EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0278

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq

COM/2017/0278 final - 2017/0121 (COD)

Brussell, 31.5.2017

COM(2017) 278 final

2017/0121(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq

{SWD(2017) 184 final}
{SWD(2017) 185 final}
{SWD(2017) 186 final}
{SWD(2017) 187 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fis-settur tat-trasport bit-triq, ir-regoli soċjali tal-Unjoni jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera, filwaqt li jiżguraw kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport bit-triq u jtejbu s-sikurezza stradali għall-utenti kollha tat-toroq. It-tfassil ta’ dawn ir-regoli skont il-ħtiġijiet tas-settur u l-iffaċilitar tal-applikazzjoni u tal-infurzar tagħhom b’mod uniformi u effiċjenti hija parti ewlenija tal-istrateġija tal-Kummissjoni mmirata lejn l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq tat-trasport bit-triq fl-UE u lejn il-ksib ta’ settur ġust, effiċjenti u soċjalment responsabbli, kif spjegat fil-White Paper dwar it-trasport tat-28 ta’ Marzu 2011 1 .

Ir-regoli soċjali ewlenin li japplikaw għat-trasport bit-triq jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tax-xufiera stabbilit fid-Direttiva 2002/15/KE 2 , rekwiżiti minimi għall-infurzar stabbiliti fid-Direttiva 2006/22/KE, regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ skont ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 3 u dispożizzjonijiet dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema stabbiliti fid-Direttiva 96/71/KE 4 u fid-Direttiva 2014/67/UE 5 dwar l-infurzar. Dawn l-atti legali huma parti minn sforz usa’ dirett lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera, l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi u t-titjib tas-sikurezza fit-toroq Ewropej, kif ukoll l-iżgurar ta’ bilanċ bejn il-protezzjoni soċjali tax-xufiera u l-libertà tal-operaturi li jipprovdu servizzi transfruntiera.

Evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq u l-infurzar tagħha, li twettqet fl-2015-2017 6 bħala parti mill-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), ikkonkludiet li r-regoli fis-seħħ ma jindirizzawx b’mod effettiv u effiċjenti r-riskji ta’ deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Dan huwa dovut għal nuqqasijiet fil-qafas legali. Ċerti regoli mhumiex ċari u adattati, jew diffiċli biex jiġu implimentati jew infurzati, u dan iwassal għal differenzi fl-implimentazzjoni tar-regoli komuni bejn l-Istati Membri u jirrappreżenta riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq intern.

L-analiżi tal-problemi fil-prattika turi b’mod partikolari li hemm bżonn li jiġu indirizzati b’mod urġenti d-differenzi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE u tad-Direttiva 2014/67/UE għas-settur tat-trasport bit-triq. Fil-valutazzjoni tal-impatt li tappoġġa din il-proposta leġiżlattiva jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet u r-rekwiżiti amministrattivi dwar l-istazzjonar mhumiex adattati għan-natura mobbli ħafna tax-xogħol li jwettqu x-xufiera fil-qasam tat-trasport internazzjonali bit-triq. Dan iwassal għal piżijiet regolatorji sproporzjonati għall-operaturi u joħloq ostakli mhux ġustifikati għall-provvista ta’ servizzi transfruntiera. Id-diffikultajiet legali u prattiċi fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema għas-settur tat-trasport bit-triq ġew enfasizzati fil-premessa (10) tal-Proposta tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 7 li temenda d-Direttiva 96/71/KE: Minħabba n-natura mobbli ħafna tax-xogħol fit-trasport internazzjonali bit-triq, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema tqajjem kwistjonijiet u diffikultajiet legali partikolari (speċjalment meta r-rabta mal-Istat Membru inkwistjoni ma tkunx biżżejjed). Ikun aħjar jekk dawn l-isfidi jiġu indirizzati permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika għas-settur flimkien ma’ inizjattivi oħra tal-UE li jkollhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern tat-trasport bit-triq.

Din il-proposta tipprevedi approċċ olistiku għall-indirizzar tar-riskji tal-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux xierqa għax-xufiera, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, u fl-istess waqt tnaqqas il-piżijiet regolatorji eċċessivi fuq l-operaturi u tipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. L-għan ġenerali hu li jiġi żgurat bilanċ bejn kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa għax-xufiera u l-libertà għall-operaturi biex dawn ikunu jistgħu jipprovdu servizzi transfruntiera.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija parti minn inizjattiva kontinwa usa’ ta’ rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq. Hija marbuta mill-qrib ma’ inizjattiva favur it-titjib taċ-ċarezza u tal-adegwatezza tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 561/2006 u r-regoli dwar l-użu ta’ takografu stipulati fir-Regolament (UE) Nru 165/2014. Hija marbuta wkoll mar-rieżami kontinwu tar-regoli tas-suq dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009), l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009) u l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri (ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009). Ir-regoli soċjali u tas-suq jiffurmaw qafas legali komprensiv u koerenti, u l-infurzar tagħhom b’mod konsistenti u effettiv huwa kruċjali għall-ħolqien ta’ settur tat-trasport bit-triq li jkun ġust, sikur u sostenibbli fil-livell ambjentali u soċjali. L-ebda waħda mill-inizjattivi ma tista’ tindirizza weħidha l-isfidi soċjali u tas-suq kontinwi b’mod effettiv.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta tikkontribwixxi biex jintlaħqu tnejn mill-prijoritajiet ta’ din il-Kummissjoni, b’mod partikolari l-ħolqien ta’ “suq intern aktar profond u aktar ġust” u l-għoti ta’ spinta lill-“impjiegi, it-tkabbir u l-investiment”. Din il-proposta hija konsistenti ma’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jiġġieldu l-inġustizzja soċjali u l-kompetizzjoni inġusta u li joħolqu qafas soċjali għal opportunitajiet ġodda ta’ impjieg u kundizzjonijiet ġusti għan-negozju.

Wieħed mill-għanijiet ta’ din il-proposta huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjoni soċjali xierqa. Għaldaqstant, din tmur tajjeb mal-għanijiet tal-Aġenda Soċjali tal-Kummissjoni u mal-inizjattiva dwar il-ħolqien ta’ pilastru tal-UE tad-Drittijiet Soċjali. Hija konsistenti wkoll mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 31 tagħha jistabbilixxi d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa.

Il-proposta tagħti kontribut lill-Programm REFIT billi tnaqqas il-piżijiet regolatorji u billi tissimplifika u tadatta ċerti regoli għall-bżonnijiet speċifiċi tas-settur. Barra minn hekk se tiżgura infurzar aktar effiċjenti permezz ta’ użu aħjar tal-għodod u tas-sistemi ta’ kontroll eżistenti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta temenda d-Direttiva 2006/22/KE u tistipula regoli speċifiċi għas-settur dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fir-rigward tad-Direttiva 96/71/KE u tad-Direttiva 2014/67/UE.

Id-Direttiva 2006/22/KE hija bbażata fuq dak li issa huwa l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), u jenħtieġ li din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi invokata għall-emendar tagħha.

Id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE huma bbażati fuq (dak li issa huwa) l-Artikolu 53(1) tat-TFUE. Madankollu, billi r-regoli proposti hawn jirrigwardaw b’mod esklużiv sitwazzjonijiet li huma speċifiċi għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport, jenħtieġ li jiġi invokat l-Artikolu 91(1) tat-TFUE.

.

Sussidjarjetà

Skont l-Artikolu 4(2)(g) tat-TFUE, l-UE tikkondividi l-kompetenza regolatorja fil-qasam tat-trasport mal-Istati Membri. Madankollu, emendi għar-regoli eżistenti jistgħu jsiru biss mil-leġiżlatur tal-UE.

Nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni attwali jfissru li l-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw ir-regoli soċjali tal-UE b’mod differenti, inklużi dawk dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Linji gwida jew awtoregolamentazzjoni mill-Istat Membru ma jkunux biżżejjed biex jiġi żgurat li r-regoli soċjali fit-trasport bit-triq jiġu applikati u infurzati b’mod konsistenti fl-UE kollha. Għaldaqstant, azzjoni fil-livell tal-UE hija ġustifikata.

Proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati b’rabta ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol mhux xierqa għax-xufiera u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi.

Kif iddikjarat fit-Taqsima 7.2 tal-valutazzjoni tal-impatt, il-proposta tippreżenta l-għażla ta’ politika meqjusa bħala l-aktar waħda xierqa u proporzjonata, filwaqt li tipprovdi bilanċ bejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għax-xufiera, it-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji għall-operaturi u l-infurzar tar-regoli b’mod effettiv f’livell transfruntiera.

Il-proposta tiffoka fuq is-simplifikazzjoni, l-iċċarar u l-aġġustament ta’ ċerti regoli bl-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-settur. Din tevita piżijiet amministrattivi bla bżonn fuq l-operaturi u għandha l-għan li tiżgura li r-rekwiżiti għall-kooperazzjoni amministrattiva u għall-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri jkunu proporzjonati. Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-miżuri ta’ politika ppjanati mhux se jkollhom impatt sproporzjonat fuq l-SMEs.

Għażla tal-istrument

Billi l-proposta twassal għadd limitat ta’ emendi għad-Direttiva 2006/22/KE u tistipula regoli speċifiċi għas-settur rigward l-istazzjonar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq b’rabta mad-Direttiva 96/71/KE u mad-Direttiva 2014/67/UE, l-istrument magħżul huwa wkoll direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Id-Direttiva 2006/22/KE dwar l-Infurzar, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar il-Ħin tas-Sewqan u d-Direttiva 2002/15/KE dwar il-Ħin tax-Xogħol, kienu soġġetti għal evalwazzjoni ex post komprensiva li twettqet fil-perjodu 2015-2017 8 . Din l-evalwazzjoni kienet appoġġata minn studju estern 9 .

Il-kwistjonijiet ewlenin li ġew identifikati kienu:

- interpretazzjoni u infurzar diverġenti tad-dispożizzjoni dwar il-perjodi ta’ reġistrazzjoni meta xufier ikun jinsab ’il bogħod mill-vettura;

- ksur tar-regoli dwar il-ħin tax-xogħol li jwassal għal żieda eċċessiva fis-sigħat tax-xogħol għax-xufiera u għal għeja akkumulata li jista’ jkollha effetti negattivi fuq is-saħħa u s-sikurezza tax-xufiera, u fuq is-sikurezza stradali;

- infurzar dgħajjef tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u n-nuqqas ta’ dejta uniformi dwar il-monitoraġġ u l-kontrolli tal-konformità;

- kooperazzjoni amministrattiva u assistenza reċiproka dgħajfa bejn l-Istati Membri, li jfixklu l-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli tal-UE;

- sistemi nazzjonali inkonsistenti li jivvalutaw il-klassifikazzjonijiet tar-riskju tal-impriżi tat-trasport, li jxekklu l-iskambju ta’ informazzjoni u t-tqabbil tad-dejta maħsuba biex ikun hemm kontrolli effettivi;

- użu mhux suffiċjenti tad-dejta fis-sistemi tal-klassifikazzjoni tar-riskju li jxekkel l-immirar effettiv tal-kontrolli;

- riskji li ma ġewx indirizzati ta’ deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol marbuta ma’ pagi u ma’ protezzjoni soċjali mhux xierqa ta’ xufiera li jaħdmu għal perjodi twal barra l-pajjiż ta’ impjieg tagħhom.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema ma kinux parti espliċita minn din l-evalwazzjoni REFIT. Madankollu, diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali diverġenti dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq urew li r-regoli ġenerali dwar l-istazzjonar mhumiex adattati għall-forza tax-xogħol mobbli ħafna fis-settur tat-trasport bit-triq u li r-rekwiżiti amministrattivi huma ta’ piż sproporzjonat, bir-riżultat li qed tiġi ristretta l-libertà li jiġu pprovduti servizzi transfruntiera.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saru konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati bi tħejjija għal din il-proposta, f’konformità mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002 (COM(2002) 704 final).

Il-gruppi rilevanti kollha tal-partijiet ikkonċernati kkontribwew fil-proċess ta’ konsultazzjoni: awtoritajiet nazzjonali, korpi ta’ infurzar, assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-operaturi tat-trasport bit-triq (tal-merkanzija u tal-passiġġieri), spedizjonieri, spedituri, SMEs, trejdjunjins, xufiera u ħaddiema oħra tas-settur tat-trasport bit-triq. B’mod partikolari, is-Sħab Soċjali Ewropej ġew ikkonsultati b’mod estensiv tul il-proċess kollu. Intużaw diversi għodod u metodi ta’ konsultazzjoni miftuħa u mmirata:

-    Konferenza ta’ Livell Għoli li saret fl-4 ta’ Ġunju 2015 dwar “Aġenda Soċjali għat-Trasport” nediet dibattitu wiesa’ dwar l-aspetti soċjali fit-trasport bit-triq; din laqqgħet flimkien madwar 350 parteċipant: dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, esperti fil-qasam tat-trasport, sħab soċjali;

-    Seminars li saru fl-aħħar tal-2015 li laqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati tal-industrija, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u s-sħab soċjali fil-livell tal-UE. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq kif kienet qed taħdem il-leġiżlazzjoni soċjali u tas-suq intern fil-qasam tat-trasport bit-triq;

-    Konferenza dwar it-Trasport bit-Triq li saret fid-19 ta’ April 2016 u li waqtha saret sessjoni ta' ħidma dwar aspetti soċjali u tas-suq intern fil-kuntest tat-trasport bit-triq. Kien hemm madwar 400 parteċipant, b’mod partikolari rappreżentanti tal-Istati Membri, Membri tal-Parlament Ewropew u partijiet ikkonċernati ewlenin li ddiskutew dwar l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Inizjattivi ppjanati għat-Toroq;

-    Tnedew ħames stħarriġiet imfassla apposta bl-għan li jinkisbu l-opinjonijiet tal-Ministeri nazzjonali tat-trasport (b’enfasi fuq l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli), tal-awtoritajiet tal-infurzar (b’enfasi fuq il-prattiki ta’ infurzar, u l-benefiċċji u l-ispejjeż tal-infurzar), tan-negozji (b’enfasi fuq l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq l-operaturi fis-suq), tat-trejdjunjins (b’enfasi fuq l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq ix-xufiera) u ta’ partijiet ikkonċernati oħra bħall-assoċjazzjonijiet tal-industrija (b’enfasi fuq l-opinjonijiet ġenerali rigward l-effetti tal-leġiżlazzjoni). B’kollox waslu 1441 tweġiba (li minnhom 1269 kienu minn kumpaniji tat-trasport bit-triq).

-    Saru intervisti ma’ 90 parti kkonċernata (li 37 minnhom kienu ma’ xufiera) bl-għan li jinġabar għarfien dwar l-esperjenzi tal-partijiet ikkonċernati rigward kif kien twettaq l-infurzar, rigward jekk dan kienx effettiv u rigward kwalunkwe diffikultà b’rabta mal-konformità.

-    Konsultazzjoni pubblika 10 li saret bejn il-5 ta’ Settembru u l-11 ta’ Diċembru 2016 sabiex tiġi definita l-problema u sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet potenzjali. Mill-1378 tweġiba li waslu, 1209 kienu minn xufiera, operaturi, spedituri u spedizjonieri, filwaqt li 169 waslu mingħand awtoritajiet nazzjonali, korpi tal-infurzar, organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u assoċjazzjonijiet tal-industrija;

-    Stħarriġ iffukat fuq l-SMEs li sar bejn l-4 ta’ Novembru 2016 u l-4 ta’ Jannar 2017. Il-109 tweġiba li waslu offrew fehmiet dwar l-għanijiet tar-reviżjoni tal-qafas legali kif ukoll soluzzjonijiet potenzjali;

-    Stħarriġ onlajn iffukat fuq ix-xufiera (it-345 tweġiba pprovdew fehmiet dwar miżuri potenzjali, għalkemm minn fost dawn, 140 tweġiba waslu min-Netherlands u 127 waslu mir-Renju Unit); stħarriġ tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-korpi tal-infurzar (waslu 41 tweġiba minn 27 Stat Membru tal-UE u min-Norveġja u mill-Iżvizzera) u stħarriġ tal-operaturi (73 tweġiba, minkejja li għal darb’oħra, ma kinux rappreżentattivi għalkollox peress li 58 minnhom waslu mill-Ungerija);

-     Intervisti ma’ 7 kumpaniji tat-trasport, 9 assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-industrija, 9 awtoritajiet nazzjonali, 4 unjins nazzjonali tal-ħaddiema u 6 Sħab Soċjali Ewropej.

Is-Sħab Soċjali Ewropej ġew ukoll infurmati u kkonsultati b’mod regolari f’diversi laqgħat bilaterali mal-Kummissjoni u waqt laqgħat regolari tal-Kumitat ta’ Djalogu Settorjali dwar it-Trasport bit-Triq u tal-Grupp ta’ Ħidma tas-Sħab Soċjali.

L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kkonfermaw il-problemi ewlenin li ġejjin: 1) kundizzjonijiet tax-xogħol mhux xierqa għax-xufiera; 2) distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-trasport; u 3) piżijiet regolatorji għall-operaturi u għall-Istati Membri. Il-kwistjonijiet legali ewlenin li ġew identifikati b’rabta dawk id-diffikultajiet huma: regoli soċjali li mhumiex ċari jew li mhumiex adattati, applikazzjoni diverġenti tar-regoli, infurzar inkonsistenti u mhux effettiv u kooperazzjoni amministrattiva dgħajfa bejn l-Istati Membri.

Fir-rigward tal-abbozzi ta’ miżuri ta’ politika, il-partijiet ikkonċernati wrew appoġġ qawwi favur it-tisħiħ tal-infurzar u tal-kooperazzjoni bejn il-korpi tal-infurzar, minkejja li kien hemm xi awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar li qajmu tħassib dwar spejjeż addizzjonali potenzjali b’rabta mal-infurzar. B’mod partikolari, il-miżuri għall-armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-klassifikazzjoni tar-riskju u għall-għoti ta’ aċċess f’ħin reali għad-dejta fis-sistemi tal-klassifikazzjoni tar-riskju ġew appoġġati ferm mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-organizzazzjonijiet tal-infurzar fil-livell tal-UE (b’aktar minn 70 % minnhom li wrew l-appoġġ tagħhom).

Il-partijiet ikkonċernati ma qablux fil-fehmiet tagħhom dwar abbozzi ta’ miżuri dwar il-kundizzjonijiet tal-istazzjonar fis-settur tat-trasport bit-triq; l-Istati Membri u l-operaturi tal-UE-13 appoġġaw il-miżura b’riżervi (il-limitu ta’ żmien ma għandux ikun baxx wisq), filwaqt li t-trejdjunjins qiesu l-miżura bħala ta’ detriment għax-xufiera. L-Istati Membri u l-operaturi tal-UE-15 kellhom opinjonijiet differenti. Il-maġġoranza tal-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati, ħlief għat-trejdjunjins, urew il-preferenza tagħhom għall-miżura dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi meta jiġu applikati r-regoli dwar l-istazzjonar fis-settur tat-trasport bit-triq.

   Ġbir u użu tal-kompetenzi

Il-Kummissjoni ngħatat l-għajnuna ta’ kuntratturi esterni, li ppreżentaw studju ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni ex post 11 u studju ta’ appoġġ separat għall-valutazzjoni tal-impatt, li tlesta f’Mejju 2017.

Valutazzjoni tal-impatt

L-inizjattiva hija appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt, li ngħatat opinjoni pożittiva b’rakkomandazzjonijiet mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Il-kummenti ewlenin kollha tal-Bord ġew indirizzati fil-verżjoni reveduta tal-valutazzjoni tal-impatt (ara l-Anness 1 għal ħarsa ġenerali).

Ġew ikkunsidrati erba’ għażliet ta' politika. L-ewwel tlieta huma kumulattivi f’dak li jikkonċerna ż-żieda fil-livell ta’ interventi regolatorji u l-impatti mistennija, filwaqt li r-raba’ waħda kienet orizzontali u l-miżuri tagħha jistgħu jiġu kkombinati ma’ kwalunkwe waħda mill-ewwel tliet għażliet.

L-ewwel għażla ta’ politika ffukat fuq l-iċċarar tal-qafas legali u fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar. It-tieni għażla ffukat fuq it-tisħiħ tal-infurzar u fuq it-titjib tal-mudelli tax-xogħol għall-ħaddiema. It-tielet għażla pproponiet bidliet sostantivi fir-regoli, b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ pagi abbażi tal-prestazzjoni. Ir-raba’ għażla inkludiet kriterji speċifiċi għas-settur u miżuri ta’ infurzar speċifiċi għall-istazzjonar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq. Din kienet tinkludi varjanti bbażati fuq limiti ta’ żmien: il-varjant (a) - 3 ijiem, (b) - 5 ijiem, (c) - 7 ijiem u (d) - 9 ijiem bħala total għal kull xahar kalendarju li jqattgħu fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti, li wara l-iskadenza tagħhom ir-regoli tal-Istat Membru ospitanti dwar ir-rati tal-paga minima u dwar il-liv annwali bil-ħlas japplikaw għal operatur barrani.

L-għażla ta’ politika 1 dehret bħala l-inqas waħda effettiva biex tindirizza l-kwistjoni tal-inċertezza legali u l-inugwaljanza bejn ix-xufiera u l-operaturi, prinċipalment minħabba n-natura volontarja tal-miżuri. Din iżżid it-tħassib dwar l-għadd ta’ miżuri nazzjonali li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom ix-xufiera u l-operaturi.

L-għażla ta’ politika 3 jidher li għandha xi effetti sekondarji negattivi f’termini ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol għax-xufiera fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri, peress li l-miżura dwar id-dewmien tal-mistrieħ fil-ġimgħa jwassal għal żieda ta’ bejn 20 % u 33 % fl-indiċi tal-għeja u żżid ir-riskji għas-sikurezza stradali b’4 % sa 5 %. Dawn l-indiċijiet ogħla tal-għeja u tar-riskju jiġu abbinati ma’ tnaqqis ta’ bejn 3 % u 5 % fl-ispejjeż ta’ konformità għall-operaturi.

L-għażla ta’ politika 2 twassal l-aktar impatti pożittivi f’termini ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għax-xufiera (billi tnaqqas l-indiċi tal-għeja bi 28 % u l-perjodi ’l bogħod mid-dar bi 43 % għax-xufiera tal-UE-13 u b’16 % għax-xufiera tal-UE-15). Fl-istess ħin tgħin biex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex tittejjeb is-sikurezza stradali, bis-saħħa tal-miżuri li jiżguraw li l-infurzar ikun konsistenti u aktar effiċjenti, filwaqt li tnaqqas xi ftit jew wisq il-piżijiet amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-impriżi tat-trasport.

F’dak li jirrigwarda l-għażla orizzontali (il-Pakkett tal-Politika 4) dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, l-ispejjeż ta’ konformità għall-operaturi huma l-aktar baxxi f’każ li jkun hemm limitu ogħla, minħabba tnaqqis fl-għadd ta’ vjaġġi fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-paga minima. Min-naħa l-oħra, limitu ta’ żmien iqsar kieku jkopri grupp usa’ ta’ xufiera involuti fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport transfruntiera bit-triq, li jwassal għal effetti pożittivi kumplessivament ogħla f’termini tat-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol tax-xufiera u taż-żieda fl-attrazzjoni tal-impjieg.

L-iffrankar stmat għall-operaturi jirriżulta prinċipalment mill-għażla 4, b’mod partikolari mir-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll. Dan l-iffrankar huwa ta’ madwar EUR 785 miljun fi spejjeż amministrattivi fis-sena. L-iffrankar bħala riżultat tal-miżuri tal-għażla 2 ma setax jiġi kwantifikat. Madankollu, huwa mistenni li dawn inaqqsu l-każijiet ta’ ksur, u b’hekk, anki l-ispejjeż ta’ konformità. Barra minn hekk, jippermettu li l-operazzjonijiet tat-trasport isiru aktar effiċjenti u jipprovdu inċentiv biex ix-xufiera jirritornaw id-dar aktar spiss. Madankollu, dawn se joħolqu spejjeż ta’ infurzar kemxejn ogħla għall-awtoritajiet nazzjonali (ta’ bejn 1,3 % u 8 %), b’mod partikolari b’rabta mal-kontrolli dwar il-konformità mar-regoli dwar il-ħintax-xogħol.

Idonjetà regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta tfittex li tissodisfa l-għan REFIT li tiżdied l-effettività tal-leġiżlazzjoni u li jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji għan-negozji. Dan prinċipalment tagħmlu billi tissimplifika u tadatta r-regoli għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur u billi tagħmel użu aktar effettiv ta’ għodod u ta’ bażijiet ta’ dejta aktar uniformi tal-infurzar. Filwaqt li huwa mistenni li l-ispejjeż tal-infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali jiżdiedu kemxejn, iż-żieda hija ġġustifikata mit-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u fil-kundizzjonijiet tan-negozju għall-operaturi, li jippermetti liffrankar tal-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-proposta se twassal ukoll biex l-infurzar ikun aktar effiċjenti, pereżempju billi jiżdied l-użu tas-sistemi tal-klassifikazzjoni tar-riskju biex il-kontrolli jiġu diretti lejn operaturi li ma jkunux konformi. Il-proposta ma teżentax lill-mikroimpriżi, peress li kieku dan iwassal għal riskju ta’ kundizzjonijiet kompetittivi mhux ugwali u ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol mhux ugwali.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tagħti kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 31, li jipprevedi d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-monitoraġġ tal-iżviluppi, b’mod partikolari l-għadd, it-tipi u l-frekwenza tal-okkorrenza ta’ ksur tar-regoli soċjali se jsir permezz ta’ kombinament ta’ rapporti dwar l-implimentazzjoni nazzjonali u l-analiżi tad-dejta mill-organizzazzjonijiet tal-infurzar tal-UE. Il-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq se jwettaq sorveljanza u valutazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni u l-infurzar fuq bażi regolari. L-informazzjoni dwar l-istazzjonar se tinġabar mill-bażijiet ta’ dejta nazzjonali, abbażi tal-formola A1 – dikjarazzjoni li ħaddiem stazzjonat jibqa’ kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ta’ oriġini.

Żviluppi oħra fis-suq u l-impatti potenzjali tagħhom fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni se jiġu vvalutati billi tintuża d-dejta rilevanti miġbura bħala parti minn inizjattivi oħra, b’mod partikolari r-reviżjoni tar-Regolament dwar l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

Din il-proposta timmodifika, b’mod limitat, żewġ Direttivi eżistenti u tistabbilixxi regoli speċifiċi fir-rigward ta’ żewġ Direttivi eżistenti oħra. L-ebda dokument ta’ spjegazzjoni speċifiku dwar it-traspożizzjoni mhu kkunsidrat bħala meħtieġ.

Emenda possibbli għad-Direttiva 2002/15/KE

F’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE, li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali fil-livell Ewropew li għandhom jiġu kkonsultati rigward kwistjonijiet relatati mal-impjiegi u l-affarijiet soċjali stabbiliti fl-Artikolu 153 tat-Trattat, il-Kummissjoni se tniedi proċess ta’ konsultazzjoni biex tiġbor il-fehmiet tas-sħab soċjali dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-Unjoni rigward id-Direttiva 2002/15/KE, li hija parti mill-qafas legali tar-regoli soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-elementi ewlenin tal-proposta huma:

Id-Direttiva 2006/22/KE

L-Artikolu 1 jemenda d-Direttiva 2006/22/KE kif ġej:

Artikolu 1 – Suġġett

L-Artikolu 1 huwa emendat sabiex jiġi ċċarat li r-rekwiżiti tal-infurzar stabbiliti f’din id-Direttiva japplikaw ukoll għall-kontroll tal-konformità mad-Direttiva 2002/15/KE.

Artikolu 2 – Sistemi ta’ kontroll

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(1) huwa emendat b’mod li jeżiġi li l-kontrolli li jitwettqu mill-Istati Membri jkunu jinkludu l-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol stipulati fid-Direttiva 2002/15/KE.

L-Artikolu 2(3) jispeċifika li l-għadd minimu ta’ kontrolli dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jinkludi verifiki dwar il-konformità mad-Direttiva 2002/15/KE.

L-Artikolu 2(4) jistipula li l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri rigward ir-riżultati tal-kontrolli fil-ġenb tat-triq kif ukoll fl-istabbilimenti trid tinkludi kontrolli dwar il-konformità mad-Direttiva 2002/15/KE.

Artikolu 6 – Kontrolli fl-istabbilimenti tal-impriżi

L-Artikolu 6(1) jispeċifika li ksur serju li jagħti lok għal kontrolli fl-istabbilimenti ta’ impriżi tat-trasport bit-triq għandu jinkludi wkoll ksur tad-Direttiva 2002/15/KE.

Artikolu 7 – Kollegament intrakomunitarju

L-Artikolu 7(1)(d) qed jiġi miżjud biex jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali nominati jiskambjaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva 2002/15/KE.

Artikolu 8 – Skambju ta’ informazzjoni

L-Artikolu 8 huwa emendat sabiex jitwessgħu l-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri. L-Artikolu 8(1) huwa emendat biex jiġi ppreċiżat li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali nominati jkopri wkoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. L-Artikolu 8(1)a qed jiġi miżjud biex jistabbilixxi skadenzi fissi awtorità ta’ Stat Membru trid tirrispetta meta twieġeb għat-talbiet għal informazzjoni minn Stati Membri oħra.

Artikolu 9 – Sistema tal-klassifikazzjoni tar-riskju

L-Artikolu 9 huwa emendat sabiex jittejbu l-konsistenza u l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-klassifikazzjoni tar-riskju. Fl-Artikolu 9(1), wara l-ewwel paragrafu jiżdied paragrafu li jistipula li l-Kummissjoni trid tistabbilixxi formula uniformi għall-kalkolu tal-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi tat-trasport; jispeċifika wkoll il-kriterji li jridu jitqiesu meta tkun qed tiġi stabbilita formula ta’ dan it-tip, inkluż l-użu tat-takografu ‘intelliġenti’. L-Artikolu 9(2) huwa emendat biex iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddiskutu regoli għat-twettiq ta’ verifiki addizzjonali fl-istabbilimenti ta’ impriżi tat-trasport bit-triq bi klassifikazzjoni għolja ta’ riskju. L-Artikolu 9(4) qed jiżdied sabiex jiġi speċifikat li d-dejta fis-sistema tal-klassifikazzjoni tar-riskju trid tkun disponibbli għall-awtoritajiet ta’ kontroll. L-Artikolu 9(5) qed jiżdied sabiex jeħtieġ li min-naħa tal-Istati Membri l-informazzjoni fis-sistema nazzjonali tal-klassifikazzjoni tar-riskju tkun disponibbli għal Stati Membri oħra fuq talba.

Artikolu 11 - L-aħjar prattika

L-Artikolu 11(3) qed jiżdied sabiex il-Kummissjoni tintalab tistabbilixxi approċċ komuni għall-perjodi ta’ reġistrazzjoni u ta’ kontroll ta’ perjodi ta’ “xogħol ieħor” għajr is-sewqan meta xufier ma jkunx mal-vettura u għalhekk ma jkunx jista’ jagħmel ir-reġistrazzjonijiet meħtieġa fit-takografu.

Anness 1

Fil-Parti A qed jiżdied il-punt (6) sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli fil-ġenb tat-triq jiġi estiż biex ikopri l-verifiki dwar il-konformità mal-limiti tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa. Fil-Parti B qed jiżdied il-punt (4) sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli fl-istabbilimenti jiġi estiż billi jinkludi l-kontrolli dwar id-dispożizzjonijiet rigward il-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa, il-pawżi u x-xogħol ta’ billejl stabbiliti fid-Direttiva 2002/15/KE.

Regoli speċifiċi dwar l-istazzjonar fis-settur tat-trasport bit-triq li għandhom prevalenza fuq ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71/KE u tad-Direttiva 2014/67/UE

Artikolu 2, paragrafu 1

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 jispjega l-għanijiet tar-regoli li jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar l-istazzjonar fis-settur tat-trasport bit-triq li għandhom prevalenza fuq dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 96/71/KE u tad-Direttiva 2014/67/UE.

Artikolu 2, paragrafi 2 u 3

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 jispeċifika perjodu minimu ta’ stazzjonar. F’każ li perjodu jkun iqsar, ir-regoli tal-Istati Membri ospitanti dwar ir-rati tal-paga minima u dwar il-liv annwali mħallas ma japplikawx għal operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali bit-triq. Dan il-limitu ta’ żmien ma japplikax għall-kabotaġġ, minħabba li l-operazzjoni ta’ trasport kollha kemm hi qed issir fi Stat Membru ospitanti. Bħala konsegwenza, ir-rata tal-paga minima u l-liv annwali minimu bil-ħlas tal-Istat Membru ospitanti għandhom japplikaw għall-kabotaġġ irrispettivament mill-frekwenza u miż-żmien ta’ kemm idumu l-operazzjonijiet imwettqa minn xufier. Fil-paragrafu 3 tiġi pprovduta spjegazzjoni ulterjuri dwar il-metodu għall-kalkolu ta’ perjodi ta’ stazzjonar ta’ dan it-tip.

Artikolu 2, paragrafu 4

Ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 3 jistabbilixxu r-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll speċifiċi għall-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq.

2017/0121 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Sabiex ikun jista’ jinħoloq settur tat-trasport bit-triq li jkun sikur, effiċjenti u soċjalment responsabbli jeħtieġ li min-naħa jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet tax-xogħol u protezzjoni soċjali xierqa għax-xufiera, u li min-naħa l-oħra jiġu pprovduti kundizzjonijiet tajbin għan-negozju u kundizzjonijiet ġusti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi.

(2)Il-mobbiltà għolja inerenti tas-servizzi tat-trasport bit-triq teħtieġ attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li x-xufiera jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet li huma intitolati għalihom u li l-operaturi ma jkollhomx iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli amministrattivi sproporzjonati li jillimitaw bla bżonn il-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi transfruntiera.

(3)Il-bilanċ bejn it-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol għax-xufiera u l-iffaċiltar tal-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport bit-triq abbażi ta’ kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi nazzjonali u barranin huwa kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(4)Wara li ġew evalwati l-effettività u l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni soċjali attwali tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq, fid-dispożizzjonijiet eżistenti ġew identifikati ċerti lakuni, filwaqt li nstabu nuqqasijiet fl-infurzar tagħhom. Barra minn hekk, jeżistu għadd ta’ diskrepanzi bejn l-Istati Membri fl-interpretazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-implimentazzjoni tar-regoli. Dan joħloq inċertezza legali u trattament mhux ugwali tax-xufiera u tal-operaturi, li huwa ta’ ħsara għall-kundizzjonijiet tax-xogħol, soċjali u tal-kompetizzjoni fis-settur.

(5)L-infurzar adegwat, effettiv u konsistenti tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol huwa kruċjali għall-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ konformità. Għalhekk huwa mixtieq li r-rekwiżiti uniformi eżistenti ta’ infurzar stipulati fid-Direttiva 2006/22/KE jiġu estiżi għall-kontroll tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol stipulati fid-Direttiva 2002/15/UE.

(6)Jidher li l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq ma kinitx biżżejjed, u wasslet biex l-infurzar transfruntiera jkun aktar diffiċli, ineffiċjenti u inkonsistenti. Għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas għal komunikazzjoni effettiva u assistenza reċiproka, inkluż l-iskambju ta’ dejta dwar każijiet ta’ ksur u informazzjoni dwar prattiki tajba fil-qasam tal-infurzar.

(7)Sabiex ikomplu jittejbu l-effettività, l-effiċjenza u l-konsistenza tal-infurzar, huwa mixtieq li jiġu żviluppati l-karatteristiki u l-użu tas-sistemi nazzjonali eżistenti tal-klassifikazzjoni tar-riskju. L-aċċess għad-dejta fis-sistemi tal-klassifikazzjoni tar-riskju jippermetti li l-kontrolli jiġu mmirati aħjar lejn l-operaturi mhux konformi, filwaqt li formula uniformi għall-valutazzjoni tal-klassifikazzjoni tar-riskju ta’ impriża tat-trasport għandha tagħti kontribut biex ikun hemm trattament aktar ġust tal-operaturi waqt il-kontrolli.

(8)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/22/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 14 .

(9)Instabu wkoll diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema speċifikati fid-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 għas-settur tat-trasport bit-triq, li huwa mobbli ħafna. L-istess jgħodd fil-każ tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rekwiżiti amministrattivi stabbiliti fid-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 . Il-miżuri nazzjonali mhux koordinati dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq iġġeneraw piżijiet amministrattivi kbar għall-operaturi tal-Unjoni li mhumiex residenti. Dan ħoloq restrizzjonijiet bla bżonn fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport transfruntiera bit-triq, b’effetti kollaterali negattivi fuq l-impjiegi.

(10)Fil-proposta tagħha tat-8 ta’ Marzu 2016 17 għar-reviżjoni tad-Direttiva 96/71/KE, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva tqajjem kwistjonijiet u diffikultajiet legali partikolari fis-settur tat-trasport bit-triq, li huwa mobbli ħafna. Il-Kummissjoni indikat ukoll li jenħtieġ li l-aħjar mod kif dawk il-kwistjonijiet jiġu indirizzati huwa permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika għas-settur tat-trasport bit-triq.

(11)Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 96/71/KE tiġi implimentata fis-settur tat-trasport bit-triq b’mod effettiv u proporzjonat jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għas-settur li jirriflettu n-natura partikolari tal-forza tax-xogħol mobbli ħafna fis-settur tat-trasport bit-triq, u li jiġi pprovdut bilanċ bejn il-protezzjoni soċjali tax-xufiera u l-libertà li l-operaturi jipprovdu servizzi transfruntiera.

(12)Jenħtieġ li kriterji bbilanċjati bħal dawn ikunu bbażati fuq kunċett ta’ rabta suffiċjenti ta’ xufier ma’ territorju ta’ Stat Membru ospitanti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien, li meta jinqabeż għandhom japplikaw ir-rata tal-paga minima u l-liv annwali minimu bil-ħlas tal-Istat Membru ospitanti fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali u internazzjonali. Dan il-limitu ta’ żmien ma għandux japplika għal operazzjonijiet ta’ kabotaġġ kif definiti fir-Regolament 1072/2009 18 u fir-Regolament 1073/2009 19 , minħabba li l-operazzjoni ta’ trasport kollha kemm hi qed issir fi Stat Membru ospitanti. Bħala konsegwenza, ir-rata tal-paga minima u l-liv annwali minimu bil-ħlas tal-Istat Membru ospitanti għandhom japplikaw għall-kabotaġġ irrispettivament mill-frekwenza u miż-żmien ta’ kemm idumu l-operazzjonijiet imwettqa minn xufier.

(13)Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv u effiċjenti tar-regoli speċifiċi għas-settur dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema u sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi sproporzjonati għas-settur tal-operaturi mhux residenti, jenħtieġ li fis-settur tat-trasport bit-triq jiġu stabbiliti rekwiżiti amministrattivi u ta’ kontroll speċifiċi, filwaqt li jiġu sfruttati għalkollox l-għodod ta’ kontroll bħat-takografu diġitali.

(14)Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2006/22/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/22/KE hija emendata kif ġej:

(1)it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

“Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali marbuta ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE”;

(2)L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014* u tad-Direttiva 2002/15/KE**.”

______________________

*Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

** Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).”;

(3)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Kull sena dawn il-kontrolli għandhom ikopru kampjun wiesa’ u rappreżentattiv ta’ ħaddiema mobbli, xufiera, impriżi u vetturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u ta’ ħaddiema mobbli u xufiera li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE.”;

(b)fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Kull Stat Membru għandu jorganizza kontrolli b’tali mod li jsiru kontrolli fuq mill-inqas 3 % tal-jiem li jkunu nħadmu mix-xufiera ta’ vetturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, tar-Regolament (UE) 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE.”

(c)il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandha tinkludi l-għadd ta’ xufiera li sarulhom kontrolli fil-ġenb tat-triq, l-għadd ta’ kontrolli li jkunu saru fl-istabbilimenti tal-impriżi, l-għadd ta’ jiem ta’ xogħol li saru kontrolli dwarhom u l-għadd u t-tipi ta’ ksur li ġew irrappurtati, kif ukoll reġistru li juri jekk ġewx trasportati passiġġieri jew ġietx ittrasportata merkanzija.”

(4)fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.    Il-kontrolli fl-istabbiliment għandhom ikunu ppjanati fid-dawl tal-esperjenza tal-passat fir-rigward tad-diversi tipi ta' trasport u ta' impriżi. Dawn għandhom jitwettqu wkoll jekk waqt il-kontroll fil-ġenb tat-triq jinstab xi ksur serju tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 jew tad-Direttiva 2002/15/KE.”;

(5)fl-Artikolu 7(1), jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)    sabiex jiġi żgurat skambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u d-Direttiva 2002/15/KE.”

(6)L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b) fuq talba motivata minn Stat Membru f’każijiet individwali.”

(b)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.    Stat Membru għandu jippreżenta l-informazzjoni mitluba minn Stati Membri oħra skont il-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu fi żmien 25 jum ta’ xogħol minn meta tasal it-talba f’każijiet li jeħtieġu analiżi fil-fond jew li jinvolvu kontrolli fl-istabbilimenti tal-impriżi kkonċernati. Jista’ jiġi miftiehem limitu ta’ żmien iqsar bi qbil reċiproku bejn l-Istati Membri. F’każijiet urġenti jew f’każijiet li jeħtieġu konsultazzjoni sempliċi tar-reġistri, bħal pereżempju dawk ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju, l-informazzjoni mitluba għandha tiġi ppreżentata fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol.

Jekk l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jikkunsidra li t-talba mhijiex motivata biżżejjed, għandu jinforma lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba b’dan fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol. L-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba għandu jissostanzja t-talba b’mod ulterjuri. Fejn dan ma jkunx possibbli, it-talba tista’ tiġi miċħuda mill-Istat Membru.

Meta jkun diffiċli jew impossibbli li tinkiseb konformità ma’ talba għal informazzjoni jew li jsiru kontrolli, spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jgħarraf lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba b’dan fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol, u għandu jagħti r-raġunijiet għal dan. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddiskutu flimkien, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għal kwalunkwe diffikultà li titqajjem.”.

(7)L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.    L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju għall-impriżi bbażata fuq l-għadd u s-serjetà ta' kull każ ta’ ksur tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 jew tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2002/15/KE mwettqa minn impriża individwali.

Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi metodu komuni għall-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi li għandu jikkunsidra l-għadd, is-serjetà u l-frekwenza tal-okkorrenza ta’ ksur, u li jqis ukoll ir-riżultati tal-kontrolli meta ma jkun instab ebda ksur, u jekk impriża tat-trasport bit-triq kinitx qed tagħmel użu mit-takografu intelliġenti fil-vetturi kollha tagħha skont il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 165/2014. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-Direttiva.”

(b)fil-paragrafu 2, titħassar it-tieni sentenza.

(c)jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:

“4.    Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli mmirati fil-ġenb tat-triq, fil-ħin tal-kontroll, id-dejta li tinsab fis-sistema nazzjonali ta’ klassifikazzjoni tar-riskju għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ kontroll tal-Istat Membru kkonċernat.;

5.    L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni li tkun tinsab fis-sistema nazzjonali ta’ klassifikazzjoni tar-riskju disponibbli fuq talba, jew għandhom jagħmluha direttament aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri l-oħra skont il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 8.”;

(1)fl-Artikolu 11, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.    Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi approċċ komuni għar-reġistrazzjoni u għall-kontroll ta’ perjodi ta’ xogħol ieħor, kif stabbilit fil-punt (e) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, u ta’ perjodi ta’ mill-inqas ġimgħa li matulhom xufier ma jkunx mal-vettura. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2)”;

(2)L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)fil-Parti A, jiżdied il-punt (6) li ġej:

“(6)    il-ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa kif stipulat fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2002/15/KE.”;

(b)fil-Parti B, jiżdied il-punt (4) li ġej:

“(4)    ir-rekwiżiti dwar il-ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa, il-pawżi u x-xogħol ta’ billejl kif stipulati fl-Artikoli 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/15/KE.”.

Artikolu 2

1.Dan l-Artikolu jistabbilixxi regoli speċifiċi fir-rigward ta’ ċerti aspetti tad-Direttiva 96/71/KE b’rabta mal-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u fir-rigward ta’ ċerti aspetti tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rabta mar-rekwiżiti amministrattivi u mal-miżuri ta’ kontroll għall-istazzjonar ta’ dawk ix-xufiera.

2.L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE għax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq li jkunu impjegati minn impriżi msemmija fl-Artikolu 1(3)(a) ta’ dik id-Direttiva meta jitwettqu operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali kif definiti fir-Regolament 1072/2009 u fir-Regolament 1073/2009, meta l-perjodu ta’ stazzjonar fit-territorju tagħhom għat-twettiq tal-operazzjonijiet ikun ugwali għal 3 ijiem jew inqas matul perjodu ta’ xahar kalendarju wieħed.

Meta l-perjodu ta’ stazzjonar ikun itwal minn 3 ijiem, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE għall-perjodu kollu ta’ stazzjonar fit-territorju tagħhom matul il-perjodu ta’ xahar kalendarju wieħed imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

3. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-perjodi ta’ stazzjonar imsemmija fil-paragrafu 2:

(a)perjodu ta’ xogħol ta’ kuljum ta’ inqas minn sitt sigħat imqattgħin fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti għandu jitqies bħala nofs ġurnata;

(b)perjodu ta’ xogħol ta’ kuljum ta’ sitt sigħat jew aktar imqattgħin fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti għandu jitqies bħala ġurnata sħiħa;

(c)il-pawżi, il-perjodi ta’ mistrieħ u l-perjodi ta’ disponibbiltà mqattgħin fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti għandhom jitqiesu bħala perjodi ta’ xogħol.

4.L-Istati Membri jistgħu jimponu biss ir-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll li ġejjin:

(a)obbligu li operatur tat-trasport bit-triq stabbilit fi Stat Membru ieħor jibgħat dikjarazzjoni ta’ stazzjonar f’forma elettronika lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali mhux aktar tard minn meta jibda l-istazzjonar, b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti jew bl-Ingliż u li jkun fiha biss l-informazzjoni li ġejja:

(i)    l-identità tal-operatur tat-trasport bit-triq;

(ii)    id-dettalji ta’ kuntatt ta' maniġer tat-trasport jew ta’ persuna/i oħra ta’ kuntatt fl-Istat Membru ta’ stabbiliment biex jikkomunikaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li fih ikunu qed jiġu pprovduti s-servizzi, u biex jibagħtu u jirċievu dokumenti jew avviżi;

(iii)    l-għadd antiċipat u l-identitajiet tax-xufiera stazzjonati;

(iv)    kemm mistenni jdum, id-data prevista tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonar;

(v)    in-numri tal-pjanċi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi li jintużaw fl-istazzjonar;

(vi)    it-tip ta’ servizzi tat-trasport, jiġifieri l-ġarr tal-merkanzija, it-trasport tal-passiġġieri, it-trasport internazzjonali, l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ;

(b)obbligu li x-xufier iżomm u jagħmel disponibbli fuq karta jew f’forma elettronika, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, kopja tad-dikjarazzjoni tal-istazzjonar u evidenza dwar l-operazzjoni tat-trasport li tkun qed isseħħ fl-Istat Membru ospitanti, bħal nota ta’ konsenja elettronika (e-CMR) jew il-provi msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(c)obbligu li x-xufier iżomm u jagħmel disponibbli, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, ir-reġistrazzjonijiet tat-takografu, u b’mod partikolari l-kodiċijiet tal-pajjiż tal-Istati Membri li fihom kien preżenti x-xufier meta kien qed iwettaq operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali bit-triq jew operazzjonijiet ta’ kabotaġġ;

(d)obbligu li x-xufier iżomm u jagħmel disponibbli fuq karta jew f’forma elettronika, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, kopja tal-kuntratt ta’ impjieg jew dokument ekwivalenti skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE 20 , tradott lejn waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti jew bl-Ingliż;

(e)obbligu li x-xufier jagħmel disponibbli fuq karta jew f’forma elettronika, meta mitlub waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, kopja tar-riċevuti tal-paga tal-aħħar xahrejn; waqt li jkun qed isir il-kontroll fil-ġenb tat-triq, ix-xufier għandu jitħalla jikkuntattja lill-uffiċċju prinċipali, lill-maniġer tat-trasport jew lil kwalunkwe persuna jew entità oħra li tista’ tipprovdi din il-kopja;

(f)obbligu li x-xufier, wara l-perjodu ta’ stazzjonar, jippreżenta fuq karta jew f’forma elettronika, kopji tad-dokumenti msemmija fil-punti (b), (c) u (e), fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

5.Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 4, operatur tat-trasport bit-triq jista’ jipprovdi dikjarazzjoni ta’ stazzjonar li tkopri perjodu mhux itwal minn sitt xhur.

Artikolu 3

1. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-impatt tal-Artikolu 2, sa [3 snin wara d-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva] u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jekk ikun xieraq, ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

2. Wara r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tevalwa din id-Direttiva fuq bażi regolari u għandha tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3. Fejn ikun xieraq, ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu akkumpanjati minn proposti rilevanti.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [...] [Il-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni se jkun qasir kemm jista’ jkun, u ġeneralment, ma għandux jaqbeż sentejn], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn […].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fi jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Gћall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) KUMM(2011)144 finali
(2) ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.
(3) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.
(4) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(5) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(6) L-evalwazzjoni ex post ikkonċentrat fuq ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 b’rabta mal-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ, fuq id-Direttiva 2006/22/KE b’rabta mal-infurzar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, u fuq id-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq.
(7) COM(2016)128.
(8) ara n-nota Nru 1 f’qiegħ il-paġna.
(9) https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/facts-fundings/evaluations/doc/2016-ex-post-eval-road-transport-social-legislation-final-report.pdf
(10) Sommarju tas-sejbiet http://ec.europa.eu/transport/modes/road/consultations/2016-social-legislation-road_en
(11) Rapport finali https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/facts-fundings/evaluations/doc/2016-ex-post-eval-road-transport-social-legislation-final-report.pdf
(12) ĠU C , , p. .
(13) ĠU C , , p. .
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(15) Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.97, p. 1).
(16) Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).
(17) COM(2016)128.
(18) Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).
(19) Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).
(20) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).
Top