Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0282

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq

    COM/2017/0282 final - 2017/0113 (COD)

    Brussell, 31.5.2017

    COM(2017) 282 final

    2017/0113(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SWD(2017) 196 final}
    {SWD(2017) 197 final}
    {SWD(2017) 198 final}
    {SWD(2017) 199 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Id-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq 1 tipprevedi livell minimu ta’ ftuħ tas-suq għall-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija fis-suq uniku. B'hekk l-għan tagħha hu (i) li tinkiseb l-aħjar allokazzjoni tar-riżorsi billi tiġi limitata l-ħela fl-użu tal-fatturi ta’ produzzjoni (pereżempju kapital maqbud f’vetturi li ma tantx jintużaw) u (ii) li jiżdiedu l-flessibbiltà u l-produttività tal-impriżi kkonċernati. L-għanijiet kollha huma assoċjati mal-użu ta’ vetturi mikrija.

    Madankollu, fl-istess ħin, id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija b’piż gross tal-vettura li jaqbeż is-sitt tunnellati għal operazzjonijiet ta’ trasport f’isimhom. Tippermetti wkoll li jiġi ristrett l-użu ta’ vettura li tkun ġiet mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura.

    Dawn ir-restrizzjonijiet jillimitaw l-effettività tad-Direttiva. Barra minn hekk, joħolqu piż bla bżonn fuq l-impriżi u taħlita mhux uniformi ta’ regoli li toħloq konfużjoni fost l-operaturi. It-tnaqqis tal-piż li jridu jġorru l-impriżi u l-iċċarar tar-regoli huma objettiv ewlieni tal-Programm tal-UE dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), li tifforma parti minnu din il-proposta.

    Għalhekk qed jiġi propost li titneħħa l-possibbiltà li jiġi ristrett l-użu ta’ vetturi mikrija għal operazzjonijiet ta’ trasport f’isimhom. Barra minn hekk, l-użu ta’ vettura mikrija fi Stat Membru ieħor irid jiġi permess għal mill-inqas erba’ xhur sabiex l-impriżi jkunu jistgħu jlaħħqu ma' kwalunkwe żieda fid-domanda temporanja jew staġjonali u/jew jissostitwixxu vetturi li jkunu difettużi jew bil-ħsara. Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet possibbli minħabba d-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri fit-tassazzjoni ta’ vetturi li jintużaw fit-triq, jidher li huwa meħtieġ li Stat Membru jingħata l-permess li jillimita, għal perjodu ta’ erba’ xhur, l-użu ta’ vettura mikrija fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura.

    B’mod ġenerali, il-proposta tiżgura aċċess għas-suq tal-vetturi mikrija li huwa ugwali għall-operaturi tat-trasport fl-UE kollha. Tiżgura wkoll qafas regolatorju uniformi fl-UE kollha u tippermetti lill-operaturi tat-trasport iwettqu l-attivitajiet tagħhom tat-trasport bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Peress li l-vetturi mikrija jkunu ġeneralment aktar ġodda, aktar sikuri u jniġġsu inqas, il-proposta tnaqqas l-esternalitajiet negattivi tat-trasport bit-triq.

    Din il-proposta hija waħda minn diversi proposti fil-qasam tat-trasport bit-triq li l-Kummissjoni beħsiebha tadotta fl-2017 biex il-qafas leġiżlattiv li jirregola s-settur tat-trasport bit-triq fl-UE jkun aktar xieraq għall-ġejjieni.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

    Il-vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija ssir referenza għalihom kemm fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 2 kif ukoll fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 3 , fil-kuntest tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment b’mod stabbli ta’ operatur tat-trasport (li huwa wieħed mir-rekwiżiti għall-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq) u fil-kuntest tar-regoli dwar il-liċenzja Komunitarja, li kopja ċertifikata tagħha trid tkun għad-dispożizzjoni tad-detentur tal-liċenzja għal kull vettura mikrija. F’dan il-kuntest, l-użu ta’ vetturi mikrija għat-twettiq ta’ operazzjonijiet huwa rilevanti għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Iż-żewġ Regolamenti u d-Direttiva jiffurmaw il-qafas legali li fih jopera s-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE. L-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn it-tliet atti legali huwa interkonness mill-qrib. B’mod partikolari, fir-rigward tal-infurzar tal-limitu ta’ żmien (fakultattiv) propost, li permezz tiegħu l-użu ta’ vettura mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura jista’ jiġi limitat għal erba’ xhur, il-proposta emendatorja li saret fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 hija rilevanti. Skont dik il-proposta, l-Istati Membri jkunu obbligati jindikaw in-numru tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni ta’ kull vettura għad-dispożizzjoni ta’ operatur tat-trasport fir-reġistru elettroniku nazzjonali rispettiv tagħhom. Din ir-regola għandha tkun ta’ għajnuna kbira għall-monitoraġġ tal-konformità mal-limiti ta’ żmien kollha msemmija hawn fuq.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija konsistenti għalkollox mal-prijorità tal-Kummissjoni li jinħoloq suq intern aktar profond u aktar ġust. Is-suq intern għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport li jużaw vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi tal-kiri u tal-lokazzjoni ta’ vetturi se jissaħħah. Dan huwa konformi wkoll mal-għanijiet tal-politika komuni tat-trasport, kif deskritt fil-White Paper tal-2011, “Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” 4 . Barra minn hekk, din il-proposta tnaqqas il-piż regolatorju li jridu jġorru l-operaturi u tiċċara l-qafas legali, u b’hekk tissodisfa b’mod parallel żewġ għanijiet tal-Programm REFIT tal-UE.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għal din id-Direttiva hija l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri biex tirregola l-qasam tat-trasport skont l-Artikolu 4(2)(g) tat-TFUE.

    It-trasport bit-triq qed isir dejjem aktar internazzjonali. Is-sehem tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq fl-attività totali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq f’dawk li llum huma l-UE-28 żdied minn madwar 28 % fl-2000 għal kważi 36 % fl-2014 5 . L-UE biss tista’ tipprovdi qafas legali uniformi għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport bit-triq fis-suq intern, li biż-żmien qed isir dejjem aktar integrat. Mingħajr l-intervent tal-UE, l-Istati Membri kieku ma jipprovdux il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni meħtieġa fis-suq intern. It-taħlita mhux uniformi ta’ regoli nazzjonali tista’ tingħeleb biss permezz ta’ azzjoni tal-UE. Qafas legali uniformi jnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità u ta’ infurzar fl-UE kollha. Minħabba li attwalment id-Direttiva tippermetti li l-Istati Membri jirrestrinġu l-użu ta’ vetturi mikrija taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tnaqqis tal-possibbiltà li l-Istati Membri jimponu restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi mikrija jeħtieġ li d-Direttiva tiġi emendata, u dan jista’ jsir biss fil-livell tal-UE.

    Proporzjonalità

    Kif indikat fit-Taqsima 7.4 tal-valutazzjoni tal-impatt, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-problemi li ġew identifikati. Il-proposta fiha biss xi emendi mmirati għad-Direttiva li jgħinu biex jittejbu l-qafas leġiżlattiv li fih joperaw is-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u s-settur tal-kiri u tal-lokazzjoni tal-vetturi fl-UE.

    Għażla tal-istrument

    Peress li l-att li jrid jiġi emendat huwa Direttiva, fil-prinċipju jenħtieġ li l-att emendatorju jkollu l-istess forma.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal relatat mal-evalwazzjoni ex-post tad-Direttiva 2006/1/KE ġie adottat flimkien ma’ din il-proposta 6 . Fil-perjodu 2015-2016 twettaq studju estern. Ir-rapport finali tiegħu ġie ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni 7 .

    Is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni ex-post kienu li d-Direttiva 2006/1/KE tista’ tikseb l-għanijiet tagħha b’mod aktar effettiv jekk ma tħallix lill-Istati Membri jirrestrinġu l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija f’ċertu segmenti tas-suq u taħt ċerti kundizzjonijiet. Ir-restrizzjonijiet fuq il-kiri transfruntiera ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija jipprevjenu lill-operaturi milli jagħmlu l-aħjar użu tal-flotot tagħhom billi jittrasferixxu l-vetturi tagħhom fejn ikunu meħtieġa l-aktar. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija jnaqqsu wkoll l-effiċjenza tad-Direttiva 2006/1/KE minħabba li jżidu l-ispejjeż ta’ konformità kemm għall-operaturi tat-trasport kif ukoll għall-kumpaniji tal-kiri/tal-lokazzjoni tal-vetturi billi jżidu l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar għall-awtoritajiet pubbliċi. Fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet, instab li dawn l-ispejjeż huma żgħar u negliġibbli.

    Li jiġi permess li l-Istati Membri jirrestrinġu l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija jmur ukoll kontra l-ħtiġijiet tal-ekonomija Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fil-flessibilità u fl-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u mhuwiex kompatibbli għalkollox mal-prijoritajiet politiċi attwali fir-rigward tal-approfondiment tas-suq uniku u tal-promozzjoni tal-użu ta’ vetturi aktar sikuri, aktar nodfa u aktar effiċjenti fl-użu tal-karburant.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-partijiet interessati kellhom diversi opportunitajiet sabiex jipprovdu kontribuzzjonijiet kemm waqt l-evalwazzjoni ex-post kif ukoll matul il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt. Flimkien ma’ intervisti mmirati tal-partijiet ikkonċernati (fil-ħarifa tal-2015 saru 27 intervista għall-evalwazzjoni ex-post, filwaqt li fit-tieni nofs tal-2016 saru 33 għall-valutazzjoni tal-impatt), bejn il-11 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Novembru 2016 saret konsultazzjoni pubblika onlajn ta’ 12-il ġimgħa (li kopriet kemm l-evalwazzjoni ex-post kif ukoll il-valutazzjoni tal-impatt u li b’rabta magħha waslu 27 tweġiba), filwaqt li bejn it-22 ta’ Settembru u l-11 ta’ Novembru 2016 infetaħ perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ 7 ġimgħat mal-SMEs permezz tal-bord tal-SMEs tan-Netwerk Enterprise Europe. Il-konsultazzjoni tal-bord tal-SMEs ikkonsistiet minn żewġ kwestjonarji separati, li wieħed minnhom kien dwar l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija (156 tweġiba) u l-ieħor kien dwar l-użu ta’ xarabanks u kowċis mikrija (94 tweġiba).

    Il-konsultazzjoni pprovdiet ġabra ta’ dejta u għadd ta' kontribuzzjonijiet rilevanti u siewja mill-professjonisti tas-settur. Wieħed mill-eżiti tagħha kien li n-nuqqas ta’ regoli tal-UE dwar l-użu ta’ xarabanks u kowċis mikrija ma kienx tassew problema u li ma kien hemm l-ebda segment speċifiku tas-suq li jittratta x-xarabanks u l-kowċis mikrija. Din hija r-raġuni għalfejn ġew imwarrba l-għażliet ta’ politika ppjanati oriġinarjament li kieku kienu jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall-użu ta’ xarabanks u ta' kowċis mikrija.

    Il-konsultazzjoni pprovdiet ukoll xi kontribuzzjonijiet dwar il-ġustifikazzjonijiet tal-Istati Membri rigward l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi mikrija. Xi awtoritajiet pubbliċi u rappreżentanti tat-trejdjunjins qed jibżgħu li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi mikrija għal operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom tista’ toħloq aktar pressjoni kompetittiva, u jinsabu mħassba wkoll li din tista’ toħloq aktar diffikultajiet fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar t-trasport bit-triq jekk jiġi permess l-użu ta’ vetturi mikrija fi Stat Membru ieħor. Filwaqt li ġew ikkunsidrati l-ġustifikazzjonijiet għal restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi mikrija fi Stat Membru ieħor, il-ġustifikazzjonijiet marbuta ma’ restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi mikrija għal operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom ma kinux konvinċenti.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Il-Kummissjoni kienet appoġġata minn kuntrattur estern li wettaq studju dwar l-evalwazzjoni ex-post tad-Direttiva u studju ta’ appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt.

    Valutazzjoni tal-impatt

    L-inizjattiva hija appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt, li ngħatat opinjoni pożittiva b’riżervi mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Ir-riżervi ġew indirizzati billi ġew ipprovduti aktar dettalji dwar il-kuntest ta' politika, billi ġie spjegat il-kobor tal-problemi li ġew identifikati u għaliex dawn għandhom jiġu indirizzati issa, billi twarrbet l-għażla ta’ politika oriġinali li kieku kienet testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall-użu ta’ xarabanks u ta' kowċis mikrija (peress li ma seta’ jiġi elaborat ebda każ għal din l-għażla), billi ġew spjegati r-riskji li jġib miegħu n-nuqqas tal-ksib tal-eżitu mistenni tal-għażla preferuta (b’mod partikolari fid-dawl ta’ inċentivi possibbli għall-ippjanar tat-taxxa jew għall-ottimizzazzjoni tat-taxxa u diffikultajiet possibbli għall-Istati Membri fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar t-trasport bit-triq), billi ġie pprovdut tentattiv ta’ kwantifikazzjoni tat-tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi u billi ġiet ipprovduta aktar informazzjoni dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

    Ġew eżaminati l-għażliet ta' politika li ġejjin:

    L-Għażla 0: Ħruġ ta’ linji gwida u ta' rakkomandazzjonijiet.

    L-Għażla 1: Emendi leġiżlattivi mmirati.

    L-Għażla 1a: Li jiġi permess l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija għal operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom fl-UE kollha.

    L-Għażla 1b: Li jiġi permess l-użu ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija li operatur stabbilit fi Stat Membru jkun kera fi Stat Membru ieħor għal ċertu perjodu ta’ żmien (ta’ bejn tliet xhur u erba’ xhur), pereżempju biex ilaħħaq ma' żieda fid-domanda temporanja jew staġjonali.

    L-Għażla 1c: Kombinament tal-Għażla 1a u tal-Għażla 1b.

    L-Għażla 2: L-istess regoli (jew regoli li għall-inqas ma jkunux aktar restrittivi) dwar l-użu ta’ vetturi mikrija bħal dawk għall-użu ta’ vetturi li jkunu proprjetà tal-impriżi.

    L-Għażla 1c hija l-għażla preferuta billi hija l-aktar għażla effettiva li tindirizza l-problemi kollha li ġew identifikati mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex dan isir. Hija aħjar mill-Għażla 2, peress li din tal-aħħar kieku ma teliminax it-taħlita mhux uniformi ta’ regoli fl-UE b’rabta mal-użu ta’ vetturi mikrija. Minflok, kieku r-regoli differenti tad-diversi Stati Membri jibqgħu fis-seħħ sakemm ma jwasslux biex il-vetturi mikrija jispiċċaw f’pożizzjoni li tkun agħar minn dik ta’ vetturi li jkunu proprjetà tal-operaturi (eż. rekwiżiti relatati mar-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ vettura mixtrija/mikrija fi Stat Membru ieħor).

    Skont l-għażla preferuta, l-ispejjeż operatorji tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-UE jistgħu jitnaqqsu b’ammont totali ta’ EUR 158 miljun fl-2030. Operatur li jibdel minn vetturi li jkunu proprjetà tiegħu għal vetturi mikrija għandu jara tnaqqis ta’ madwar 2 % fl-ispejjeż operatorji tiegħu. Barra minn hekk, huwa mistenni li s-settur tal-kiri/tal-lokazzjoni tal-vetturi jiggwadanja madwar EUR 81 miljun, biex b'hekk il-benefiċċju ekonomiku annwali totali jilħaq madwar EUR 240 miljun fl-2030. Apparti dan jinħolqu wkoll kważi 5 000 impjieg addizzjonali, 2 900 impjieg fis-settur tal-kiri/tal-lokazzjoni tal-vetturi u 1 700 impjieg fin-negozju tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Il-proposta hija parti mill-programm REFIT tal-Kummissjoni. Għandha l-għan li tissimplifika r-regoli dwar l-użu ta’ vetturi mikrija. Il-ftuħ tas-suq għall-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija għal operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom se jneħħi kull restrizzjoni, u b’hekk se jnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità għall-operaturi. Huwa mistenni li l-provvista ta’ qafas uniformi għall-użu ta’ vetturi li jkunu nkrew fi Stat Membru ieħor (għal mill-inqas erba’ xhur) tipprovdi ċarezza legali u ffrankar għall-operaturi sa EUR 12,8-il miljun fi spejjeż ta’ dereġistrazzjoni u ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid tal-vettura tagħhom.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 8 .

    4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva se tiġi mmonitorjata mill-qrib. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni. Billi tkompli tilliberalizza l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija, huwa mistenni li din id-Direttiva tagħti spinta lis-suq tal-vetturi mikrija u twassal għal inqas spejjeż u għal iktar flessibbiltà u qligħ għall-operaturi. L-informazzjoni rilevanti trid tinġabar mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, mir-rappreżentanti tan-negozju tal-kiri u tal-lokazzjoni tal-vetturi u permezz ta’ stħarriġ fost l-operaturi tat-trasport bit-triq. Huwa mistenni wkoll li r-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq jipprovdu informazzjoni utli. Billi fil-ġejjieni l-operaturi tat-trasport se jkollhom jindikaw in-numri tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-vetturi li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, għandu jkun faċli li minn dawn ir-reġistri wieħed ikollu ħarsa ġenerali tas-sehem ta’ vetturi li jkunu ġew irreġistrati f’pajjiż ieħor mill-flotta kollha tal-vetturi.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-elementi ewlenin tal-proposta huma dawn li ġejjin:

    Emenda għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/1/KE

    L-Artikolu 2 jipprovdi l-qafas għar-regoli li l-Istati Membri japplikaw għall-użu ta’ vetturi mikrija fit-territorju tagħhom stess minn impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. F’dan il-kuntest, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għal “traffiku bejn l-Istati Membri” hija antikwata peress li l-vetturi mikrija jistgħu jintużaw ukoll għal operazzjonijiet ta’ kabotaġġ f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009.

    Id-dispożizzjonijiet attwali jippermettu lill-Istati Membri jirrestrinġu l-użu ta’ vetturi mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tkun kriet il-vetturi. Dan joħloq taħlita mhux uniformi ta’ regoli fl-UE u inċertezza legali, li mbagħad jostakolaw lill-impriżi milli jibbenefikaw minn negozju ta’ kiri transfruntiera li potenzjalment ikun aktar attraenti ekonomikament. Għalhekk qed jiġi propost li l-impriżi jitħallew jużaw il-vetturi li jkunu nkrew minn kwalunkwe pajjiż fl-UE fit-territorju kollu tal-UE.

    Peress li r-rati ta’ tassazzjoni fuq il-vetturi għadhom ivarjaw b’mod konsiderevoli fl-UE, u biex tiġi evitata d-distorsjoni fiskali, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw iż-żmien tal-użu fit-territorju tagħhom ta’ vettura mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura, iżda għal mhux inqas minn perjodu minimu ta’ erba’ xhur. Dan il-perjodu minimu ta’ erba’ xhur għandu l-għan li jiżgura li l-vetturi mikrija (u rreġistrati) fi Stat Membru ieħor ikunu jistgħu jintużaw biex l-operaturi jlaħħqu maż-żieda fid-domanda temporanja jew staġjonali, tul perjodu qasir, jew biex jissostitwixxu vetturi difettużi jew bil-ħsara.

    Emenda għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/1/KE

    L-Artikolu 3 jipprovdi l-qafas għar-regoli li l-Istati Membri japplikaw għall-użu ta’ vetturi mikrija minn impriżi stabbiliti fit-territorju tagħhom stess. Id-dispożizzjonijiet attwali japplikaw għall-vetturi mikrija rreġistrati jew li ddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni b’mod legali fl-Istat Membru nnifsu, “sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 jitwettqu.” Billi l-Artikolu 2 emendat jippermetti l-użu ta’ vetturi mikrija rreġistrati jew li ddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni b’mod legali fi kwalunkwe Stat Membru, il-paragrafu 1 qed jiġi emendat biex din l-inkonsistenza titneħħa. Jenħtieġ li jkun possibbli li tintuża vettura li tkun ġiet irreġistrata jew li tkun iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura, mhux biss għal operazzjonijiet tat-trasport fi kwalunkwe Stat Membru ieħor (skont l-Artikolu 2 emendat), iżda anki għal operazzjonijiet tat-trasport fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura.

    Il-paragrafu 2 jitħassar peress li jenħtieġ li l-Istati Membri ma jibqax ikollhom il-libertà li jirrestrinġu l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija għal operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom. L-impriżi fl-UE kollha għandhom jitħallew jużaw vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija għal operazzjonijiet ta’ trasport f’isimhom u jgawdu mill-benefiċċji assoċjati. Dawn ma għandhomx ikunu ristretti għall-użu tal-vetturi li jkunu proprjetà tagħhom jew għall-esternalizzazzjoni tal-operazzjoni tat-trasport lil impriża li tipprovdi servizzi ta’ dan it-tip f'isem ħaddieħor. Ta' sikwit il-vetturi li jkunu proprjetà ta’ impriżi li jużawhom għal operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom ma tantx jintużaw u bħala medja jkunu aktar antiki, inqas sikuri u jniġġsu aktar minn vetturi mikrija.

    Artikolu 5a ġdid fid-Direttiva 2006/1/KE

    Din id-Direttiva tirrappreżenta pass ’il quddiem lejn il-ftuħ tas-suq għall-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Billi tippermetti l-użu ta’ vettura mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura, għall-inqas għal perjodu ta’ erba’ xhur, u billi tneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija għal operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom, id-Direttiva tiftaħ possibbiltajiet ġodda kemm għall-impriżi li jikru l-vetturi kif ukoll għall-impriżi attivi fin-negozju tal-kiri/tal-lokazzjoni tal-vetturi fl-UE kollha.

    Jenħtieġ li l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din id-Direttiva l-ġdida u l-impatt tagħha fuq l-operaturi tat-trasport li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom jew f'isem ħaddieħor u fuq is-settur tal-kiri/tal-lokazzjoni tal-vetturi, tiġi vvalutata f’rapport li jrid jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni. Dan jenħtieġ li jsir ladarba tkun disponibbli evidenza suffiċjenti, li għandu jkun il-każ ħames snin wara tmiem il-perjodu ta’ traspożizzjoni (sitt snin u nofs wara li tidħol fis-seħħ id-Direttiva l-ġdida). Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tivvaluta jekk ikunx jenħtieġ li jittieħdu miżuri ulterjuri.

    2017/0113 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 9 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 10 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Id-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 tipprevedi livell minimu ta’ ftuħ tas-suq għall-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

    (2)L-użu ta’ vetturi mikrija jista’ jnaqqas l-ispejjeż ta’ impriżi li jittrasportaw merkanzija f’isimhom jew f'isem ħaddieħor, u fl-istess ħin iżid il-flessibbiltà operattiva. Għalhekk, dan jista’ jagħti kontribut għal żieda fil-produttività u fil-kompetittività tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, peress li hemm it-tendenza li l-vetturi mikrija jkunu inqas antiki mill-flotta medja, dawn ukoll ikunu aktar sikuri u jniġġsu inqas.

    (3)Id-Direttiva 2006/1/KE ma tippermettix li l-impriżi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi li jġib miegħu l-użu ta’ vetturi mikrija. Dik id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-użu mill-impriżi tagħhom ta’ vetturi mikrija b’piż mgħobbi permissibbli massimu ta’ mhux aktar minn sitt tunnellati għal operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jippermettu l-użu ta’ vettura mikrija fuq it-territorji rispettivi tagħhom jekk il-vettura tkun ġiet irreġistrata jew tkun iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura.

    (4)Sabiex l-impriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod aħjar mill-vantaġġi tal-użu ta’ vetturi mikrija, jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jużaw vetturi mikrija fi kwalunkwe Stat Membru, u mhux biss f’dak li fih ikunu stabbiliti. Dan kieku jagħmilha aktar faċli għalihom biex b’mod partikolari jlaħħqu maż-żieda fid-domanda temporanja jew staġjonali, tul perjodu qasir, jew biex jissostitwixxu vetturi difettużi jew bil-ħsara.

    (5)Il-livell ta' tassazzjoni fuq it-trasport bit-triq għadu jvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Għaldaqstant, ċerti restrizzjonijiet, li jaffettwaw ukoll b’mod indirett il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-kiri ta’ vetturi, jibqgħu ġustifikati sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fiskali. Bħala riżultat ta’ dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jillimitaw it-tul ta’ żmien li fih vettura mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża tista’ tintuża fit-territorji rispettivi tagħhom.

    (6)Sabiex l-operazzjonijiet tat-trasport f’isimhom jitwettqu b’mod aktar effiċjenti, l-Istati Membri jenħtieġ li ma jitħallewx jirrestrinġu l-possibbiltà li vetturi mikrija jintużaw għal operazzjonijiet ta’ dan it-tip.

    (7)Jenħtieġ li l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din id-Direttiva jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni u tiddokumentahom f’rapport. Jenħtieġ li kull azzjoni futura f’dan il-qasam tiġi kkunsidrata fid-dawl ta’ dak ir-rapport.

    (8)Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħidhom iżda pjuttost jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba n-natura transfruntiera tat-trasport bit-triq u l-kwistjonijiet li din id-Direttiva ġiet maħsuba biex tindirizza, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà skont kif ġie stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (9)Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2006/1/KE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2006/1/KE hija emendata kif ġej:

    (1)    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i) is-sentenza introduttorja tinbidel b’dan li ġej:

    “Kull Stat Membru għandu jippermetti li fit-territorju tiegħu jintużaw vetturi mikrija minn impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sakemm:”;

    (ii) il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

    “(a)    il-vettura tkun irreġistrata jew tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet ta’ Stat Membru;”;

    (b) jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

    “1a.    Meta l-vettura ma tkunx irreġistrata jew ma tiddaħħalx fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet tal-Istat Membru li fih tkun ġiet stabbilita l-impriża li tikri l-vettura, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw iż-żmien tal-użu ta’ vettura mikrija fit-territorji rispettivi tagħhom. Madankollu, f’każijiet bħal dawn l-Istati Membri għandhom jippermettu l-użu tal-vettura għal mill-inqas erba’ xhur fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari.”

    (2)    L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi tagħhom ikunu jistgħu jużaw vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija bit-triq taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-vetturi li jkunu proprjetà tagħhom, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.”

    (3)    jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

    “Artikolu 5a

    Sa mhux aktar tard minn [OP: please insert the date calculated 5 years after the deadline for transposition of the Directive], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-vetturi mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura. Abbażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tivvaluta huwiex meħtieġ li jiġu proposti miżuri addizzjonali.”

    Artikolu 2

    1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [OP: please insert the date calculated 18 months following the entry into force]. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet minnufih.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Gћall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) ĠU L 33, 4.2.2006, p. 82.
    (2) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.
    (3) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72.
    (4) KUMM(2011)144 finalI tat-28 ta' Marzu 2011.
    (5) Ara EU transport in figures (It-trasport tal-UE f’ċifri). Statistical Pocketbook (Ktejjeb tal-Istatistika) 2016, Tabelli 2.2.4b u 2.2.4c; disponibbli onlajn fuq http://ec.europa.eu/transport/facts-fundings/statistics/pocketbook-2016_en  
    (6) SWD(2017) XXX final [complete reference when number is available].
    (7) https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/facts-fundings/evaluations/doc/2016-ex-post-evaluation-of-directive-2006-1-ec-final-report.pdf  
    (8) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.
    (9) ĠU C , , p. .
    (10) ĠU C , , p. .
    (11) Id-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq (verżjoni kodifikata) (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 82).
    Top