Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002TJ0115

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) tat-13 ta' Lulju 2004.
    AVEX Inc. vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trademark komunitarja - Proċedura ta' oppożizzjoni - Talba għal trademark komunitarja figurattiva li fiha l-ittra 'a' - Trademark Komunitarja figurattiva preċedenti li tinkludi l-ittra 'a' - Riskju ta' konfużjoni.
    Kawża T-115/02.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2004:234

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

    13 ta' Lulju 2004 (*)

    "Trademark komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Talba għal trademark komunitarja figurattiva li fiha l-ittra 'a' – Trademark Komunitarja figurattiva preċedenti li tinkludi l-ittra 'a' – Riskju ta' konfużjoni"

    Fil-kawża T-115/02

    AVEX Inc., stabbilita f'Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn  J. Hofmann, Avukat,

    rikorrenti,

    vs

    l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Schennen u G. Schneider, bħala aġenti,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, li interveniet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

    Ahlers AG, magħrufa fil-passat bħala Adolf Ahlers AG, stabbilita f'Herford (il-Ġermanja), irrappreżentata minn E. P. Krings, Avukat,

    li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tal-11 ta' Frar 2002 (Kawża R 634/2001-1), dwar l-oppożizzjoni mressqa minn sid it-trademark figurattiva Komunitarja li tinkludi l-ittra "a", kontra r-reġistrazzjoni ta' trademark Komunitarja figurattiva li tinkludi "a",

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

    komposta minn J. Pirrung, President ta' l-Awla, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

    Reġistratur : I Natisinas, Amministratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' April 2002,

    wara li rat ir-risposta tad-difiża ta' l-UASI, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' Settembru 2002,

    wara li rat ir-risposta tad-difiża ta' l-intervenjent ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Awwissu 2002,

    wara s-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1       Fil-5 ta' Ġunju 1998, ir-rikorrenti ressaq applikazzjoni għal trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), skond ir-Regolament Nru. 40/94/KE tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

    2       It-trademark li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija l-forma figurattiva riprodotta hawn taħt:

    3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom kienet mitluba reġistrazzjoni jinsabu fil-klassijiet 9, 16, 25, 35 u 41 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għall-klassi 25, mad-deskrizzjoni li ġejja:  "ħwejjeġ, żraben, kpiepel; ħwejjeġ ta' barra ta' stil mhux Ġappuniż, kowtijiet, sweaters u oġġetti simili, ħwejjeġ ta' bil-lejl, ħwejjeġ ta' taħt, malji, qomos u oġġetti simili, kalzetti u tights, ingwanti, ingravajjet, bandanas, imkatar, kpiekel u brieret, żraben u stivali, ċinturini, T-shirts". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4       Fl-4 ta' Ottubru 1999, din it-talba giet ippubblikata, fil-Bulletin des marques communautaires Nru. 78/1999.

    5       Fit-22 ta' Diċembru 1999, l-intervenjent ressaq oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru. 40/94, rigward it-trademark mitluba, billi bbaża ruħu b'mod partikolari, fuq it-trademark komunitarja figurattiva Nru. 270 264, mitluba fl-1 ta' April 1996 u reġistrata fit-28 ta' Frar 2000, li tikkonċerna, b'mod partikolari "ilbiesi (suits), sdieri, ġlekkijiet, anoraks, qliezet, kowtijiet, jeans, ħwejjeġ tal-jeans, qomos, sweaters, T-shirts, ħwejjeġ sportivi, kapep, ħwejjeġ professjonali, ħwejjeġ casual", li jinsabu fil-klassi 25, u li hi riprodotta hawn taħt:

    6       Permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' Mejju 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI kkunsidrat li t-trademarks li huma s-suġġett tal-kontestazzjoni kienu simili u li l-prodotti in kwistjoni kienu identiċi jew simili.  Din id-diviżjoni, konsegwentement, ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark mitluba.

    7       Fit-2 ta' Lulju 2001, ir-rikorrenti ressaq rikors quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

    8       Permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Frar 2002 (Kawża R 634/2001-1), hawn taħt "id-deċiżjoni kkontestata", l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni safejn hija tiċħad it-talba għal trademark f'dak li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 16, 35 u 41. Minn naħa l-oħra, hija ċaħdet ir-rikors f'dak li jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fi klassi 25 filwaqt li kkunsidrat li l-marki li huma s-suġġett tal-kontestazzjoni huma simili u li l-prodotti in kwistjoni huma identiċi jew simili, inkluż ukoll "iż-żraben u l-istivali" li jaqgħu taħt l-applikazzjoni għat-trademark u l-"ħwejjeġ" li jaqgħu taht it-trademark preċedenti.

     Talbiet tal-partijiet

    9       Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċizat it-talbiet tagħha u talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

    –       tannulla d-deċiżjoni kkontestata billi ticħad ir-rikors safejn jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25;

    –       tannulla d-deċiżjoni kkontestata fejn tikkundannaha sabiex tbati l-ispejjez magħmula mill-intervenjent fil-proċeduri ta' oppożizzjoni u tar-rikors;

    –       tikkundanna l-UASI jħallas l-ispejjeż.

    10     L-UASI u l-intervenjent jitolbu lill Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

    –       tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

    –       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

     Il-kuntest legali

    11     L-ewwel nett, huwa xieraq li jigi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li huma applikabbli fil-kuntest tad-dritt intellettwali, skond l-Artikolu 130(1) u l-Artikolu 132(1) ta' dawn ir-Regolamenti, jekk il-parti mhux operattiva tar-rikors tista' tiġi sostnuta u kkompletata, dwar xi punti speċifiċi, permezz ta' referenza għal partijiet ta' dokumenti li huma annessi ma' tali rikors, referenza globali għal dokumenti oħrajn, ma tistax tpatti għan-nuqqas ta' elementi essenzjali ta' l-argumentazzjoni fid-dritt li, skond id-dispożizzjonijiet li hemm referenza għalihom aktar 'l isfel, għandhom jidhru fir-rikors innifsu (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et. vs. Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra, p. II-931, paragrafu 39). Fir-risposta tad-difiża u tal-parti l-oħra, din il-ġurisprudenza hija trasponibbli fi proċedura ta' oppożizzjoni quddiem il-Bord ta' l-Appell li jintervjeni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, skond l-Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli fil-każ tal-proprjetà intellettwali skond l-Artikolu 135(1)(2) ta' dawn ir-Regoli. Konsegwentement, ir-rikors u r-risposta tad-difiża, safejn jirreferu għad-dokumenti ppreżentati rispettivament mir-rikorrenti u mill-intervenjent quddiem l-UASI, huma inammissibbli f'dak li r-rinviju globali li huma jinkludu ma huwiex marbut mar-raġunijiet u ma' l-argumenti żviluppati rispettivament fir-rikors u fir-risposta tad-difiża.

     Dwar il-motiv li joħroġ minn nuqqas ta' riskju ta' konfużjoni.

     Argumenti tal-partijiet

    12     Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda, b'mod żbaljat, li minkejja d-differenzi eżistenti bejn il-prodotti kkonċernati u bejn il-marki li m'hemmx qbil dwarhom, hemm riskju ta' konfużjoni bejn it-trademark preċedenti u trademark mitluba.

    13     F'dak li jirrigwarda l-prodotti in kwistjoni, ir-rikorrenti jindika li l-ħwejjeġ u ż-żraben jew l-istivali m'humiex prodotti simili. Fil-fatt, dawn il-prodotti m'humiex manifatturati fl-istess fabbriki, m'humiex intiżi għall-istess użu, il-moda li turi li l-iskop tagħhom m'huwiex biss sabiex wieħed jipproteġi ruħu mill-elementi naturali, m'humiex manifatturati mill-istess materja prima u m'humiex mibjugħa fl-istess postijiet, ħlief b'mod mhux sinifikanti f'zoni kummerċjali kbar.

    14     F'dak li jirrigwarda l-marki li m'hemmx qbil dwarhom, ir-rikorrenti jenfasizza l-fatt illi, bħala prinċipju, fin-nuqqas ta' nota grafika addizzjonali l-ittri alfabetiċi m'għandhomx karattru distintiv propju [deċiżjoni tat-Tieni Board ta' l-Appell tat-28 ta' Mejju 1999 (Każ R 91/1998-2)]. Għaldaqstant hija r-rappreżentazzjoni grafika tagħhom li tagħtihom karattru distintiv. Peress li t-trademarks li ftit huma distinti jgawdu minn anqas protezzjoni, id-differenzi bejn il-marki li jikkostitwixxuhom jakkwistaw importanza akbar. Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li, d-differenzi netti u sostanzjali bejn il-marki li m'hemmx qbil dwarhom li joħorġu mill-forma ta' l-isfond iswed, il-pożizzjoni ta' din l-ittra fuq dan l-isfond, il-kuntrast bejn it-tipi grassi u normali ta' l-ittra skond it-trademarks u l-kaligrafija ta' din l-ittra. F'dak li jirrigwarda t-trademarks figurattivi magħmula minn ittra, jgħodd biss il-paragun viżiv tal-marki, minħabba li l-paragun fonetiku mhuwiex rilevanti.

    15     L-UASI u l-intervenjent jopponu l-argumenti kollha tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-UASI jikkunsidra, li, safejn ir-rikorrenti llimitat il-kontestazzjoni tagħha dwar l-identiċità tal-prodotti għall-paragun tal-"ħwejjeg" u taż-"żraben u stivali" biss, ir-riskju ta' konfużjoni bejn il-marki m'għandux jigi eżaminat biss f'dan il-kuntest.

     Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

    16     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94, dwar l-oppożizzjoni tas-sid ta' trademark preċedenti, ir-reġistrazzjoni ta' trademark hija miċħuda ladarba, jeżisti riskju ta' konfużjoni għall-pubbliku fit-territorju fejn it-trademark preċedenti hija protetta minħabba l-identità tagħha jew minħabba l-identiċità bejn il prodotti jew is-servizzi li ż-żewġ trademarks jindikaw.

    17     Skond ġurisprudenza kostanti, ir-riskju ta' konfużjoni f'dak li jirrigwarda l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi għandu jiġi evalwat globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tal-marki u tal-prodottti jew servizzi kkonċernati u filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża kkonċernata, b'mod partikolari l-interdipendenza  bejn l-identiċità tal-marki u dik tal-prodotti jew servizzi indikati [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratories RTB/UASI vs Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, li ghadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafi 29 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    18     F'dan il-każ, it-trademark preċedenti hija trademark Komunitarja. Barra minn dan, il-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta' użu komuni. Għalhekk, għall-iskopijiet ta' l-evalwazzjoni tar-riskju ta' konfużjoni, il-pubbliku kkonċernat huwa magħmul mill-konsumaturi aħħarin fil-Komunità Ewropea.

    19     L-ewwel nett, f'dak li jirrigwarda l-paragun bejn il-marki li dwarhom m'hemmx qbil, l-evalwazzjoni globali tar-riskju ta' konfużjoni għandha, f'dak li jikkonċerna l-idetiċità viżiva, fonetika jew konċettwali tagħhom, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali magħmula minnhom, filwaqt li jittiehdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikulari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Philips-Van Heusen/UASI vs Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġabra ta' Sentenzi, paragrafu 47, u l-ġurisprudenza ċitata].

    20     F'dak li jikkonċerna l-idetiċità viżiva tal-marki li dwarhom m'hemmx qbil, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li, anke jekk ittra waħidha hija potenzjalment mingħajr karattru distintiv, it-trademarks in kwistjoni għandhom it-tnejn li huma l-ittra "a" zgħira bħala element dominanti, ta' kulur abjad li jispikka fuq sfond iswed u miktuba b'tipa normali (punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, dan l-element dominanti jinfluwenza immedjatament il-ħsieb u jidħol fil-memorja. Għall-kuntrarju, id-differenzi grafiċi bejn it-trademarks in kwistjoni – jiġifieri l-forma ta' l-isfond (ovali għat-trademark mitluba u kwadra għat-trademark preċedenti), l-ippożizzjonar ta' l-ittra fuq dan l-isfond (fiċ-ċentru tiegħu għat-trademark mitluba u fil-kantuniera ta' isfel fuq il-lemin ta' dan għat-trademark preċedenti), id-densità tal-kitba użata sabiex tiġi rappreżentata din l-ittra (it-trademark mitluba turi kitba daqxejn aktar wiesgħa minn dik tat-trademark preċedenti) u d-dettalji tal-kaligrafija ta' kull ittra skond it-trademark – huma negliġibbli u ma jikkostitwixxux elementi li jibqgħu fil-memorja tal-pubbliku bħalma huma elementi ta' distinzjoni effettivi. Konsegwentement, il-marki li m'hemmx qbil dwarhom huma simili ħafna mil-lat viżiv.

    21     Din il-konklużjoni ma titpoġġix in kwistjoni mill-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta' qbil eventwali bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tat-Tieni Board ta' l-Appell tat-28 ta' Mejju 1999 (Kawża R 91/1998-2), dwar ir-reġistrazzjoni tat-trademark preċedenti. Għalkemm dan il-Bord hemmhekk effettivament ikkonstata li l-preżentazzjoni grafika ta' l-ittra "a" kellha importanza partikolari fl-analiżi tal-karattru distintiv ta' din it-trademark huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f'dan il-każ, il-preżentazzjoni grafika tat-trademark mitluba hija qrib ħafna ta' dik adottata għat-trademark preċedenti.

    22     F'dak li jikkonċerna l-paragun fonetiku u kunċettwali tal-marki li dwarhom m'hemmx qbil, il-partijiet jaqblu li jikkunsidraw li din ftit hija pertinenti fil-kawża preżenti. Hu kif inhu, dawn il-marki huma minn dan il-lat, identiċi.

    23     Għaldaqstant, l-impressjonijiet prodotti flimkien minn kull marka in kwistjoni huma simili ħafna.

    24     Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-paragun bejn il-prodotti, għandu jkun imfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, sabiex tiġi evalwata l-idetiċità tal-prodotti kkonċernati, għandhom jiġu meħuda in kunsiderazzjoni l-fatturi pertinenti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti, liema fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-intenzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew kumplimentari tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-4 ta' Novembru 2003, Pedro Diaz/UASI - Granjas Castelló (CASTILLO), T-85/02, li għadha ma gietx ippubblikata fil-Ġabra ta' Sentenzi, paragrafu 47, u l-ġurisprudenza ċitata].

    25     L-ewwel nett, għandu jigi nnutat li matul is-seduta r-rikorrenti ma poġġiex in kwistjoni b'mod serju, l-fatt li t-tipi differenti ta' ħwejjeġ li jaqgħu taħt kull trademark in kwistjoni huma, ta' l-anqas, simili. F'kull każ, dikjarazzjoni bħal din hija korretta.

    26     F'dak li jikkonċerna, b'mod aktar partikolari, ir-relazzjoni eżistenti bejn il-"ħwejjeġ" li jaqgħu taħt ir-trademark preċedenti u ż-"żraben u stvali" li jaqgħu taħt it-trademark mitluba, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li ladarba dawn il-prodotti huma simili, għaliex għandhom l-istess skop, huma sikwit mibjugħa fl-istess postijiet u diversi produtturi jew disinjaturi jiddedikaw ruħhom għal dawn iz-żewġ tipi ta' prodotti (paragrafu 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-ġeneralità ta' din l-evalwazzjoni tista' titpoġġa fid-dubju minħabba n-nuqqas ta' sostitwibbiltà ta' dawn il-prodotti u n-nuqqas ta' prova li ssostni din l-evalwazzjoni. Minkejja dan, rabtiet viċini biżżejjed b'riżultat ta' l-iskopijiet rispettivi ta' dawn il-prodotti, li jistgħu jiġu dedotti b'mod partikolari mill-fatt li huma ta' l-istess klassi, u l-possibbiltà konkreta li jistgħu jiġu prodotti mill-istess operaturi jew li jistgħu jkunu mibjugħa flimkien iwasslu għall-konlużjoni li dawn il-prodotti jistgħu jiġu assoċjati f'moħħ il-pubbliku rilevanti. F'dan ir-rigward, id-diversi deċiżjonijiet komunitarji u nazzjonali dwar it-trademarks li fuqhom tibbaża ruħha r-rikorrenti ma ddgħajjifx din il-konklużjoni safejn il-kuntest ta' fatt ta' dawn id-deċiżjonijiet, f'dak li jikkonċerna l-marki jew il-prodotti in kwistjoni, jippreżenta differenzi notevoli mal-kawża preżenti. Il-prodotti in kwistjoni għandhom ikunu għalhekk ikkunsidrati bħala simili fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94 anke jekk huma biss daqxejn simili.

    27     Konsegwentement, jekk tittieħed in kunsiderazzjoni, minn naħa, l-idetiċità kbira bejn il-marki li dwarhom m'hemmx qbil u, min-naħa l-oħra, l-idetiċità bejn il-prodotti in kwistjoni, anke jekk żgħira f'dak li jirrigwarda ż-żraben u l-ħwejjeġ, il-Bord ta' l-Appell setgħa ġustament jikkonkludi li kien jeżisti riskju ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti jista' jemmen, b'mod partikolari, li ż-żraben li għandhom it-trademark mitluba, għandhom l-istess oriġini kummerċjali tal-ħwejjeġ li għandhom il-marka preċedenti. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

     Dwar l-argument li joħroġ min-necessità ta' proċedura orali quddiem il-Bord ta' l-Appell

    28     Ir-rikorrenti tiddikjara li hija talbet espressament li tinżamm proċedura orali quddiem il-Bord ta' l-Appell, skond l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru. 40/94. Seduta bħal din setgħat tikkontribwixxi għall-adozzjoni ta' deċiżjoni bbażata fuq id-dritt, għaliex ir-rikorrenti setgħat tipprovdi informazzjoni dwar il-ġurisprudenza Ġermaniża li tittratta l-kwistjoni dwar l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni. Skond ir-rikorrenti, meta rrifjuta li jżomm din is-seduta orali, il-Bord ta l'Appell eċċeda l-limiti tiegħu ta' evalwazzjoni.

    29     Il-Qorti ta' Prim'Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru. 40/94, "jekk [l-UASI] iqis li proċedimenti orali jistgħu jkunu utli dawn għandhom isiru fuq l-inizjattiva ta' l-Uffiċċju jew fuq talba ta' kull parti fil-proċedimenti".

    30     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddikjara li l-Bord ta' l-Appell għandu marġni ta' evalwazzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk hijiex verament neċessarja proċedura orali quddiemu meta parti titolbu dan. F'dan il każ, mid-deċiżjoni kkontestata joħrog li l-Bord ta' l-Appell kellu l-elementi neċessarji kollha sabiex jiġġustifika d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrietx kif preċiżazzjonijiet orali dwar il-ġurisprudenza Ġermaniża apparti dawk esposti fis-sottomissjonijiet tad-difiża tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell setgħu jimpedixxu l-adozzjoni ta' dawn l-argumenti. F'kull każ, skond ġurisprudenza kostanti, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru. 40/94, hekk kif dan huwa interpretat mill-Qrati Kommunitarji, u mhux abbażi ta' ġurisprudenza nazzjonali, anke jekk din hija bbażata fuq dispożizzjonijiet analogi għal dawk ta' dan ir-regolament (sentenzi GIORGIO BEVERLY HILLS, iċċitata aktar 'il fuq, paragrafu 53, u CASTILLO, iċċitata aktar 'il fuq, paragrafu 37). Għaldaqstant, il Bord ta' l-Appell ma eċċediex il-limiti tal-poter tiegħu meta ma pproċediex fuq it-talba tar-rikorrenti sabiex tinżamm proċedura orali.

     Dwar it-tieni kap tat-talbiet

    31     Peress li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument speċifiku sabiex issostni t-talba tagħha għal annullament tal-paragrafu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-ispejjeż quddiem l-UASI, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu aktar 'il fuq huma suffiċjenti sabiex jiġi miċħud dan il-kap tat-talbiet.

    32     Minħabba dan kollu li jippreċedi, ir-rikors huwa miċhud.

     Dwar l-ispejjeż

    33     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata sabiex tħallas l-ispejjeż, jekk ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, huwa għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet magħmula mill-UASI u mill-intervenjent.

    Għal dawn ir-raġunijiet,

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-tieni sezzjoni)

    taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

    Pirrung

    Meij

    Forwood

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Lulju 2004.

    H. Jung

     

    J. Pirrung

    Reġistratur

     

    President


    * Lingwa tal-kawża:il-Ġermaniż.

    Top