Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IR0952

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Qafas il-ġdid għall-Mobbiltà Urbana

    COR 2022/00952

    ĠU C 498, 30.12.2022, p. 17–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 498/17


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Qafas il-ġdid għall-Mobbiltà Urbana

    (2022/C 498/04)

    Relatur:

    Linda GAASCH (LU/Ħodor) Membru tal-Kunsill Komunali tal-Belt tal-Lussemburgu

    Dokumenti ta’ referenza:

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Qafas il-ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana

    COM(2021) 811 final

    SWD(2021) 470 final (mhux disponibbli bil-Malti)

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

    1.

    jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-qafas il-ġdid għall-mobbiltà urbana fid-dawl tal-ħtieġa għal azzjoni urġenti biex tippromovi d-dekarbonizzazzjoni u l-bidla modali fiż-żoni urbani, li jkomplu jkunu responsabbli għal 23 % tal-emissjonijiet kollha tal-karbonju mit-trasport;

    2.

    jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ effettiv ta’ governanza f’diversi livelli bbażat fuq sussidjarjetà attiva għat-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija għal Mobbiltà Intelliġenti u Sostenibbli tal-UE; jistieden lil-livell tal-UE biex issaħħaħ id-djalogu dirett mal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal dan il-għan u biex issaħħaħ l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli skont il-baġit tal-UE bħala parti minn approċċ ta’ sussidjarjetà attiva;

    3.

    ifakkar li t-tkabbir ekonomiku taċ-ċentri urbani huwa direttament marbut mal-fluwidità tal-mobbiltà, u li l-fluwidità tal-mobbiltà tiddependi fuq sinsla tat-trasport pubbliku soda; jenfasizza li, apparti l-impatt ambjentali, il-konġestjoni tiswa EUR 270 biljun fis-sena (1) fil-livell tal-UE. Ifakkar fis-sottofinanzjament kroniku tal-infrastruttura tat-trasport pubbliku f’dawn l-aħħar deċennji, u jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament tal-UE biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-mobbiltà u jiġu appoġġajti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta’ sostenibbiltà tal-UE;

    4.

    jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-enfasi msaħħa fuq il-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs) u l-objettiv ta’ approċċ aktar armonizzat madwar l-UE; jenfasizza l-benefiċċji ambjentali u soċjetali tal-mobbiltà attiva bħall-mixi u ċ-ċikliżmu, inkluż b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, u jappella għal approċċ ambizzjuż fil-gwida aġġornata tas-SUMP li jmiss; jappella għal approċċ integrat għall-allokazzjoni tal-ispazju u l-ippjanar tal-ispazju li juża l-aħjar prattiki f’dan il-qasam u approċċ komprensiv tas-sikurezza fiż-żoni urbani; jisħaq b’mod partikolari fuq l-importanza tal-involviment attiv taċ-ċittadini, u b’mod partikolari tan-nisa u tal-persuni b’diżabilità, għal aktar sjieda tal-bidliet fl-allokazzjoni tal-ispazju u t-titjib tat-trasport pubbliku fiż-żoni urbani;

    5.

    jisħaq li d-deċiżjonijiet politiċi fil-qasam tal-mobbiltà ikollhom impatt differenti fuq ġeneri differenti peress li, tradizzjonalment, in-nisa jużaw it-trasport pubbliku iżjed mill-irġiel, mentri l-irġiel jiddependu iżjed mill-karozzi; jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jivvalutaw l-impatt li l-proposti futuri ta’ politika jkollhom fuq ġeneri differenti qabel ma jressqu l-proposti tagħhom;

    6.

    jindika l-ħtieġa ta’ qafas ta’ appoġġ li jakkumpanja l-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, kif ukoll flessibbiltà akbar fir-rigward tal-proċessi baġitarji. F’dan il-kuntest, huwa importanti li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, speċjalment fir-reġjuni inqas żviluppati. Dawn għandhom it-tendenza li jkollhom għadd akbar ta’ vetturi li jniġġsu aktar (karozzi, karozzi tal-linja). Huwa importanti li jiġi rregolat il-bejgħ ta’ vetturi li jniġġsu aktar (Euro 1-Euro 4) fil-livell tal-UE, peress li dawn il-vetturi qed jemigraw mis-suq tal-Ewropa tal-Punent lejn is-suq tal-Ewropa tal-Lvant. F’dan ir-rigward, ikun importanti wkoll li r-reġjuni u l-pajjiżi ifqar jiżviluppaw skemi ta’ appoġġ biex jgħinuhom ilaħħqu mal-kundizzjonijiet tal-Ewropa tal-Punent. Jappella għal approċċ għaż-żieda fil-prezzijiet tal-petrol bħala riżultat tal-kuntest ġeopolitiku li huwa konsistenti mal-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tat-trasport tal-Unjoni; jindika l-potenzjal f’dan ir-rigward tal-użu ta’ sussidji pubbliċi biex jiġu appoġġjati servizzi tat-trasport pubbliku ekoloġiku u jinkoraġġixxu l-bidla modali fiż-żoni urbani, kif ukoll biex tiġi miġġielda l-esklużjoni tal-mobbiltà f’żoni rurali periurbani u periferiċi;

    Rwol ċentrali għall-mobbiltà attiva

    7.

    jenfasizza li l-mixi ma jiswiex flus lill-persuna li qed timxi u huwa tajjeb għas-saħħa u sostenibbli; jisħaq li ċ-ċikliżmu huwa alternattiva ta’ trasport newtrali għall-karbonju u affordabbli li tista’ faċilment tiġi kkombinata ma’ modi ta’ trasport oħra; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromovi miżuri ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-mobbiltà attiva fuq l-użu ta’ karozzi privati, b’enfasi partikolari fuq ir-rwol tagħha fil-prevenzjoni ta’ mard sedentarju, bħall-mard kardjovaskulari, il-piż żejjed u d-dijabete;

    8.

    jiddispjaċih, f’dan ir-rigward li, minkejja dawn il-vantaġġi, l-iżjed mezzi niġġiesa tat-trasport fil-bliet, jiġifieri l-vetturi individwali li jużaw il-petrol u d-diżil, jokkupaw l-akbar proporzjon tal-ispazju pubbliku ddedikat għall-mobbiltà; jitlob b’urġenza li l-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ, peremezz ta’ finanzjament ġdid, lill-awtoritajiet lokali jagħtu lura dan l-ispazju lil mobbiltà iżjed attiva bħall-mixi jew iċ-ċikliżmu, u trasport pubbliku b’saħħtu, strutturat tajjeb u integrat;

    9.

    jirrimarka li l-mixi u ċ-ċikliżmu huma ta’ benefiċċju għall-mikroekonomija tal-viċinat jew tal-komunità peress li l-persuni bil-mixi u r-rikkieba għandhom it-tendenza li jiffrekwentaw in-negozji u s-servizzi li jinsabu anqas ’il bogħod mir-residenzi tagħhom; jirrimarka wkoll li dawn il-vjaġġi huma ta’ benefiċċju għas-saħħa tan-nies — speċjalment għal ċertu mard bħall-mard kardjovaskulari — u għalhekk iwasslu għal iffrankar konsiderevoli għall-komunità;

    10.

    jenfasizza r-rwol li jista’ jkollha l-mikromobbiltà bħala soluzzjoni flessibbli u affordabbli għall-vjaġġi tal-ewwel u tal-aħħar mil u lil hinn, jenfasizza l-importanza ta’ kundizzjonijiet tajbin ta’ aċċessibbiltà għall-modi attivi tat-trasport, inklużi faċilitajiet ta’ parkeġġi siguri għar-roti fin-nodi tat-trasport pubbliku (bħall-istazzjonijiet), soluzzjonijiet ta’ mobbiltà kondiviża tal-aħħar mil; u jappella sabiex l-użu tal-mikromobbiltà jiġi mħeġġeġ ukoll fiż-żoni periurbani u rurali;

    11.

    jenfasizza r-rilevanza tal-inċentivar tax-xiri tar-roti, inklużi r-roti elettriċi, minn individwi għad-dekarbonizzazzjoni u d-dekonġestjoni; itenni l-ħtieġa li titħeġġeġ it-tneħħija gradwali tal-miżuri tas-settur privat bħall-allowances tal-karozzi tal-kumpanija u li dawn jiġu sostitwiti b’alternattivi ta’ mobbiltà aktar sostenibbli;

    12.

    jistieden lill-Kummissjoni biex taċċellera l-ħidma tagħhom lejn Strateġija Ewropea taċ-Ċikliżmu, kif diskuss għall-ewwel darba matul il-Kunsill informali tal-Ministri tat-Trasport fl-2015, sabiex tipprovdi qafas Ewropew u linji gwida għall-politiki dwar iċ-ċikliżmu;

    13.

    jirrakkomanda li tiġi promossa l-mobbiltà attiva billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-ispazju, u jittejbu s-sikurezza u l-infrastruttura tat-toroq; jirrakkomanda wkoll li jiżdiedu l-parkeġġ tar-roti (fil-punti tat-tluq u l-punti tal-wasla), l-istazzjonijiet pubbliċi b’pompi, għodda u stazzjonijiet tal-iċċarġjar, u faċilitajiet ta’ tiswija tar-roti; jirrimarka li l-ispiża biex jinbnew u jinżammu mogħdijiet tar-roti ta’ kwalità hija ħafna anqas mill-ispiża tal-bini ta’ toroq ġodda u/jew it-twessigħ ta’ dawk eżistenti;

    14.

    jenfasizza li sistemi bħal tariffi ta’ konġestjoni u żoni ta’ emissjonijiet ultrabaxxi jew żero jgħinu biex jitnaqqas it-trasport individwali motorizzat fil-bliet, jitnaqqas it-tniġġis tal-arja bl-ossidi tan-nitroġenu u l-materja partikolata, itejbu s-saħħa pubblika lokali, u jistgħu wkoll jipprovdu dħul essenzjali għall-iżvilupp u t-titjib tat-trasport pubbliku u l-infrastruttura u s-servizzi ta’ mobbiltà attiva; billi jnaqqsu t-trasport individwali motorizzat huma jinkoraġġixxu wkoll sjieda akbar miċ-ċittadini tal-ambjent immedjat tagħhom, u joħolqu spazju għall-interazzjonijiet soċjali u jnaqqsu l-iżolament, filwaqt li jippromovu l-attività fiżika u l-isport;

    15.

    jiddispjaċih li l-proposta TEN-T tal-Kummissjoni bħalissa ma tipprevedix faċilitajiet ta’ bike-sharing/ħżin u rotot ta’ aċċess dirett fiċ-ċentri multimodali tan-nodi urbani TEN-T;

    16.

    jipproponi “strateġija ta’ mobbiltà attiva sikura” fl-UE kollha biex tinkoraġġixxi reazzjoni Ewropea kkoordinata għall-isfida li l-mixi u ċ-ċikliżmu jsiru sikuri kemm jista’ jkun;

    17.

    jappella għal standard ieħor Ewropew ta’ emissjoni għall-karozzi, il-vannijiet, it-trakkijiet u x-xarabanks (Euro 7/VII) sabiex titnaqqas l-emissjoni ta’ sustanzi niġġiesa tossiċi (jiġifieri l-ossidu tan-nitroġenu, l-ammonijaka, il-monossidu tal-karbonju u l-materja partikolata PM 10-2,5) u biex jiġu evitati għexieren ta’ eluf ta’ mwiet prematuri kull sena; jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li terġa’ ddewwem il-proposti Euro 7/VII fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2022, li jqajjem dubji dwar l-“ambizzjoni ta’ tniġġis żero” tagħha u l-impenn tagħha fil-konfront tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jipperikola l-kapaċità tal-industrija li tippjana tibdil fl-inġinerija;

    Mobbiltà Aċċessibbli għal Kulħadd

    18.

    jappella għal sistema ta’ trasport pubbliku aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, permezz tal-inklużjoni permezz tad-disinn, speċjalment billi jitqiesu l-persuni b'diżabilità; jisħaq fuq il-benefiċċji tal-inklużjoni tal-utenti minn stadju bikri tal-ippjanar tal-infrastruttura u s-servizzi tat-trasport; jikkonferma l-importanza tal-aċċessibbiltà deskritta fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2021-2030 (EDS) u l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà; jirrimarka l-importanza ta’ proġetti bħall-“Premju għall-Bliet Aċċessibbli”;

    19.

    jappella għal approċċ aktar komprensiv biex tiġi żgurata l-aċċessibilità matul il-vjaġġ kollu;

    20.

    jenfasizza li l-ħtieġa li jiġi indirizzat il-faqar tal-mobbiltà hija kritika fl-interessi tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jappella għalhekk għal approċċ multimodali u integrat biex tiġi miġġielda l-esklużjoni tal-mobbiltà u jiġi żgurat aċċess ugwali għaċ-ċentri urbani; jilqa’ f’dan ir-rigward l-impenn tal-Kummissjoni stabbilit fil-qafas il-ġdid għall-mobbiltà urbana għall-indirizzar tal-“inugwaljanzi fl-aċċess għan-network tat-trasport pubbliku, inkluż it-titjib tal-aċċess għall-istazzjonijiet tal-ferrovija”; jappella wkoll għal appoġġ addizzjonali għal bliet iżgħar, żoni periurbani, rurali u muntanjużi, dipendenti, speċjalment f’reġjun inqas żviluppat, biex tiġi żgurata l-konnettività ta’ dawn it-territorji u l-aċċess ugwali għat-tranżizzjoni ta’ mobbiltà sostenibbli għaċ-ċittadini tagħhom;

    It-tisħiħ tat-trasport pubbliku bħala s-sinsla tal-mobbiltà urbana

    21.

    jilqa’ l-intenzjoni indikata mill-Kummissjoni li “taħdem mal-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali u mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tiżgura li [t-trasport pubbliku jibqa’] s-sinsla tal-mobbiltà urbana”; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-għodod u r-riżorsi kollha disponibbli għal dan l-għan, inkluż ir-rwol importanti tal-obbligi tas-servizz pubbliku fl-iżgurar tal-konnettività maċ-ċentri urbani;

    22.

    jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal żidiet ġenerali fil-kapaċità għat-trasport pubbliku, kemm f’termini ta’ kopertura ġeografika kif ukoll ta’ frekwenzi miżjuda, biex jakkomodaw iż-żieda mistennija fil-volumi tal-passiġġieri; ifakkar fin-nuqqas ta’ investiment kroniku f’dawn l-aħħar deċennji u d-distakk fl-investiment li jiffaċċjaw l-operaturi tat-trasport pubbliku, kif enfasizzat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

    23.

    jenfasizza li t-trasport pubbliku għandu jkun ikkomplementat minn offerti alternattivi u kunċetti multimodali; jappella f’dan ir-rigward għal soluzzjonijiet tal-ewwel u tal-aħħar mil flessibbli u mmexxija mid-domanda; u bl-istess mod jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-mobbiltà attiva, speċjalment iċ-ċikliżmu;

    24.

    jirrimarka l-ħtieġa li tiġi pprovduta u estiża l-infrastruttura sostenibbli tat-trasport pubbliku, inklużi sistemi adegwati għall-iċċarġjar għall-karozzi tal-linja elettriċi, li jippermettu vjaġġi interurbani f’kundizzjonijiet klimatiċi u ta’ art avversi, kif ukoll li tiżdied il-veloċità kummerċjali;

    25.

    jappella għat-tisħiħ ta’ ċentri multimodali biex jipprevedu trasferimenti bla xkiel bejn modi differenti ta’ trasport, inkluż it-titjib tal-aċċessibbiltà għall-mobbiltà attiva u l-provvista ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ sikuri għar-roti, sabiex jiġi żgurat trasferiment aktar rapidu u aktar effettiv ta’ persuni u oġġetti;

    26.

    jenfasizza l-importanza tal-konnessjonijiet periurbani, inklużi l-konnessjonijiet transkonfinali, peress li l-ivvjaġġar ma jiqafx fil-limiti tal-belt u jrid jiġi ffaċilitat ukoll fiż-żoni rurali u lil hinn mill-fruntieri nazzjonali fir-reġjuni tal-fruntiera, bħall-forniment ta’ faċilitajiet ta’ park-and-ride konnessi man-network tat-trasport;

    27.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ miżuri li jinkoraġġixxu l-użu ta’ servizzi tat-trasport pubbliku fuq talba, speċjalment f’żoni rurali periferiċi u ultraperiferiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ għall-ittestjar ta’ soluzzjonijiet bħal dawn u tipproponi sistema ta’ finanzjament u sussidji għal dan it-tip ta’ servizz;

    28.

    ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-art u l-erja tas-superfiċje żgħira tagħhom, ibatu minn konġestjoni sinifikanti tat-traffiku fil-bliet ewlenin tagħhom, speċjalment fl-istrixxi kostali. Madankollu, qed jiġu żviluppati proġetti biex jagħmlu t-trasport aktar sostenibbli u nadif u dawn jistgħu jservu ta’ prattika tajba għal reġjuni oħrajn tal-UE u għall-pajjiżi ġirien;

    29.

    jenfasizza l-importanza tal-ħruġ ta’ biljetti multimodali sabiex il-modi tat-trasport sostenibbli jkunu aċċessibbli u effiċjenti kemm jista’ jkun għall-utenti, filwaqt li jiġu protetti b’mod komprensiv id-drittijiet tal-passiġġieri assoċjati ma’ dewmien u nuqqasijiet oħra fis-servizz;

    30.

    jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tappoġġja l-akkwist pubbliku konġunt għal operaturi tat-trasport pubbliku jew awtoritajiet lokali u reġjonali li jixtiequ jingħaqdu f’dan il-qasam sabiex jiksbu proċessi ta’ xiri aktar sostenibbli u standardizzati; jappella għal mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-UE mġedded biex jappoġġja l-akkwist ta’ karozzi tal-linja nodfa u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-regoli baġitarji tal-UE jkunu kompatibbli mar-realtajiet tax-xiri tar-rolling stock;

    31.

    jindika l-ħtieġa li jiġi appoġġjat it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-operaturi tat-trasport pubbliku u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest taż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi u s-sistemi tat-trasport pubbliku;

    32.

    jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, speċjalment f’oqsma fejn hemm evidenza ta’ deterjorament sinifikanti u f’dan ir-rigward, li jiġu żviluppati skemi ta’ appoġġ;

    Viżjoni Żero

    33.

    jenfasizza l-importanza kritika ta’ approċċ aktar ambizzjuż biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ utenti vulnerabbli tat-toroq biex jinkoraġġixxi aktar il-bidla modali għal modi ta’ trasport attiv;

    34.

    jisħaq li approċċ imġedded għall-allokazzjoni tal-ispazju tat-toroq fiż-żoni urbani se jkollu l-aktar impatt deċiżiv fuq is-sikurezza tal-utenti vulnerabbli tat-toroq, filwaqt li jinkoraġġixxi wkoll bidla fl-imġiba u jnaqqas it-tniġġis tal-arja u l-istorbju, kif ukoll il-konġestjoni; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi gwida dwar dan b’rabta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq;

    35.

    jenfasizza l-impatt sinifikanti tal-introduzzjoni ta’ tnaqqis ġenerali tal-veloċità għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq fiż-żoni urbani kif ifformulat għall-ewwel darba mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-Komunikazzjoni tagħhom dwar “Il-Limiti tal-Veloċità fil-Komunità” (3); itenni t-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ rakkomandazzjoni għall-Istati Membri (4) għal limitu ta’ veloċità ta’ 30 km/siegħa f’toroq rilevanti fiż-żoni urbani u jenfasizza l-impatt pożittiv li din il-bidla fil-politika wriet fi bliet differenti billi naqqset id-diżgrazzji fit-toroq u b’mod ġenerali kellha impatt pożittiv fuq is-saħħa fil-bliet kif approvat ukoll mit-3 Konferenza Ministerjali Globali dwar is-Sikurezza fit-Toroq fi Frar 2020 u sussegwentement mill-Assemblea Ġenerali tan-NU;

    36.

    jenfasizza l-impatt pożittiv li l-jiem mingħajr karozzi għandhom fuq il-bliet, peress li joffru opportunitajiet għaċ-ċittadini biex jeżaminaw modi alternattivi ta’ trasport u jgħinu liċ-ċittadini jerġgħu jieħdu s-sjieda tal-ispazji pubbliċi f’idejhom; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta biex tistieden lill-bliet fl-UE jagħżlu mill-inqas jum wieħed armonizzat fis-sena bħala jum mingħajr karozzi;

    37.

    jisħaq fuq il-ħtieġa li jitfasslu toroq għal veloċitajiet baxxi u viżibilità aħjar tal-utenti l-aktar vulnerabbli tal-ispazju pubbliku; jenfasizza l-effettività tal-moderazzjoni tat-traffiku tal-infrastruttura, kif ukoll il-miżuri li jagħtu spinta;

    38.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-gwida li jmiss tagħha dwar infrastruttura ta’ kwalità għal utenti vulnerabbli tat-toroq;

    Mobbiltà urbana li tibqa’ valida għall-futur

    39.

    jisħaq li filwaqt li soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda għandhom rwol importanti biex jagħmlu l-bliet aktar abitabbli, it-teknoloġija eżistenti bħal roti elettriċi (tal-merkanzija), jew karozzi tal-linja, trolleybuses, trammijiet elettriċi u ferroviji għandhom ikunu s-sinsla meta wieħed jimmira għal trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri mingħajr emissjonijiet;

    40.

    jenfasizza l-importanza li jitħaffef il-progress lejn ħruġ ta’ biljetti integrati fil-modi kollha tat-trasport pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi l-iżvilupp ta’ applikazzjoni standardizzata tal-UE, fil-qafas ta’ liġi komuni, sabiex tiffaċilita l-aċċess fil-bliet fl-UE kollha u tippromovi l-użu tat-trasport pubbliku, b’impatt pożittiv kemm fuq it-turiżmu ferrovjarju kif ukoll fuq l-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura;

    41.

    jappella għal kooperazzjoni mill-qrib u bikrija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-użu potenzjali ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, mill-operaturi tat-trasport u l-passiġġieri, kif indikat fil-qafas il-ġdid għall-mobbiltà urbana;

    42.

    ifakkar li l-mobbiltà kondiviża hija soluzzjoni biex jitnaqqas it-traffiku fil-bliet u l-problemi assoċjati mal-konġestjoni, u l-iżvilupp tagħha għandu jiġi mħeġġeġ;

    43.

    jirrimarka li l-ġbir tad-data huwa mezz importanti għall-ippjanar tal-infrastruttura tat-trasport u konsegwentement id-data kollha miġbura għandha tkun disponibbli għall-atturi rilevanti kollha; filwaqt li huwa importanti li jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet faċli biex jintużaw inklużi applikazzjonijiet komprensivi għall-apparati mobbli, għandha tiġi żgurata wkoll il-protezzjoni tad-data; hemm bżonn li tiġi implimentata metodoloġija komuni u kkoordinata għall-ġbir tad-data fit-territorji differenti biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ prattiki tajba u t-tqabbil ta’ indikaturi affidabbli tal-mobbiltà;

    44.

    jenfasizza l-ħtieġa li titqies b’mod adegwat id-dimensjoni tal-ġeneru meta jitfasslu politiki ta’ mobbiltà sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-vulnerabbiltà addizzjonali tagħhom lejn il-faqar tal-mobbiltà, kif ukoll dawk ta’ kollettivi oħra;

    SUMPs bħala għodda ewlenija għad-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà urbana

    45.

    jikkonferma l-appoġġ tal-KtR għall-enfasi msaħħa fuq il-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs), fil-kuntest tal-qafas għall-mobbiltà urbana u, bħala rekwiżit obbligatorju għall-400+ nodu urban definiti taħt ir-reviżjoni proposta tar-Regolament TEN-T. Madankollu, il-bliet/il-muniċipalitajiet li diġà żviluppaw pjani li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-SUMPs għandhom ikunu jistgħu jużawhom;

    46.

    jappoġġja wkoll ir-rakkomandazzjoni li l-bliet jadottaw is-SUMPs; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jitfasslu SUMPs li jistgħu jiġu estiżi għal żoni b’diversi muniċipalitajiet li jiffunzjonaw bħala żoni metropolitani jew agglomerazzjonijiet urbani;

    47.

    jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw programmi ta’ appoġġ fit-tul tas-SUMPs sabiex jgħinu fil-bini tal-kapaċità u l-implimentazzjoni tas-SUMPs f’konformità mal-linji gwida tal-UE dwar is-SUMPs u jappella għal kooperazzjoni mill-qrib obbligatorja mal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dak il-kuntest; jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur kooperazzjoni mill-qrib bejn il-maniġers tal-programmi nazzjonali tas-SUMP previsti u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-post, u tissorvelja din il-kooperazzjoni fil-prattika;

    48.

    jenfasizza li biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni tal-mobbiltà fiż-żoni urbani, huwa kritiku li s-SUMPs ikopru b’mod effiċjenti ż-żoni funzjonali kollha kemm huma; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi kif tinċentiva l-konnettività mtejba u l-aċċess għal servizzi ta’ mobbiltà f’żoni suburbani, periurbani u rurali tal-madwar;

    49.

    jilqa’ s-sett issemplifikat imħabbar ta’ indikaturi u għodod ta’ valutazzjoni komparattiva skedat li jiġi ppubblikat sa tmiem l-2022, kif ukoll l-Azzjoni ta’ Appoġġ tal-Programm tal-FNE ippjanata biex tappoġġja n-nodi urbani TEN-T f’dan il-qasam. Madankollu, huwa importanti li jkun żgurat li l-ħidma fuq l-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-indikaturi ma twassalx għal ammont ta’ xogħol eċċessiv għall-bliet/muniċipalitajiet;

    50.

    jenfasizza l-ħtieġa għal ġbir ta’ data armonizzat f’oqsma ewlenin (eż. il-kilometri tal-karreġġjati għar-roti, l-utenti ta’ kuljum, l-inċidenti, it-tip ta’ networks) f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu infurmati aħjar it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-għażliet ta’ investiment futuri dwar il-mobbiltà attiva, inkluż fil-kuntest tas-SUMPs; il-piż amministrattiv għall-ġbir, il-provvista u ż-żamma tad-data għandu jinżamm għall-minimu;

    51.

    jenfasizza l-objettivi l-ġodda ta’ inklużjoni u aċċessibbiltà tal-qafas għall-mobbiltà urbana, u jilqa’ l-indikatur dwar l-affordabbiltà tat-trasport pubbliku b’rabta mal-gwida aġġornata tas-SUMP; dan jista’ jgħin biex jittaffew ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-faqar tal-mobbiltà;

    52.

    jinsisti, filwaqt li jappoġġja l-iżvilupp tas-SUMPs, u sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, li l-Kummissjoni Ewropea għandha ssaħħaħ il-konsultazzjoni diretta tal-bliet Ewropej u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-ħidma kontinwa u futura tagħha dwar l-indikaturi għas-SUMPs. Il-KtR jinnota debitament l-involviment ta’ madwar 50 belt fil-proġett pilota reċenti dwar l-iżvilupp ta’ indikaturi tal-mobbiltà urbana sostenibbli, u jirrimarka b’mod parallel li ħafna bliet Ewropej diġà żviluppaw SUMPs ta’ kwalità b’indikaturi operattivi. Fil-futur il-KtR jista’ jiffaċilita sensibilizzazzjoni usa’ u flussi ta’ informazzjoni aktar diretti bejn il-livell tal-UE u dak tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex jiġi żgurat li l-indikaturi proposti mill-Kummissjoni Ewropea ma joħolqux burokrazija żejda jew piż bla bżonn għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    53.

    jilqa’ l-enfasi fil-qafas il-ġdid għall-mobbiltà urbana fuq il-merkanzija urbana u l-integrazzjoni proposta tal-loġistika urbana fis-SUMPs, b’mod partikolari fid-dawl taż-żieda sinifikanti fil-kummerċ elettroniku u l-bidliet fix-xejriet tad-distribuzzjoni tal-merkanzija skattati mill-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza l-potenzjal importanti ta’ soluzzjonijiet, teknoloġiji u vetturi b’emissjonijiet żero għal-loġistika urbana; iħeġġeġ l-użu ta’ roti tal-merkanzija u trejlers tar-roti moderni, peress li madwar nofs il-vjaġġi kollha bil-mutur għat-trasport tal-merkanzija fi ħdan il-bliet Ewropej jistgħu jiġu trasferiti għar-roti; ifakkar li dan l-objettiv kien diġà stabbilit mill-Ministri tat-trasport tal-UE fid-“Dikjarazzjoni dwar iċ-Ċikliżmu bħala mezz ta’ trasport li ma jagħmilx ħsara lill-klima” tagħhom tal-2015;

    54.

    jappella għal miżuri abilitanti li jappoġġjaw l-użu tal-ferroviji urbani għat-trasport tal-merkanzija;

    55.

    jilqa’ l-intenzjoni li jitħeġġu d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha inklużi l-awtoritajiet lokali, u li tiġi appoġġjata l-kondiviżjoni tad-data dwar il-loġistika urbana bħala l-bażi għall-monitoraġġ tal-progress u l-ippjanar fit-tul; jappella għall-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rappurtar previsti marbuta mal-indikaturi ssemplifikati tal-indikaturi tal-mobbiltà urbana sostenibbli;

    Finanzjament

    56.

    jenfasizza li l-bidla modali sinifikanti lejn modi ta’ trasport pubbliku u attiv previst mill-qafas il-ġdid għall-mobbiltà urbana u l-Istrateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti se tkun possibbli biss b’appoġġ imsaħħaħ u kkoordinat mill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali u reġjonali, u notevolment finanzjament aktar immirat;

    57.

    jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali aktar dettaljata tas-sorsi ta’ finanzjament disponibbli għall-mobbiltà urbana u dwar il-modi li bihom dawn ir-riżorsi jistgħu jiġu aċċessati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza b’mod parallel l-importanza kritika ta’ strateġiji fit-tul u baġits fit-tul biex jiġi pprovdut qafas stabbli għall-ippjanar u l-investiment tal-mobbiltà urbana;

    58.

    jesprimi tħassib li l-finanzjament disponibbli għall-mobbiltà urbana taħt l-istrumenti tal-UE huwa jew pjuttost limitat fil-prattika, diffiċli biex jiġi aċċessat jew mhux adattat għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u/jew huwa dipendenti fuq fatturi arbitrarji bħal kooperazzjoni favorevoli bejn il-livelli ta’ governanza nazzjonali u subnazzjonali; jappella għal żieda, fi ħdan il-QFP li jmiss, u b’konformità mar-regolamenti nazzjonali li għandhom l-istess għan, l-ammonti ta’ programmi u għodod aċċessibbli bħala finanzjament dirett għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    59.

    jesprimi tħassib li ċerti aspetti tar-regoli previsti fis-sistema tal-UE tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA) jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu rikonċiljati fil-prattika ma’ investimenti sinifikanti fl-infrastruttura mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, notevolment ir-rekwiżit li tali nefqa tiġi rreġistrata f’sena finanzjarja waħda, li joħloq defiċit eċċessivament għoli fil-kontijiet reġjonali korrispondenti; jirrakkomanda li jiġi ottimizzat il-potenzjal tal-finanzjament disponibbli tal-UE billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jirreġistraw tali nefqa fil-kontijiet tagħhom progressivament matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-infrastruttura;

    60.

    jindika l-aspettattivi ta’ ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali għal-livell tal-UE biex jiġu previsti miżuri aktar b’saħħithom biex jinkoraġġixxu l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fis-settur tat-trasport u applikazzjoni aktar sistematika tal-prinċipji ta’ min iniġġes iħallas u min juża jħallas; jindika l-ħtieġa għal qafas ta’ appoġġ li jakkumpanja l-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ir-rigward;

    61.

    jinsisti li d-dħul mit-taxxa tas-CO2 għandu jiġi mgħoddi fin-network ferrovjarju jew taċ-ċikliżmu u proġetti oħra ta’ infrastruttura sostenibbli — meħtieġa għal tranżizzjoni tas-sistema tat-trasport. B’mod ġenerali, it-taxxa tas-CO2 effettiva u adatta hija komponent ċentrali ta’ politika ta’ mobbiltà favur il-klima;

    Il-governanza u l-iskambju tal-aħjar prattika

    62.

    jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ effettiv ta’ governanza f’diversi livelli bbażat fuq sussidjarjetà attiva; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tassoċja l-awtoritajiet lokali u reġjonali aktar mill-qrib fil-Grupp ta’ Esperti riformat dwar il-mobbiltà Urbana (EGUM) flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tassoċja lill-KtR f’dan il-kuntest; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-atturi attivi ewlenin tal-mobbiltà (persuni mexjin u ċiklisti), kif ukoll tal-utenti tat-trasport pubbliku, fl-ippjanar tal-mobbiltà urbana;

    63.

    jappella għall-iskambju tal-aħjar prattiki b’fokus fuq infrastruttura adegwata li tipprevedi spazji sikuri u komdi għal mobbiltà attiva bħall-mixi u ċ-ċikliżmu; f’dan ir-rigward jenfasizza l-importanza ta’ korsiji separati għall-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti;

    64.

    fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq, jappella għal skambju ta’ esperjenza miksuba s’issa u tal-aħjar prattiki biex jiġi żgurat approċċ li jwassal biex tinbeda bidla fl-imġiba;

    65.

    jilqa’ l-livell għoli ta’ interess espress mill-bliet tal-UE fil-Missjoni tal-UE għall-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti, li jirrifletti kemm l-impenn qawwi ta’ ħafna bliet tal-UE biex iwettqu t-tranżizzjoni tal-mobbiltà, iżda wkoll il-ħtieġa għal appoġġ addizzjonali — mil-lat finanzjarju, tekniku u strateġiku — mil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm dan il-momentum billi tipprevedi involviment kemm jista’ jkun attiv tal-bliet kollha tal-UE li jixtiequ jkunu assoċjati;

    66.

    jinsisti, b’mod partikolari, li l-Missjoni tal-UE dwar il-Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti u l-“100 belt newtrali għall-klima” m’għandhomx iżidu l-inugwaljanzi u d-diverġenzi bejn l-iżjed bliet avvanzati u dawk li għadhom lura; jappella sabiex tingħata attenzjoni mill-qrib lill-objettiv tal-Missjoni li tappoġġja l-bliet kollha tal-UE fit-tranżizzjoni ekoloġika;

    67.

    jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jmexxu bl-eżempju u jadottaw programmi simili għall-“100 belt newtrali għall-klima”;

    68.

    jappella għal skambju fl-UE kollha tal-aħjar prattiki dwar l-affordabbiltà tat-trasport pubbliku; jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq studju dwar il-fattibbiltà tal-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ trasport pubbliku mingħajr ħlas fl-UE kollha sabiex tinċentiva l-bidla modali. Dan l-istudju għandu jindirizza kemm l-aspetti soċjali kif ukoll dawk finanzjarji, inkluż ir-rwol attwali tal-bejgħ tal-biljetti bħala kumpens għall-ispejjeż operattivi dejjem jiżdiedu mġarrba mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-operaturi tat-trasport pubbliku.

    Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2022.

    Vasco ALVES CORDEIRO

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


    (1)  Rapport Speċjali 06/2020 tal-QEA: https://www.eca.europa.eu/en/Pages/DocItem.aspx?did=53246

    (2)  Id-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 59).

    (3)  COM(86) 735 final.

    (4)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 — Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn “Viżjoni Żero” (2021/2014(INI)) (ĠU C 132, 24.3.2022, p. 45).


    Top