EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0277

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi

COM/2017/0277 final - 2017/0122 (COD)

Brussell, 31.5.2017

COM(2017) 277 final

2017/0122(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi

{SWD(2017) 184 final}
{SWD(2017) 185 final}
{SWD(2017) 186 final}
{SWD(2017) 187 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ tax-xufiera ilhom jiġu rregolati skont id-dritt tal-UE sa mill-1969. Illum, ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 1 (“ir-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan”) jistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa. Dan jeħtieġ ukoll l-użu ta’ takografu bħala l-għodda ewlenija għall-kontroll tal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti. Ġew adottati Regolamenti suċċessivi biex it-takografi jiġu adattati għall-iżviluppi teknoloġiċi, li l-aktar wieħed reċenti minnhom kien ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq (“ir-Regolament dwar it-Takografi”). Dan jintroduċi t-“takografu intelliġenti” li jkun imqabbad ma’ servizz ta’ pożizzjonament ibbażat fuq sistema ta’ navigazzjoni satellitari.

Kemm ir-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan kif ukoll ir-Regolament dwar it-Takografi huma parti minn sforz wiesa’ favur it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera, l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi u t-titjib tas-sikurezza fit-toroq Ewropej. Rekwiżiti aktar stretti b’rabta mal-użu tat-takografi kkontribwew b’mod gradwali għal infurzar aktar effiċjenti u konsistenti fl-UE kollha.

Evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq u l-infurzar tagħha, li twettqet fil-perjodu 2015-2017 2 bħala parti mill-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), ikkonkludiet li r-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan kien effettiv biss b’mod parzjali fl-isforzi mmirati lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u lejn l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi. Is-sikurezza fit-toroq tjiebet matul dak il-perjodu, iżda naturalment dan it-titjib ma jistax jiġi attribwit biss għal dak ir-Regolament.

Id-diffikultajiet ewlenin li ġew identifikati huma marbuta man-nuqqasijiet tar-regoli nnifishom, iżda anki man-nuqqas ta’ infurzar u mal-inkapaċità tar-regoli li jindirizzaw l-isfidi soċjali u tas-suq il-ġodda li qed ikollu jiffaċċja s-settur. L-għan ta’ din il-proposta, li hija inizjattiva REFIT 3 , huwa li tirrettifika n-nuqqasijiet identifikati u li tgħin biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tan-negozju fis-settur jitjiebu. Dan se jinkiseb permezz tal-iċċarar u tal-aġġornament ta’ ċerti dispożizzjonijiet u billi l-użu tat-takografi attwali u futuri jkompli jittejjeb sabiex jiġi żgurat infurzar aktar kosteffettiv.

Konsistenza ma’ inizjattivi oħra previsti fis-settur tat-trasport bit-triq

Din il-proposta hija parti minn inizjattiva kontinwa usa’ ta’ rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq. Hija marbuta mill-qrib mal-inizjattiva favur it-titjib tal-infurzar tar-regoli rigward il-ħin tas-sewqan u tal-mistrieħ, u mal-intenzjoni li jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi għas-settur tal-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qasam tat-trasport bit-triq. Hija wkoll marbuta mill-qrib mar-rieżami kontinwu tar-regoli tas-suq rigward: l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009), l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija (ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009) u l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri (ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009).

Ir-regoli soċjali u tas-suq jikkostitwixxu qafas legali komprensiv u koerenti, u l-infurzar tagħhom b’mod konsistenti u effettiv huwa kruċjali għall-ħolqien ta’ settur tat-trasport bit-triq li jkun ġust, sikur u sostenibbli fil-livell ambjentali u soċjali. L-ebda waħda minn dawk l-inizjattivi ma tista’ tindirizza weħidha l-isfidi soċjali u tas-suq kontinwi b’mod effettiv.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta tagħti kontribut għall-ilħiq ta’ tnejn mill-prijoritajiet ta’ din il-Kummissjoni, b’mod partikolari l-ħolqien ta’ “suq intern aktar profond u aktar ġust” u l-għoti ta’ spinta lill-“impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment”. Hija konsistenti ma’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jiġġieldu l-inġustizzja soċjali u l-kompetizzjoni inġusta u li joħolqu qafas soċjali għal opportunitajiet ġodda ta’ impjieg u kundizzjonijiet ġusti għan-negozju.

Tmur tajjeb mal-għanijiet tal-Aġenda Soċjali tal-Kummissjoni billi wieħed mill-għanijiet tagħha hu li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjoni soċjali xierqa, u taqbel ukoll u mal-inizjattiva dwar il-ħolqien ta’ pilastru tal-UE għad-Drittijiet Soċjali. Hija konsistenti wkoll mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 31 tagħha jistabbilixxi b’mod partikolari d-dritt għal perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa. Id-dispożizzjonijiet fil-proposta attwali li jikkonċernaw il-perjodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa huma maħsuba biex itejbu l-flessibbiltà għall-operaturi filwaqt li jippermettu li l-ħaddiema jkollhom perjodi ta’ mistrieħ xierqa, u fl-istess ħin jiffavorixxu l-possibilità li dan il-ħin ta’ mistrieħ jitqatta’ d-dar jew f’akkomodazzjoni xierqa.

Il-proposta tagħti kontribut għall-Programm REFIT billi tiċċara u tadatta ċerti dispożizzjonijiet soċjali u billi żżid il-kosteffettività tagħhom.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta temenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 u għaldaqstant hija bbażata fuq l-istess bażi ġuridika, jiġifieri l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

Sussidjarjetà

Skont l-Artikolu 4(2)(g) tat-TFUE, l-Unjoni tikkondividi l-kompetenza regolatorja fil-qasam tat-trasport mal-Istati Membri. Madankollu, emendi għar-regoli eżistenti jistgħu jsiru biss mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

Nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni attwali jfissru li l-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw ir-regoli soċjali tal-UE b’mod differenti. Linji gwida tal-Kummissjoni jew awtoregolamentazzjoni mill-Istati Membri ma jkunux xierqa biex jiġi żgurat li r-regoli soċjali fit-trasport bit-triq jiġu applikati u infurzati b’mod konsistenti fl-Unjoni kollha. Għaldaqstant, azzjoni fil-livell tal-UE hija ġustifikata.

F’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE, li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali fil-livell Ewropew li jridu jiġu kkonsultati rigward kwistjonijiet relatati mal-impjieg u mal-affarijiet soċjali stabbiliti fl-Artikolu 153 tat-Trattat, il-Kummissjoni se tniedi proċess ta’ konsultazzjoni biex tiġbor il-fehmiet tas-sħab soċjali dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-Unjoni rigward id-Direttiva 2002/15/KE, li tikkumplementa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati b’rabta ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol mhux xierqa għax-xufiera u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi.

Kif indikat fit-Taqsima 7.2 tal-valutazzjoni tal-impatt, il-proposta timplimenta l-għażla ta’ politika li titqies bħala l-aktar soluzzjoni xierqa u proporzjonata. Din is-soluzzjoni tipprovdi bilanċ bejn l-infurzar tar-regoli eżistenti b’mod effettiv u konsistenti minn fruntiera għall-oħra, u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ għax-xufiera filwaqt li fl-istess ħin tippermetti lill-operaturi jorganizzaw operazzjonijiet ta’ trasport bl-aktar mod effiċjenti possibbli.

Il-proposta tiffoka fuq is-simplifikazzjoni u l-iċċarar tar-regoli eżistenti u fuq l-aġġustament ta’ ċerti regoli għall-ħtiġijiet tas-settur. Dan mistenni jiffaċilita l-konformità mar-regoli u l-infurzar tagħhom b’mod koerenti fl-Unjoni kollha. Il-proposta se tnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi u se tiżgura li r-rekwiżiti għall-kooperazzjoni amministrattiva u għall-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri jkunu proporzjonati mal-problemi li ġew identifikati. Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-miżuri ta’ politika ppjanati mhux se jkollhom impatt sproporzjonat fuq l-SMEs.

Għażla tal-istrument

Minħabba li l-proposta tintroduċi numru limitat ta’ modifiki għal żewġ Regolamenti interrelatati, l-istrument magħżul huwa wkoll Regolament. Minħabba l-għadd limitat ta’ bidliet proposti, ma deherx li kien meħtieġ li ssir riformulazzjoni taż-żewġ Regolamenti.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ir-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan kien soġġett għal evalwazzjoni ex post komprensiva li twettqet fil-perjodu 2015-2017 4 u li kopriet kemm id-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol kif ukoll id-Direttiva 2006/22/KE dwar l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali. Din kienet appoġġata minn studju ta’ appoġġ estern.

Il-kwistjonijiet ewlenin, li kienu relatati b’mod speċifiku mar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan, kienu:

- interpretazzjonijiet u infurzar diverġenti tad-dispożizzjonijiet dwar il-mistrieħ regolari fil-ġimgħa, li jwasslu għal miżuri nazzjonali mhux koordinati u għal trattament mhux ugwali tax-xufiera u tal-operaturi;

- abbużi persistenti tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ minħabba nuqqas ta’ flessibbiltà fl-applikazzjoni tagħhom, b’mod partikolari f’każijiet fortuwiti;

- nuqqas ta’ ċarezza rigward il-kunċett ta’ ġarr u operazzjonijiet “mhux kummerċjali” għal finijiet privati, li jwassal għal interpretazzjonijiet diverġenti u għal trattament mhux ugwali tax-xufiera u tal-operaturi;

- dispożizzjoni dwar il-pawżi li mhux adattata għall-“multimanning” (sewqan li jinqasam bejn tim ta’ xufiera), li twassal għal prattiki ta’ infurzar diverġenti;

- kooperazzjoni amministrattiva u assistenza reċiproka dgħajfa bejn l-Istati Membri, li jfixklu l-infurzar transfruntiera effiċjenti u konsistenti.

Dawn il-kwistjonijiet għandhom effetti avversi fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-kompetizzjoni u jfixklu, b’mod indirett, it-titjib ulterjuri tas-sikurezza fit-toroq.

Ir-Regolament dwar it-Takografi ma kienx jagħmel parti minn din l-evalwazzjoni ex post, li twettqet bħala parti mill-Programm REFIT. Madankollu, l-evalwazzjoni wriet li wieħed min-nuqqasijiet tas-sistema ta’ infurzar huwa l-użu irregolari u mhux effiċjenti ta’ għodod ta’ kontroll u ta’ sistemi ta’ skambju ta’ dejta, inklużi t-takografi. Il-funzjonalitajiet tas-sistema attwali tat-takografi jistgħu jintużaw b’mod aħjar sakemm it-takografi intelliġenti jiġu installati u jintużaw b’mod aktar wiesa’.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saru konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati bi tħejjija għal din il-proposta, f’konformità mal-istandards minimi għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002 (COM(2002) 704 final).

Il-proċess ta’ konsultazzjoni involva l-ġbir ta’ opinjonijiet u ta’ dejta. Il-gruppi rilevanti kollha tal-partijiet ikkonċernati ġew mitluba jagħtu kontribut għall-proċess ta’ konsultazzjoni: ministeri nazzjonali tat-trasport, awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar, assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-operaturi tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u tal-passiġġieri, spedizjonieri, spedituri, SMEs, trejdjunjins, xufiera u ħaddiema oħra tas-settur tat-trasport bit-triq.

B’mod partikolari, is-Sħab Soċjali Ewropej ġew ikkonsultati b’mod estensiv tul il-proċess kollu. Intużaw diversi għodod u metodi ta’ konsultazzjoni miftuħa u mmirata:

-    Konferenza ta’ Livell Għoli li saret fl-4 ta’ Ġunju 2015 dwar “Aġenda Soċjali għat-Trasport” nediet dibattitu wiesa’ dwar l-aspetti soċjali fit-trasport bit-triq; ħadu sehem madwar 350 parteċipant, prinċipalment: dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, esperti fil-qasam tat-trasport u s-sħab soċjali;

-    Seminars imfassla apposta li saru fi tmiem l-2015 u li laqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati tal-industrija, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u s-Sħab Soċjali Ewropej. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-funzjonament tal-leġiżlazzjoni soċjali u tas-suq intern fil-qasam tat-trasport bit-triq;

-    Konferenza dwar it-Trasport bit-Triq li saret fid-19 ta’ April 2016. Waħda mis-sessjonijiet ta’ ħidma kienet iffukata fuq is-suq intern u fuq l-aspetti soċjali tat-trasport bit-triq. Involviet madwar 400 parteċipant, b’mod partikolari rappreżentanti tal-Istati Membri, Membri tal-Parlament Ewropew u partijiet ikkonċernati ewlenin li ddiskutew dwar l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Inizjattivi ppjanati għat-Toroq;

-    Tnedew ħames stħarriġiet imfassla apposta bl-għan li jinġabru l-opinjonijiet tal-ministeri nazzjonali tat-trasport (l-enfasi kienet fuq l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli), tal-awtoritajiet tal-infurzar (l-enfasi kienet fuq il-prattiki tal-infurzar, u l-benefiċċji u l-ispejjeż tal-infurzar), tal-impriżi (l-enfasi kienet fuq l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq l-operaturi fis-suq), tat-trejdjunjins (l-enfasi kienet fuq l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq ix-xufiera) u ta’ partijiet ikkonċernati oħra bħall-assoċjazzjonijiet tal-industrija (l-enfasi kienet fuq it-tqabbil trażversali ta’ opinjonijiet rigward l-effetti tal-leġiżlazzjoni). B’kollox waslu 1 441 tweġiba (li minnhom 1 269 kienu minn kumpaniji tat-trasport bit-triq).

-    Intervisti ma’ 90 parti kkonċernata (li 37 minnhom kienu ma’ xufiera) bl-għan li jinġabar għarfien dwar l-esperjenzi tagħhom rigward kif il-korpi nazzjonali tal-infurzar jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport bit-triq, dwar kemm hu effettiv dan l-infurzar u dwar kwalunkwe sfida li jista’ jkun hemm b’rabta mal-konformità.

-    Konsultazzjoni pubblika 5 li saret bejn il-5 ta’ Settembru u l-11 ta’ Diċembru 2016, li kellha l-għan li tikkonferma l-problemi li ġew identifikati fl-evalwazzjoni ex post u li tidentifika soluzzjonijiet potenzjali għalihom. Mill-1 378 tweġiba li waslu, 1 209 kienu minn xufiera, operaturi, spedituri, spedizjonieri u ċittadini, filwaqt li 169 waslu mingħand awtoritajiet nazzjonali, korpi tal-infurzar, organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u assoċjazzjonijiet tal-industrija;

-    Stħarriġ iffukat fuq l-SMEs li sar bejn l-4 ta’ Novembru 2016 u l-4 ta’ Jannar 2017. 109 persuna wieġbu billi pprovdew il-fehmiet tagħhom dwar l-għanijiet tar-reviżjoni tal-qafas legali u dwar soluzzjonijiet potenzjali;

-    Stħarriġ onlajn iffukat fuq ix-xufiera (waslu 345 tweġiba), li pprovdew fehmiet dwar miżuri potenzjali. Madankollu, dawn l-opinjonijiet ma kinux rappreżentattivi għalkollox, billi 140 tweġiba waslu min-Netherlands u 127 waslu mir-Renju Unit).

-    Il-Kummissjoni nediet ukoll stħarriġ tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-korpi nazzjonali tal-infurzar (waslu 41 tweġiba minn 27 Stat Membru tal-UE u min-Norveġja u mill-Iżvizzera) u stħarriġ tal-operaturi (73 tweġiba, minkejja li għal darb’oħra, ma kinux rappreżentattivi għalkollox peress li 58 minnhom waslu mill-Ungerija); kif ukoll

-     Intervisti ma’ 7 kumpaniji tat-trasport, 9 assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-industrija, 9 awtoritajiet nazzjonali, 4 unjins nazzjonali tal-ħaddiema u 6 Sħab Soċjali Ewropej.

Is-Sħab Soċjali Ewropej fis-settur tat-trasport bit-triq ġew ukoll infurmati u kkonsultati b’mod regolari waqt diversi laqgħat bilaterali mal-Kummissjoni u waqt laqgħat regolari tal-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali dwar it-Trasport bit-Triq u tal-grupp ta’ ħidma tas-Sħab Soċjali.

L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kkonfermaw li l-problemi ewlenin huma:

1) kundizzjonijiet tax-xogħol mhux xierqa għax-xufiera;

2) distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-trasport; kif ukoll

3) piżijiet regolatorji għall-operaturi u għall-Istati Membri.

Identifikaw ukoll il-kwistjonijiet legali prinċipali wara dawk l-isfidi, jiġifieri regoli soċjali mhux ċari jew mhux xierqa, interpretazzjonijiet diverġenti tar-regoli, infurzar inkonsistenti u mhux effettiv kif ukoll kooperazzjoni amministrattiva dgħajfa bejn l-Istati Membri.

Fir-rigward tal-abbozzi ta’ miżuri ta’ politika, il-partijiet ikkonċernati kollha wrew appoġġ qawwi favur it-tisħiħ tal-infurzar u tal-kooperazzjoni bejn il-korpi tal-infurzar, minkejja li kien hemm xi awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar li qajmu tħassib dwar spejjeż addizzjonali potenzjali b’rabta mal-infurzar.

Il-kwistjoni ta’ faċilitajiet xierqa għall-mistrieħ meta jittieħed perjodu ta’ mistrieħ regolari fil-ġimgħa ġiet enfasizzata mit-trejdjunjins, mill-awtoritajiet nazzjonali, mix-xufiera, mill-operaturi u mill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-operaturi.

Kien hemm reazzjonijiet differenti rigward l-abbozz ta’ miżuri dwar il-kalkolu tal-medja ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u dwar li tiġi permessa flessibbiltà akbar fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-pawżi sabiex ix-xufiera jkunu jistgħu jaslu lura d-dar biex jieħdu l-mistrieħ regolari tagħhom fil-ġimgħa. L-operaturi u x-xufiera kienu favur dawn il-miżuri, filwaqt li t-trejdjunjins ma appoġġawhomx. L-entitajiet tal-infurzar esprimew tħassib dwar il-monitoraġġ effettiv tal-konformità.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni ngħatat l-għajnuna ta’ kuntratturi esterni, li f'Ġunju 2016 ippreżentaw studju ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni ex post 6 u studju ta’ appoġġ separat għall-valutazzjoni tal-impatt, li tlesta f’Mejju 2017.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt, li ngħatat opinjoni pożittiva b’rakkomandazzjonijiet mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Il-kummenti ewlenin kollha tal-Bord ġew indirizzati fil-verżjoni reveduta tal-valutazzjoni tal-impatt (ara l-Anness 1 tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt).

Il-valutazzjoni tal-impatt ikkunsidrat erba’ għażliet ta’ politika. L-ewwel tlieta huma kumulattivi f’dak li jikkonċerna ż-żieda fil-livell ta’ interventi regolatorji u l-impatti mistennija, filwaqt li r-raba’ għażla kienet orizzontali u l-miżuri tagħha jistgħu jiġu kkombinati ma’ kwalunkwe waħda mill-ewwel tliet għażliet.

L-ewwel għażla ta’ politika ffukat fuq l-iċċarar tal-qafas legali u fuq it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar. It-tieni għażla ta’ politika ffukat fuq it-tisħiħ tal-infurzar. It-tielet għażla ta’ politika pproponiet bidliet sostantivi fir-regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-paga abbażi tal-prestazzjoni u derogi għat-trasport domestiku internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċis. Ir-raba’ għażla ta’ politika stabbiliet kriterji speċifiċi għas-settur rigward l-istazzjonar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq, u tipprevedi miżuri speċifiċi ta’ infurzar. Din kienet tinkludi tliet varjanti bbażati fuq limiti ta’ żmien.

L-għażla ta’ politika 1 dehret bħala l-inqas waħda effettiva biex tindirizza l-inċertezza legali u l-inugwaljanza bejn ix-xufiera u l-operaturi. Dan prinċipalment minħabba li l-miżuri kieku jkunu ta’ natura volontarja, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu jekk jintroduċuhomx jew le. Dan l-approċċ volontarju kieku jkompli jżid it-tħassib dwar il-proliferazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom ix-xufiera u l-operaturi.

L-għażla ta’ politika 3 jidher li jista’ jkollha xi effetti sekondarji negattivi f’dawk li huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri. Dan minħabba li l-miżura dwar id-dewmien fit-teħid tal-mistrieħ fil-ġimgħa twassal għal żieda ta’ bejn 20 % u 33 % fl-indiċi tal-għeja u żżid ir-riskji għas-sikurezza stradali b’bejn 4 % u 5 %. Dawn l-indiċijiet ogħla tal-għeja u tar-riskju jiġu abbinati ma’ tnaqqis ta’ bejn 3 % u 5 % fl-ispejjeż ta’ konformità għall-operaturi.

L-għażla preferuta hija kombinament tal-għażla ta’ politika 2 u tal-għażla ta’ politika 4. L-impatti tal-għażla ta’ politika 4 jsaħħu l-effetti mistennija tal-għażla ta’ politika 2 billi jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ mistrieħ għax-xufiera (tnaqqis ta’ 28 % fl-indiċi tal-għeja u tnaqqis ta’ 43 % fil-perjodi ’l bogħod mid-dar għax-xufiera tal-UE-13, u ta’16 % għax-xufiera tal-UE-15). Il-kombinament tal-għażliet ta’ politika 2 u 4 jwassal ukoll għal sinerġija akbar bħala riżultat ta’ monitoraġġ aktar effiċjenti tar-regoli dwar l-istazzjonar, u b’hekk iwassal għal iffrankar fl-ispejjeż għall-operaturi.

Il-kombinament tal-għażliet ta’ politika 2 u 4 huwa, b’mod ġenerali, l-aktar mod effettiv biex jiġu indirizzati l-problemi li ġew identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt. Huwa stmat li l-għażla ta’ politika 4 iġġib magħha ffrankar ta’ madwar EUR 785 miljun fi spejjeż amministrattivi kull sena għall-operaturi li jipprovdu servizzi ta’ trasport transfruntiera bit-triq. L-iffrankar li jġibu magħhom il-miżuri tal-għażla ta’ politika 2 ma setax jiġi kwantifikat. Madankollu, huwa mistenni li dawn inaqqsu l-ksur, u li b’hekk inaqqsu l-ispejjeż sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk, l-għażla ta’ politika 2 tippermetti li jkun hemm operazzjonijiet tat-trasport aktar effiċjenti, filwaqt li tipprovdi inċentiv biex ix-xufiera jirritornaw id-dar aktar ta’ spiss. Madankollu, iż-żewġ għażliet ta’ politika jwasslu għal żieda ħafifa fl-ispejjeż tal-infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali (ta’ bejn 1,3 % u 8 %) fil-perjodu tranżizzjonali meta jiġu introdotti r-regoli reveduti. Barra minn hekk, it-tnejn li huma jżidu bi ftit l-ispejjeż ta’ konformità għal ċerti operaturi, minħabba li jeħtieġu li dawn tal-aħħar iħallsu l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni għall-mistrieħ regolari fil-ġimgħa li jrid jittieħed barra mill-vettura (bejn EUR 50 u EUR 160 għal kull vjaġġ).

Il-proposta hija konformi mal-għażla preferuta fil-valutazzjoni tal-impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta tfittex li tissodisfa l-għan REFIT li tiżdied l-effettività tal-leġiżlazzjoni u li jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji għan-negozji. Dan tagħmlu prinċipalment billi tissimplifika u tadatta r-regoli għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur u billi ssaħħaħ l-użu tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni diġitali (takografi) biex il-kontrolli jsiru aktar effiċjenti. Filwaqt li huwa mistenni li l-ispejjeż tal-infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali jiżdiedu kemxejn, din iż-żieda hija ġustifikata mill-kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba tax-xufiera u mill-kundizzjonijiet imtejba tan-negozju għall-operaturi. Dan mistenni jwassal għal iffrankar fl-ispejjeż ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-proposta se twassal ukoll biex l-infurzar isir aktar effiċjenti, pereżempju billi jittejbu l-karatteristiċi tat-takografu intelliġenti tal-futur. Il-proposta ma teżentax lill-mikroimpriżi, peress li kieku dan iwassal għal riskju ta’ kundizzjonijiet kompetittivi mhux ugwali u ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol mhux ugwali.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tagħti kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 31, li jipprevedi d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

L-iżviluppi fl-għadd, fit-tipi u fil-frekwenza ta’ ksur tar-regoli soċjali se jiġu mmonitorjati permezz ta’ kombinament ta’ rapporti dwar l-implimentazzjoni nazzjonali u permezz tal-analiżi tad-dejta mill-organizzazzjonijiet tal-infurzar tal-UE. Il-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq se jwettaq sorveljanza u valutazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni u l-infurzar fuq bażi regolari.

Żviluppi oħra fis-suq u l-impatti potenzjali tagħhom fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni se jiġu vvalutati billi tintuża d-dejta rilevanti miġbura bħala parti minn inizjattivi oħra, b’mod partikolari r-reviżjoni tar-Regolament dwar l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija (ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009) u r-Regolament dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009).

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-elementi ewlenin tal-proposta huma:

ir-Regolament (KE) Nru 561/2006

Artikolu 3

L-Artikolu 3(h) huwa emendat biex jiġi ċċarat, f’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-317/12 Lundberg, li l-individwi privati li jużaw vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 biex iġorru affarijiet privati għall-finijiet tagħhom stess, mhumiex obbligati jirreġistraw il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ, u għalhekk mhumiex obbligati li jkollhom jew li jużaw takografu jew kard tax-xufier.

Artikolu 4

L-Artikolu 4(r) jiżdied sabiex jiġi definit il-kunċett ta’ trasport “mhux kummerċjali”, li jintuża ta’ spiss f’dan ir-Regolament. Dan minħabba li n-nuqqas ta’ definizzjoni uniformi joħloq inċertezzi u diverġenzi fl-interpretazzjoni.

Artikolu 6

L-Artikolu 6(5) huwa emendat biex l-obbligu jiġi ċċarat u biex tiġi armonizzata l-prattika tar-reġistrazzjoni tax-xogħol l-ieħor li jwettaq ix-xufier apparti s-sewqan u l-perjodi ta’ disponibbiltà. Rekords sħaħ tal-attivitajiet kollha tax-xufier, u mhux biss dawk tas-sewqan (li jiġu rreġistrati b’mod awtomatiku minn takografu) huma importanti biex id-drawwiet tax-xogħol tax-xufiera, li jistgħu jwasslu għall-għeja u għall-ħolqien ta’ riskji għas-sikurezza stradali, jiġu mmonitorjati b’mod effettiv.

Artikolu 7

Wara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 jiżdied paragrafu ieħor li jiċċara li xufiera li jsuqu bħala parti minn tim jistgħu jieħdu l-pawża obbligatorja tagħhom f’vettura li tkun qed tiġi misjuqa minn xufier ieħor. Din diġà hija prattika attwali skont il-gwida mhux vinkolanti li ħarġet il-Kummissjoni.

Artikolu 8

L-Artikolu 8 huwa emendat biex ir-rekwiżiti dwar il-mistrieħ fil-ġimgħa jiġu ċċarati u adattati għall-ħtiġijiet tas-settur u għall-prattika reali fl-organizzazzjoni tal-iskedi tal-ħinijiet tat-trasport, b’mod partikolari fir-rigward ta’ operazzjonijiet tat-trasport fuq distanzi twal. L-għan tiegħu hu li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ mistrieħ tax-xufiera u li jiġi faċilitat l-infurzar, b’mod partikolari b’rabta mal-kontroll tal-kumpens dovut lix-xufiera individwali għal perjodi mnaqqsa ta’ mistrieħ fil-ġimgħa.

L-Artikolu 8(6) huwa emendat sabiex jiġi ċċarat li x-xufiera jistgħu jagħmlu arranġamenti biex il-perjodi tagħhom ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jittieħdu b’mod aktar flessibbli tul perjodu ta’ erba’ ġimgħat konsekuttivi, filwaqt li jiġi żgurat li l-kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jittieħed flimkien ma’ perjodu ta’ mistrieħ regolari fil-ġimgħa fi żmien tliet ġimgħat. Din l-emenda ma ġġib ebda bidla fir-rekwiżiti attwali dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa.

L-Artikolu 8(7) huwa emendat biex jiġi speċifikat li kwalunkwe kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jrid jiġi assoċjat ma’ perjodu ta’ mistrieħ regolari fil-ġimgħa ta’ mill-inqas 45 siegħa. Dan jagħmilha aktar faċli li jsiru kontrolli tal-mistrieħ li jkun ittieħed bħala kumpens u jippermetti lix-xufiera jibbenefikaw minn mistrieħ fil-ġimgħa akkumulat.

L-Artikolu 8(8)a jiżdied sabiex jiġi ċċarat li mhuwiex permess li xufier jieħu mistrieħ fil-ġimgħa ta’ 45 siegħa jew aktar f’vettura, u li l-impjegatur għandu l-obbligu li jipprovdi lix-xufier b’akkommodazzjoni xierqa u b’faċilitajiet iġjeniċi u tal-irqad xierqa jekk dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jieħu perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa f’post privat tal-għażla tiegħu.

L-Artikolu 8(8)b jiżdied biex jiġi speċifikat b’mod ulterjuri l-obbligu li għandhom l-impriżi tat-trasport li jorganizzaw ix-xogħol tax-xufiera b’tali mod li jkunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom għal perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa mill-inqas darba fi żmien tliet ġimgħat konsekuttivi.

Artikolu 9

L-Artikolu 9 huwa emendat biex tiġi adattata l-prattika attwali tat-teħid ta’ perjodi ta’ mistrieħ fuq lanċa jew fuq ferrovija. Ir-regoli attwali ma jippermettux li jiġu rreġistrati perjodi ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa u aktar meħuda parzjalment fuq lanċa jew fuq ferrovija bħala perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. Dan joħloq piżijiet bla bżonn għax-xufiera u għall-operaturi. Għaldaqstant, din l-emenda tispeċifika li xufier li jakkumpanja vettura li tkun qed tiġi ttrasportata b’lanċa jew b’ferrovija jista’ wkoll jieħu perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa fuq lanċa jew fuq ferrovija.

Artikolu 12

L-Artikolu 12(2) jiżdied sabiex ix-xufiera jingħataw għajnuna f’każ li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ ċirkostanzi mhux mistennija li jdewmu l-operazzjoni tat-trasport jew li jimpedixxu lix-xufier milli jasal id-dar tiegħu jew tagħha għall-mistrieħ fil-ġimgħa. Jispeċifika li x-xufiera jistgħu jipposponu l-bidu tal-mistrieħ tagħhom fil-ġimgħa biex jaslu d-dar, diment li jikkonformaw mal-limiti tal-ħin tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa u mat-tul minimu meħtieġ ta’ perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa.

Artikolu 14

L-Artikolu 14 huwa emendat biex jispeċifika li l-eċċezzjonijiet temporanji mir-regoli ġenerali mogħtija mill-Istati Membri f’każijiet urġenti jridu jiġu ġustifikati b’mod xieraq miċ-ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u mill-urġenza involuta fl-indirizzar tagħhom.

Artikolu 15

L-Artikolu 15 iżid l-obbligu li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni rigward ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ applikabbli għax-xufiera tax-xarabanks li huma eżentati mir-Regolament.

Artikolu 19

L-Artikolu 19 huwa emendat biex jispeċifika li jenħtieġ li l-penali nazzjonali imposti għal kull ksur tar-Regolament ikunu proporzjonati mas-serjetà tal-ksur, kif klassifikat fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Jistipula wkoll li jenħtieġ li kwalunkwe tibdil fis-sistema nazzjonali ta’ penali jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

Artikolu 22

L-Artikolu 22 huwa emendat sabiex japprofondixxi aktar il-kooperazzjoni amministrattiva, kif ukoll l-iskambju ta’ dejta u ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. L-għan hu li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-infurzar transfruntiera jsiru aktar konsistenti u effettivi.

L-Artikolu 22(1) huwa emendat sabiex jispeċifika li l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri trid tiġi pprovduta fil-pront, fi ħdan l-iskadenzi speċifikati b’mod ċar fid-Direttiva 2006/22/KE.

L-Artikolu 22(2)(c) jiżdied biex jiġi ċċarat li l-iskambju ta’ informazzjoni jkopri wkoll id-dejta dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi, kif ukoll informazzjoni oħra meħtieġa biex jiġi żgurat infurzar effettiv u effiċjenti.

L-Artikolu 22(3)a jispeċifika li l-korpi maħtura ta’ kollegament intrakomunitarju jridu jkunu responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ skambju ta’ informazzjoni bla xkiel.

Artikolu 22(3)b jiżdied sabiex jiġi ċċarat li jenħtieġ li l-assistenza reċiproka tkun mingħajr ħlas.

Artikolu 25

L-Artikolu 25(2) huwa emendat sabiex jiġi speċifikat li f’każijiet fejn dan ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi ċċarata kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawn l-atti jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar uniformi tar-Regolament.

ir-Regolament (UE) 165/2014

Artikolu 8

L-Artikolu 8 huwa emendat biex ikomplu jittejbu l-karatteristiċi tat-takografi intelliġenti, sabiex il-pożizzjoni ta’ vetturi li jintużaw għal operazzjonijiet ta’ trasport transfruntiera tkun tista’ tiġi rilevata b’mod aktar preċiż. Dan jiffaċilita l-infurzar tar-regoli soċjali.

Artikolu 34

L-Artikolu 34 iżid l-obbligu li x-xufiera jirreġistraw il-pożizzjoni tal-vettura tagħhom f’takografu wara li jkunu qasmu fruntiera, fl-ewwel post xieraq fejn jistgħu jieqfu. Dan jiffaċilita l-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli soċjali. Dan l-obbligu ma japplikax għal xufiera li jużaw takografi intelliġenti li jirreġistraw il-qsim tal-fruntieri b’mod awtomatiku.

2017/0122 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 7 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 8 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għax-xufiera u kundizzjonijiet ġusti ta’ negozju għall-impriżi tat-trasport bit-triq huma tal-ogħla importanza għall-ħolqien ta’ settur tat-trasport bit-triq sikur, effiċjenti u soċjalment responsabbli. Biex dak il-proċess jiġi ffaċilitat huwa essenzjali li r-regoli soċjali tal-Unjoni fit-trasport bit-triq ikunu ċari, xierqa għall-iskop tagħhom, faċli biex jiġu applikati u infurzati u implimentati b’mod effettiv u konsistenti fl-Unjoni kollha.

(2)Wara li ġew evalwati l-effettività u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tas-sett eżistenti ta’ regoli soċjali tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq, u b’mod partikolari tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 , ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fil-qafas legali eżistenti. Regoli mhux ċari u mhux xierqa dwar il-mistrieħ fil-ġimgħa, il-faċilitajiet tal-mistrieħ, il-pawżi waqt il-multimanning u n-nuqqas ta’ regoli dwar ir-ritorn tax-xufiera lejn djarhom iwasslu għal interpretazzjonijiet u għal prattiki ta’ infurzar diverġenti fl-Istati Membri. Diversi Stati Membri dan l-aħħar adottaw miżuri unilaterali li jkomplu jżidu l-inċertezza legali u t-trattament mhux ugwali tax-xufiera u tal-operaturi.

(3)Il-valutazzjoni ex post tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 kkonfermat li l-infurzar inkonsistenti u mhux effettiv tar-regoli soċjali tal-Unjoni kien prinċipalment ir-riżultat ta’ regoli mhux ċari, użu ineffiċjenti tal-għodod ta’ kontroll u kooperazzjoni amministrattiva insuffiċjenti bejn l-Istati Membri.

(4)Regoli ċari, xierqa u infurzati b’mod aktar uniformi huma kruċjali wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għax-xufiera, u b’mod partikolari biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-operaturi u biex tittejjeb is-sikurezza stradali għall-utenti kollha tat-toroq.

(5)Instab li r-rekwiżit eżistenti dwar il-pawżi ma kienx xieraq u lanqas ma kien prattiku għax-xufiera f’tim. Għalhekk, hu xieraq li r-rekwiżit dwar ir-reġistrazzjoni tal-pawżi jiġi adattat għall-ispeċifiċità tal-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa minn xufiera li jsuqu bħala parti minn tim.

(6)Xufiera li jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali fuq distanzi twal iqattgħu perjodi twal ’il bogħod minn djarhom. Ir-rekwiżiti attwali dwar il-mistrieħ regolari fil-ġimgħa jtawwlu dawk il-perjodi bla bżonn. Għaldaqstant ikun tajjeb li d-dispożizzjoni dwar il-perjodu regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa tiġi adattata b’tali mod li jkun eħfef għax-xufiera li jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport f’konformità mar-regoli u li jaslu lura fi djarhom għal perjodu regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, filwaqt li jingħataw kumpens sħiħ għall-perjodi kollha mnaqqsa ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi previst li l-operaturi jorganizzaw ix-xogħol tax-xufiera b’tali mod li dawk il-perjodi barra minn djarhom ma jkunux eċċessivament twal.

(7)Hemm differenzi bejn l-Istati Membri fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar il-mistrieħ fil-ġimgħa fir-rigward tal-post fejn jenħtieġ li jittieħed il-perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. Għalhekk huwa xieraq li dak ir-rekwiżit jiġi ċċarat sabiex jiġi żgurat li x-xufiera jiġu pprovduti b’akkomodazzjoni xierqa għall-perjodi ta’ mistrieħ regolari fil-ġimgħa tagħhom f’każ li dawn jittieħdu ’l bogħod minn djarhom.

(8)Ix-xufiera ta’ spiss ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ ċirkostanzi mhux mistennija li jagħmluha impossibbli li tintlaħaq id-destinazzjoni mixtieqa fejn dak li jkun ikun jista’ jieħu l-mistrieħ tiegħu fil-ġimgħa mingħajr ma jseħħ ksur tar-regoli tal-Unjoni. Ikun tajjeb li ssir eħfef għax-xufiera li jlaħħqu ma’ dawk iċ-ċirkostanzi u li dawn ikunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom għall-mistrieħ fil-ġimgħa mingħajr ma jseħħ ksur tar-rekwiżiti dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan.

(9)Biex jitnaqqsu u jiġu evitati l-prattiki ta’ infurzar diverġenti u biex ikomplu jiġu msaħħa l-effettività u l-effiċjenza tal-infurzar transfruntiera, huwa kruċjali li jiġu stabbiliti regoli ċari għal kooperazzjoni amministrattiva regolari bejn l-Istati Membri.

(10)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi ċċarata kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dak ir-Regolament u sabiex jiġu stabbiliti approċċi komuni għall-applikazzjoni u għall-infurzar tagħhom. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 10 .

(11)Biex tittejjeb il-kosteffettività tal-infurzar tar-regoli soċjali, jenħtieġ li l-potenzjal tas-sistemi tat-takografi attwali u futuri jiġi sfruttat bis-sħiħ. Għalhekk, jenħtieġ li l-funzjonalitajiet tat-takografu jiġu mtejba sabiex ikun jista’ jkun hemm pożizzjonament aktar preċiż, b’mod partikolari waqt l-operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali.

(12)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 561/2006 u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 jiġu emendati skont dan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 3, il-punt (h) li ġej jinbidel b’dan li ġej:

“(h)    vetturi jew kombinamenti ta’ vetturi li jintużaw għat-trasport mhux kummerċjali tal-merkanzija;”

(2)Fl-Artikolu 4, jiżdied il-punt (r) li ġej:

“(r)    “trasport mhux kummerċjali” tfisser kull trasport bit-triq, għajr trasport f’isem ħaddieħor jew għall-kont proprju, li għalih ma tingħata ebda remunerazzjoni u li ma joħloq ebda dħul.

(3)fl-Artikolu 6(5), l-ewwel sentenza tinbidel b’dan li ġej:

“Xufier għandu jirreġistra bħala xogħol ieħor il-ħin kollu li jqatta’ kif deskritt fl-Artikolu 4(e), kif ukoll il-ħin kollu li jqatta’ jsuq vettura li tintuża għal operazzjonijiet kummerċjali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u għandu jirreġistra kull perjodu ta' disponibbiltà, kif definit fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2002/15/KE, skont l-Artikolu 34(5)(b)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014. Dan ir-reġistru għandu jiddaħħal manwalment fuq folja ta’ reġistrazzjoni, fuq kopja stampata jew permezz ta’ faċilitajiet oħra ta’ reġistrazzjoni manwali fuq tagħmir ta’ reġistrazzjoni.”;

(4)fl-Artikolu 7, wara t-tieni paragrafu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Xufier li jwettaq multimanning jista’ jiddeċiedi li jieħu pawża ta’ 45 minuta f’vettura li tkun qed tiġi misjuqa minn xufier ieħor, diment li x-xufier li jkun qed jieħu l-pawża ma jkunx qed jassisti lix-xufier li jkun qed isuq il-vettura.”;

(5)l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“6.    Fi kwalunkwe erba’ ġimgħat konsekuttivi, xufier għandu jieħu minn tal-inqas:

(a)    erba’ perjodi ta’ mistrieħ regolari fil-ġimgħa, jew

(b)    żewġ perjodi regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ta’ mill-inqas 45 siegħa u żewġ perjodi mnaqqsa ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ta’ mill-inqas 24 siegħa.

Għall-finijiet tal-punt (b), il-perjodi mnaqqsa ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għandhom jiġu kkumpensati b’perjodu ta’ mistrieħ ekwivalenti meħud f’daqqa qabel tmiem it-tielet ġimgħa ta’ wara l-ġimgħa inkwistjoni.

(b)il-paragrafu 7 jinbidel b’dan li ġej:

“7. Kwalunkwe perjodu ta’ mistrieħ meħud bħala kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għandu jittieħed eżatt qabel jew wara perjodu regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ta’ mill-inqas 45 siegħa.”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 8a u 8b li ġejjin:

“8a.    Il-perjodi regolari ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u kwalunkwe perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa preċedenti ma għandhomx jittieħdu f’vettura. Dawn għandhom jittieħdu f’akkomodazzjoni xierqa, b’faċilitajiet tal-irqad u sanitarji adattati;

(a) imħallsa jew ipprovduti mill-impjegatur, jew

(b) fid-dar jew f’post privat ieħor magħżul mix-xufier.

8b.    Impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera b’tali mod li x-xufiera jkunu jistgħu jqattgħu d-dar mill-inqas perjodu regolari wieħed ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew perjodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens għal perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa f’kull perjodu ta’ tliet ġimgħat konsekuttivi.”;

(6)fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“9.    B’deroga mill-Artikolu 8, meta xufier jakkumpanja vettura li tkun qed tiġi ttrasportata fuq lanċa jew fuq ferrovija, u jieħu perjodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum jew perjodu mnaqqas ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, dak il-perjodu jista’ jiġi interrott mhux aktar minn darbtejn minn attivitajiet oħra li flimkien ma għandhomx jammontaw għal iktar minn siegħa. Matul il-perjodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum jew il-perjodi mnaqqsa ta’ mistrieħ fil-ġimgħa x-xufier għandu jkollu għad-dispoizzjoni tiegħu aċċess għal sodda jew couchette.”;

(7)fl-Artikolu 12 jiżdied it-tieni paragrafu li ġej:

“Diment li ma tiġix preġudikata s-sikurezza stradali, ix-xufier jista’ jitbiegħed mill-Artikolu 8(2) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(6) sabiex ikun jista’ jasal f’akkomodazzjoni xierqa kif imsemmi fl-Artikolu 8(8a) u jieħu l-mistrieħ tiegħu ta’ kuljum jew fil-ġimgħa hemmhekk. Il-fatt li jitbiegħed mill-Artikolu 8(2) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(6) ma għandux iwassal biex jinqabżu l-ħinijiet ta’ sewqan ta’ kuljum jew fil-ġimgħa, u lanqas għal tqassir fil-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum jew fil-ġimgħa. Ix-xufier għandu jindika r-raġuni għaliex ikun tbiegħed hekk b'mod manwali fuq il-folja ta' reġistrazzjoni tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew fuq kopja stampata mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol, mhux aktar tard minn meta jasal f'akkomodazzjoni adattata.

(8)fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.    F’każijiet urġenti l-Istati Membri jistgħu jagħtu, taħt ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, eċċezzjoni temporanja għal perjodu li ma jaqbiżx it-tletin jum, li għandha tiġi ġustifikata kif imiss u nnotifikata minnufih lill-Kummissjoni.”;

(9)l-Artikolu 15 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xufiera tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 3(a) huma rregolati b’regoli nazzjonali li jipprovdu protezzjoni xierqa fir-rigward tal-ħinijiet permessi tas-sewqan u l-pawżi u l-perjodi ta' mistrieħ obbligatorji. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli nazzjonali rilevanti applikabbli għal xufiera bħal dawn.”;

(10)fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati skont il-gravità tagħhom kif stabbilit skont l-Anness III tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 , dissważivi u mhux diskriminatorji. L-ebda ksur ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 ma għandu jkun soġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk il-miżuri u bir-regoli dwar il-penali sad-data speċifikata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29. Għandhom jinnotifikawha minnufih b’kull emenda sussegwenti għalihom. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kif xieraq.”;

(11)L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.    L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien b’kooperazzjoni mill-qrib u għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka lil xulxin mingħajr dewmien bla bżonn sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni konsistenti u l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/22/KE.

(b)fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)    informazzjoni speċifika oħra, inkluża l-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriża, li jista’ jkollha konsegwenzi għall-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 3a u 3b li ġejjin:

“3a.    Għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jużaw il-korpi maħtura ta’ kollegament intrakomunitarju skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/22/KE.”;

“3b.    Il-kooperazzjoni amministrattiva reċiproka u l-assistenza reċiproka għandhom jingħataw mingħajr ħlas.”;

(12)fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.    Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu approċċi komuni f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).”

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 8(1), it-tieni inċiż jinbidel b’dan li ġej:

“–    kull tliet sigħat ta’ ħin akkumulat ta’ sewqan u kull darba li l-vettura tgħaddi minn fruntiera għall-oħra;”;

(2)fl-Artikolu 34(7), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“7.    Ix-xufier għandu jdaħħal fit-takografu diġitali s-simboli tal-pajjiżi li fihom ikun inbeda u ntemm il-perjodu tax-xogħol ta’ kuljum, kif ukoll fejn u meta x-xufier ikun għadda minn fruntiera għall-oħra fil-vettura meta jasal f’post ta’ waqfien adattat. Stat Membru jista’ jeħtieġ li x-xufiera ta’ vetturi li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport fit-territorju tagħhom iżidu speċifikazzjonijiet ġeografiċi aktar dettaljati mas-simbolu tal-pajjiż, diment li dawk l-Istati Membri jkunu nnotifikaw dawk l-ispeċifikazzjonijiet ġeografiċi dettaljati lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ April 1998.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Gћall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1
(2) L-evalwazzjoni ex post kopriet ir-Regolament (KE) Nru 561/2006, id-Direttiva 2006/22/KE b’rabta mal-infurzar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, u d-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq.
(3) L-inizjattiva Nru 11 fl-Anness 2 tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017.
(4) https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/facts-fundings/evaluations/doc/2016-ex-post-eval-road-transport-social-legislation-final-report.pdf
(5) Sommarju tas-sejbiet: http://ec.europa.eu/transport/modes/road/consultations/2016-social-legislation-road_en
(6) Rapport finali https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/facts-fundings/evaluations/doc/2016-ex-post-eval-road-transport-social-legislation-final-report.pdf  
(7) ĠU C , , p. .
(8) ĠU C , , p. .
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).
(12) Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35).
Top