EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0233

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tat-23 ta' Marzu 2004.
ir-Repubblika Franċiża vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Kawża C-233/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:173

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

23 ta’ Marzu 2004 (*)

“Linji gwida dwar kooperazzjoni regolatorja u trasparenza konklużi mal-Istati Uniti tal-Amerika – Nuqqas ta’ natura vinkolanti”

Fil-Kawża C-233/02,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn R. Abraham, G. de Bergues u P. Boussaroque, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. J. Kuijper u A. van Solinge, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn J. Collins, bħala aġent, assistit minn M. Hoskins, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni kkonkludiet ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika fuq Linji gwida dwar kooperazzjoni regolatorja u trasparenza.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), C. Gulmann u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta’ Awla, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric, u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: S. Alber,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat ir-rapport tal-Imħallef Relatur,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-25 ta’ Settembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ġunju 2002, ir-Repubblika Franċiża talbet, skont l-Artikolu 230 KE, l-annullament tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonkludiet ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika intitolat “Linji gwida dwar kooperazzjoni regolatorja u trasparenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (iktar ’il quddiem, rispettivament, id-“Deċiżjoni kkontestata” u l-“Linji gwida”).

 Il-kuntest ġuridiku u fattwali

 It-Trattat

2        Fil-Parti III, Titolu IX tat-Trattat KE, intitolat “Il-Politika Kummerċjali Komuni”, hemm l-Artikolu 133(1) sa (4) KE li jipprovdi:

“1.      Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun mibnija fuq prinċipji uniformi, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bdil fl-iskali ta’ tariffi, il-konklużjoni ta’ ftehim dwar tariffi u negozju, il-ksib ta’ l-uniformità f’miżuri ta’ liberalizzazzjoni, il-politika ta’ l-esportazzjoni u ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ dumping jew sussidi.

2.      Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti lill-Kunsill għall-implimentazzjoni ta’ politika kummerċjali komuni..

3.      Meta akkordji ma’ Stat wieħed jew iktar jew organiżżazzjonijiet internazzjonali jeħtieġu li jiġu negozjati, il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjoni lill-Kunsill, li jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi dawn in-negozjati b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill biex jgħin lill-Kummissjoni f’dan ix-xogħol u fil-qafas ta’ dawk id-direttivi li l-Kunsill jista’ joħroġilha.

Id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 300 għandhom japplikaw.

4.      Fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilu b’dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.”

3        Skont l-Artikolu 300(1) sa (3) KE:

“1.      Meta dan it-Trattat jipprovdi li jsir xi ftehim bejn il-Komunità u Stat wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tmexxi dawn in-negozjati b’konsultazzjoni ma’ kumitati speċjali maħtura mill-Kunsill biex jgħinuha f’dan l-inkarigu u fi ħdan l-istruttura ta’ dawk id-direttivi li l-Kunsill jista’ joħroġilha.

Fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilu b’dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, ħlief fil-każijiet fejn l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 jipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi unanimament.

2.      Suġġett għall-poteri mogħtija lill-Kummissjoni f’dan il-qasam, il-firma, li tista’ tkun akkompanjata minn deċiżjoni dwar l-applikazzjoni proviżżorja qabel id-dħul fis-seħħ, u l-konklużjoni tal-ftehim għandha tkun deċiża mill-Kunsill li jaġixxi fuq maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi unanimament meta l-ftehim ikopri qasam li għalih l-unanimità tkun meħtieġa għall-adozzjoni ta’ regoli nterni u għall-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 310.

[…]

3.      Il-Kunsill għandu jikkonkludi l-akkordju wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, ħlief għal kull akkordju li jissemma’ fl-Artikolu 133(3), inklużi każijiet fejn il-ftehim ikun ikopri qasam li għalih tinħtieġ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 jew dik imsemmija fl-Artikolu 252 għall-adozzjoni ta’ regoli interni.[…]”

 Id-dikjarazzjoni dwar is-Sħubija Ekonomika Transatlantika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika.

4        Waqt is-summit ta’ Londra tat-18 ta’ Mejju 1998, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (iktar ’il quddiem l-“imsieħba”) adottaw dikjarazzjoni dwar is-Sħubija Ekonomika Transatlantika.

5        Fil-punt 10 ta’ din id-dikjarazzjoni, l-imsieħba essenzjalment jindikaw li huma kienu ser jikkonċentraw fuq l-eliminazzjoni tal-ostakoli li għandhom impatt sinjifikattiv fuq il-kummerċ u l-investiment transatlantiku, b’mod partikolari l-ostakoli regolatorji li jillimitaw l-opportunitajiet għad-dħul fis-swieq ta’ prodotti u servizzi.

6        Fil-punt 17 ta’ din id-dikjarazzjoni, l-imsieħba jħabbru l-intenzjoni tagħhom :

–        li jistabbilixxu malajr kemm jista’ jkun pjan li jidentifika oqsma ta’ azzjoni komuni kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, bi skeda ta’ żmien bil-għan li jaslu għal riżultati speċifiċi ;

–        li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex dan il-pjan jiġi implementat malajr, inkluża kull awtorizzazzjoni neċessarja biex jibdew negozjati.

7        Nota ta’ qiegħ il-paġna fid-dikjarazzjoni tindika li xejn f’din id-dikjarazzjoni ma jikkostitwixxi mandat għal negozjati tal-Unjoni Ewropea.

 Il-Pjan ta’ Azzjoni relatat mas-Sħubija Ekonomika Transatlantika

8        L-imsieħba adottaw il-Pjan ta’ Azzjoni relatat mas-Sħubija Ekonomika Transatlantika, li ġie approvat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Novembru 1998 (iktar ’il quddiem il-“Pjan ta’ Azzjoni”). F’dan il-kuntest, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftah negozjati bil-għan li tikkonkludi ftehim bilaterali mal-Istati Uniti tal-Amerika, b’mod partikolari fil-qasam tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ (Stqarrija għall-Istampa tal-Kunsill Nru 12560/98, tad-9 ta’ Novembru 1998).

9        Fit-tielet parti tal-Pjan ta’ Azzjoni, iddedikata għall-azzjoni bilaterali, jinsab il-punt 3.1 li jittratta mal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-merkanzija. Il-punt 3.1.1 tal-imsemmi pjan, intitolat “Kooperazzjoni regolatorja” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi li l-imsieħba għandhom jieħdu diversi miżuri, fosthom, b’mod partikolari:

–        l-identifikazzjoni u l-implementazzjoni ta’ prinċipji/linji gwida ġenerali, iddefiniti flimkien, sabiex jiżguraw kooperazzjoni regolatorja effettiva :

–        l-eżami konġunt ta’ kwistjonijiet identifikati bi qbil komun, b’mod partikolari l-aċċess għall-proċeduri regolatorji rispettivi fuq il-livell ta’ trasparenza u tas-sehem tal-pubbliku – inkluż il-possibbiltà li l-partijiet kollha kkonċernati jkollhom kontribut effettiv f’dawn il-proċeduri u li dawn jiġu mismugħa b’mod raġjonevoli.

–        abbażi ta’ dan l-eżami, l-identifikazzjoni tal-mezzi biex jitjieb l-aċċess reċiproku għall-proċeduri regolatorji ta’ kull imsieħeb u d-definizzjoni komuni ta’ prinċipji/linji gwida ġenerali dwar dawn il-proċeduri, filwaqt li tinżamm l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji ta’ kull imsieħeb.

 Il-Linji gwida

 In-negozjati dwar il-Linji gwida

10      Id-diskussjonijiet dwar il-Linji gwida bdew f’Lulju tal-1999 bejn id-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni u l-kollegi tagħhom fid-dipartimenti tar-Rappreżentant Amerikan għall-Kummerċ u d-Dipartiment tal-Kummerċ.

11      Matul id-diskussjonijiet, id-dipartimenti tal-Kummissjoni saħqu fuq il-fatt li l-Linji gwida ma kienu ser joħolqu ebda dritt jew obbligu fuq il-livell internazzjonali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika.

12      Il-Linji gwida ġew iffinalizzati fi Frar tal-2002 permezz ta’ komunikazzjoni bejn in-negozjaturi tad-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-kollegi tagħhom Amerikani. Id-dokument ma ġiex iffirmat.

13      Il-Kummissjoni ġiet innotifikata bit-test u hija ħadet nota formali tiegħu fil-laqgħa tagħha tad-9 ta’ April 2002. Dan it-test ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

 In-nota maħruġa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fid-9 ta’ April 2002 relatata mal-linji gwida .

14      Fid-9 ta’ April 2002, id-dipartimenti tal-Kummissjoni indirizzaw lill-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133(3) KE nota li fl-anness tagħha tinkludi l-verżjoni finali tat-test tal-Linji gwida, tat-13 ta’ Frar 2002.

15      F’din in-nota, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jindikaw b’mod partikolari :

“Il-Pjan ta’ Azzjoni stabbilit fil-kuntest tas-Sħubija Ekonomika Transatlantika (TEP) jinkludi impenn bilaterali sabiex flimkien mal-amministrazzjoni Amerikana jiġu żviluppati linji gwida għall-kooperazzjoni regolatorja u t-trasparenza. Ilna ninnegozzjaw dawn il-linji gwida mill-aħħar tal-1999. Diversi drabi fil-passat, u, iktar riċentement f’Jannar tal-2001, informajnik dwar il-progress ta’ dawn in-negozjati. Illum bi pjaċir inħabbar li wasalna għal ftehim fuq livell tal-esperti mar-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Kummerċ fir-rigward tat-test mehmuż.”

16      It-test ta’ din in-nota jenfasizza wkoll, minn naħa, li l-Linji gwida, kif juru huma stess, ser ikunu applikati mill-imsieħba fuq bażi volontarja, skont ir-regoli u l-politiki mħarsa minn kull wieħed minnhom, u, min-naħa l-oħra, li dawn il-Linji gwida ma jikkostitwixxux ftehim internazzjonali, iżda iktar riżultat li waslu għalih id-dipartimenti rilevanti ta’ kull imsieħeb u li għandu jitressaq fis-summit li jmiss tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika.

 It-test tal-Linji gwida

17      It-test tal-Linji gwida jinkludi sitt partijiet : Introduzzjoni (I), Għanijiet (II), Kamp ta’ applikazzjoni (III), Elementi operattivi dwar il-kooperazzjoni regolatorja (IV), Elementi operattivi dwar it-trasparenza (V) u Aspetti proċedurali tal-Linji gwida (VI).

18      Il-Parti I tal-Linji gwida tfakkar il-kuntest li fih dawn tal-aħħar ġew adottati, b’mod partikolari, is-Sħubija Ekonomika Transatlantika u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha.

19      Il-Parti II ta’ dawn il-linji gwida tindika li l-għanijiet tagħhom huma li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji tal-imsieħba u li jippromwovu t-trasparenza fir-rigward tal-pubbliku meta jkunu qed jiġu żviluppati regolamenti u dan sabiex titnaqqas u tingħeleb it-tensjoni kummerċjali bejn l-imsieħba u sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-merkanzija. Għal dan il-għan, skont il-paragrafu 4(a) tal-Linji gwida, il-kooperazzjoni għandha, b’mod partikolari, timmira biex tilħaq l-għan li jitjiebu l-pjanifikazzjoni u l-iżvilupp tal-proposti regolatorji, il-kwalità u l-livell tar-regolamenti, dak li jitnaqqsu, jew saħansitra jkunu eliminati d-diverġenzi bejn ir-regolamenti, permezz ta’ djalogu iżjed sistematiku bejn ir-regolaturi, u, skont il-paragrafu 4(b) dak li tkun żgurata prevedibbiltà aħjar fl-iżvilupp tar-regolamenti permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni. F’dak li jikkonċerna t-trasparenza, l-għanijiet huma, l-ewwel nett, skont il-paragrafu 4(d), li jiġi promoss is-sehem tal-pubbliku fil-proċess regolatorju, billi jingħatalu aċċess għad-dokumenti preparatorji, analiżi u data rilevanti u billi l-partijiet kkonċernati kollha, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk barranin, jingħatalhom il-possibbiltà li jikkummerntaw fi żmien xieraq dwar il-proposti għal regolamenti, u sussegwentement, skont il-paragrafu 4(f), li l-pubbliku jingħata spjegazzjonijiet u informazzjoni dwar id-diversi kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tar-regolamenti u fl-aħħar nett, skont il-paragrafu 4(g), li titjieb il-perċezzjoni tal-pubbliku f’dak li jikkonċerna l-għanijiet u l-effetti tal-proposti għal regolamenti kif ukoll l-aċċettazzjoni tal-istess pubbliku tar-regolamenti adottati.

20      Il-Parti III tal-Linji gwida tipprevedi li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikopri l-iżvilupp tar-regolamenti ta’ natura teknika msemmija fil-Ftehim dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Huwa ppreċiżat li l-attività regolatorja koperta minn dan id-dokument hija dik tal-preparazzjoni ta’ regolamenti tekniċi intiżi sabiex ikunu sottomessi bħala proposti leġiżlattivi. Il-paragrafu 7 tal-Linji gwida jindika li l-awtoritajiet regolatorji msemmija f’dan id-dokument huma, minn naħa, dawk tal-Gvern Federali Amerikan, u min-naħa l-oħra, id-dipartimenti tal-Kummissjoni, u li dawn l-awtoritajiet għandhom l-intenzjoni japplikaw dawn il-Linji gwida “fuq bażi volontarja kemm jista’ jkun possibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

21      Fil-paragrafi 10 u 12 tal-Parti IV tal-Linji gwida, relatata mal-elementi operattivi dwar il-kooperazzjoni regolatorja, hemm dispożizzjonijiet relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni u mal-konsultazzjoni reċiproka, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-regolamenti proposti jew dawk fi stadju ta’ żvilupp. Il-Linji gwida jinkludu: fil-paragrafu 11, dispożizzjonijiet relatati mal-ġbir u l-analiżi ta’ data dwar il-problemi li jistgħu jiġġustifikaw intervent regolatorju kif ukoll mad-determinazzjoni ta’ prijoritajiet fil-mod ta’ kif din tiġi trattata; fil-paragrafu 13, dispożizzjonijiet relatati mal-koordinazzjoni tal-programmi ta’ riċerka u ta’ żvilupp rilevanti għal skopijiet regolatorji; fil-paragrafu 14, dispożizzjonijiet relatati mat-tqabbil u l-approssimazzjoni tal-metodi u approċċi regolatorji; fil-paragrafu 15, dispożizzjonijiet relatati mal-eżaminazzjoni tal-possibbiltajiet li jitnaqqsu d-diverġenzi inutli bejn ir-regolamenti tekniċi kemm jekk permezz ta’ tiftix ta’ soluzzjonijiet armonizzati jew kompatibbli kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku, skont il-każ; u, fil-paragrafu 16, dispożizzjonijiet relatati mal-eżaminazzjoni tal-implementazzjoni ta’ regolamenti.

22      Fir-rigward tal-elementi operattivi dwar it-trasparenza, il-Parti V tal-Linji gwida tipprevedi regoli ddettaljati relatati mal-informazzjoni u l-konsultazzjoni minn qabel mal-pubbliku mill-awtoritajiet kompetenti waqt il-proċess ta’ pjanifikazzjoni u ta’ żvilupp ta’ regolamenti tekniċi. B’mod partikolari hemm ippreċiżat li l-awtoritajiet regolatorji għandhom, jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet fis-seħħ u dawk futuri li jikkonċernaw l-iżvilupp ta’ regolamenti, jikkonsultaw mal-pubbliku, jagħtu lil dan tal-aħħar il-possibbiltà li jesprimi ruħu, fi żmien xieraq, dwar ir-regolamenti proposti, jagħtuh l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet kollha rilevanti f’dan ir-rigward, jikkunsidraw il-kummenti tiegħu u jagħtu spjegazzjonijiet dwar il-mod li bih dawn il-kummenti ġew ittrattati.

23      Fl-aħħar nett, il-Parti VI tal-Linji gwida, li tittratta l-aspetti proċedurali, tistabbilixxi regoli għall-istħarriġ f’dak li jikkonċerna l-implementazzjoni u l-iżvilupp tal-Linji gwida. B’mod partikolari, il-paragrafu 18 ta’ dawn tal-aħħar jindika li l-imsemmija implementazzjoni kif ukoll il-progress imwettaq relatat ma’ regolamenti proposti identifikati għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami kontinwu mill-grupp ta’ ħidma dwar l-ostakoli tekniċi, ikkostitwit fil-kuntest tas-Sħubija Ekonomika Transatlantika. Skont il-paragrafu 19 tal-istess linji gwida, iż-żewġ naħat ser jaħdmu flimkien sabiex jidentifikaw l-oqsma ta’ kooperazzjoni li fihom jista’ jsir xi progress kif ukoll oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni bejn ir-regolaturi. Il-paragrafu 20 tal-Linji gwida jipprevedi li miż-żewġ naħat ser isir sforz sabiex ikunu identifikati l-mezzi li bihom titjieb it-trasparenza fil-proċessi regolatorji rispettivi, ikunu eżaminati l-modi biex jitjieb l-aċċess tal-pubbliku għall-proċeduri regolatorji tagħhom u li l-istess pubbliku ser ikompli jkun ikkonsultat. Skont il-paragrafu 21 tal-istess linji gwida, il-korpi responsabbli mill-kontroll tal-konformità u dawk responsabbli mill-iżvilupp tal-istandards ser ikunu mħeġġa jsegwu l-Linji gwida relatati mat-trasparenza meta huma jinterpretaw regolament tekniku. Il-paragrafu 22 tal-istess linji gwida jispeċifika li ż-żewġ naħat ser jagħmlu mill-aħjar biex jidentifikaw proposti regolatorji speċifiċi għall-applikazzjoni inizjali ta’ dawn il-linji gwida.

 Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors

24      Il-Kummissjoni tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. Minn naħa, hija ssostni li, bħala istituzzjoni u kulleġġ, hija qatt ma kkonsentiet li tkun marbuta bil-Linji gwida li wara kollox jikkostitwixxu biss ftehim amministrattiv konkluż fuq il-livell tad-dipartimenti. B’hekk ma hemm ebda att tal-Kummissjoni li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

25      Min-naħa l-oħra, anki kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-Linji gwida jorbtu lill-Kummissjoni, din tal-aħħar issostni li dawn il-linji gwida ma jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat peress li dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala att li jistabbilixxi jew li jipproduċi effetti legali.

26      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, f’dawn iċ-ċirkostanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, peress li t-talbiet tar-Repubblika Franċiża għandhom, f’kull każ, jiġu miċħuda fil-mertu.

 Fuq il-mertu

27      Il-Gvern Franċiż jinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tiegħu, ibbażati, l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta l-att ikkontestat, u t-tieni, fuq ksur tal-monopolju ta’ inizjattiva leġiżlattiva mogħti mit-Trattat lill-Kummissjoni.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

28      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza biex tadotta l-att ikkontestat, inkwantu l-Linji gwida jikkostitwixxu ftehim internazzjonali vinkolanti li l-konklużjoni tiegħu, hekk kif jirriżulta mit-tqassim tal-poteri skont l-Artikolu 300 KE, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Kunsill (sentenza tad-9 ta’ Awissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑327/91, Ġabra p. I-3641).

29      Skont dan il-Gvern, minkejja ċerta prekawzjonijiet tal-lingwa li hemm fil-Linji gwida, dawn huma kompleti u operattivi, u jispeċifikaw bi preċiżjoni kbira l-għanijiet imfittxija, il-qafas ta’ azzjoni u l-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti. Minn dan jirriżulta li dawn jikkostitwixxu strument legali li huwa ddettaljat biżżejjed biex juri impenn meħud minn korpi suġġetti għad-dritt internazzjonali u li huwa vinkolanti fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-fatt iddeċidiet li ftehim li jinkludi “norma”, jiġifieri regola ta’ kondotta li tkopri qasam speċifiku u stabbilit permezz ta’ dispożizzjonijiet preċiżi, u li huwa vinkolanti fir-rigward tal-parteċipanti, huwa ta’ dan it-tip (Opinjoni 1/75, tal-11 ta’ Novembru 1975, Ġabra. p. 1355, 1360).

30      Fost l-indikazzjonijiet li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni bħala ftehim internazzjonali, huma l-kunsiderazzjonijiet relatati mal-kontenut tal-ftehim li għandhom jipprevalu, b’mod li, pereżempju, il-fatt li l-Kummissjoni kienet kostantament indikat lill-imsieħba tiegħu li l-istruzzjonijiet ma kinux jikkostitwixxu tali ftehim internazzjonali jew li dawn l-istess imsieħba kienu huma stess konvinti minn dan, ma jistax ikun fattur deċiżiv għal tali klassifikazzjoni.

31      Skont il-Gvern Franċiż, il-Linji gwida għaldaqstant jinvolvu minn tal-inqas impenn ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-partijiet kif muri, b’mod partikolari, mill-fatt li, skont il-punt 18 ta’ dawn il-linji gwida, l-applikazzjoni tagħhom kif ukoll il-progress imwettaq fuq ċerti proġetti regolatorji ser ikunu ssorveljati b’mod kontinwu minn grupp ta’ ħidma konġunt, jew mill-fatt li fil-paragrafu 22 tal-istess linji gwida l-partijiet jindikaw li huma ser jagħmlu kull sforz biex jidentifikaw proposti regolatorji speċifiċi għall-applikazzjoni inizjali tal-Linji gwida.

32      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Linji gwida ma jikkostitwixxux ftehim legalment vinkolanti, hekk kif tikkonferma l-analiżi tal-intenzjoni tal-partijiet, li huwa l-uniku kriterju deċiżiv fid-dritt internazzjonali sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali effett vinkolanti eventwali.

33      F’dan il-każ, l-intenzjoni li ma tkunx legalment marbuta tirriżulta qabel kollox mit-test tal-Linji gwida. Id-dikjarazzjoni fil-paragrafu 7 tal-Linji gwida li dawn ser ikunu applikati fuq bażi volontarja u l-fatt li l-aġir li l-partijiet għandhom għaldaqstant l-intenzjoni li liberament jadottaw huwa deskritt permezz tal-użu tal-kliem Ingliż “should” u “will” u mhux “shall” huma deċiżivi f’dan ir-rigward.

34      Sussegwentement, din l-intenzjoni tirriżulta minn ċerti elementi fl-istruttura tal-Linji gwida, bħan-nuqqas f’dawn tal-aħħar ta’ klawżoli finali relatati mal-firma, mad-dħul fis-seħħ, mal-possibbiltajiet ta’ emendi, mat-terminazzjoni jew mal-mod ta’ kif għandhom jiġu riżolti xi disputi.

35      Fl-aħħar nett, din l-intenzjoni tirriżulta mill-eżami tal-kuntest li fih ġew konklużi l-Linji gwida, fejn f’dan ir-rigward il-Kummissjoni ssostni li la s-Sħubija Ekonomika Transatlantika u lanqas il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha ma jikkostitwixxu qafas li jippermetti l-adozzjoni ta’ trattati jew ta’ strumenti oħra legalment vinkolanti, filwaqt li l-istorja tad-diskussjonijet turi min-naħa tagħha li ż-żewġ naħat bl-ebda mod ma riedu joħolqu “drittijiet u obbligi”. Huwa b’mod partikolari għalhekk li l-Linji gwida qatt ma kienu ġew innotifikati lill-Kungress tal-Istati Uniti, fatt li madankollu kien ikun meħtieġ fil-każ ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti.

36      Skont il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-unika kompetenza mċaħħda lill-Kummissjoni hija dik li tikkonkludi ftehim internazzjonali legalment vinkolanti (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq).

37      Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li, sa fejn il-Linji gwida jikkostitwixxu biss arranġament prattiku ta’ kooperazzjoni li ma għandu ebda effett legalment vinkolanti, hija kienet totalment kompetenti biex taqbel fuq tali dokument mal-awtoritajiet Amerikani.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel motiv tiegħu, il-Gvern Franċiż illimita ruħu jsostni li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 300 KE, il-Linji gwida kien imisshom ġew konklużi mill-Kunsill u mhux mill-Kummissjoni, peress li skontu dawn jikkostitwixxu ftehim legalment vinkolanti.

39      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż bl-ebda mod ma sostna li att li għandu l-karatteristiċi tal-Linji gwida għandu, anki jekk dan ma għandu ebda saħħa vinkolanti, jaqa’ biss taħt il-kompetenza tal-Kunsill. Għaldaqstant ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja testendi s-suġġett tar-rikors li tressaq quddiemha.

40      Madankollu għandu jiġi speċifikat li din is-sentenza ma tistax tkun interpretata bħala waħda li tilqa’ l-argument imressaq mill-Kummissjoni li abbażi tiegħu, il-fatt li att bħal-Linji gwida ma għandu ebda saħħa vinkolanti huwa biżżejjed biex jagħti lill-imsemmija istituzzjoni l-poter li tadottah. Fil-fatt, peress li dan il-każ jinvolvi att intiż sabiex inaqqas ir-riskji ta’ tensjoni marbuta mal-eżistenza ta’ ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-merkanzija, id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom tista’ ssir l-adozzjoni ta’ att bħal dan teżiġi li jkunu debitament ikkunsidrati t-tqassim tal-kompetenzi u l-bilanċ istituzzjonali stabbiliti mit-Trattat fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

41      Barra minn hekk f’dan il-kuntest jeħtieġ ukoll li b’mod partikolari jiġi osservat li kemm is-Sħubija Ekonomika Transatlantika kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni mill-Kunsill, filwaqt li min-nota tad-9 ta’ April 2002 li l-Kummissjoni indirizzat lill-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133(3) KE jirriżulta li l-imsemmi kumitat kien ġie regolarment informat dwar l-evoluzzjoni tan-negozjati relatati mal-abbozzar tal-Linji gwida mid-dipartimenti tal-Kummissjoni.

42      Fid-dawl tal-kjarifiki preċedenti għandu jiġi indikat li, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, l-intenzjoni tal-partijiet tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Linji gwida humiex vinkolanti jew le.

43      Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu f’dan il-każ din l-intenzjoni hija espressa b’mod ċar fl-istess test tal-Linji gwida, peress li fil-fatt fil-paragrafu 7 tagħhom dawn l-istess linji gwida jispeċifikaw li l-imsemmi dokument huwa intiż sabiex jistabbilixxi l-Linji gwida li r-regolaturi tal-Gvern Federali tal-Istati Uniti u d-dipartimenti tal-Kummissjoni “għandhom l-intenzjoni japplikaw fuq bażi volontarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dawn il-kundizzjonijiet u mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat is-sens partikolari li l-użu tal-kliem “should” jew “will” minflok “shall” jista’ jkollu fi ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-preċiżjoni msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, meta kkonkludew il-Linji gwida, il-partijiet ma kellhom l-ebda intenzjoni jidħlu f’impenji legalment vinkolanti.

44      Hekk kif saħqet il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontradixxuta mill-Gvern Franċiż fuq dan il-punt, l-iżvolġiment tan-negozjati jikkonferma wkoll li l-intenzjoni tal-partijiet li ma jidħlux f’impenji vinkolanti kienet ġiet bosta drabi espressament irrepetuta tul il-fażi tan-negozjati tal-Linji gwida.

45      Minn dan jirriżulta li l-Linji gwida ma jikkostitwixxux ftehim vinkolanti u għalhekk ma jaqgħux taħt l-Artikolu 300 KE.

46      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv tar-rikors huwa infondat.

 Fuq it-tieni motiv

47      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni li l-Linji gwida jmorru kontra t-Trattat inkwantu dawn jirristrinġu d-dritt li l-Kummissjoni għandha li tagħmel proposti fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv Komunitarju u b’dan il-mod jaffettwaw il-proċess leġiżlattiv kollu.

48      Minn naħa, il-Kummissjoni hija obbligata tikkunsidra l-Linji gwida fil-kuntest tal-fażi tal-proċess leġiżlattiv li hija responsabbli għalih u għaldaqstant dawn jirristrinġu l-funzjoni ta’ proposta li hija għandha.

49      Min-naħa l-oħra, din ir-restrizzjoni tal-poter tal-Kummissjoni li tressaq proposti jkollha konsegwenzi fuq il-proċess leġiżlattiv Komunitarju kollu peress li n-natura tal-proposti magħmula mill-Kummissjoni tikkundizzjona l-libertà ta’ azzjoni tal-Kunsill, li, b’mod partikolari, jista’ jiċħad dawn il-proposti biss b’unanimità.

50      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett ikun imfakkar li fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv kien ġie stabbilit li l-Linji gwida ma għandhomx saħħa vinkolanti. Minn dan b’mod partikolari jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Franċiż, il-Linji gwida ma setgħux joħolqu obbligi fir-rigward tal-Kummissjoni meta hija teżerċita l-funzjoni tagħha ta’ inizjattiva leġiżlattiva.

51      It-tieni nett, hekk kif ġustament sostenew il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit, il-poter ta’ inizjattiva fil-qasam leġiżlattiv jinkludi l-possibbiltajiet li jsiru konsultazzjonijiet minn qabel u li tinġabar informazzjoni meqjusa neċessarja qabel ma jitressqu proposti xierqa. B’hekk, ma jistax ikun allegat li s-sempliċi fatt li att bħal-Linji gwida jipprovdi għal tali possibbiltajiet ikollu bħala effett li jippreġudika l-eżerċizzju min-naħa tal-Kummissjoni tal-poter ta’ inizjattiva tagħha.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv huwa infondat.

53      Għaldaqstant peress li ebda wieħed mill-motivi tar-rikors ma huwa fondat, hemm lok li dan jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

54      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

taqta’ u tiddeciedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Skouris

Jann

Timmermans

Gulmann

Cunha Rodrigues

La Pergola

Puissochet

Schintgen

Macken

Colneric

 

      von Bahr

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Marzu 2004.

R. Grass

 

      V. Skouris

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top