti tressqu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda.
67 Dwar il-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti in kwistjoni huma kkummerċjalizzati, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti huma mibjugħa kważi esklussivament fil-ħwienet u ipermarkits, filwaqt li t-trademark li għaliha saret applikazzjoni tirreferi biss għall-prodotti mibjugħa b'korrispondenza, mhijiex ippruvata. Fil-fatt, bħalma ġa ġie rrilevat waqt it-tqabbil tal-prodotti, xejn ma jeskludi li l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti jkunu wkoll mibjugħa b'korrispondenza. Jirriżulta barra minn hekk mill-fajl li l-intervenjenti tagħmel qrib il-5 % tal-bejgħ tagħha b'korrispondenza. Barra minn hekk, hu importanti li jiġi mfakkar li t-tqabbil bejn il-prodotti in kwistjoni għandu jsir fuq il-bażi tad-deskrizzjoni tal-prodotti koperti mir-reġistrazzjoni tat-trademark preċedenti. Issa, din id-deskrizzjoni bl-ebda mod ma tillimita l-modi li bihom il-prodotti koperti mit-trademark preċedenti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati.
68 Barra minn hekk, għandu jingħad li, fil-qasam ta' l-ilbies, jiġri ta' spiss li l-istess trademark tidher taħt forom differenti, skond it-tip ta' prodott li hi tkopri. Huwa wkoll komuni li l-istess impriża tuża sotto-trademarks, jiġifieri sinjali li ġejjin minn trademark prinċipali u li jkollhom element dominanti komuni magħha, biex tiddistingwi l-linji differenti tagħha ta' produzzjoni (femminili, maskili, taż-żgħażagħ) [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Fifties, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49 ; tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 57, u NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51]. F'dawn il-kundizzjonijiet, huwa possibli li l-pubbliku rilevanti jqis li l-ħwejjeġ koperti mit-trademarks in kwistjoni ġejjin, ċertament, minn żewġ gammi ta' prodotti distinti, imma ġejjin, madankollu, mill-istess impriża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Fifties, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49). Għaldaqstant, kien ġust li l-Bord ta' l-Appel ikkonstata li l-pubbliku rilevanti seta' jaħseb li l-prodotti koperti mit-trademark ARTHUR ET FELICIE kienu jagħmlu parti minn gamma ġdida ta' prodotti u kienu kkummerċjalizzati mill-propjetarju tat-trademark Arthur jew minn impriża li hi marbuta ekonomikament miegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza BUDMEN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57). Fil-fatt, huwa kostanti li l-intervenjenti biddlet it-trademark tagħha fi trademark figurattiva li fiha l-element verbali "La fiancée d'Arthur" għal ċerti prodotti ta' lbies ta' taħt għan-nisa.
69 F'dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta' l-identità tal-prodotti in kwistjoni, ċertu xebh tas-sinjali korrispondenti u l-karattru distintiv għoli tat-trademark preċedenti, ta' l-inqas mill-fatt ta' l-għarfien tagħha fuq is-suq, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell ma ħax żball meta kkonkluda li hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trademarks in kwistjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, u bħalma jirriżulta biċ-ċar mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll mill-ġurisprudenza kostanti, mhuwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' konfużjoni effettiva, imma l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.
70 Fl-aħħar nett, rigward id-deċiżjonijiet u s-sentenzi nazzjonali li għalihom il-partijiet jirreferu, biżżejjed jiġi kkonstatat li s-sistema Komunitarja tat-trademarks hija sistema awtonoma, magħmula minn ġabra ta' regoli u li għandha obbjettivi li huma speċifiċi għaliha, peress li l-applikazzjoni tagħha hi indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs l-UASI (electronica), T-32/00, Ġabra II-3829, punt 47]. Għaldaqstant, il-karattru li jista' jiġi rreġistrat taħt sinjal bħala trademark Komunitarja ma għandux jiġi evalwat ħlief fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti.
71 Dwar il-prattika ta' l-UASI, jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-deċiżjonijiet rigward ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trademark Komunitarja li l-Bordijiet ta' l-Appell huma responsabbli li jieħdu, taħt ir-Regolament Nru 40/94, huma ta' kompetenza ristretta u mhux ta' setgħa diskrezzjonarja. Għaldaqstant, il-karattru reġistrabbli ta' sinjal bħala trademark Komunitarja ma għandux jiġi evalwat jekk mhux fuq il-bażi ta' dan ir-regolament, hekk kif interpretat mill-Imħallef Komunitarju, u mhux fuq il-bażi ta' prassi preċedenti tal-Bordijiet ta' l-Appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs l-UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 66 ; ta' l-20 ta' Novembru 2002, Bosch vs l-UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 32, u tad-9 ta' Marzu 2005, Osotspa vs l-UASI – Distribution & Marketing (Hai), T-33/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 69].
72 Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-motiv waħdieni tar-rikorrenti mingħajr ma l-Qorti tal-Prim'Istanza jkollha bżonn tiddeċiedi fuq l-ammissibilità tat-talbiet għall-annullament u għall-konferma tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.
Dwar l-ispejjeż
73 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' l-UASI, hekk kif mitlub minnu. It-talba ta' l-intervenjenti rigward l-ispejjeż tirrigwarda biss l-ispejjeż inkorsi quddiem l-UASI. Għaldaqstant, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)
taqta' u tiddeciedi :
1) Ir-rikors hu miċħud.
2) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż, ħlief dawk sostnuti mill-intervenjenti.
3) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Jaeger |
Tiili |
Czúcz |
Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta' Novembru 2005
Reġistratur |
il-President |
E. Coulon |
M. Jaeger |