Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003TJ0164

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) tal-21 ta' April 2005.
    Ampafrance SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trademark - Proċedimenti ta' oppożizzjoni - Applikazzjoni għal trademark komunitarja figurattiva li tinkludi l-element verbali ‘monBeBé’ - Trademarks verbali preċedenti bebe - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta' konfużjoni - Artikoli 8(1)(b) u 8(5), tar-Regolament (KE) Nru 40/94 .
    Kawża T-164/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:140

    62003A0164



    European Court reports 2005 Page 00000


    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet


    Fil-kawża T-164/03,

    Ampafrance SA, stabbilita f'Cholet (Franza), rappreżentata minn C. Bercial Arias, avocat,

    rikorrenti,

    vs

    l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trademarks u Disinni) (UASI), rappreżentat minn A. Rassat u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, li qed tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

    Johnson & Johnson GmbH, stabbilita f'Düsseldorf (il-Ġermanja), rappreżentata minn D. von Schultz, avocat,

    li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-4 ta' Marzu 2003 (kawża R 220/2002-1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Ampafrance SA u Johnson & Johnson GmbH,

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

    komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Mħallfin,

    Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Mejju 2003,

    wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-31 ta' Ottubru 2003,

    wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-31 ta' Ottubru 2003,

    wara s-seduta tat-2 ta' Diċembru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza


    Fatti li wasslu għall-kawża

    1. Fit-13 ta' Ġunju 1996, Ampafrance SA ppreżentat applikazzjoni għal trademark komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademark s u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it- trademark komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

    2. It- trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hi s-sinjal figurattiv li ġej (iktar 'il quddiem "it- trademark monBeBé") :

    >image>0

    >image>1

    3. Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat- trademark jaqgħu taħt il-klassijiet 3, 5, 8, 10, 11, 12, 16, 18, 20, 21, 22, 24, 25 u 28 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks , tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

    4. Din l-applikazzjoni ġiet ippublikata fil- Bullettin tat-Trademarks Komunitarji Nru 8/99 tat-8 ta' Frar 1999.

    5. Fid-29 ta' Marzu, il-kumpannija Johnson & Johnson GmbH ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni ta' din it- trademark komunitarja. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it- trademark verbali bebe li kienet irreġistrata kif ġej:

    - reġistrazzjoni fil-Ġermanja Nru 1 168 346, datata t-22 ta' Novembru 1990, għas-segwenti prodotti: "prodotti għall-kura tal-ġilda u tal-ġisem, inklużi prodotti għall-protezzjoni u t-tindif tal-ġilda, b'mod partikolari kremi għall-ġilda, lozjonijiet għall-ġilda, ħalib kożmetiku, towner li jnaddaf, emulsjonijiet idratanti, prodotti tax-xemx, additivi għall-banju, ġellijiet tal-banju, żjut għall-ġilda, xampù, prodotti għall-kura tax-xufftejn; spapen, prodotti għat-tindif; wajps kożmetiċi tat-tindif; deodoranti; prodotti għat-tindif tas-snien, terra tal-wiċċ, prodotti għat-tneħħija tal-mejkapp, prodotti għall-kura tad-dwiewer fosthom żebgħa tad-dwiefer u likwidu għat-tneħħija taż-żebgħa tad-dwiefer, li jaqgħu taħt il-klassi 3; in sostenn ta' din l-oppożizzjoni, ġew invokati r-reputazzjoni, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, ta' din it- trademark fil-Ġermanja, u l-fama tagħha fil-Ġermanja, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8(2)(ċ) ta' l-istess Regolament;

    - reġistrazzjoni internazzjonali IR 571 254, datata d-19 ta' Diċembru 1990, b'effet, b'mod partikolari, fl-Italja, fl-Awstrija u fil-pajjiżi tal-Benelux, għall-istess prodotti tal-klassi 3 bħal dawk imsemmija hawn fuq u għas-segwenti prodotti:

    - klassi 16 : "Srievet u wajps tal-karta għal użu kożmetiku" ;

    - klassi 24 : "Srievet u wajps tad-drapp għal użu kożmetiku".

    6. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha koperti mit- trademarks preċedenti u saret kontra wħud mill-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal trademark komunitarja, jiġifieri l-prodotti li ġejjin:

    - klassi 3 : "Spapen, prodotti għat-tindif, prodotti għall-kura tal-ġilda, prodotti kożmetiċi, xampù, terra, eau de toilette, tutpejst, prodotti għall-banju, tajjar għat-tindif tal-widnejn" ;

    - klassi 5 : "Prodotti għall-iġjene, prodotti dijetetiċi, ikel dijetetiku, tajjar, ħrieqi tat-tajjar" ;

    - klassi 10 : "Fliexken tal-ħalib tat-trabi, titijiet, gażażi, apparat mediku, kaxex għall-ewwel għajnuna" ;

    - klassi 16 : "Karti u oġġetti magħmula mill-karta, ħrieqi taċ-ċelluloża".

    7. Ir-raġunijiet invokati sabiex isostnu l-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikoli 8(1)(b), 8(2)(ċ) u 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

    8. Matul il-proċedimenti ta' oppożizzjoni, fil-21 ta' Frar 2000, ir-rikorrenti rrestrinġiet il-lista tal-prodotti indikati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni billi eliminat il-prodotti tal-klassi 16.

    9. Permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Frar 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Essenzjalment, hija kkonstatat li ma kinitx teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it- trademarks ikkonċernati skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fin-nuqqas ta' xebħ bejn is-sinjali, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet ukoll l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Billi s-sinjali kienu differenti u billi l-intervenjenti ma pprovatx li t- trademark Ġermaniża tagħha kienet tgawdi minn reputazzjoni, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ukoll ġiet miċħuda.

    10. Fit-12 ta' Marzu 2002, l-intervenjenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

    11. Permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Marzu 2003 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata), l-Ewwel Bord ta' l-Appell laqa' l-appell parzjalment. Huwa essenzjalment ikkunsidra li, meta wieħed iżomm f'moħħu partikolarment l-identiċità jew ix-xebħ bejn il-prodotti tal-klassijiet 3 u 5, ix-xebħ bejn is-sinjali in kwistjoni u r-reputazzjoni tat- trademarks preċedenti fir-rigward tal-prodotti għall-kura tal-ġisem, jkun hemm probabbiltà li tiġi kreata konfużjoni f'moħħ il-konsumatur ikkonċernat. Konsegwentement, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ġiet annullata fil-parti fejn din kienet ċaħdet l-oppożizzjoni magħmula skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 għas-segwenti prodotti ta' l-applikazzjoni : "spapen, prodotti għat-tindif, prodotti għall-kura tal-ġilda, prodotti kożmetiċi, xampù, terra, eau de toilette, tutpejst, prodotti għall-banju, tajjar għat-tindif tal-widnejn", li jaqgħu taħt il-klassi 3, u "prodotti għall-iġjene, tajjar, ħrieqi tat-tajjar", li jaqgħu taħt il-klassi 5.

    12. Għal dak li jirrigwarda l-prodotti meqjusa li ma jixxiebħux, jiġifieri l-prodotti u l-ikel dijetetiku (klassi 5) kif ukoll il-fliexken tal-ħalib tat-trabi, it-titijiet, il-gażażi, l-apparat mediku u l-kaxex għall-ewwel għajnuna (klassi 10), il-Bord ta' l-Appell iddeċida li l-kundizzjonijiet neċessarji biex jiġi applikat l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma ġewx sodisfatti u għaldaqstant l-appell ġie miċħud fir-rigward ta' dan il-punt. Minbarra dan, billi laqa' l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tal-"prodotti kożmetiċi, prodotti għall-kura medika, jiġifieri l-prodotti għat-trattament tal-ġilda" inklużi fil-klassi 3, il-Bord ta' l-Appell ma ddeċidiex dwar l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(2)(c), tar-Regolament Nru 40/94.

    Talbiet tal-partiijiet

    13. Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex :

    - tannulla jew tirriforma d-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn din ma kinitx favur tagħha ;

    - tilqa' l-applikazzjoni għal trademark komunitarja monBeBé fit-totalità tagħha ;

    - tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti ta' oppożizzjoni u ta' appell quddiem il-Bord ta' l-Appell u mal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

    14. L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex :

    - tiċħad ir-rikors ;

    - tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

    15. L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiċħad ir-rikors.

    Dwar is-suġġett tal-kawża

    16. Permezz ta' ittra tal-25 ta' Novembru 2004, ir-rikorrenti infurmat lill-Qorti tal-Prim'Istanza li hija kienet irrestrinġiet l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni għall-prodotti tal-klassijiet 3, 5 u 10, għal dawk intiżi għat-trabi u għat-tfal żgħar.

    17. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-applikant jista' f'kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trademark komunitarja jew jirrestrinġi l-lista ta' prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha. Restrizzjoni tal-lista tal-prodotti jew tas-servizzi indikati f'applikazzjoni għal trademark komunitarja għandha ssir skond ċerti modalitajiet partikolari, fuq talba biex tiġi emendata l-applikazzjoni ppreżentata skond l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1) [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs l-UASI (Tablette ovoïde), T-194/01, Ġabra p. II383, paragrafu 13, u tal-25 ta' Novembru 2003, Oriental Kitchen vs l-UASI Mou Dybfrost (KIAP MOU), T-286/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 30].

    18. F'dan il-każ, ir-rikorrenti ppreżentat talba għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti ftit ġranet biss qabel is-seduta. Minbarra dan, l-UASI sostna, waqt is-seduta, li sar jaf b'din it-talba biss permezz tal-Qorti tal-Prim'Istanza, minħabba li t-talba formali għar-restrizzjoni tar-rikorrenti ma kinitx għadha ġiet miżjuda fil-fajl amministrattiv korrispondenti

    19. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, għall-fini ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha ssir fir-rigward tat-totalità tal-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal trademark (sentenza KIAP MOU, ċitata iktar 'il fuq, paragrafu 30).

    20. Fil-każ in eżami, permezz ta' din it-talba, ir-rikorrenti m'hijiex qed tipprova tneħħi prodott jew diversi prodotti mil-lista li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat ix-xebħ, iżda qed tipprova tibdel l-iskop tal-prodotti kollha rivendikati. Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-bidla ta' l-iskop tal-prodotti jista' jkollha effett fuq il-paragun tal-prodotti effettwat mill-UASI sabiex jeżamina l-probabbiltà ta' konfużjoni u fuq il-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI.

    21. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-aċċettazzjoni tal-bidla ta' l-i skop tal-prodotti magħmula f'dan l-istadju, tfisser bidla fis-suġġett tal-kawża fil-kors ta' din l-istanza. Skond l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, is-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, f'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha teżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell. Issa, bidla tal-lista tal-prodotti indikati fl-applikazzjoni bilfors tbiddel is-suġġett ta' l-oppożizzjoni u, għaldaqstant, l-iskop tal-kawża kuntrarjament għar-Regoli tal-Proċedura.

    22. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-bidla ta' l-iskop tal-prodotti indikati fl-applikazzjoni oriġinali għal trademark tar-rikorrent m'hijiex se tiġi kkunsidrata f'din l-istanza. Konsegwentement, din il-kawża tikkonċerna s-sitwazzjoni kif ġiet eżaminata mill-Bord ta' l-Appell.

    Dwar l-ammissibilità tat-tieni u tat-tielet talba tar-rikorrenti

    23. Permezz tat-tieni talba, ir-rikkorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza, tordna lill-UASI jirreġistra t- trademark li għaliha saret applikazzjoni. Skond l-UASI, din it-talba hi inammissibbli.

    24. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI hu meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza ta' l-imħallef komunitarju. Għaldaqstant, m'hijiex il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tagħti ordni lill-UASI. Fil-fatt, hu l-UASI li għandu jiddeduċi l-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs l-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II433, paragrafu 33; tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs l-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II683, paragrafu 12, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI - AnheuserBusch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra. p. II2251, paragrafu 22].

    25. Għaldaqstant, it-tieni talba tar-rikorrenti hi inammissibbli.

    26. Permezz tat-tielet talba tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-UASI jiġi ordnat ibati l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti ta' oppożizzjoni u ta' appell quddiem il-Bord ta' l-Appell u mal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

    27. Għandu jiġi mfakkar li, ai termini ta' l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, "l-ispejjeż indispensabbli magħmula mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell kif ukoll l-ispejjeż magħmula għall-finijiet tal-produzzjoni tat-traduzzjonijiet tas-sottomissjonijiet u ta' atti oħra ta' proċedura għal-lingwa tal-każ, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 131(4), għandhom jitqiesu bħala spejjeż rekuperabbli". Minn dan jirriżulta li l-ispejjeż li saru għall-proċedimenti ta' oppożizzjoni ma jistgħux jiġu meqjusa bħala spejjeż rekuperabbli.

    28. Għaldaqstant, it-tielet talba tar-rikorrenti dwar l-ispejjeż għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli safejn din tkkonċerna l-ispejjeż li saru għall-proċedimenti ta' oppożizzjoni.

    Dwar l-ammissibilità tal-provi mressqa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

    29. Bħala anness mar-risposta tagħha tal-31 ta' Ottubru 2003, l-intervenjenti pproduċiet xi dokumenti li ma kinux ġew ippreżentati quddiem il-Bord ta' l-Appell, ossija ritratti meħuda fl-4 u fis-6 ta' Ottubru 2003, xi reklami u ġurnal tal-prodotti tat- trademark bebe. Għalhekk, dawn id-dokumenti li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma jistgħux jiġu meqjusa. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, b'tali mod li l-funzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza m'hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkostanzi ta' fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr ma hu meħtieġ li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Frar 2004, Koubi vs l-UASI Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 52; tad-29 ta' April 2004, Eurocermex vs l-UASI (Forma ta' flixkun tal-birra), T-399/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 52, u ta' l-10 ta' Novembru 2004, Storck vs l-UASI (Forma ta' ħelwa), T-396/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 24].

    Dwar il-mertu

    30. Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    Argumenti tal-partijiet

    31. Ir-rikorrenti tikkontesta l-valutzzjoni tal-Bord ta' l-Appell, skond liema teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it- trademarks bebe u monBeBé.

    32. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika l-konstatazzjoni tal-Bord ta' l-Appell, skond liema jeżisti xebħ bejn "il-ħrieqi tat-tajjar" indikati mit- trademark li għaliha saret applikazzjoni u l-prodotti tal-klassi 3 indikati mit- trademarks preċedenti, li jikkonsistu f'"prodotti għall-kura tal-ġilda u tal-ġisem, preparazzjonijiet kożmetiċi". Fil-fatt, dawn la huma prodotti ta' l-istess natura u lanqas ma għandhom l-istess kompożizzjoni. Barra minn hekk, il-ħrieqi ma jintużawx għal raġuni estetika, iżda jintużaw esklużivament għal raġuni prattika, ġaladarba l-iskop tagħhom hu li jżommu l-ħwejjeġ tat-trabi xotti.

    33. Fit-tieni lok, skond ir-rikorrenti, il-livell ta' xebħ bejn is-sinjali in kwistjoni mhuwiex għoli biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom. Dan jirriżulta mid-differenzi viżivi u fonetiċi, iżda wkoll mill-karattru ftit li xejn distintiv minħabba l-karattru deskrittiv tal-kelma "bebe".

    34. Skond ir-rikorrenti, il-partikolaritajiet viżivi li jikkaratterizzaw l-element verbali "monBeBé", miżjuda maċ-ċirku ovali ta' madwaru, flimkien jagħtu impressjoni kompletament differenti minn dik li jagħtu t- trademarks preċedenti. Il-konsumatur jista' jinnota li l-ittri tat- trademark li għaliha saret applikazzjoni huma ħoxnin, tondi ħafna, b'dehra "kompressata", bi speċi ta' aċċent imqiegħed b'mod mhux tas-soltu fuq l-aħħar ittra "e". Għandu jiġi notat ukoll il-fatt li ż-żewġ ittri "b" huma miktubin b'ittri kbar, xi ħaġa li m'hijiex tas-soltu għal ittri li m'humiex l-ewwel ittra tal-kelma.

    35. Minbarra dan, skond ir-rikorrenti, hu kuntrarju għar-realtà li wieħed isostni li, jekk wieħed iqis il-konoxxenza mistennija tal-kelma "mon", il-konsumatur Ġermaniż se jagħti aktar importanza lit-tieni element "BeBé" milli lill-ewwel element tas-sinjal verbali, kif ġie affermat mill-Bord ta' l-Appell. Ir-rikorrenti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-qari jsir mix-xellug għal-lemin u li ġeneralment, il-konsumaturi huma iktar attenti għall-ewwell element tas-sinjal verbali milli għall-aħħar element tiegħu.

    36. Fuq il-livell fonetiku, imbagħad, ir-rikorrenti ssostni li kelma ta' żewġ sillabi ma tiġix ippronunzjata bħal kelma ta' tlett sillabi. Skond ir-rikorrenti, il-pronunzja tal-kelma "mon" tipproduċi ħoss speċifiku li bl-ebda mod ma jirriżulta minn dik tat- trademarks preċedenti.

    37. Fuq il-livell kunċettwali, ir-rikorrenti ssemmi l-karattru deskrittiv tal-kelma "bebe", għal dak li jikkonċerna l-prodotti ta' l-intervenjenti li jippermettu lil min jużahom ikollu ġilda bħal dik ta' tarbija. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-kelma "bebe" għandha tibqa' għad-dispożizzjoni ta' kulħadd.

    38. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta r-reputazzjoni tat- trademark bebe fil-Ġermanja. Peress illi t- trademark bebe hi kostitwita minn kelma li tinftiehem mill-konsumaturi kollha ta' l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari mill-konsumaturi Ġermaniżi, din mhux se tgawdi minn karattru disintiv intrinżikament qawwi fil-Ġermanja. Ir-rikorrenti tikkontesta l-provi miġjuba fir-rigward tal-fama tat- trademarks bebe fl-oqsma kkonċernati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrimarka li l-Bord ta' l-Appell għamel żball meta semma, fil-paragrafu 40 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta' reputazzjoni "fil-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż". L-intervenjenti qatt ma sostniet tali reputazzjoni f'dawn il-pajjiżi, billi fl-att ta' oppożiżżjoni tagħha hija kienet espressament irrestrinġiet il-kwistjoni tar-reputazzjoni għall-Ġermanja.

    39. L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    40. Għal dak li jirrigwarda l-karattru distintiv elevat tat- trademarks preċedenti, l-UASI jfakkar li t- trademark Ġermaniża bebe ġiet reġistrata wara li ġie pprovat li kienet akkwistat karattru distintiv permezz ta' l-użu (durchgesetztes Zeichen) u li, fl-Awstrija, ma tressqet l-ebda oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat- trademark internazzjonali.

    41. Skond l-UASI, hu żbaljat li r-rikorrenti qed tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn ġie deċiż li t- trademark bebe kienet akkwistat karattru distintiv elevat fis-suq Ġermaniż permezz ta' l-użu, fid-data meta ġiet ippreżentata l-applikażżjoni għal trademark Komunitarju, fit-13 ta' Ġunju 1996.

    42. Għal dak li jirrigwarda l-Awstrija, l-UASI essenzjalment isostni li l-karattru distintiv elevat tat- trademark ta' l-internvenjenti f'dan il-pajjiż ma jistax jiġi meqjus, peress illi l-intervenjenti ma semmitux la fl-avviż ta' oppożizzjoni u lanqas fid-dettalji tal-fatti, provi u argumenti li ppreżentat biex issaħħaħ l-oppożizzjoni fiż-żmien speċifikat, skond ir-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95 [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2002, Chef Revival USA vs l-UASI - Massagué Marín (Chef), T-232/00, Ġabra p. II2749, paragrafi 34 u 35]. Jekk jiġi aċċettat il-kuntrarju, dan jista' jwassal għall-konsegwenzi: li jintilef is-sens tat-termini imposti mill-UASI, li l-proċedimenti jittawlu b'mod eċċessiv u li jiġu ffavoriti l-manuvri dilatorji.

    43. L-intervenjenti ssostni li minħabba x-xebħ bejn il-prodotti u s-sinjali in kwistjoni, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali bebe u monBeBé skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    44. L-intervenjenti tenfasizza li fl-1995, it- trademark bebe diġà setgħet tisħaq li kellha ċerta reputazzjoni fl-oqsma kkonċernati fil-Ġermanja. Dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed deċiżiv fil-valutazzjoni tax-xebħ bejn is-sinjali in kwistjoni. Meta titqies il-fama akkwistata mill-użu konsiderevoli u għal żmien twil tat- trademark bebe, ikun għal xejn li wieħed isir jaf jekk il-kelma "bebe", fiha nnifisha, eventwalment ikollhiex jew le karattru ftit li xejn distintiv dovut għall-karattru "suġġestiv" ritenut mill-Bord ta' l-Appell.

    Valutazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza

    45. Ai termini ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta' trademark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark m'għandhiex tiġi milqugħa jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebħ tagħha ma' trademark preċedenti u l-identiċità jew ix-xebħ tal-prodotti jew tas-servizzi indikati miż-żewġ trademarks , teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it- trademark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat- trademark preċedenti. Minbarra dan, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 40/94, it-terminu " trademarks preċedenti" jfisser it- trademarks reġistrati fi Stat Membru u t- trademarks reġistrati taħt "arranġamenti internazzjonali" li għandhom effett fi Stat Membru, li jkollhom data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat- trademark komunitarja.

    46. Skond ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ikunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni.

    47. Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi valutata b'mod globali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jitqiesu l-fatturi kollha relevanti fil-każ speċifiku, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebħ tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI - Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra. p. II2821, paragrafi 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċitata].

    48. F'dan il-każ, it- trademarks preċedenti bebe huma reġistrati, min-naħa l-waħda, bħala trademark internazzjonali, b'effett b'mod partikolari fl-Awstrija, fl-Italja u fil-pajjiżi tal-Benelux, fiż-żmien tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trademark komunitarja, u, min-naħa l-oħra, fil-Ġermanja bħala trademark nazzjonali. Peress illi l-oppożizzjoni hi bbażata fuq din ta' l-aħħar kif ukoll fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali b'effett fl-Awstrija, it-territorju relevanti għall-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni hu, b'mod partikolari, dak tal-Ġermanja u dak ta' l-Awstrija.

    49. Peress illi l-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta' konsum kurrenti, il-pubbliku kkonċernat hu l-konsumatur medju, meqjus li hu informat normalment u raġonevolment attent u prudenti.

    50. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, sabiex jiġi determinat jekk ir-reġistrazzjoni tas-sinjal monBeBé tistax twassal għal probabbiltà ta' konfużjoni mat- trademarks preċedenti bebe, għandu jsir kif ġej: l-ewwelnett għandhom jiġu pparagunati l-prodotti kkonċernati, it-tieninett għandhom jiġu pparagunati s-sinjali konfliġġenti u t-tieletnett għandha ssir valutazzjoni ta' l-allegat karattru distintiv elevat tat- trademarks preċedenti.

    Dwar l-ipparagunar tal-prodotti

    51. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta biss il-valutazzjoni tal-Bord ta' l-Appell skond liema jeżisti xebħ bejn il-ħrieqi tat-tajjar li jaqgħu taħt il-klassi 5, rivendikati għat- trade monBebé, u l-prodotti tal-klassi 3 indikati mit- trademarks preċedenti, li jikkonsistu f'prodotti għall-kura tal-ġisem u tal-ġilda u f'prodotti kożmetiċi.

    52. Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, sabiex issir valutazzjoni tax-xebħ bejn il-prodotti in kwistjoni, għandhom jitqiesu l-fatturi relevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta' bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-kompetittività jew il-karattru komplimentari tagħhom. [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I5507, paragrafu 23 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Novembru 2003, Díaz vs l-UASI - Granjas Castelló (CASTILLO), T-85/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 32].

    53. Għandu jiġi rilevat li l-ħrieqi, kemm jekk huma intiżi għat-trabi kif ukoll jekk dawn huma intiżi għall-adulti li jkunu inkontinenti, u l-prodotti kożmetiċi jinbigħu fl-istess ħwienet. Minbarra dan, dawn ta' l-aħħar, meta huma intiżi għall-iġjene tat-tfal żgħar, jiġu użati b'mod strettament assoċjat mal-ħrieqi għat-trabi. Għaldaqstant, il-ħrieqi huma prodotti iġjeniċi li normalment jintużaw fl-istess ħin li jintużaw il-prodotti għall-kura tal-ġilda u b'mod komplimentari. Konsegwentement, il-ħrieqi tat-tajjar indikati mit- trademark li għaliha saret applikazzjoni, kif ukoll il-prodotti għall-kura tal-ġilda u tal-ġisem u l-prodotti kożmetiċi koperti mit- trademark preċedenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala prodotti li jixxiebħu.

    54. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ma kienx żbaljat meta pparaguna l-prodotti in kwistjoni.

    Dwar l-ipparagunar tas-sinjali

    55. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, il-valutazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun ibbażata, għal dak li jirrigwarda x-xebħ viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, fuq l-impressjoni kumplessiva li jagħtu s-sinjali, billi jitqiesu, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, PhillipsVan Heusen vs l-UASI - Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II4335, paragrafu 47, u l-ġurisprudenza ċitata].

    56. Il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li meta jiġu pparagunati, fuq il-livell viżiv, it- trademark verbali preċedenti u l-element verbali tat- trademark li għaliha saret applikazzjoni, jirriżulta li jeżisti ċertu xebħ viżiv. Id-differenza dovuta għaż-żieda tal-kelma "mon" fit- trademark li għaliha saret applikazzjoni ma ġietx ikkunsidrata bħala sinifikanti biżżejjed biex telimina kompletament ix-xebħ li jirriżulta mill-fatt li l-parti essenzjali tagħha, il-kelma "bebe", hi identika għall-kelma li tikkostitwixxi it- trademarks preċedenti.

    57. Għandu jiġi rilevat li t- trademarks preċedenti huma kostitwiti unikament mill-kelma "bebe", miktuba b'ittri żgħar.

    58. Inkwantu għat- trademark li għaliha saret applikazzjoni, din hi komposta mill-element verbali "monBeBé", miktub b'ittri kbar u żgħar alternati, b'ċirku iswed ovali madwaru. It- trademark tista' tiġi maqsuma f'żewġ elementi "mon" u "BeBé".

    59. L-elementi figurattivi tat- trademark li għaliha saret applikazzjoni, jiġifieri l-mod kif tinkiteb il-kelma "monbebé" u ċ-ċirku ovali ta' madwarha, m'humiex sinifikanti biżżejjed biex jolqtu lill-konsumatur iktar milli se jolqtu l-element verbali tat- trademark . Barra minn hekk, l-aċċent fuq l-ittra finali "e" tas-sinjal monBeBé bilkemm hu perċettibbli u l-użu ta' l-ittri kbar għall-ittri "b" ma joħloqx differenza notevoli meta jiġu mqabbla ma' l-ittri ta' madwarhom, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti. Madankollu, l-użu ta' l-ittri kbar tiġbed l-attenzjoni għat-tieni element "BeBé", b'tali mod li dan ta' l-aħħar jista' jiġi kkunsidrat bħala l-element dominanti tas-sinjal monBebé.

    60. Billi t- trademark preċedenti bebe hi kompletament inkluża fit- trademark li għaliha saret applikazjoni monBeBé, id-differenza marbuta maż-żieda ta' l-element verbali "mon" fil-bidu tat- trademark li għaliha saret applikazzjoni m'hijiex sinifikattiva biżżejjed biex telimina ix-xebħ ikkreat mill-fatt li t- trademark preċedenti hi identika għall-parti essenzjali tat- trademark li għaliha saret applikazzjoni, jiġifieri t-terminu bebe (ara, f'dan is-sens, is-sentenza CONFORFLEX, ċitata iktar 'il fuq, paragrafu 46).

    61. Minn dan isegwi li l-Bord ta' l-Appell ma kienx żbaljat meta ddeċieda li jeżisti xebħ viżiv bejn is-sinjali.

    62. Għal dak li jirrigwarda l-ipparagunar fonetiku tas-sinjali in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li jeżisti ċertu xebħ fuq il-livell fonetiku.

    63. Għandu jiġi rilevat li, meta titqies il-preżenza ta' l-element "bebe" fit- trademarks preċedenti u fit- trademark li għaliha saret applikazzjoni, hemm ċertu xebħ bejn is-sinjali konfliġġenti fuq il-livell fonetiku. Madankollu, iż-żieda tal-kelma "mon" mal-kelma "bebe" fit- trademark li għaliha saret applikazzjoni turi, fil-kuntest ta' valutazzjoni globali mil-lat fonetiku, nuqqas ta' xebħ bejn is-sinjali konfliġġenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza CONFORFLEX, ċitata iktar 'il fuq, paragrafu 47). Id-differenza rilevata ma titfax dubju fuq l-eżistenza ta' xebħ fonetiku, safejn din ma tikkonċernax l-element dominanti tat- trademark li għaliha saret applikazzjoni.

    64. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ma kien x żbaljat meta ddeċieda li jeżisti ċertu xebħ bejn is-sinjali in kwistjoni mil-lat fonetiku.

    65. Inkwantu għax-xebħ kunċettwali, il-Bord ta' l-Appell iddeċieda li, billi l-pubbliku relevanti fil-Ġermanja jifhem it-tifsira kemm tal-kelma "bebe", kif ukoll tal-kelma "mon", is-sinjali in kwistjoni jixxiebħu fil-parti fejn il-kelma "bebe" hi komuni għalihom.

    66. Għandu jiġi rilevat, kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, li l-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż jifhem il-kelma "bebe" fis-sens ta' tarbija mingħajr diffikultajiet.

    67. Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-pubbliku jagħmilx konnessjoni kunċettwali bejn il-kliem "bebe" u "monbebé", għandu jingħad li m'huwiex esluż li l-konsumatur li jitkellem bil-Ġermaniż jifhem il-kelma "mon" bħala "mein" (li tfisser "tiegħi" ("mon") bil-Ġermaniż). Fil-fatt, dawk li jitkellmu bil-Ġermaniż huma midħla ta' ċerti espressjonijiet Franċiżi bħal "mon chéri" jew "mon amour", li huma l-ismijiet ta' ċerti prodotti li jiġu kkummerċjalizzati fil-Ġermanja. Konsegwentement, jekk il-pubbliku relevanti jifhem xi tfisser il-kelma "mon", ma tantx hemm differenza kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti. Fil-fatt, iż-żieda ta' pronom possessiv ma tantx tbiddel il-kontenut kunċettwali tas-sinjal, li jirreferi għat-tarbija. Anke jekk il-pubbliku relevanti ma jifhimx it-tifsira tal-kelma Franċiża "mon", xorta waħda jifhem il-kelma Franċiża "bebe" u l-preżenza tal-kelma "mon" mhux se tbiddel il-kontenut kunċettwali attribbwit mill-pubbliku lil dan is-sinjal.

    68. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Bord ta' l-Appell ġustament iddeċieda li jeżisti xebħ kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti.

    69. Konsegwentement, jeżisti xebħ viżiv u kunċettwali u ċertu xebħ fonetiku bejn dawn is-sinjali. Fil-kuntest tal-valutazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għad irid jiġi eżaminat l-eventwali karattru distintiv elevat tat- trademarks preċedenti.

    Dwar il-karattru distintiv elevat tat- trademarks preċedenti

    70. Skond ġurisprudenza kostanti, aktar ma jkun sinifikattiv il-karattru distintiv tat- trademark preċedenti, aktar tkun għolja l-probabbiltà ta' konfużjoni (ara, b'mod analogu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, paragrafu 24). It- trademarks li għandhom karattru distintiv elevat, kemm intrinżikament, kif ukoll minħabba l-fama tagħhom fis-suq, igawdu minn protezzjoni aktar estensiva minn dawk li għandhom karattru anqas distintiv. (ara, b'mod analogu, is-sentenza Canon, ċitata iktar 'il fuq, paragrafu 18, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I3819, paragrafu 20).

    71. Biex jiġi determinat il-karattru distintiv ta' trademark u, għalhekk, jiġi valutat jekk din għandiex karattru distiniv elevat, għandha ssir valutazzjoni globali tal-kapaċità li t- trademark għandha li tidentifika li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet reġistrata huma ta' impriża partikolari u għalhekk li tiddistingwi tali prodotti jew servizzi tagħha dawk ta' impriżi oħra. (ara, b'mod analogu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I2779, paragrafu 49, u s-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, ċitata iktar 'il fuq, paragrafu 22).

    72. Meta ssir din il-valutazzjoni, għandhom partikolarment jitqiesu l-kwalitajiet intrinżiċi tat- trademark , inluż il-fatt li din għandha jew m'għandiex element deskrittiv tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun ġiet reġistrata, is-sehem mis-suq li għandha t- trademark , l-intensità, l-estensjoni ġeografika u ż-żmien li tulu ilha tintuża t- trademark , l-ammont ta' investiment li l-impriża għamlet biex tippromwoviha, il-perċentwali ta' l-oqsma kkonċernati li jidentifikaw li l-prodotti jew is-servizzi huma ta' impriża partikolari minħabba t- trademark , kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u ta' l-industrija jew ta' assoċċjazzjonijiet professjonali oħra (ara, b'mod analogu, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, ċitata iktar 'il fuq, paragrafu 51, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, ċitata iktar 'il fuq, paragrafu 23).

    73. Għaldaqstant, il-karattru distintiv tat- trademark preċedenti, u b'mod partikolari r-reputazzjoni tagħha, hu element li għandu jitqies sabiex jiġi vvalutat jekk ix-xebħ bejn is-sinjali jew bejn il-prodotti u s-servizzi huwiex biżżejjed biex iwassal għal probabbiltà ta' konfużjoni [ara, f'dan is-sens, is-sentenza Canon, ċitata iktar 'il fuq, paragrafu 24 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs l-UASI - Trucco (Starix), T-311/01, Ġabra p. II4625, paragrafu 61, u tat-22 ta' Ġunju 2004, "Drie Mollen sinds 1818" vs l-UASI - Manuel Nabeiro Silveira (Galáxia), T-66/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 30].

    74. F'dan il-każ, ir-rikorrenti targumenta li t- trademark bebe ma tgawdi minn ebda karattru distintiv intrinżikament qawwi. Madankollu, l-intervenjenti u l-UASI fl-ebda mument ma sostnew li t- trademark bebe kellha karattru distintiv intrinżikament elevat u kien b'konsegwenza tal-fama tagħha fis-suq li ġie rikonoxxut li hija għandha karattru distintiv elevat.

    75. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-intervenjenti ressqitx, quddiem l-UASI, biżżejjed elementi ta' fatt jew ta' prova li juru li t- trademark tagħha kienet effettivament magħrufa fil-Ġermanja fid-data ta' l-applikazzjoni għat- trademark , jiġifieri, fit-13 ta' Ġunju 1996.

    76. L-intervenjenti ppreżentat lill-UASI diversi dokumenti sabiex issostni l-eżistenza tar-reputazzjoni tat- trademarks preċedenti tagħha. Il-Bord ta' l-Appell irrikonoxxa l-eżistenza ta' tali reputazzjoni fuq il-bażi ta' l-istħarriġ imwettaq fl-1995 minn IMAS International GmbH (Müller, Schupfner & Gauger) (iktar 'il quddiem "l-istħarriġ IMAS") u ta' dikjarazzjoni solenni tad-Direttur tal- marketing ta' l-intervenjenti, is-Sur O. Albers. Skond ir-rikorrenti, dawn il-provi m'humiex ta' natura li jagħtu prova ta' l-eżistenza tar-reputazzjoni tat- trademark bebe fil-Ġermanja fit-13 ta' Ġunju 1996.

    77. Fir-rigwad ta' l-istħarriġ IMAS, l-UASI u l-intervenjenti jsostnu li fih inniffsu l-istħarriġ jippermetti li jiġi stabbilit il-karattru distintiv elevat tat- trademark bebe fis-suq Ġermaniż, filwaqt li, skond ir-rikorrenti, dan l-istħarriġ jipprovdi biss persentaġġi ġenerużi ħafna.

    78. Jirriżulta mill-proċess li l-istħarriġ IMAS sar tul ix-xhur ta' Ottubru u Novembru 1995. Skond it-test li jispjega l-istħarriġ, l-għan tiegħu kien li jivvaluta l-valur tat- trademark bebe fost il-popolazzjoni Ġermaniża. Ġew ikkonsultati 2017-il persuna ta' 'l fuq minn 16-il sena permezz ta' mistoqsijiet orali. Ir-riżultati ġew ippreżentati bħala persentaġġi, skond erba' kriterji differenti: it-totalità ta' persuni li ħadu sehem fl-istħarriġ, is-sess, l-età (16-il sena sa 29, 30 sena sa 49, aktar minn 50 sena) u fejn joqogħdu.

    79. Għandu jiġi rilevat li hu żbaljat min-naħa tar-rikorrenti li ssostni li ma ġiet provduta ebda informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-grupp ta' persuni li ħa sehem fl-istħarriġ. Kif ingħad qabel, l-istħarriġ kien jinvolvi persuni ta' 'l fuq minn 16-il sena, ta' sess maskil u femminil, maqsumin fi tlett gruppi ta' età differenti, u li kważi kollha joqogħdu Länder. Anke jekk ma jingħadx kif sar it-tqassim bejn dawn il-kategoriji differenti, m'hemm xejn li juri li dawn il-kategoriji ma jirrappreżentawx l-opinjoni tal-konsumatur medju Ġermaniż. Minbarra dan, għandu jiġi kkunsidrat li, f'dan il-każ, il-grupp ta' 2017-il persuna li ħadu sehem fl-istħarriġ hu kbir biżżejjed biex ikun rappreżentattiv.

    80. Barra minn hekk, dawn m'humiex "persentaġġi ġenerużi ħafna", kif issostni r-rikorrenti, peress illi r-riżultati juru, kif isostni l-UASI, li t- trademark bebe tgawdi, b'mod konkret, minn karattru distintiv elevat. Fil-fatt, ir-riżultati ta' l-istħarriġ juru li t- trademark bebe kienet magħrufa minn parti kbira tal-pubbliku fis-suq Ġermaniż qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trademark komunitarja. Skond it-tabelli I u III ta' l-istħarriġ, 64% tal-persuni li ħadu sehem fl-istħarriġ kienu jafu bit-terminu "bebe", jiġifieri kienu diġà qraw jew semgħu bih, fil-kuntest ta' prodotti għall-kura tal-ġisem u tal-wiċċ. Fost in-nisa, 80% kienu jafu b'din il-kelma. Skond l-illustrazzjonijiet II u IV, 66% ta' dawk li kienu jafu bit-terminu (68% tan-nisa) kienu jaħsbu li dan it-terminu kien jintuża minn produttur wieħed biss.

    81. Inkwantu għall-mod kif ġew formulati l-mistoqsijiet li, skond ir-rikorrenti, ma kinux newtrali, għandu jiġi rilevat li, minkejja li l-mistoqsijiet semmew it-terminu "bebe", m'hemm xejn li jitfa' dubju fuq l-oġġettività ta' l-istħarriġ.

    82. Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta kkonstata li "66% tal-popolazzjoni kienet taħseb li l-isem 'bebe' kien jintuża minn produttur wieħed biss", hu biżżejjed li jiġi rilevat, kif ġie rilevat mill-Bord ta' l-Appell stess, li 64% tal-popolazzjoni kienet taf bit-terminu "bebe" u li l-perċentwali ta' 66% setgħet biss tikkonċerna dik il-parti tal-popolazzjoni li kienet taf bl-imsemmi terminu. Għaldaqstant, minkejja l-formulazzjoni ambigwa użata mill-Bord ta' l-Appell, dan il-Bord ma kienx żbaljat f'dan ir-rigward.

    83. Għaldaqstant, għandu jiġi rilevat li l-istħarriġ IMAS hu biżżejjed biex juri li t- trademark bebe kellha karattru distintiv elevat minħabba r-reputazzjoni tagħha fil-Ġermanja fiż-żmien meta saret l-applikazzjoni għal trademark .

    84. Għalhekk, m'għadx hemm lok li jiġu eżaminati l-provi l-oħra ppreżentati mill-intervenjenti kemm lid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll lill-Bord ta' l-Appell, iżda li dan ta' l-aħħar ma kkunsidrax, bi ksur ta' l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 61(1) u 62(2) tar-Regolament Nru 40/94 [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs l-UASI - LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, Ġabra p. II3253]. Konsegwentement, m'hemmx bżonn li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata f'dan ir-rigward, ġaladarba rrikonoxxiet il-karattru distintiv elevat tat- trademark Ġermaniża bebe.

    85. Lanqas ma hemm lok biex jiġi eżaminat jekk il-Bord ta' l-Appell għamilx żball meta kkonstata li t- trademark preċedenti kellha ċerta reputazzjoni fl-Awstrija, ġaladarba hu biżżejjed li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward ta' waħda mit- trademarks preċedenti.

    86. Minħabba li jeżisti xebħ bejn il-prodotti in kwistjoni, hemm ċertu livell ta' xebħ bejn is-sinjali konfliġġenti, minħabba l-karattru distintiv elevat tat- trademark preċedenti bebe akkwistat permezz ta' l-użu, għandu jiġi rilevat li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, għall-inqas fil-Ġermanja.

    87. Għaldaqstant, l-uniku motiv tar-rikorrenti u r-rikors fit-totalità tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

    Dwar l-ispejjeż

    88. Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbti l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI. Peress illi l-intervenjenti m'għamlitx talba f'dan is-sens, hija għandha tbati l-ispejjez tagħha.

    Parti operattiva


    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

    taqta' u tiddeciedi li:

    1) Ir-rikors huwa miċħud.

    2) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż li saru mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademark s u Disinni).

    3) Il-parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Top