Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0168

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tas-7 ta' Settembru 2006.
    L & D, SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta' oppożizzjoni - Trade marks figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw siġra taż-żnuber li jinkludu, x'uħud minnhom, elementi verbali - Applikazzjoni għal trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali "Aire Limpio' - Probabbiltà ta' konfużjoni - Artikolu 8(1)( b), u l-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
    Kawża T-168/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2006:245

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

    7 ta' Settembru 2006 (*)

    "Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Trade marks figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw siġra taż-żnuber li jinkludu, x'uħud minnhom, elementi verbali – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali ‘Aire Limpio’ – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)( b), u l-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

    Fil-kawża T‑168/04,

    L & D, SA, stabbilita f'Huercal de Almeria (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn M. Knospe, wara minn  S. Miralles Miravet u A. Castedo Garcia, avocats,

    parti rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji)      (UASI), irrappreżentat minn J. García Murillo, bħala aġent,

    parti konvenuta,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

    Julius Sämann Ltd, stabbilita f'Zug (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn A. Castán Pérez-Gómez u E. Armijo Chávarri, avocats,

    li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-15 ta' Marzu 2004 (kawża R 326/2003-2), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Julius Sämann Ltd u L & D, SA,

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

    komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

    Reġistratur : B. Pastor, Assistent Reġistratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-14 ta' Mejju 2004,

    wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Diċembru 2004,

    wara li rat ir-rispsota ta' l-intervenjenti ppreżentata lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' Jannar 2005,

    wara s-seduta tat-12 ta' Jannar 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1       Fit-30 ta' April 1996, L & D, SA ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

    2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv, li jinkludi element verbali, riprodott hawn taħt:

    Image not found

    3       Il-prodotti u servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 3, 5 u 35 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    –       klassi 3 : " Fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi";

    –       klassi 5 : "Deodoranti għall-arja";

    –       klassi 35 : "Riklamar, ġestjoni tan-negozju, amministrazzjoni ta' negozju, funzjonijiet ta' uffiċċju"

    4       Fid-29 ta' Ġunju 1998, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil- Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 47/98.

    5       Fid-29 ta' Settembru 1998, Julius Sämann Ltd ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba.

    6       L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq diversi trade marks preċedenti.

    7       L-ewwel nett, l-oppożizzjoni kienet tirrigwarda t-trade mark Komunitarja figurattiva Nru 91 991, ippreżentata fl-1 ta' April 1996 u rreġistrata għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 5 tal-Ftehim ta' Nizza, riprodotta hawn taħt:

    Image not found

    8       Fit-tieni lok, l-oppożizzjoni kienet tirrigwarda trade marks internazzjonali u nazzjonali figurattivi, li jinkludu, x'uħud minnhom, elementi verbali, li kienu s-suġġett tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali Nri 328917, 612525, 178969, 216415, 328915, 328916, 475333 u 539068; Awstrijakka Nru 109639; Żvediża Nri 217829, 225214 u 89348; Spanjola Nru 1575391; Daniża Nru 03157/1964; Finlandiża Nri 109644 u 45548; Ġermaniża Nru 984362, għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 3 u/jew 5 skond il-Ftehim ta' Nizza, u li huma riprodotti hawn taħt:

    Image not found        Image not found        Image not found        Image not found        Image not found

    9       L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha protetti bit-trade marks preċedenti u kienet intiża għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

    10     Sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha, l-intervenjenti invokat ir-raġunijiet relattivi għal rifjut ta' reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b), u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

    11     B'deċiżjoni tal-25 ta' Frar 2003, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI rrifjutat l-oppożizzjoni ta' l-UASI kollha kemm hi.

    12     Fit-23 ta' April 2003, l-intervenjenti ressqet rikors quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

    13     B'deċiżjoni tal-15 ta' Marzu 2004 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI laqa' parzjalment ir-rikors ta' l-intervenjenti.

    14     Rigward ir-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dan ġie milqugħ f'dak li jikkonċerna l-prodotti in kwistjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikors ġie miċħud f'dak li jikkonċerna s-servizzi in kwistjoni u l-Bord ta' l-Appell kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li tiċħad l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni. Rigward ir-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell ċaħdu fin-nuqqas ta' prova ta' ħsara kkawżata lit-trademark preċedenti jew ta' vantaġġ inġust mill-karattru distintiv tagħha.

    15     Dwar l-eżami tax-xebh tat-trade marks in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ipproċeda għal paragun bejn, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti Nru 91991, inkwantu trade mark rappreżentattiva tat-trade marks preċedenti l-oħra. Huwa kkunsidra li din it-trade mark Komunitarja preċedenti kienet kisbet karattru distintiv bis-saħħa ta' l-użu u l-fama ta' trade mark oħra preċedenti, li l-forma tagħha hija essenzjalment identika għal dik tat-trade mark Komunitarja Nru 91991.

    16     Il-Bord ta' l-Appell osserva li t-trade marks in kwistjoni kienu t-tnejn magħmula minn siġra taż-żnuber irrapreżentata bi friegħi magħmula minn tuberi u partijiet 'il ġewwa fuq il-ġnub u minn zokk prinċipali qasir ħafna mqiegħed fuq parti usa' bħala pedestall.

    17     Huwa fakkar li x-xebh kunċettwali jista' jwassal għal probabbiltà ta' konfużjoni, b'mod partikolari meta t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv partikolari, jew intrinsikament, jew inkella minħabba l-fama li hija għandha fost il-pubbliku.

    18     Skond il-Bord ta' l-Appell, fid-dawl tal-provi miġjuba jidher li t-trade mark preċedenti kienet tgawdi minn fama almenu f'parti mill-Komunità, b'mod partikolari fl-Italja, fejn il-parti tagħha mis-suq ġiet stmata għal aktar minn 50 %, u li kienet is-suġġett ta' użu fit-tul f'dan l-istess territorju.

    19     Minn dawn l-elementi huwa kkonkluda li x-xebh kunċettwali taż-żewġ trade marks in kwistjoni jista' joħloq, almenu fl-Italja, probabbiltà ta' konfużjoni fost il-pubbliku kkonċernat. Id-differenzi bejn it-trade marks konfliġġenti, li jikkonsistu essenzjalment fil-fatt li s-siġra taż-żnuber li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tikkostitwixxi kwadru li fih jinsab id-disinn ta' persunaġġ animat kif ukoll l-element verbali "aire limpio", ma jippermettux li tiġi evitata l-probabbiltà ta' konfużjoni, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal r-reġistrazzjoni tista' tidher, mill-pubbliku rilevanti, bħala varjanti divertenti u animata tat-trade mark preċedenti.

     It-talbiet tal-partijiet

    20     Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

    –       tannulla l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, safejn din, minn naħa, tannulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 3 u 5 u, min-naħa l-oħra, tordna lil kull parti li tbati l-ispejjeż li hija sostniet għall-finijiet tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni u ta' rikors;

    –       tordna li l-UASI jbati l-ispejjeż.

    21     L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

    –       tiċħad ir-rikors;

    –       tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

     Fid-dritt

    22     Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati rispettivament fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq ksur ta' l-Artikolu 73 ta' dan l-istess Regolament.

     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

     L-argumenti tal-partijiet

    23     Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta' l-Appell rigward ix-xebh bejn it-trade marks in kwistjoni hija żbaljata. Ma jeżisti l-ebda xebh bejn dawn it-trade marks u l-konstatazzjonijiet dwar il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huma għaldaqstant inutli.

    24     Żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, jkun hemm ugwaljanza almenu parzjali f'dak li jikkonċerna l-aspetti viżwali, fonetiċi u kunċettwali tagħhom. Rigward it-trade marks kumplessi, huwa neċessarju li jiġi vverifikat li x-xebh jirrigwarda element adattat sabiex jistabbilixxi l-impressjoni totali prodotta minn dawn it-trade marks, jiġifieri element li jista' jiddomina minnu nnifsu d-dehra ta' din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jibqa' jiftakar. L-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta' komponent wieħed jew ta' diversi komponenti speċifiċi ta' trade mark kumplessa ssir billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta' kull wieħed minn dawn il-komponenti. Minkejja li x-xebh jirrigwarda element deskrittiv tal-prodotti in kwistjoni, dan ma jistax jiddomina l-impressjoni sħiħa prodotta minn din it-trade mark u għaldaqstant wieħed ma jistax jasal għal konklużjoni ta' xebh bejn it-trade marks.

    25     Il-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni dawn il-prinċipji, għaliex huwa rrefera biss għall-eżistenza ta' "denominatur komuni" bejn it-trade marks in kwistjoni, mingħajr ma eżamina l-qbil viżwali, fonetiku u kunċettwali u mingħajr ma stabbilixxa l-importanza ta' l-element eventwali ta' qbil fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark kumplessa li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

    26     L-ewwel nett, fuq il-livell fonetiku, it-trade mark preċedenti ma tinkludi l-ebda element verbali. Kull xebh fonetiku huwa għaldaqstant eskluż.

    27     Imbagħad, fuq il-livell viżwali, it-trade mark preċedenti hija magħmula mir- rappreżentazzjoni naturalistika ta' siluwett ta' siġra taż-żnuber, mqiegħda fuq bażi kwadra, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija magħmula minn disinn ta' persunaġġ umoristiku li għandu fiżjonomija partikolari, mgeżwer f'libsa li s-siluwett tagħha tevoka, taħt forma astratta ħafna, siġra taż-żnuber u li tiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur fuq l-element verbali "aire limpio". It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija għalhekk iddominata b'mod ugwali minn dan il-persunaġġ umoristiku u mill-element verbali "aire limpio", b'tali mod li huwa eskluż kull xebh viżwali.

    28     Fl-aħħar nett, fuq il-livell kunċettwali, is-sempliċi xebh bejn is-siluwetti taż-żewġ sinjali ma jippermettix konklużjoni ta' l-eżistenza ta' xebh. Il-fatt li s-siluwett tal-persunaġġ umoristiku jista' jfakkar fil-forma ta' siġra taż-żnuber mhuwiex rilevanti, peress li x-xebh fis-siluwett mhuwiex xebh kunċettwali. Minbarra dan, id-dehra tas-siluwett tonqos fl-importanza tagħha, peress li l-forma tas-siġra taż-żnuber hija tant mibdula mid-dehra tal-persunaġġ umoristiku, li ssir sempliċi mantar jew sempliċi għata ta' dan il-persunaġġ, pjuttost milli rappreżentazzjoni tad-dehra ta' siġra taż-żnuber.

    29     Minn dan, ir-rikorrenti tikkonkludi li ma jeżisti ebda xebh bejn it-trade marks.

    30     Sussidjarjament, ir-rikorrenti żżid li, minkejja li l-eżistenza ta' xebh kunċettwali ġiet rikonoxxuta, il-qbil ma jirrigwardax element dominanti tat-trade mark, għaliex is-siluwett tas-siġra taż-żnuber ma tistax tiddomina l-impressjoni totali prodotta mit-trademark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, li hija, bil-kontra, iddominata mir-rappreżentazzjoni fantasjuża u partikolari ta' persunaġġ umoristiku u l-kitba "aire limpio". Barra minn hekk, is-siluwett hija deskrittiva tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni u ma tistax għalhekk, skond il-ġurisprudenza, tiddomina l-impressjoni totali prodotta minn din it-trade mark.

    31     Aktar sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma teskludix kull xebh bejn it-trade marks in kwistjoni, ma hemm madankollu ebda probabbilità ta' konfużjoni, għaliex it-trade mark li għaliha ntalbet reġistrazzjoni titbiegħed suffiċjentement mit-trade mark preċedenti.

    32     Minbarra dan, skond ir-rikorrenti, it-trade mark preċedenti ma tistax tgawdi minn protezzjoni wiesgħa, għaliex il-karattru distintiv tagħha huwa biss dgħajjef.

    33     Minn naħa, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa insuffiċjenti għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, is-siluwett tas-siġra taż-żnuber hija deskrittiva ta' prodotti bħal deodoranti u fwieħa għall-arja. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mil-"Linji gwida prattiċi għall-eżami tat-trade marks ta' prodotti u servizzi" ta' l-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Renju Unit. It-tieni nett, it-trade mark preċedenti hija kkostitwita biss, essenzjalment, mill-forma tal-prodott li huwa kkumerċjalizzat taħtha. Issa, skond il-ġurisprudenza, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark ma tistax tiġi sodisfatta meta s-sinjal ikkonċernat jiġi konfuż mad-dehra tal-prodott. Dan huwa l-każ in kwistjoni, peress li l-prodotti kkonċernati huma magħmula biss minn tavla ċatta ta' materjal poruż, mhux żejtni li fuqu tiġi applikata sustanza aromatika u li l-linja ta' barra tagħha tikkorrispondi mas-siluwett tat-trade mark, bil-wiċċ ta' dawn il-prodotti mgħotti kompletament mit-trade mark. It-tielet nett, il-forma magħmula mis-siluwett ta' siġra taż-żnuber hija neċessarja sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku mfittex mill-prodott. Issa, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, il-forom neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku huma esklużi mir-reġistrazzjoni tat-trade mark. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet tal-prodott, kif tidher fl-applikazzjoni għal privattiv Amerikan ippreżentata mill-intervenjenti, turi li l-forma ta' siġra konika użata mill-intervenjenti tissodisfa funzjoni teknika, jiġifieri l-ħruġ progressiv u parzjali tad-deodorant, li tista' wkoll tinkiseb faċilment b'forma bħal dik tas-siġra taż-żnuber, forma li tidher ukoll fid-disinji tal-privattiv. Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan li l-intervenjenti issa teżerċita d-dritt tat-trade marks sabiex tipprova tipprojbixxi lit-terzi l-użu ta' forma li fil-passat kienet protetta minn privattiv.

    34     Min-naħa l-oħra, il-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti ma setax ikun imsaħħaħ a posteriori permezz ta' fama miksuba mill-użu tat-trade mark fl-Italja. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, skond il-ġurisprudenza, il-fama ta' trade mark ma tistax tiġi stabbilita biss fuq il-bażi ta' informazzjoni ġenerali u astratta, bħalma huma perċentwali stabbiliti, u li l-argumenti rigward il-fatturat u investimenti fir-reklamar mhumiex adattati sabiex jistabbilixxu karattru distintiv ta' trade mark.

    35     Il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Bord ta' l-Appell rigward ir-rikonoxximent tal-fama tat-trade mark preċedenti huma vvizzjati b'diversi żbalji.

    36     L-ewwel nett, l-istabbiliment tal-karattru distintiv miksub mit-trade mark preċedenti fl-Italja ma setax ikun ibbażat biss fuq indikazzjonijiet ġenerali rigward il-volum ta' reklamar u l-fatturat, ladarba dan huwa prodott ta' konsum vast u ta' spiża żgħira. Il-kwantità ta' prodotti mibjugħa m'għandhiex, għaldaqstant, l-istess valur probatorju bħal dik ta' prodotti li jservu għal żmien twil, prestiġjużi jew ta' kwalità għolja.

    37     It-tieni nett, l-UASI bbaża ruħu inġustament fuq il-fatt li l-bejgħ tad-deodoranti ta' l-intervenjenti fl-Italja huwa akbar minn dak ta' deodoranti oħrajn għal vetturi u jirrappreżenta parti ta' 'il fuq minn 50 % tas-suq. Il-fatturat tar-rapport trimestrali tal-kumpannija Nielsen, li huma ċċitati fid-dikjarazzjoni taħt ġurament tad-direttur eżekuttiv ta' l-intervenjent, ma jirrigwardawx il-prodott kopert mit-trade mark Komunitarja Nru 91991, iżda jirrigwardaw prinċipalment il-prodotti li għandhom l-isem "arbre magique", ikkummerċjalizzati taħt trade mark li hija differenti mit-trademark Nru 91991. Barra minn hekk, dawn il-figuri jirrigwardaw is-snin 1997 u 1998, jiġifieri perijodu konsiderevolment wara d-data ta' preżentata ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Il-figuri rigward l-ispejjeż ta' reklamar għas-snin 1996 u 1997 mhumiex adattati għall-istess raġunijiet, peress li dan ir-reklamar jirrigwarda d-deodoranti bl-isem "arbre magique" u jiġi wara t-30 ta' April 1996, data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għal trademark Komunitarja.

    38     It-tielet nett, sabiex jiġi stabbilit użu fit-tul tat-trade mark preċedenti fl-Italja, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u l-Bord ta' l-Appell ibbażaw ruħhom inġustament fuq il-fatt li t-trade mark ġiet użata l-Italja għal żmien twil u gawdiet hemmekk, taħt forma essenzjalment identika sa mill-1954, ta' protezzjoni taħt ir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 178969. B'hekk, huma inġustament qiesu bħala simili d-data ta' l-applikazzjoni għal trade mark u l-użu effettiv ta' din it-trade mark, meta ma ngħatat ebda prova dwar l-użu tat-trade mark internazzjonali Nru 178969 wara r-reġistrazzjoni tagħha. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni Nru 178969 tikkonċerna trade mark li tinkludi pedestall abjad u l-element verbali "car freshner", filwaqt li r-reġistrazzjoni Nru 91991 tikkonċerna trade mark sempliċiment figurattiva. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni fil-klassi 5 ma tirrigwardax il-prodotti deodoranti in kwistjoni f'din il-kawża iżda d-"diżinfettanti, prodotti għall-banju, insettiċidi, prodotti kimiċi".

    39     Għalhekk, fid-dawl tal-karattru distintiv dgħajjef tagħha, it-trade mark preċedenti tgawdi minn protezzjoni mnaqqsa u differenzi minimi mit-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huma biżżejjed sabiex jeskludu kull probabblità ta' konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali. B'hekk, anki jekk jiġi ammess xebh kunċettwali, dan ma jkunx biżżejjed sabiex joħloq probabbiltà ta' konfużjoni. Ix-xbieha tas-siġra taż-żnuber ma tippreżenta fil-fatt ebda disinn immaġinarju u ma nġabitx il-prova tal-fama tat-trade mark Nru 91991.

    40     Fis-seduta, ir-rikorrenti ġabet u invokat ukoll sentenza tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema, Spanja) tal-5 ta' April 2005, li tatha b'mod definittiv id-drittijiet fuq it-trade mark Spanjola Aire Limpio Nru 2033859.

    41     Minn dan, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Bord ta' l-Appell inġustament osserva l-eżistenza ta' xebh bejn it-trade marks in kwistjoni u l-karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu tat-trade mark ta' l-intervenjenti. Fil-fatt ma teżisti ebda probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-konsumatur.

    42     L-UASI jsostni li l-paragun globali tat-trade marks in kwistjoni għandu, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tagħhom, ikun ibbażat fuq l-impressjoni totali prodotta minnhom, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Skond l-UASI, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tiffoka ruħha fuq l-impressjoni li l-pubbliku Taljan għandu tat-trade marks in kwistjoni.

    43     Fuq il-livell viżwali, l-UASI josserva li t-trade mark preċedenti tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta' siluwett ta' siġra taż-żnuber b'zokk qasir ħafna bi sporġenzi u partijiet 'il ġewwa irregolari fuq il-ġnub, mqiegħda fuq parti usa' li sservi ta' pedestall. It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija magħmula minn figura komika animata, li l-parti ta' fuq tagħha għandha forma trijangolari bi ġnub irregolari, li tixbah lill-parti ta' fuq ta' siġra taż-żnuber, mqiegħda, fil-bażi tagħha fuq rappreżentazzjoni ta' żewġ żraben kbar. Fil-parti trijangolari ta' fuq tidher, fin-nofs, ir-rappreżentazzjoni ta' wiċċ animat u ta' żewġ idejn li donnhom juru l-espressjoni verbali b'ittri li jgħidu "aire limpio". It-trade marks in kwistjoni għandhom l-istess karatteristiċi esterni, jiġifieri disinn ta' dehra trijangolari bil-ġnub irregolari u li l-bażi tagħhom, wara li tidjieq, hija magħmula minn element rettangulari. Minkejja l-kuntrast li jirriżulta mid-dehra komika u animata u mill-element verbali "aire limpio", dan l-element grafiku għandu karattru dominanti manifest fl-impressjoni globali li s-sinjal jagħti u huwa konsiderevolment prevalenti fuq l-element verbali, li ma jistax jiġi pperċepit wisq biċ-ċar.

    44     Fuq il-livell fonetiku, it-trade mark preċedenti, inkwantu sinjal purament grafiku, tista' tiġi trażmessa bil-fomm permezz ta' deskrizzjoni tas-sinjal, filwaqt li t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija ppronunzjata permezz ta' l-element verbali tagħha, jiġifieri "aire limpio".

    45     Fuq il-livell kunċettwali, l-UASI jsostni li t-trade marks in kwistjoni huma assoċjati mill-pubbliku rilevanti mas-siluwett ta' siġra taż-żnuber b'zokk qasir ħafna, li l-friegħi tagħha huma magħmula minn sporġenzi u partijiet 'il ġewwa, mqiegħda fuq element rettangolari bħal pedestall. L-UASI huwa ta' l-opinjoni li l-pubbliku Taljan ma jattribwixxi l-ebda tifsira partikolari lill-espressjoni "aire limpio" u jidentifika ż-żewġ sinjali biss permezz tal-kontenut semantiku taż-żewġ rappreżentazzjonijiet grafiċi.

    46     Rigward l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, l-UASI jsostni li din ta' l-aħħar ma tammontax sempliċement għal rappreżentazzjoni ta' siġra taż-żnuber. Hija rappreżentazzjoni grafika ta' kunċett aktar kumpless, jiġifieri l-forma ta' siġra taż-żnuber b'ċerti karatteristiċi partikolari bħal sporġenzi u partijiet 'il ġewwa, zokk qasir ħafna u mqiegħed fuq bażi rettangolari li sservi ta' pedestall.

    47     Rigward l-argument li l-forma ta' siġra taż-żnuber hija użata ta' spiss għall-marketing ta' deodoranti għall-arja, ir-rikorrenti ma kienet ġabet, waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI, ebda element li juri illi, fis-suq Taljan, il-pubbliku rilevanti huwa mdorri għall-użu, għal dan it-tip ta' prodotti, ta' figuri li l-forma tagħhom għandha xebh mas-siluwett ta' siġra taż-żnuber.

    48     Għalkemm il-forma tal-prodott għandha effettivament tkun idjaq fil-parti ta' fuq milli fil-parti ta' isfel, ir-riżultat tekniku mfittex ma jitlobx l-użu ta' forma li tikkorrispondi għall-kunċett ta' trade mark preċedenti, iżda jista' jinkiseb permezz ta' sempliċi triangolu bil-ġnub dritti u regolari jew permezz ta' figura idjaq fil-parti ta' fuq milli fil-parti ta' isfel. Il-forma tat-trade mark preċedenti mhijiex għaldaqstant l-uniku mod sabiex jinkiseb dan ir-riżultat.

    49     Rigward l-evalwazzjoni tal-probabbilità ta' konfużjoni, l-UASI jenfasizza ili, f'dan il-każ, peress li l-prodotti kkonċernati huma ta' konsum komuni, il-konsumatur medju ma jagħtix attenzjoni partikolari waqt ix-xiri tagħhom.

    50     Fid-dawl ta' l-importanza tas-siluwett tas-siġra taż-żnuber fl-użu magħmul mit-trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali "arbre magique" fl-Italja, kif ukoll tal-predominanza ta' l-element grafiku, l-UASI jqis illi kemm l-espressjoni "arbre magique" kif ukoll l-element grafiku omnipreżenti u impressjonanti (li jikkorrispondi għar-rappreżentazzjoni tat-trade mark preċedenti li fuqha tibbaża ruħha d-deċiżjoni kkontestata) għandhom jitqiesu bħala magħrufa u użati ta' spiss mill-pubbliku rilevanti. Konsegwentement, l-UASI jqis li l-Bord ta' l-Appell rrikonoxxa, ġustament, li t-trade mark Komunitarja preċedenti, li fuqha hija bbażata din id-deċiżjoni, għandha karattru distintiv partikolari fl-Italja.

    51     L-UASI jżid li l-r-riklami ġew mxandra, skond l-intervenjenti, qabel id-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li parti minn suq daqstant kbira ma setgħetx tinkiseb malajr ħafna. Għaldaqstant mhuwiex kredibbli li l-bejgħ ta' l-1996 ma tantx kien importanti.

    52     Fl-aħħar nett, l-UASI jqis li, skond il-prinċipju stabbilit fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL (C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 24), ix-xebh kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni jista' joħloq, fl-Italja, fejn it-trade mark preċedenti tgawdi minn karattru distintiv partikolari, probabbilità ta' konfużjoni li d-differenzi fl-istil u fl-animazzjoni bejn it-trade marks ma jippermettux li jiġu evitati. Fil-fatt, it-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni tista' titqies bħala varjanti divertenti u animata tat-trade mark preċedenti magħrufa sew mill-pubbliku rilevanti.

    53     L-intervenjenti tosserva, l-ewwel nett, li l-elementi li jiddistingwu t-trade marks in kwistjoni ma jbiddlux l-impressjoni ġenerali ta' xebh.

    54     Il-prodotti koperti mit-trade marks kontenzjużi jinbiegħu fiż-żoni ta' self service ta' stazzjonijiet ta' pompi tal-petrol jew ta' supermarkets u jinkisbu malajr ħafna u mingħajr proċess ta' ħsieb minn qabel. Il-konsumatur jixħet l-attenzjoni tiegħu fuq l-ewwel element li jiġi fi ħsiebu meta jħares lejn it-trade marks, jiġifieri s-siluwett ta' siġra taż-żnuber.

    55     Imbagħad, fuq il-livell fonetiku, id-differenza kkostitwita mill-kitba "aire limpio" mhijiex rilevanti għall-għażla tal-konsumatur, peress li dan jixħet l-attenzjoni tiegħu biss fuq id-dehra jew il-preżentazzjoni esterna tal-prodott.

    56     Fl-aħħar nett, is-sinjali in kwistjoni huma wkoll simili fuq il-livell kunċettwali, għaliex jużaw xbiehat komuni li huma l-istess kemm f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-idea rrappreżentata, jiġifieri s-siluwett ta' siġra żgħira taż-żnuber, jidentifikaw il-prodott u juru l-orġini kummerċjali tiegħu lill-konsumaturi.

    57     L-intervenjenti tikkontesta wkoll id-deskrizzjoni, magħmula mir-rikorrenti, tat-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni bħala r-riproduzzjoni ta' persunaġġ umoristiku.

    58     Barra minn hekk, il-karattru purament deskrittiv tas-siluwett tas-siġra taż-żnuber għal prodotti ta' fwieħa jew deodoranti għall-arja ma jistax jiġi invokat fin-nuqqas ta' prova li tistabbilixxi li dan is-siluwett sar komuni f'kull wieħed mis-swieq rilevanti u/jew li l-qrati tal-pajjiżi kkonċernati stabbilixxew li mhuwiex validu bħala trade mark.

    59     L-intervenjenti hija wkoll ta' l-istess opinjoni tal-Bord ta' l-Appell fir-rigward ta' l-evalwazzjoni li l-eżistenza ta' probabbilità ta' konfużjoni hija msaħħa minħabba l-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti, li tirriżulta mill-fama tiegħu.

    60     L-intervenjenti tikkontesta l-argument li, minn naħa, it-trade mark preċedenti taqbel mal-forma tal-prodott u, min-naħa l-oħra, din il-forma hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku. L-ewwel nett, dan l-argument għandu jiġi miċħud, għaliex ġie mqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Imbagħad, f'kull każ, peress li t-trade marks preċedenti mhumiex trade marks tridimensjonali iżda trade marks figurattivi, dan l-ilment mhuwiex rilevanti. Fl-aħħar nett, l-elementi grafiċi mitluba mit-trade marks ta' l-intervenjenti ma jirrappreżentawx il-forma meħtieġa għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

    61     Bl-istess mod, il-Bord ta' l-Appell kien qies ġustament li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kien inkiseb bl-użu ta' din u l-argumenti kuntrarji tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu.

    62     L-intervenjenti żżid diversi argumenti f'dan ir-rigward.

    63     L-ewwel nett, il-fatturat ma jitlifx il-valur probatorju tiegħu minħabba s-sempliċi fatt li l-prodotti in kwistjoni huma ta' konsum komuni.

    64     It-tieni nett, il-perċentwali ta' bejgħ ta' prodotti fis-suq Taljan hija kkompletata bi provi oħra rigward il-fama tat-trade marks f'dan is-suq.

    65     It-tielet nett, anki jekk huwa minnu li r-rapport tal-kumpannija Nielsen jirreferi għas-snin 1997 u 1998, il-kontenut tiegħu, fid-dawl tal-provi l-oħra li nġabu, jippermetti li jiġi preżunt li, matul is-snin li jiġu eżatt qabel, il-perċentwali ta' bejgħ tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt it-trade marks ta' l-intervenjenti kienu probabbilment simili għal dawk tal-perijodu 1997-1998. Barra minn hekk, sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta' trade mark nazzjonali preċedenti invokata kontra l-applikazzjoni għal trade mark posterjuri, ma tistax tiġi injorata l-prova li turi l-użu tat-trade mark nazzjonali invokata sabiex issaħħaħ l-oppożizzjoni, matul il-perijodu eżatt wara d-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u qabel id-data li fiha saret l-oppożizzjoni.

    66     L-intervenjenti tikkonkludi li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra ġustament li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, f'dak li jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 3 u 5.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

    –       Osservazzjonijiet preliminari

    67     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni ta' proprjetarju ta' trade mark preċedenti, it-trade mark mitluba tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade marks preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li ż-żewġ trade marks ikopru, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fost il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti jfissru t-trade marks Komunitarji, it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru jew li huma s-suġġett ta' reġistrazzjoni internazzjonali, li d-data tal-preżentata tagħhom tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

    68     Minbarra dan, minkejja li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 ma jinkludix dispożizzjoni li tixbah lil dik ta' l-Artikolu 7(2), li jgħid illi huwa biżżejjed, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta' trade mark, li raġuni assoluta ta' rifjut teżisti biss f'parti tal-Kommunità, għandu jiġi kkunsidrat li l-istess soluzzjoni għandha tiġi applikata f'din il-kawża. Għaldaqstant ir-reġistrazzjoni għandha tiġi wkoll irrifjutata, jekk ir-raġuni relattiva għal rifjut teżisti biss f'parti tal-Komunità [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Marzu 2004, Mühlens vs UASI – Zirh International (Sir/ZIRH), T‑355/02, Ġabra p. II‑791, punt 36, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, Wassen International vs UASI – Stroschein Gesundkost (Selenium Spezial A-C-E/SELENIUM‑ACE), T‑312/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29].

    69     F'din il-kawża, l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni kienet ibbażata fuq diversi trade marks ta' l-intervenjenti li jinkludu r-rappreżentazzjoni ta' siġra taż-żnuber. Il-Bord ta' l-Appell, fl-eżami tiegħu ta' din l-oppożizzjoni, jibbaża ruħu prinċipalment fuq it-trade mark Komunitarja Nru 91991 inkwantu trade mark rappreżentattiva tat-trade marks l-oħra invokati in sostenn ta' l-oppożizzjoni.

    70     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell qies li t-trade marks in kwistjoni kienu simili b'mod partikolari fuq il-livell kunċettwali u li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni. Din il-konklużjoni tirriżulta mill-konstatazzjoni li t-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 91991, protetta mill-1 ta' April 1996, ikkostitwita mill-forma ta' siġra taż-żnuber, kellha karattru distintiv partikolari fl-Italja. Din il-konstatazzjoni nfisha kienet ibbażata fuq l-aċċettazzjoni ta' l-użu fit-tul u tal-fama fl-Italja tat-trade mark internazzjonali ARBRE MAGIQUE, irrapreżentata taħt l-istess forma ta' siġra taż-żnuber u li tinkludi, barra minn hekk, element verbali.

    71     Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat minn qabel jekk il-Bord ta' l-Appell ikkunsidrax validament li t-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 91991 setgħet tikseb karattru distintiv partikolari minħabba l-użu fit-tul ta' trade mark oħra rreġistrata, jiġifieri t-trade mark ARBRE MAGIQUE kif ukoll minħabba użu fit-tul fl-Italja, peress li din it-trade mark setgħet titqies bħala magħrufa hemmhekk.

    –       Fuq il-karattru distintiv partikolari tat-trade mark Komunitarja preċedenti

    72     L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi li trade mark għandha karattru distintiv partikolari, intrinsikament, jew inkella permezz tal-fama li hija tgawdi fost il-pubbliku (is-sentenza SABEL, punt 52 supra, punt 24).

    73     Imbagħad, għandu jiġi mfakkar li l-ksib tal-karattru distintiv ta' trade mark jista' wkoll jirriżulta mill-użu tagħha bħala parti ta' trade mark oħra rreġistrata. Biżżejjed li, bħala konsegwenza ta' dan l-użu, dawk ikkonċernati jipperċepixxu effettivament il-prodott jew is-servizz kopert mit-trade marks preċedenti bħala tali li joriġina minn impriża speċifika (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Lulju 2005, Nestlé, C‑353/03, Ġabra p.  ‑6135, punti 30 u 32).

    74     Minkejja dan, għandu wkoll jiġi ammess li l-karattru distintiv partikolari ta' trade mark jista' jinkiseb permezz ta' l-użu tagħha fit-tul u permezz tal-fama tagħha bħala parti minn trade mark oħra rreġistrata, sakemm il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark bħala waħda li tindika l-oriġini tal-prodotti ta' impriża speċifika.

    75     F'din il-kawża, il-kwistjoni jekk il-Bord ta' l-Appell ikkunsidrax validament li t-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 91 991 setgħet tikseb karattru distintiv partikolari minħabba l-użu tagħha bħala parti minn trade mark oħra rreġistrata titlob għalhekk risposta pożittiva fl-ipoteżi li t-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 91991 tista' titqies bħala parti mit-trade mark ARBRE MAGIQUE.

    76     F'dan ir-rigward il-Bord ta' l-Appell qies ġustament li r-rappreżentazzjoni tas-siluwett ta' siġra taż-żnuber, li għandha rwol sinjifikattiv u saħansitra predominanti fit-trade mark ARBRE MAGIQUE, tikkorrispondi għas-sinjal tat-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 91991. Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra ġustament li t-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 91991 kienet tikkostitwixxi parti mit-trade mark preċedenti ARBRE MAGIQUE. B'hekk l-ewwel trade mark setgħet kienet kisbet karattru distintiv wara l-użu tagħha bħala parti mit-tieni trade mark.

    77     Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell eżamina ġustament il-provi kollha relatati ma' l-użu u l-fama tat-trade mark ARBRE MAGIQUE sabiex jistabbilixxi l-użu fit-tul, il-fama u għaldaqstant, il-karattru distintiv partikolari ta' parti minn din, jiġifieri t-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 91991.

    78     Rigward, f'dan il-każ, l-eżami nnifsu tal-provi mill-Bord ta' l-Appell, id-deċiżjoni kkontestata ġustament tindika li mill-elementi ta' prova li jinsabu fl-inkartament, jiġifieri essenzjalment mid-dokumentazzjoni miġjuba fit-8 ta' Novembru 1999 fil-kuntest ta' l-oppożizzjoni magħmula mill-intervenjenti, jirriżultali, inkwantu parti minn trade mark irreġistrata, jiġifieri t-trade mark ARBRE MAGIQUE, it-trade mark preċedenti Nru 91991 kienet is-suġġett ta' użu fit-tul fl-Italja, hija magħrufa hemmhekk u għaldaqstant għandha karattru distintiv partikolari.

    79     Id-deċiżjoni kkontestata tieħu għaldaqstant in kunsiderazzjoni l-użu fit-tul tat-trade mark ARBRE MAGIQUE u l-fatt li l-bejgħ annwali tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt din it-trade mark jaqbeż il-45 miljun unità u li l-bejgħ fl-Italja kien b'hekk jirrapreżenta parti mis-suq li taqbeż 50 % fl-1997 u fl-1998. Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ispejjeż ta' reklamar li ntefqu fl-Italja għall-promozzjoni ta' dawn il-prodotti fl-1996 u fl-1997 qabżu s-7 biljun lira Taljana. (jiġifieri EUR 3,615,198.29).

    80     Il-fatt li l-fatturat jirreferi għas-snin 1997 u 1998 u li l-ispejjeż ta' reklamar jikkonċernaw is-snin 1996 u 1997, jiġifieri dati li jiġu wara dik tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għal trade mark mir-rikorrenti, jiġifieri t-30 ta' April 1996, mhuwiex biżżejjed sabiex ineħħi il-valur probatorju ta' dawn l-elementi għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-fama tat-trade mark preċedenti Nru 91991.

    81     Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, informazzjoni wara d-data ta' preżentata ta' applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tista' tittieħed in kunsiderazzjoni meta tippermetti li jiġu dedotti konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni f'din l-istess data. [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Diċembru 2005, BIC vs UASI (Forma ta' lajters biż-żnied), T-262/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 82 ; ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C-192/03 P, Ġabra. p. I‑8993, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu jippermettu l-konferma jew evalwazzjoni aħjar tal-portata ta' l-użu tat-trade mark ikkonċernata matul il-perijodu rilevanti (ara, b'analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Jannar 2004, La Mer Technology, C‑259/02, Ġabra p. I-1159, punt 31).

    82     Il-Bord ta' l-Appell għaldaqstant seta' validament jikkunsidra li tali ċirkustanzi posterjuri jippermettu li jiġu dedotti konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni kif kienet fil-ġurnata tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ippreżentata mir-rikorrenti u li tiġi kkonfermata l-fama tat-trade mark Nru 91991 f'din l-istess data.

    83     Fil-fatt, għandu jiġi osservat, b'mod partikolari, li parti ta' 50 % mis-suq fl-1997 u fl-1998 setgħet tinkiseb biss progressivament. Il-Bord ta' l-Appell għalhekk m'għamilx żball meta kkunsidra, essenzjalment, li s-sitwazzjoni ma kinitx wisq differenti fl-1996.

    84     Il-fatt li hija informazzjoni wara l-preżentata ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark mir-rikorrenti, jiġifieri t-30 ta' April 1996, għaldaqstant mhuwiex biżżejjed sabiex ineħħi l-valur probatorju ta' l-informazzjoni f'dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-fama tat-trade mark preċedenti Nru 91991.

    85     Barra minn hekk, ma jistax jintlaqa' l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Bord ta' l-Appell inġustament sab li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv fl-Italja billi bbaża ruħu biss fuq indikazzjonijiet ġenerali dwar il-volum ta' reklamar u l-fatturat. Huwa minnu li, skond il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti, il-karattru distintiv ta' trade mark ma jistax jiġi stabbilit biss fuq il-bażi ta' informazzjoni ġenerali u astratta, bħalma huma perċentwali stabbiliti (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I‑5475, punt 62). Madankollu, għandu jingħad, l-ewwel nett, li din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-ksib tal-karattru distintiv ta' trade mark li hija s-suġġett ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni u mhux, bħal f'din il-kawża, l-evalwazzjoni tal-fama ta' trade mark irreġistrata li diġà kisbet karattru distintiv. It-tieni nett, sabiex tiġi stabbilita, f'din il-kawża, il-fama tat-trade mark, il-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax biss indikazzjonijiet ġenerali, bħal perċentwali stabbiliti, iżda wkoll l-użu fit-tul tat-trade mark ARBRE MAGIQUE, fatt li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestatx.

    86     Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu inġustament fuq il-fatt li t-trade mark preċedenti tgawdi minn protezzjoni taħt forma essenzjalment identika sa mill-1954, skond ir-reġistrazzjoni Nru 178969. Ir-rikorrenti ma tistax issostni validament li l-Bord ta' l-Appell qies bħala simili d-data ta' l-applikazzjoni tat-trade mark u dik ta' l-użu effettiv tat-trade mark CAR FRESHNER Nru 178969, mingħajr ma ngħatat ebda prova rigward l-użu tagħha wara li ġiet irreġistrata. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie osservat u kkonfermat mill-UASI fis-seduta, il-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu fuq l-użu li ġie ppruvat fl-Italja tat-trade mark ARBRE MAGIQUE u mhux fuq l-użu tat-trade mark CAR FRESHNER. Huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li t-trade mark CAR FRESHNER ġiet irreġistrata mill-1954 iżda, rigward l-użu fit-tul, hija tirreferi għat-trade mark ARBRE MAGIQUE.

    87     Minn dak li ngħad jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell qies ġustament li l-użu fit-tul u l-fama tat-trade mark ARBRE MAGIQUE, u konsegwentement tat-trade mark Nru 91991, fl-Italja, ipperċepiti bħala tali li jindikaw l-oriġini tal-prodotti ta' impriża speċifika, ġew ipprovati kif rikjest mil-liġi.

    88     Fid-dawl tal-fama fl-Italja tat-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 91991, li ġejja b'mod partikolari mill-użu fit-tul tagħha bħala parti mit-trade mark ARBRE MAGIQUE u mill-fama ta' din ta' l-aħħar f'dan it-territorju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell ma għamilx żball meta sab li hija kellha karattru distintiv partikolari fl-Italja.

    –       Fuq ix-xebh tal-prodotti

    89     F'din il-kawża, il-konstatazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tax-xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u mit-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni fil-klassijiet 3 u 5 ma tagħtix lok għal kontestazzjoni mill-partijiet.

    90     Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li r-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade mark CAR FRESHNER għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 5 ma tirrigwardax il-prodotti deodoranti in kwistjoni f'din il-kawża, iżda "diżinfettanti, prodotti għall-banju, insettiċidi, prodotti kimiċi" mhuwiex fondat. Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat il-fatt li din it-trade mark ġiet irreġistrata wkoll għal "deodoranti għall-arja, […] fwejjaħ, żjut essenzjali […]", li jaqgħu fil-klassi 3.

    –       Fuq ix-xebh tat-trade marks

    91     Skond il-ġurisprudenza, żewġ trade marks huma simili meta, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, teżisti bejniethom ugwaljanza almenu parzjali f'dak li jikkonċerna aspett, jew diversi aspetti, rilevanti [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI - Hukla Germany (MATRATZEN), T 6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30].

    92     F'din il-kawża, fuq il-livell viżwali, l-element grafiku li jinsab fit-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni għandu karattru dominanti manifest fl-impressjoni globali li s-sinjal jagħti u jipprevali fuq l-element verbali. Fid-dawl tad-daqs żgħir ta' l-ittri użati u tal-fatt li ġie inserit ġewwa d-disinn li jirrappreżenta siġra taż-żnuber, l-isem "aire limpio" għandu karattru pjuttost attenwat meta mqabbel ma' l-element grafiku.

    93     Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-impressjoni totali li hija prodotta mill-grafika mhijiex dik ta' persunaġġ komiku, iżda fil-fatt dik ta' xbieha ta' siġra taż-żnuber. Id-disinn tal-wiċċ u ta' l-idejn tal-persunaġġ komiku hija magħquda mal-parti ċentrali tas-siġra taż-żnuber u, fil-bażi, id-disinn taż-żewġ żraben mifruda b'180° jieħu l-forma ta' pedestall. L-aspett komiku u animat li jidher mill-karatteristiċi ta' dan il-persunaġġ iservi sabiex jagħti impressjoni fantasjuża lir-rappreżentazzjoni grafika tas-siġra taż-żnuber, peress li t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni tista' titqies bħala varjanti divertenti u animata tat-trade mark preċedenti. It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija għaldaqstant magħmula minn sinjal li l-element predominati tiegħu huwa siluwett li tixbah siġra taż-żnuber, li jikkostwixxi t-trade mark preċedenti. Huwa dan l-element li huwa prinċipalment ipperċepit mill-konsumatur u li huwa deċiżiv għall-għażla tiegħu, aktar u aktar meta l-prodotti in kwistjoni huma ta' konsum komuni u jinbiegħu f'żoni self service.

    94     Ir-rappreżentazzjoni grafika li tikkorrispondi għal siġra taż-żnuber tidher għaldaqstant, fuq il-livell viżwali, bħala l-element dominanti fl-impressjoni totali prodotta mit-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni.

    95     Fuq il-livell kunċettwali, is-sinjali in kwistjoni huma t-tnejn assoċjati ma' siluwett ta' siġra taż-żnuber. Fid-dawl ta' l-impressjoni li toħroġ minnhom u tan-nuqqas ta' tifsira partikolari li għandha l-espressjoni "aire limpio" għall-pubbliku Taljan, ix-xebh kunċettwali tagħhom għandu jkun ikkonfermat.

    96     Isegwi li l-Bord ta' l-Appell ġustament qies li s-sinjali in kwistjoni, bl-użu ta' xbiehat li jikkoinċidu fl-idea rrappreżentata, jiġifieri s-siluwett ta' siġra taż-żnuber, kienu jixxiebhu fuq il-livell kunċettwali. Fuq il-livell fonetiku, teżisti differenza li tirriżulta mill-fatt li t-trade mark preċedenti, li hija trade mark purament grafika, tista' tiġi trażmessa bil-fomm permezz tad-deskrizzjoni tas-sinjal, filwaqt li t-trade mark li hija s-suġġett ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tista' tkun espressa bil-fomm billi jingħad l-element verbali tagħha, jiġifieri "aire limpio".

    –       Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

    97     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbilità li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istress impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni. Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-każ in kwistjoni, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vsd UASI – Giorgio Beverly Hills (Giorgi vs GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 32].

    98     L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha madankollu, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni totali prodotta minn dawn, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (PASH vs BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47].

    99     Minbarra dan, għandu jingħad li li l-probabbiltà ta' konfużjoni tikber skond kemm il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun qawwi. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li x-xebh kunċettwali li jirriżulta mill-fatt li ż-żewġ trade marks jużaw xbihat li jaqblu fil-kontenut semantiku tagħhom jista' joħloq probabbiltà ta' konfużjoni f'każ fejn it-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv partikolari, jew intrinsikament, jew inkella permezz tal-fama li hija għandha fost il-pubbliku (is-sentenza SABEL, punt 52 supra, punt 24).

    100   F'din il-kawża, peress li l-prodotti in kwistjoni huma ta' konsum komuni, il-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur medju, li huwa mistenni jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati ma jagħtix attenzjoni partikolari waqt ix-xiri tagħhom.

    101   Għaldaqstant il-konsumatur jagħżel normalment huwa nnifsu l-prodotti in kwistjoni u għalhekk għandu tendenza jafda prinċipalment fix-xbieha tat-trade mark mqiegħda fuq dawn il-prodotti, jiġifieri s-siluwett ta' siġra taż-żnuber.

    102   Konsegwentement, fid-dawl, minn naħa, tax-xebh tal-prodotti in kwistjoni u tax-xebh viżwali u kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv partikolari fl-Italja, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell ma kkommettiex żball meta wasal għall-konklużjoni ta' l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

    103   Din il-konklużjoni mhijiex mwaqqa' permezz ta' l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti.

    104   L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti, li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv dgħajjef minħabba li s-siluwett tas-siġra taż-żnuber hija deskrittiva tal-prodotti kkonċernati, mhuwiex fondat. Fil-fatt, hekk kif josservah ġustament l-UASI, it-trade mark preċedenti mhijiex sempliċi rappreżentazzjoni veraċi ta' siġra taż-żnuber. Is-siġra taż-żnuber irrappreżentata hija mqiegħda fi stil u tippreżenta karatteristiċi partikolari: Hija għandha zokk qasir ħafna u hija mqiegħda fuq bażi rettangolari li sservi ta' pedestall. Barra minn hekk, hekk kif diġà ġie kkonstatat, fid-dawl tal-fama tagħha, it-trade mark preċedenti kisbet karattru distintiv partikolari. Minbarra dan, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-linji gwida ta' l-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Renju Unit, li jikkonfermaw l-karattru distintiv tas-siluwett tas-siġra taż-żnuber għall-prodotti kkonċernati, mhuwiex rilevanti għaliex l-iskema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma magħmula minn grupp ta' regoli u għandha għanijiet li huma speċifiċi għaliha, peress li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali u peress li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tkun evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-imħallef Komunitarju [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Mejju 2005, Grupo Sada vs UASI – Sadia (Sadia vs Grupo Sada), T‑31/03, Ġabra p. II‑1667, punt 84].

    105   Fit-tieni lok, għandhom jiġu mwarrba l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li t-trade mark preċedenti kellha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni, għaliex, minn naħa, hija kienet ikkostitwita, essenzjalment, biss mill-forma tal-prodott li huwa kkumerċjalizzat taħt din l-istess trade mark u, min-naħa l-oħra, il-forma tat-trade mark preċedenti, jiġifieri is-siluwett ta' siġra taż-żnuber, kienet meħtieġa sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku mfittex mill-prodott. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tistax, f'kull każ, fil-kuntest ta' proċedimenti ta' oppożizzjoni, tinvoka raġuni assoluta ta' rifjut tar-reġistrazzjoni valida ta' sinjal minn uffiċċju nazzjonali jew mill-UASI. Ir-raġunijiet assoluti ta' rifjut msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 m'għandhomx jiġu eżaminati fil-kuntest ta' proċedimenti ta' oppożizzjoni u dan l-Artikolu ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESEL vs dieselit), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 71].

    106   Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, is-sentenza tat-Tribunal Supremo tal-5 ta' April 2005 prodotta u invokata mir-rikorrenti fis-seduta, li tagħtiha b'mod definittiv id-drittijiet fuq it-trade mark Spanjola Aire Limpio Nru 2033859, mhijiex rilevanti f'din il-kawża. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie ppreċiżat, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tkun evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-imħallef Komunitarju (sentenza Sadia vs Grupo Sada, punt 104 supra, punt 84).

    107   Minn dak li ngħad hawn fuq jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94

     L-argumenti tal-partijiet

    108   Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolment Nru 40/94.

    109   Skond dan l-Artikolu u skond il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta' deċiżjoni li toħloq preġudizzju għandha tipprovdi lill-persuna interessata l-indikazzjonijiet meħtieġa li jippermettulha tkun taf jekk din id-deċiżjoni hijiex fondata u li jippermettu lill-imħallef Komunitarju jeżerċita l-istħarriġ tiegħu fuq il-legalità tagħha [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottuburu 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (Ils/ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 59].

    110   Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Frar 2003, u l-Bord ta' l-Appell diġà limitaw l-eżami tagħhom, minn naħa, għat-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, u min-naħa l-oħra, għar-reġistrazzjoni Komunitarja waħdanija Nru 91991. Madankollu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' raġuni relattiva għal rifjut ta' reġistrazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu wkoll fuq dokumenti relatati ma' trade marks oħra. Konsegwentement, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw trade marks preċedenti li l-Bord ta' l-Appell kien huwa nnifsu eskluda mill-analiżi komparattiva sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni. Ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant mhumiex kompleti u l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

    111   L-UASI, sostnuta mill-intervenjenti, twieġeb li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tikkontesta l-kontenut tad-dokumenti u ta' l-elementi ta' prova li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-fama u l-użu fit-tul fl-Italja tat-trade mark Nru 91991, peress li dawn id-dokumenti ġew prodotti waqt il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Madankollu hija ma kkontestatx il-preċiżjoni ta' din l-informazzjoni.

    112   Dwar il-fatt li d-dokumenti ċċitati iktar 'il fuq jikkonċernaw trade mark li ġiet eskluża mill-paragun għal raġunijiet ta' ekonomija ta' proċedimenti, din l-esklużjoni f'ebda każ ma tfisser li d-dokumenti ma jaffettwawx l-evalwazzjoni li l-pubbliku Taljan għandu tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. Aktar preċiżament, l-UASI qatt ma ddikjarat li din l-esklużjoni kellha bħal effett li d-dokumenti kkontestati ma jittiħdux in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni mill-pubbliku Taljan tat-trade mark li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, ladarba ż-żewġ trade marks invokati jaqblu fl-element grafiku tagħhom. Id-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx għaldaqstant id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti peress li din ta' l-aħħar setgħet tressaq il-kummenti tagħha fuq l-elementi ta' prova u d-dokumenti li servew sabiex jiġu stabbiliti l-fama u l-użu fit-tul tat-trade mark preċedenti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

    113   Skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju għandhom ikunu mmotivati. Barra minn hekk, ir-Regola 50(2) h) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), jipprovdi li d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell għandha jkollha r-raġunijiet tad-deċiżjoni. F''dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta' motivazzjoni hekk stabbilit għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE [is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C-447/02 P, Ġabra p. I‑10107, punt 64; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 2004, Sunrider Corporation vs UASI – Vitakraft‑Werke Wührmann u Friesland Brands (VITRAKRAFT u VITA vs VITATASTE u BALANCE u BALANS vs META BALANCE 44), T‑124/02 u T‑156/02, Ġabra p. II‑1149, punt 72].

    114   Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-awtur ta' l-att. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-imħallef Komunitarju li jagħmel l-istħarriġ tiegħu fuq il-legalità tad-deċiżjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 15, u KWS Saat vs UASI, punt 113 supra, punt 65; is-sentenza VITRAKRAFT u VITA vs VITATASTE u BALANCE u BALANS vs META BALANCE 44, punt 113 supra, punt 73).

    115   Barra minn hekk, skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ta' l-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet fir-rigward ta' liema l-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda kemm ir-raġunijiet fattwali u ta' dritt kif ukoll l-elementi ta' prova.

    116   Madankollu, id-dritt ta' smigħ japplika għall-elementi ta' fatt jew ta' dritt li jikkostitwixxu l-bażi ta' l-att ta' deċiżjoni, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkun biħsiebha tadotta [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Solevita vs SALVITA), T‑303/03, Ġabra p. II‑1917, punt 62].

    117   F'din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Bord ta' l-Appell. Hekk kif jirriżulta mit-test tad-deċiżjoni kkontestata, li jesponi l-argumenti invokati quddiem il-Bord ta' l-Appell mir-rikorrenti, din ta' l-aħħar setgħet tiddeċiedi fuq l-elementi li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq l-użu, mill-Bord ta' l-Appell fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tiegħu, ta' l-elementi ta' prova relatati ma' l-użu tat-trade marks preċedenti.

    118   Konsegwentement, il-ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/74 mhuwiex stabbilit u t-tieni motiv kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu għandhom jiġi miċħuda.

     Fuq l-ispejjeż

    119   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    120   Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-UASI u mill-intervenjenti, skond it-talbiet ta' dawn.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

    taqta' u tiddeċiedi:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Ir-rikorrenti hija ordnata tbati l-ispejjeż.

    Legal

    Lindh

    Wiszniewska-Białecka

    Mogħtija f'seduta fil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta' Settembru 2006.

    E. Coulon

     

           H. Legal

    Reġistratur

     

           President


    * Lingwa tal-kawża : l-Ispanjol.

    Top