IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.11.2016
COM(2016) 761 final
2016/0376(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2016) 399 final}
{SWD(2016) 401 final}
{SWD(2016) 402 final}
{SWD(2016) 403 final}
{SWD(2016) 404 final}
{SWD(2016) 405 final}
{SWD(2016) 406 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•
Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Il-prinċipju li l-"effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" huwa element ewlieni tal-Unjoni tal-Enerġija - din il-proposta tpoġġih fil-prattika. L-orħos enerġija, l-iktar enerġija nadifa, l-iktar enerġija sigura hija l-enerġija li ma tintużax. Jenħtieġ li l-effiċjenza fl-enerġija titqies bħala sors tal-enerġija għaliha waħidha. Dan huwa wieħed mill-iktar modi kosteffettivi biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u biex jinħolqu t-tkabbir, l-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ investiment.a
Il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea nbena madwar mira ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % għall-2020 – issa dan irid isir mill-ġdid b’perspettiva għall-2030, b’segwitu għall-qbil fl-2014 tal-Kunsill Ewropew dwar mira ta’ mill-inqas 27 % għall-2030, li għandha tiġi riveduta sal-2020 bil-ħsieb ta’ mira ta’ 30 % u wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li ssejjaħ għal mira vinkolanti ta’ 40 %.
Din il-proposta tistabbilixxi mira vinkolanti ta’ 30 % effiċjenza fl-enerġija għall-2030 fil-livell tal-UE. Hekk l-Istati Membri u l-investituri jingħataw perspettiva fit-tul biex jippjanaw il-politiki u l-investimenti tagħhom u biex jadattaw l-istrateġiji tagħhom għall-effiċjenza fl-enerġija. Appoġġata minn politiki ddedikati fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali, din il-mira se ġġib diversi benefiċċji sostanzjali għall-Ewropa. Mira bħal din tirrappreżenta tnaqqis fil-konsum tal-enerġija finali ta’ 17 % meta mqabbel mal-2005. Se żżid it-tkabbir ekonomiku, u twassal għal żieda fil-PDG ta’ madwar 0,4 % (EUR 70 biljun). Aktar effiċjenza fl-enerġija se tgħin biex il-kumpaniji Ewropej itejbu l-kompetittività tagħhom billi jżommu l-ispejjeż tagħhom baxxi, filwaqt li l-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u għall-industrija mistennija li jonqsu fuq medja minn 161 għal 157 €/MWh. Se toħloq impjiegi u opportunitajiet għan-negozji lokali, bi stima ta’ 400 000 xogħol addizzjonali fis-setturi kollha sal-2030, spċejalment fis-settur tal-kostruzzjoni, fosthom biż-żieda tad-domanda għal xogħol manwali tas-sengħa. Il-bini waħdu huwa l-akbar konsumatur tal-enerġija fl-Ewropa, u jikkonsma 40 % tal-enerġija finali, għalhekk mira ta’ 30 % effiċjenza fl-enerġija għandha potenzjal kbir fis-settur. Fl-aħħar nett, l-ispejjeż tal-kontroll tat-tniġġis u l-ispejjeż tal-ħsara lis-saħħa għandhom jitnaqqsu b’bejn EUR 4.5 – 8.3 biljun u s-sigurtà tal-enerġija se titjieb ħafna, bi tnaqqis ta’ 12 % fl-importazzjonijiet tal-gass fl-2030.
Skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-fornituri u d-distributuri tal-enerġija jżidu l-iffrankar tal-enerġija tagħhom b’1.5 % fis-sena. Dan huwa element ewlieni tal-qafas tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE, implimentat bi skemi ta’ obbligu ddedikati u miżuri alternattivi. Dan deher li għandu effett b’saħħtu “li jiġbed” biex jixpruna l-iffrankar tal-enerġija fl-użu finali, jattira l-investiment privat fl-effiċjenza fl-enerġija u jappoġġa d-dħul ta’ atturi ġodda fis-suq. Joħloq azzjoni politika għall-effiċjenza fl-enerġija filwaqt li jżid ir-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini u l-użu ta’ apparat domestiku u tekniki effiċjenti fl-enerġija. Huwa politika ewlenija li wara l-2020 u lil hinn minn dik id-data, tiżblokka l-investimenti privati meħtieġa u l-opportunitajiet ta’ negozju għall-kumpaniji tal-UE, b’mod speċjali għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.
Għalhekk il-proposta testendi l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija lil hinn mill-2020 filwaqt li żżomm ir-rata ta’ 1.5 % u l-possibbiltà li tuża kemm l-iskemi tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija u kemm miżuri alternattivi. Hekk l-Istati Membri jżommu bis-sħiħ il-flessibbiltà li diġà għandhom f’kif jimplimentaw l-obbligu tal-iffrankar, f’konformità mal-politika tal-ambjent u mal-kundizzjonijiet tas-suq tagħhom. Din id-dispożizzjoni hija ċentrali biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni għall-enerġija u għall-klima, għax madwar nofs l-iffrankar addizzjonali li jenħtieġ biex tintlaħaq il-mira ta’ 30 % ta’ effiċjenza fl-enerġija fl-2030 huwa mistenni li jasal mill-estensjoni lil hinn mill-2020.
Sabiex tagħti setgħa akbar lill-konsumaturi bħala atturi ewlenin fis-suq tal-enerġija, il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb id-dispożizzjoni tal-informazzjoni dwar il-konsum tagħhom tat-tisħin u tat-tkessiħ u li ssaħħaħ id-drittijiet tagħhom b’relazzjoni mal-arloġġi u mal-kontijiet tal-enerġija termali, b’mod partikolari għan-nies li jgħixu f’bini b’aktar minn appartament wieħed. Sabiex titjieb il-frekwenza tal-informazzjoni, jiġi introdott obbligu biex l-arloġġi tat-tisħin ikunu jistgħu jinqraw mill-bogħod.
Il-proposta ssaħħaħ l-aspetti soċjali tal-effiċjenza fl-enerġija billi tirrikjedi li l-faqar enerġetiku jrid jiġi kkunsidrat fit-tfassil tal-iskemi dwar l-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija u fit-tfassil ta’ miżuri alternattivi. It-tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija se jkun ta’ benefiċċju partikolari anki għall-iktar konsumaturi vulnerabbli.
F’din il-proposta qed jiġu inklużi biss dawk l-artikoli tad-Direttiva li jenħtieġ li jiġu aġġornati għall-perjodu ta’ żmien sal-2030, u d-dispożizzjonijiet dwar is-sistemi tal-arloġġi u tal-kontjiet. Minbarra l-emendi tekniċi tal-koeffiċjent awtomatiku fl-Anness IV u tad-delega fl-Artikolu 22, l-artikoli l-oħra tad-Direttiva ma jintmessux.
•
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti
L-effiċjenza fl-enerġija u l-prinċipju li l-"effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel' jinsabu fil-qalba tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-proposta torganizza aħjar u tissimplifika d-dispożizzjonijiet eżistenti u żżid il-koerenza ma’ elementi oħrajn tal-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, jiġifieri r-regolament il-ġdid dwar il-Governanza, id-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku u l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli.
Se tippermetti wkoll li d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha billi żżid ir-rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija tal-bini. Il-fornituri u d-distributuri tal-Enerġija ta’ spiss jilħqu l-obbligu tagħhom ta’ ffrankar ta’ 1.5 % bl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija fid-djar tal-konsumaturi individwali tagħhom. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż jagħti eżempji ta’ prattika tajba fl-effiċjenza fl-enerġija madwar l-Unjoni.
Il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija huma marbuta ma’ miri tal-klima u b’mod partikolari d-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESD) li tistabbilixxi miri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra (GHG) għall-Istati Membri. Il-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija jżidu b’mod sinifikanti l-użu tat-teknoloġiji għall-iffrankar tal-enerġija fil-bini, fl-industrija u fit-trasport. Il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija huma mod kosteffettiv kif l-Istati Membri jiġu megħjuna jilħqu l-miri tal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u tal-ESD, hekk kif l-Artikolu 7 tad-Direttiva jirrikjedi lill-Istati Membri jiksbu ffrankar tal-enerġija reali u għalhekk jinkoraġġixxi miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fil-prattika.
L-emendi proposti tad-dispożizzjonijiet dwar is-sistemi tal-arloġġi u tal-kontjiet se jżidu l-koerenza mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija dwar l-elettriku u se jikkontribwixxu għal inizjattivi oħrajn tal-Unjoni tal-Enerġija: l-Istrateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ u l-Patt Ġdid għall-Konusmaturi tal-Enerġija.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•
Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-bażi ġuridika għall-miżuri dwar l-enerġija. Huwa wkoll il-bażi ġuridika tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li qed tiġi emendata b’din il-proposta. Billi t-Trattat fih bażi ġuridika speċifika għall-enerġija, huwa xieraq li jintuża.
•
Sussidjarjetà
L-istrumenti dwar l-effiċjenza fl-enerġija adottati fil-livell tal-UE jirriflettu l-importanza dejjem tikber tal-enerġija bħala sfida politika u ekonomika u l-interrelazzjoni mill-qrib tagħha mal-oqsma tal-politika tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà, is-suq intern, u l-iżvilupp ekonomiku. Minħabba l-fallimenti regolatorji u tas-suq, ammonti kbar ta’ investimenti kosteffettivi fl-effiċjenza fl-enerġija mhux se jseħħu, u dan se jwassal għal livell ta’ konsum tal-enerġija fl-2030 li mhuwiex konformi mal-Ftehim tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014. Sal-lum, l-għanijiet tal-effiċjenza fl-enerġija ma setgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri weħidhom, u għalhekk tenħtieġ l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiffaċilita u tappoġġa l-użu ta’ attivitajiet fuq livell nazzjonali. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rrispettat għaliex l-Istati Membri se jżommu l-istess flessibbiltà bħal-lum f’termini tal-għażla tat-taħlita tal-politika tagħhom u tal-approċċ tagħhom biex jiksbu l-iffrankar meħtieġ sal-2030, inkluż kif l-iffrankar se jinqasam fuq fażijiet.
•
Proporzjonalità
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-emendi proposti ma jmorrux lil hinn milli hemm bżonn biex jilħqu l-objettivi stabbiliti. L-emendi proposti tal-qafas leġiżlattiv attwali se jadattawh għal perjodu ta’ żmien sal-2030 u se jtejbu ċ-ċarezza u l-prattiċità tiegħu. L-għażla preferuta vvalutata għall-Artikolu 7 ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi (ir-rekwiżit tal-iffrankar sal-2030). Il-valutazzjoni tal-impatt tistabbilixxi għal xiex huwa xieraq li tinżamm l-istess rata ta’ 1.5 % fis-sena anke għall-perjodu l-ġdid (2021-2030).
L-iskop tal-elementi proposti fl-għażliet huwa limitat għal dawk l-aspetti li jeħtieġu azzjoni mill-Unjoni (l-istabbiliment tar-rekwiżit tal-iffrankar u l-implimentazzjoni tal-qafas li jiżgura li dan l-iffrankar jinkiseb b’mod kredibbli).
L-emendi ta’ simplifikazzjoni u kjarifika se jagħmluha aktar faċli għall-Istati Membri biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet u jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-iffrankar tal-enerġija.
L-emendi tal-Artikoli 9-11 aktarx li mhu se jkollhom l-ebda effett kbir fuq kif l-Istati Membri diġà jittrattaw l-obbligi relatati mas-sistemi tal-arloġġi u tal-kontijiet għall-konsumaturi tal-enerġija u ġew stabbiliti skadenzi xierqa għall-obbligi relatati ma’ apparati li jinqraw mill-bogħod.
•
Għażla tal-istrument
Billi din il-proposta temenda Direttiva eżistenti, l-istrument xieraq huwa Direttiva li temenda.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•
Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-konsultazzjoni pubblika tnediet fl-4 ta’ Novembru 2015 biex tirċievi feedback u input mill-partijiet ikkonċernati. F’konformità ma’ prattika tajba, l-istħarriġ aċċetta risposti għal aktar minn 12-il ġimgħa.
L-istħarriġ online rċieva 332 risposta, u l-indirizz funzjonali tal-posta elettronika rċieva 69 dokument addizzjonali, b’mod komplementarju jew minflok ir-risposti bbażati fuq l-istħarriġ. Ħafna mill-kontributi tressqu mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija (140), kumpaniji privati (47) u NGOs (33). Total ta’ 19-il awtorità pubblika ċentrali ressqu kontributi, inkluż 18 mill-UE u min-Norveġja. Mit-18-il awtorità pubblika ċentrali mill-UE, 3 talbu biex jibqgħu anonimi. Il-15 li jifdal kienu mill-Awstrija, mill-Belġju, mill-Kroazja, mir-Repubblika Ċeka, mid-Danimarka, mill-Estonja, mill-Finlandja, minn Franza, mill-Ungerija, mil-Latvja, mil-Litwanja, min-Netherlands, mis-Slovakkja, mill-Iżvezja u mir-Renju Unit.
Konsultazzjoni aktar immirata mal-Istati Membri twettqet permezz tal-laqgħa tal-Kumitat għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tat-2 ta’ Frar 2016 u l-laqgħa tal-Azzjoni Miftiehma tas-17-18 ta’ Marzu 2016.
Inġabar aktar input mill-partijiet ikkonċernati permezz ta' gruppi ta' ħidma tematiċi, b'mod partikolari fuq il-monitoraġġ u l-verifika (3 ta' Frar 2016) u dwar il-kummerċ tal-iffrankar tal-enerġija skont l-Artikolu 7 (29 ta' Frar 2016).
Fl-14 ta' Marzu 2016, sar avveniment iddedikat għall-partijiet ikkonċernati li jiffoka fuq l-għażliet tal-politika u d-diskussjoni ddaħħlet fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt (ara l-konklużjonijiet hawn taħt). Dan l-avveniment għall-partijiet ikkonċernati, b’282 parteċipant mill-industrija Ewropea, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Istati Membri, sar ukoll biex tiġi diskussa l-mira tal-2030. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati, li esprimew l-opinjoni tagħhom, appoġġjaw il-mira ta’ 40 % sal-2030, imma ma waslux għal opinjoni definittiva dwar jekk il-mira għandhiex tkun vinkolanti.
•
Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
L-istudji li ġejjin ġew ikkummissjonati minn kuntratturi esterni:
–Rapport Finali li jevalwa l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tal-EED, Ricardo-AEA/ CE Delft.
–Abbozz ta’ Rapport Finali dwar il-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-EEOSs, RAP.
–Analiżi pprovduta dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-Artikolu 7, EED, Ricardo AEA/CE Delft (fil-qafas tat-tielet studju ta’ segwitu dwar l-Artikolu 7).
–“Analiżi ta’ prattiki tajba u żvilupp ta’ linji gwida għal allokazzjoni preċiża u ġusta tal-ispejjeż għall-konsum individwali tat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku f’bini b’aktar minn appartament wieħed u b’diversi użi biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 9-11 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija” minn Empirica.
Għall-emendi tal-Artikoli 1 u 3, intuża l-mudell tas-sistema tal-enerġija, PRIMES tal-Università Nazzjonali Teknika ta’ Ateni (NTUA). Barra minn hekk, għall-immudellar u l-analiżi makroekonomiċi, intuża l-għarfien espert minn NTUA, Cambridge Econometrics u Ernest and Young.
•
Valutazzjoni tal-impatt
L-għażliet li ġejjin ġew kkunsidrati:
Għal-livell tal-mira, ġie vvalutat tnaqqis tal-enerġija primarja meta mqabbel mal-linja bażi tal-2007 ta’ 27, 30, 33, 35 u 40 %. Għall-formulazzjoni tal-mira, ġew analizzati konsum ta’ enerġija primarja u/jew finali, iffrankar jew mira tal-intensità enerġetika. Rigward in-natura tal-mira, l-għażliet li ġejjin ġew ivvalutati:
–Għażla 1: miri indikattivi tal-UE u nazzjonali;
–Għażla 2: mira vinkolanti tal-UE;
–Għażla 3: miri vinkolanti tal-Istati Membri.
–Għażla 1: l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE – tkompli bil-gwida dwar il-qafas regolatorju u l-infurzar sal-2020;
–Għażla 2: l-estenzjoni tal-Artikolu 7 għall-2030;
–Għażla 3: l-estensjoni tal-Artikolu 7 għall-2030, simplifikazzjoni u aġġornament;
–Għażla 4: l-Artikolu 7 jiġi estiż għall-2030, tiżdied ir-rata tal-iffrankar.
–Għażla 1: implimentazzjoni msaħħa u aktar gwida (għażla mhux leġiżlattiva);
–Għażla 2: kjarifika u aġġornament, inkluż konsolidazzjoni ta' ċertu dispożizzjonijiet li jżidu l-koerenza mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija.
L-għażliet kollha huma vvalutati fil-Valutazzjoni tal-Impatt u mqabbla fil-konfront tax-xenarju tal-linja bażi u fil-konfront ta’ xulxin. Il-valutazzjoni wriet li livell ogħla minn 27 % ta’ effiċjenza fl-enerġija fl-2030 se jġib benefiċċji ogħla fir-rigward tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, is-sigurtà tal-provvista, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, is-saħħa u l-ambjent. Abbażi ta’ din l-analiżi multidimensjonali ttieħdet deċiżjoni politika ta’ mira vinkolanti ta’ 30 % għall-effiċjenza fl-enerġija. Bħala riżultat tal-analiżi, l-għażla 3 għall-Artikolu 7 u l-għażla 2 għall-Artikoli 9-11 huma l-għażliet preferuti għaliex dawn huma l-aktar effettivi u effiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa u huma konsistenti ma’ oqsma oħra tal-politika tal-enerġija tal-UE.
L-estensjoni tal-Artikolu 7 għall-2030 taħt l-għażla preferuta se tgħin biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 u se twassal ukoll għal titjib fil-kwalità tal-arja.
F’termini tal-impatti soċjali, l-għażla preferuta se jkollha effett pożittiv fuq l-impjiegi: analiżi ta’ aktar minn 20 studju kkonkludiet li għal kull EUR 1.2 miljun li jintefqu fuq l-effiċjenza fl-enerġija madwar 23 impjieg huma direttament appoġġjati mill-industrija tal-effiċjenza fl-enerġija. Jekk dan il-proporzjon jiġi applikat għall-infiq totali mill-kumpaniji tal-enerġija pereżempju fl-Awstrija, fid-Danimarka, fi Franza, fl-Italja, u fir-Renju Unit, u jekk nassumu fattur ta’ ingranaġġ ta’ 2, dan jissuġġerixxi li sa 100 000 impjieg huma appoġġjati mill-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija f’dawk il-pajjiżi. Huwa mistenni wkoll impatt pożittiv għal dawk “foqra fl-enerġija”: studju tal-2013 għall-Bank Ewropew tal-Investiment sab li t-tnaqqis fil-kontijiet tal-fjuwil permezz ta’ miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija jista’ jimmitiga l-faqar enerġetiku u jgħin biex jindirizza l-kwistjonijiet assoċjati mal-inugwaljanza u mal-esklużjoni soċjali.
•
Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta ma teżentax lill-mikrointrapriżi imma d-Direttiva fiha dispożizzjonijiet speċifiċi għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), li mhumiex suġġetti għall-obbligu li jkollhom awditjar tal-enerġija kull erba’ snin. L-Istati Membri huma meħtieġa jiżviluppaw programmi biex jinkoraġġixxu lill-SMEs iwettqu l-awditi tal-enerġija, u jistgħu jistabbilixxu skemi ta’ appoġġ biex ikopru l-ispejjeż ta’ dawn l-awditi tal-enerġija.
L-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva spiss jinqaleb fil-prattika f’ħafna miżuri tal-iffrankar tal-enerġija fuq skala żgħira, b’mod partikolari relatati mar-rinnovazzjoni tal-bini. L-SMEs, pereżempju ditti żgħar tal-kostruzzjoni, jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet tan-negozju, u l-estensjoni tal-Artikolu 7 lil hinn mil-limitu attwali tiegħu sal-2020 għall-2030 se jippermetti li jitkompla l-effett pożittiv. L-espansjoni tal-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija wasslet biex il-fornituri tal-enerġija jużaw kumpaniji ta’ servizz ta’ enerġija (ESCOs), li spiss huma SMEs.
Fl-2016 il-Kummissjoni wettqet kontroll tal-idoneità fuq l-industrija tal-kostruzzjoni fl-oqsma tal-politika tas-suq intern u tal-effiċjenza fl-enerġija li sabet li, b’mod globali, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija kellha effett pożittiv fuq is-settur tal-kostruzzjoni, li wassal għal żieda fl-opportunitajiet kummerċjali marbuta mar-rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija tal-bini.
L-emendi proposti tas-sistemi tal-arloġġi u tal-kontijiet għall-konsumaturi tal-enerġija se jiċċaraw u jaġġornaw id-dispożizzjonijiet attwali biex iqisu l-iżvilupp u l-benefiċċji ta’ apparati li jkejlu mill-bogħod il-konsum termali u jżidu l-informazzjoni dwar l-użu proprju tal-enerġija kif ukoll il-frekwenza tagħha.
L-emendi proposti tad-Direttiva se jissimplifikaw u jiċċaraw l-implimentazzjoni għall-Istati Membri, u se jimminimizzaw, kemm jista’ jkun possibbli, it-trikkib fuq leġiżlazzjoni u politiki oħra dwar l-enerġija.
4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta temenda Direttiva eżistenti dwar l-effiċjenza fl-enerġija, u għalkemm ir-rekwiżiti huma estiżi fiż-żmien, dan mhux mistenni li jwassal għal wisq konsegwenzi addizzjonali baġitarji jew ta’ spejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri għaliex diġà għandhom miżuri u strutturi fis-seħħ. F’ħafna mill-każijiet, l-ispejjeż assoċjati ma’ miżuri taħt l-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija jgħaddu lill-klijenti aħħarin, imma dawn jibbenefikaw minn kontijiet tal-enerġija mnaqqsa minħabba konsum tal-enerġija mnaqqas.
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•
Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Din il-proposta ma tagħmel l-ebda bidla fl-obbligi tar-rapportar attwali tal-Istati Membri. Il-proposta leġiżlattiva dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija se tiżgura li se tiġi implimentata sistema trasparenti u affidabbli ta’ ppjanar, rapportar u monitoraġġ, ibbażata fuq pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima u rapporti dwar il-progress mill-Istati Membri, li b’mod regolari jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali. Dan għandu jħaffef il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, imma xorta se jippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress tal-Istati Membri lejn il-miri tagħhom tal-effiċjenza fl-enerġija u l-mira globali tal-UE. L-indikaturi ta’ suċċess f’konformità mal-għażla preferuta meta l-proposta tiġi adottata se jkunu:
–traspożizzjoni u implimentazzjoni korretti tat-tibdil għad-Direttiva;
–iżjed progress lejn il-miri nazzjonali u tal-UE dwar l-effiċjenza u l-enerġija;
–aktar informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi dwar il-konsum tal-enerġija termali tagħhom;
–anqas piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u rapportar aħjar dwar il-miżuri u l-iffrankar mill-Istati Membri.
Waħda mill-emendi proposti tad-Direttiva żżid rekwiżit għall-Kummissjoni biex twettaq rieżami ġenerali tad-Direttiva sat-28 ta’ Frar 2024. In-Noti ta’ Gwida eżistenti dwar l-Artikolu 7 u l-Artikoli 9-11 se jiġu aġġornati biex jirriflettu t-tibdil li sar minn din il-proposta.
•
Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva huma emendati biex tiżdied il-mira vinkolanti ta’ 30 % tal-Unjoni għall-2030 dwar l-effiċjenza fl-enerġija.
Ma hemm l-ebda mira vinkolanti għall-Istati Membri, iżda l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tagħhom dwar l-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 se jkunu notifikati fil-Pjanijiet Integrati Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 u se tistabbilixxi l-proċess dwar kif ikun żgurat li l-kontribuzzjonijiet jilħqu l-mira tal-2030 tal-Unjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija fil-proposta leġiżlattiva dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Kummissjoni tevalwa wkoll il-progress tal-effiċjenza fl-enerġija lejn il-mira tal-2030 u tipproponi miżuri addizjonali jekk l-Unjoni ma tkunx fit-triq ittajba biex tikseb il-mira tal-2030. F’dan il-kuntest, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress kollettiv li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima se tkun ta’ importanza ewlenija. Id-dispożizzjoni għal evalwazzjonijiet regolari mill-Kummissjoni dwar il-progress tal-Istati Membri u tal-Unjoni sħiħa lejn il-miri tal-2030 hija speċifikata wkoll fil-proposta leġiżlattiva tal-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.
L-Artikolu 4, li jirrikjedi lill-Istati Membri jistabbilixxu strateġiji fit-tul għall-mobilizzazzjoni tal-investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini nazzjonali tagħhom, se jitneħħa minn din id-Direttiva u jiżdied mad-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija fejn huwa aktar adattat minħabba l-finanzjament intelliġenti għall-inizjattiva tal-bini, il-pjanijiet fit-tul għal bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero u l-għan tad-dekarbonizzazzjoni tal-bini.
L-Artikolu 7 huwa emendat biex jestendi l-perjodu obbligatorju lil hinn mill-2020 sal-2030 u biex jagħmilha ċara li l-Istati Membri jistgħu jiksbu l-iffrankar tal-enerġija meħtieġ permezz ta’ skema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija, miżuri alternattivi, jew kombinazzjoni taż-żewġ approċċi. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jikkunsidraw sa ċertu punt l-installazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija rinnovabbli fuq jew fil-bini. L-Anness V huwa emendat ukoll, biex jissimplifika kif irid jiġi kkalkulat l-iffrankar tal-enerġija, u biex jiċċara liema ffrankar huwa eliġibbli għall-finijiet tal-Artikolu 7. Dan huwa rilevanti b'mod partikolari fir-rigward tal-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri li jimmiraw ir-rinnovazzjoni tal-bini li issa jistgħu jiġi ddikjarat bis-sħiħ.
Il-kalkolu tal-ammont ta’ ffrankar meħtieġ għall-perjodu mill-2021 sal-2030 se jkompli jkun ibbażat fuq bejgħ ta’ enerġija annwali lill-klijenti aħħarin fuq medja tat-tliet snin ta’ qabel il-bidu tal-perjodu obbligatorju. L-Istati Membri diġà jistgħu jinkludu rekwiżiti soċjali mmirati lejn l-unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku fl-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija tagħhom. L-Artikolu 7 emendat isaħħaħ din id-dispożizzjoni u jirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw il-faqar enerġetiku meta jiddisinjaw miżuri alternattivi. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-aċċessibilità ta’ miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-konsumaturi foqra fl-enerġija permezz tal-iskambju tal-aħjar prattika.
L-Artikolu 9 dwar is-sistemi tal-arloġġi u l-Artikolu 10 dwar is-sistemi tal-kontijiet huma emendati biex ikunu applikabbli biss għall-gass filwaqt li jiġu kkomplementati b’dispożizzjonijiet ġodda, simili u ċari applikabbli biss għat-tisħin, għat-tkessiħ u għall-misħun domestiku li jiġu fornuti minn sorsi ċentrali.
Distinzjoni bejn il-klijenti aħħarin u l-konsumaturi aħħarin qed tiġi introdotta biex tiċċara l-applikabbiltà tar-regoli f’bini b’aktar minn appartament wieħed u b’diversi użi b’sottoarloġġi. L-għoti ta' feedback ċar u f'waqtu lill-konsumaturi dwar il-konsum proprju tal-enerġija tagħhom jista' jgħin biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija, iżda l-feedback jaħdem l-aħjar meta jingħata b'mod regolari; għalhekk l-apparat li jkejjel l-enerġija termali matul iż-żmien għandu jkun jinqara mill-bogħod biex jiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni dwar il-konsum b’mod kosteffettiv fuq bażi frekwenti, finalment kull xahar. Bħala benefiċċju addizjonali, il-qari mill-bogħod jelimina l-bżonn li l-konsumaturi jkunu d-dar u jagħtu aċċess lill-qarrej tal-arloġġi. L-Anness VII huwa emendat ukoll biex jiżgura l-koerenza mal-Artikoli 9 sa 11.
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(5) u 15(8) tad-Direttiva dwar it-trasformazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija se jitħassru biex jiġu inklużi dispożizzjonijiet ekwivalenti ġodda fil-proposti leġiżlattivi magħmula skont l-Inizjattiva tad-Disinn tas-Suq. Fil-każ tal-Artikolu 15(8), dan għandu jsir b’tali mod li jiżgura li d-dmirijiet stipulati għall-Istati Membri minn dawn ir-rekwiżiti jinżammu bis-sħiħ.
L-Artikolu 23 dwar is-setgħat delegati huwa emendat biex iħassar il-limitu taż-żmien attwali fuq id-delega, jissostitwixxih bil-perjodu standard ta’ ħames snin stabbilit fil-fehim komuni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-atti delegati.
L-Artikolu 24 se jiġi emendat mill-proposta leġiżlattiva dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.
Tiżdied klawżola ta’ reviżjoni ġenerali għad-Direttiva, li skontha l-Kummissjoni trid tevalwa d-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-28 ta’ Frar 2024, u kull ġames snin minn dik id-data 'l quddiem.
Il-fattur awtomatiku tal-enerġija primarja (PEF) fl-Anness IV huwa emendat biex iqis l-avvanzi teknoloġiċi. Dan jista’ jiġi emendat permezz ta’ att delegat, imma huwa meqjus aktar xieraq li tintuża din il-proposta legali biex jintlaħaq l-istess għan.
2016/0376 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija hija waħda mill-ħames dimensjonijiet tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija adottata fil-25 ta’ Frar 2015. It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija se jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent, inaqqas l-emissjonijiet tal-gass serra, itejjeb is-sigurtà tal-enerġija bit-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija minn barra l-Unjoni, jaqta’ l-ispiża tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji, jgħin biex itaffi l-faqar enerġetiku u jwassal għal żieda fl-impjiegi u fl-attività ekonomika fl-ekonomija kollha. Dan huwa konformi mal-impenni tal-Unjoni magħmula fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija u fl-aġenda tal-klima globali stabbilita fil-Ftehim ta' Pariġi ta' Diċembru 2015 mill-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.
(2)Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija element għall-progress lejn l-Unjoni tal-Enerġija li taħtha l-effiċjenza fl-enerġija tenħtieġ li tiġi ttrattata bħala sors tal-enerġija fiha nnifisha. Għandu jitqies il-prinċipju li l-"effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" meta jiġi stabbilit regoli ġodda għan-naħa tal-provvista u għal oqsma ta' politika oħra. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-effiċjenza fl-enerġija u r-rispons tan-naħa tad-domanda jkunu jistgħu jikkompetu fuq termini ekwi mal-kapaċità tal-ġenerazzjoni. Jenħtieġ li l-effiċjenza fl-enerġija tiġi kkunsidrata fl-ippjanar ta' sistemi tal-enerġija rilevanti jew kull meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-finanzjamenti. Irid isir titjib effiċjenti fl-enerġija kull meta dan ikun iżjed kosteffettiv minn soluzzjonijiet mil-lat tal-provvista li jkunu ekwivalenti. Dan għandu jgħin biex jiġu sfruttati d-diversi benefiċċji tal-effiċjenza fl-enerġija għas-soċjetà tal-Ewropa, b'mod partikolari għaċ-ċittadini u għan-negozji.
(3)Il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 stabbilixxa mira ta' 27 % ta’ effiċjenza fl-enerġija għall-2030, li għandha tiġi riveduta sal-2020 “b’kont meħud tal-livell tal-Unjoni ta’ 30 %”. F’Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta wkoll il-vijabbiltà ta’ mira ta’ 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija għall-istess perjodu ta’ żmien. Għalhekk huwa xieraq li d-Direttiva tiġi riveduta u konsegwentement emendata biex tiġi adattata għall-perspettiva tal-2030.
(4)Ma hemm l-ebda mira vinkolanti fil-livell nazzjonali fil-perspettiva tal-2030. Il-ħtieġa tal-Unjoni li tilħaq il-miri tagħha tal-effiċjenza fl-enerġija fil-livell tal-UE, espressi f’konsum tal-enerġija primarja u finali, fl-2020 u fl-2030 tenħtieġ li tiġi stabbilita b’mod ċar fil-forma ta’ mira vinkolanti ta’ 30 %. Din il-kjarifika fil-livell tal-Unjoni ma għandhiex tirristrinġi lill-Istati Membri għaliex il-libertà tagħhom tinżamm biex ikunu jistgħu jistabbilixxu l-kontribut nazzjonali tagħhom abbażi tal-konsum tal-enerġija primarja jew finali, jew tal-iffrankar tal-enerġija primarja jew finali, jew tal-intensità tal-enerġija. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tagħhom tal-effiċjenza fl-enerġija nazzjonali filwaqt li jqisu li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ma jridx ikun aktar minn 1 321 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 987 Mtoe ta’ enerġija finali. Dan ifisser li l-konsum ta’ enerġija primarja għandu jitnaqqas bi 23 % u li l-konsum ta’ enerġija finali għandu jitnaqqas bi 17 % fl-Unjoni meta mqabbel mal-livelli tal-2005. Evalwazzjoni regolari tal-progress;ejn il-kisba tal-mira tal-Unjoni għall-2030 hija neċessarja u hija stipulata fil-proposta leġiżlattiva dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.
(5)L-obbligu fuql-Istati Membri li jistabbilixxu strateġiji fit-tul għall-mobilizzazzjoni tal-investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini nazzjonali tagħhom u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni jenħtieġ li jitneħħa mid-Direttiva 2012/27/UE u jiżdied mad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jaqbel mal-pjanijiet fit-tul għal bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero u d-dekarbonizzazzjoni tal-bini.
(6)Fid-dawl tal-qafas tal-klima u l-enerġija għall-2030 l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jiġi estiż lil hinn mill-2020. L-estensjoni tal-perjodu ta’ impenn lil hinn mill-2020 jaf joħloq aktar stabbiltà għall-investituri u b’hekk jinkoraġġixxi l-investimenti fit-tul u miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija fit-tul, bħar-rinnovazzjoni tal-bini.
(7)L-Istati Membri huma mitluba li jilħqu r-rekwiżit kumulattiv għall-iffrankar fl-użu finali għall-perjodu kollu tal-obbligu, ekwivalenti għal iffrankar “ġdid” ta’ 1.5 % tal-bejgħ tal-enerġija annwali. Dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfat minn miżuri ġodda ta’ politika li huma adottati matul il-perjodu l-ġdid tal-obbligu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 jew minn azzjonijiet individwali ġodda b’riżultat ta’ miżuri ta’ politika adottati matul jew qabel il-perjodu preċedenti, imma li fir-rigward tagħhom l-azzjonijiet individwali li jiskattaw l-iffrankar tal-enerġija huma fil-fatt introdotti matul il-perjodu l-ġdid.
(8)Il-miżuri fit-tul tal-effiċjenza fl-enerġija se jkomplu jipprovdu l-iffrankar tal-enerġija wara l-2020 imma sabiex jikkontribwixxu għall-mira li jmiss tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni għall-2030, dawk il-miżuri għandhom iwasslu għal iffrankar ġdid wara l-2020. Min-naħa l-oħra, l-iffrankar tal-enerġija miksub wara l-31 ta’ Diċembru 2020 ma jistax jgħodd lejn l-ammont ta’ ffrankar kumulattiv meħtieġ għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(9)L-iffrankar ġdid għandu jkun addizjonali għal dak li jsir is-soltu, biex l-iffrankar li xorta waħda kien isir ma jkunx jista' jiġi ddikjarat. Sabiex jiġi kkalkulat l-impatt tal-miżuri introdotti, jista' jingħadd biss l-iffrankar nett, imkejjel bħala l-bidla fil-konsum tal-enerġija li tista' tiġi attribwita direttament għall-miżura tal-effiċjenza fl-enerġija inkwistjoni. Sabiex jiġi kkalkulat l-iffrankar nett, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu xenarju bażi ta’ kif is-sitwazzjoni tevolvi fin-nuqqas tal-politika inkwistjoni. L-intervent tal-politika jenħtieġ li jiġi evalwat kontra din il-linja bażi ddefinita. L-Istati Membri għandhom iqisu li interventi oħra ta’ politika jistgħu jitwettqu fl-istess perjodu ta’ żmien li wkoll jista’ jkollhom impatt fuq l-iffrankar tal-enerġija, sabiex mhux it-tibdil kollu osservat sa mill-introduzzjoni tal-politika li qed tiġi evalwata jista’ jiġi attribwit għal dik il-miżura ta’ politika biss. L-azzjonijiet tal-parti obbligata, parteċipanti jew inkarigata għandhom jikkontriwbixxu realment għall-kisba tal-iffrankar iddikjarat biex ikun issodisfat ir-rekwiżit tal-materjalità.
(10)L-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jistax jiġi ddikjarat diment li l-miżura inkwistjoni ma tmurx lil hinn mill-minimu rikjest mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni, kemm bl-istabbiliment ta' rekwiżiti iktar ambizzjui tal-effiċjenza fl-enerġija fil-livell nazzjonali u kemm biż-żieda fl-adozzjoni tal-miżura. Filwaqt li jkun rikonoxxut il-fatt li r-rinnovazzjoni tal-bini hija element essenzjali fuq perjodu fit-tul biex jiżdied l-iffrankar fl-enerġija, jenħtieġ li jkun iċċarat li l-iffrankar kollu tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri li jippromwovu r-rinnovazzjoni ta' bini eżistenti jista' jiġi ddikjarat jekk dan ikun addizzjonali għall-iżvilupp li kien isir fin-nuqqas tal-miżura ta' politika u jekk l-Istat Membru juri li l-parti obbligata, parteċipanti jew inkarigata ikkontribwiet realment fil-kisba tal-iffrankar iddikjarat mill-miżura inkwistjoni.
(11)Skont l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u l-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, ir-regoli tal-monitoraġġ u l-verifika jenħtieġu li jingħataw prominenza akbar, inkluż ir-rekwiżit li jiġi ċċekkjat kampjun statistikament rappreżentattiv tal-miżuri. Ir-referenzi għal “proporzjon statistikament sinifikanti u kampjun rappreżentattiv” għandhom jinftiehmu li jirrikjedu l-istabbiliment ta’ subsett tal-popolazzjoni tal-istatistika (ta’ miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija) b’tali mod li jirriflettu b’mod preċiż il-popolazzjoni kollha inkwistjoni (il-miżuri kollha ta’ ffrankar tal-enerġija), u b’hekk jippermettu li joħorġu konklużjonijiet raġonevoli rigward il-fiduċja fit-totalità tal-miżuri.
(12)It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija tal-bini għandu jkun ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-konsumaturi affettwati mill-faqar enerġetiku. L-Istati Membri diġà jistgħu jitolbu lill-partijiet obbligati jinkludu għanijiet soċjali fil-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija, fir-rigward tal-faqar enerġetiku, u issa din il-possibbiltà għandha tiġi estiża għal miżuri alternattivi u ttrasformata f’obbligu filwaqt li titħalla l-flessibbiltà sħiħa għall-Istati Membri fir-rigward tad-daqs, l-ambitu u l-kontenut ta’ dawn il-miżuri. F’konformità mal-Artikolu 9 tat-Trattat, , il-politiki tal-Unjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija għandhom ikunu inklussivi u għalhekk jiżguraw ukoll l-aċċessibbiltà tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-konsumaturi f’faqar enerġetiku.
(13)L-enerġija ġġenerata fuq jew fil-bini minn teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli tnaqqas l-enerġija fossili fornuta. It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tal-bini huma miżuri importanti biex inaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija tal-Unjoni u l-emissjonijiet tal-gass serra, b’mod speċjali fid-dawl tal-objettivi ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija stabbiliti għall-2030 kif ukoll l-impenn globali li ttieħed fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) li saret f’Pariġi f’Diċembru 2015. L-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu kapaċi jqisu ċertu ammont ta’ enerġija rinnovabbli ġġenerata fuq jew fil-bini għall-użu proprju sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom għall-iffrankar tal-enerġija. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jitħallew jużaw il-metodoloġiji stabbiliti skont id-Direttiva 2010/31/UE.
(14)Bħala parti mill-miżuri stabbiliti fil-Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Istrateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ, id-drittijiet minimi tal-konsumaturi għal informazzjoni ċara u fil-ħin dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom jeħtieġ li jissaħħu. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikoli 9 sa 11 u l-Anness VII tad-Direttiva 2012/27/UE jiġu emendati biex jistipulaw feedback frekwenti u mtejjeb dwar il-konsum tal-enerġija. Għandu jiġi ċċarat ukoll li d-drittijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontijiet u mal-informazzjoni tal-kontijiet japplikaw għall-konsumaturi tat-tisħin, tat-tkessiħ jew tal-misħun fornut minn sors ċentrali anki meta ma jkollhomx relazzjoni kuntrattwali individwali diretta ma’ fornitur tal-enerġija. Għalhekk, għall-finijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, it-terminu “utent aħħari” għandu jkopri l-klijenti aħħarin li jixtru t-tisħin/it-tkessiħ/il-misħun għall-użu proprju tagħhom kif ukoll l-okkupanti tal-unitajiet individwali ta’ bini b’aktar minn appartament wieħed jew b’diversi użi fejn dawn l-unitajiet huma fornuti minn sors ċentrali. It-terminu “sottoarloġġi” għandu jirreferi għall-kejl tal-konsum f’unitajiet individwali ta’ tali bini. Sal-1 ta’ Jannar 2020 arloġġi tas-sħana u allokaturi tal-ispiża tat-tisħin installati ġodda għandhom ikunu jinqraw mill-bogħod biex jiżguraw l-għoti kosteffikaċi u frekwenti tal-informazzjoni dwar il-konsum. L-Artikolu 9a il-ġdid huwa maħsub biex japplika biss għat-tisħin, għat-tkessiħ u għall-misħun fornut minn sors ċentrali.
(15)Ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar it-trasformazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija jenħtieġ li jitħassru. Ir-reviżjoni tal-acquis fil-qasam tal-enerġija tista’ tirriżulta fl-obbligi tal-Istati Membri taħt l-atti differenti relatati mal-enerġija jiġu strutturati b’mod differenti. Dan ir-ristrutturar ma għandux jaffettwa l-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-rekwiżiti sostantivi tad-Direttiva 2012/27/UE li jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid, kompletament jew parzjalment, f’atti oħra.
(16)Sabiex jirrifletti l-progress teknoloġiku u s-sehem dejjem jikber tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-koeffiċjent awtomatiku għall-iffrankar f’kWh ta’ elettriku għandu jiġi rivedut sabiex jirrifletti t-tibdil fil-fattur tal-enerġija primarja (PEF) għall-elettriku. Il-kalkoli tal-PEF għall-elettriku huma bbażati fuq valuri medji annwali. Il-Metodu tal-kontabilità tal-kontenut tal-enerġija fiżika huwa użat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana nukleari u l-Metodu tal-effiċjenza tal-konverżjoni teknika huwa użat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana minn karburanti fossili u bijomassa. Għall-enerġija rinnovabbli mhux kombustibbli, il-metodu huwa l-ekwivalenti dirett ibbażat fuq l-approċċ tal-Enerġija primarja totali. Biex jiġi kkalkulat is-sehem tal-enerġija primarja għall-elettriku f’CHP, jiġi applikat il-metodu stabbilit fl-Anness II tad-Direttiva 2012/27/UE. Il-pożizzjoni medja tas-suq hija użata pjuttost milli waħda marġinali. L-effiċjenzi tal-konverżjoni huma preżunti li huma 100 % għal rinnovabbli mhux kombustibbli, 10 % għal impjanti ġeotermiċi u 33 % għal impjanti tal-enerġija nukleari. L-effiċjenza totali għall-koġenerazzjoni hija kkalkulata fuq il-bażi tal-aktar dejta riċenti mill-Eurostat. Fir-rigward tal-konfini tas-sistema l-PEF huwa 1 għas-sorsi kollha tal-enerġija. Il-kalkoli huma bbażati fuq l-aktar verżjoni riċenti tax-Xenarju ta’ Referenza PRIMES. Il-valur tal-PEF huwa bbażat fuq il-projezzjoni għall-2020. L-analiżi tkopri l-Istati Membri tal-UE u n-Norveġja. Is-sett tad-data għan-Norveġja huwa bbażat fuq id-data tal-ENTSO-E.
(17)Sabiex jiġi żgurat li l-Annessi tad-Direttiva u l-valuri ta’ referenza armonizzati għall-effiċjenza msemmija fl-Artikolu 14(10) ikunu jistgħu jiġu aġġornati, jenħtieġ li d-delega tas-setgħat mogħtija tiġi estiża lill-Kummissjoni. .
(18)Sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-effettività tad-Direttiva 2012/27/UE, għandu jiġi introdott rekwiżit għal rieżami ġenerali tad-Direttiva u għal rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-28 ta’ Frar 2024.
(19)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.
(20)Id-Direttiva 2012/27/UE għalhekk tenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2012/27/UE hija emendata kif ġej:
(1)Fl-Artikolu 1 il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:
“1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri li jippromwovu l-effiċjenza fl-enerġija fl-Unjoni sabiex ikun żgurat li jintlaħqu l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-effiċjenza fl-enerġija ta' 20 % għall-2020 u l-miri vinkolanti ewlenin tagħha ta' 30 % għall-2030 u sabiex titwitta t-triq għal iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija lil hinn minn dawk id-dati. Din tistabbilixxi regoli mfassla sabiex ineħħu l-ostakli fis-suq tal-enerġija u sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet tas-swieq li jimpedixxu l-effiċjenza fil-provvista u fl-użu tal-enerġija, u tipprevedi l-istabbiliment ta’ miri u kontributi nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u għall-2030.”;
(2)L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 3
Miri għall-effiċjenza fl-enerġija
1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mira indikattiva nazzjonali għall-2020 għall-effiċjenza fl-enerġija, abbażi tal-konsum tal-enerġija primarja jew tal-enerġija finali, l-iffrankar tal-enerġija primarja jew tal-enerġija finali, jew l-intensità tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk il-miri lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 24(1) u mal-Parti 1 tal-Anness XIV. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jesprimu wkoll dawk il-miri f'termini ta' livell assolut ta' konsum primarju tal-enerġija u konsum finali tal-enerġija fl-2020 u għandhom jispjegaw kif, u abbażi ta' liema data, dan ġie kkalkulat.
Meta jistabbilixxu dawk il-miri, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont:
(a)li l-konsum tal-Unjoni għall-2020 ma jridx ikun aktar minn 1 483 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 1 086 Mtoe ta’ enerġija finali;
(b)tal-miżuri previsti f’din id-Direttiva;
(c)tal-miżuri adottati biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-iffrankar tal-enerġija adottati skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/32/KE; kif ukoll
(d)ta’ miżuri oħrajn biex tiġi promossa l-effiċjenza fl-enerġija fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni.
Meta jistabbilixxu dawk il-miri, l-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll iċ-ċirkostanzi nazzjonali li jaffettwaw il-konsum tal-enerġija primarja, bħal:
(a)il-potenzjal li fadal biex tiġi ffrankata l-enerġija b’mod kosteffettiv;
(b)l-evoluzzjoni u l-previżjoni tal-PDG;
(c)il-bidliet fl-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-enerġija;
(d)l-iżvilupp tas-sorsi kollha ta’ enerġiji rinnovabbli, l-enerġija nukleari, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju; kif ukoll
(e)azzjoni bikrija.
2. Sat-30 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-progress miksub u jekk hux probabbli li l-Unjoni tikseb il-konsum tal-enerġija ta’ mhux aktar minn 1 483 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 1 086 Mtoe ta’ enerġija finali fl-2020.
3. Fit-twettiq tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha:
(a)tgħodd il-miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija rrapurtati mill-Istati Membri;
(b)tivvaluta jekk it-total ta' dawk il-miri jistax jiġi kkundirat gwida affidabbli dwar jekk l-Unjoni bis-sħiħ hijiex fit-triq it-tajba, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tal-ewwel rapport annwali skont l-Artikolu 24(1), u l-evalwazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija f'konformità mal-Artikolu 24(2);
(c)tqis l-analiżi komplementari li tirriżulta minn:
(i)valutazzjoni tal-progress fil-konsum tal-enerġija assolut, u fil-konsum tal-enerġija skont l-attività ekonomika fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-progress fl-effiċjenza tal-provvista tal-enerġija fl-Istati Membri li bbażaw il-miri indikattivi tagħhom fuq il-konsum tal-enerġija finali jew l-iffrankar tal-enerġija finali, inkluż il-progress bis-saħħa tal-konformità ta’ dawn l-Istati Membri mal-Kapitolu III ta’ din id-Direttiva;
(ii)ir-riżultati mill-eżerċizzji ta' mmudellar relatati max-xejriet futuri fil-konsum tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni.
(d) tqabbel ir-riżultati skont il-punti (a) sa (c) mal-kwantità tal-konsum tal-enerġija li tkun meħtieġa biex tinkiseb konsum tal-enerġija ta’ mhux aktar minn 1 483 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 1 086 Mtoe ta’ enerġija finali fl-2020.
4. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija lejn il-mira tal-Unjoni għall-2030 imsemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 f’konformità mal-Artikoli [4] u [6] tar-Regolament (UE) XX/20XX [il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija]. Meta jistabbilixxu dawk il-kontribuzzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ma jridx ikun aktar minn 1 321 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 987 Mtoe ta’ enerġija finali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dwar dawk il-kontribuzzjonijiet lill-Kummissjoni bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima f’konformita mal-proċedura skont l-Artikoli [3] u [7] sa [11] tar-Regolament (UE) XX/20XX [il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija].”;
(3)
l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 7
Obbligu tal-iffrankar tal-enerġija
1.
L-Istati Membri għandhom jiksbu ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali tal-anqas ekwivalenti għal:
(a)iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 ta’ 1.5 % tal-bejgħ annwali tal-enerġija lill-klijenti aħħarin skont il-volum, fuq medja tal-aktar perjodu ta’ tliet snin riċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2013;
(b)iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 ta’ 1.5 % tal-bejgħ annwali tal-enerġija lill-klijenti aħħarin skont il-volum, fuq medja tal-aktar perjodu ta’ tliet snin riċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019.
L-Istati Membri għandhom ikomplu jiksbu ffrankar annwali ġdid ta’ 1.5 % għal perjodi ta’ għaxar snin wara l-2030, sakemm l-analiżijiet mill-Kummissjoni sal-2027 u kull 10 snin warajhom jikkonkludu li dan mhux meħtieġ biex jintlaħqu l-miri fit-tul tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima għall-2050.
Għall-finijiet tal-punt (b), u mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jgħoddu biss dak l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri ġodda ta’ politika introdotti wara l-31 ta’ Diċembru 2020 jew miżuri ta’ politika introdotti matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 sakemm jista’ jintwera li dawk il-miżuri jirriżultaw f’azzjonijiet individwali li jittieħdu wara l-31 ta’ Diċembru 2020 u jagħtu l-iffrankar.
Il-bejgħ tal-enerġija, skont il-volum, użata fit-trasport jista’ jiġi parzjalment jew kompletament eskluż minn dawn il-kalkoli.
L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif il-kwantità kkalkulata tal-iffrankar il-ġdid għandha titqassam f’fażijiet fuq kull perjodu msemmija fil-punt(a) u (b) sakemm l-iffrankar kumulattiv totali meħtieġ ikun intleħaq sal-aħħar ta’ kull perjodu.
2.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, kull Stat Membru jista’:
(a)jwettaq il-kalkolu metieġ fil-punt (a) tal-paragrafu 1 billi juża valuri ta' 1 % fl-2014 u fl-2015; 1.25 % fl-2016 u fl-2017; u 1.5 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020;
(b)jeskludi mill-kalkolu parti mill-bejgħ jew il-bejgħ kollu, skont il-volum, tal-enerġija użata f’attivitajiet industrijali elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE;
(c)jippermetti li l-iffrankar tal-enerġija miksub fis-setturi tat-trasformazzjoni, id-distribuzzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija, inkluża infrastruttura effiċjenti ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, b’riżultat tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(4), il-punt (b) tal-Artikolu 14(5) u l-Artikolu 15(1) sa (6) u (9) li għandhom jingħaddu mal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ skont il-paragrafu 1;
(d)jgħodd l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn azzjonijiet individwali li għadhom kemm ġew implimentati mill-31 ta’ Diċembru 2008 li jkun għad għandu impatt fl-2020u li jista’ jitkejjel u jiġi vverifikat, mal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1; kif ukoll
(e)jeskludi mill-kalkolu tar-rekwiżit tal-iffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1 l-ammont verifikabbli tal-enerġija ġġenerata fuq jew fil-bini għal użu proprju b’riżultat ta’ miżuri ta’ politika li jippromwocu tal-installazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli.
3.
L-għażliet kollha magħżula skont il-paragrafu 2 meħuda flimkien iridu jammontaw għal mhux aktar minn 25 % tal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom japplikaw u jikkalkolaw l-effett tal-għażliet magħżula għall-perjodi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 separatament:
(a)għall-kalkolu tal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perjodu msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-punti (a), (b), (c), u (d) tal-paragrafu 2;
(b)għall-kalkolu tal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perjodu msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-punti (b), (c), (d) u (e) tal-paragrafu 2, sakemm l-azzjonijiet individwali fis-sens tal-punt (d) ikomplu jkollhom impatt verifikabbli u li jista’ jitkejjel wara l-31 ta’ Diċembru 2020.
4.
L-iffrankar tal-enerġija miksub wara l-31 ta’ Diċembru 2020 ma jistax jgħodd lejn l-ammont ta’ ffrankar kumulattiv meħtieġ għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.
5.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iffrankar li jirriżulta minn miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikoli 7a u 7b u l-Artikolu 20(6) jiġi kkalkulat skont l-Anness V.
6.
L-Istati Membri għandhom jiksbu l-ammont meħtieġ ta’ ffrankar skont il-paragrafu 1 billi jistabbilixxu skema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija msemmija fl-Artikolu 7a jew billi jadottaw miżuri alternattivi msemmija fl-Artikolu 7b. L-Istati Membri jistgħu jikkombinaw skema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija ma’ miżuri ta’ politika alternattivi.
7.
L-Istati Membri għandhom juru li meta jkun hemm trikkib fl-impatt ta’ miżuri ta’ politika jew azzjonijiet individwali, ma jsirx għadd doppju ta’ ffrankar tal-enerġija.”;
(4)Jiddaħħlu l-Artikoli 7a u 7b li ġejjin:
“Artikolu 7a
L-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija
1.
Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiksbu l-ammont ta’ ffrankar meħtieġ skont l-Artikolu 7 (1) permezz ta’ skema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija huma għandhom jiżguraw li l-partijiet obbligati msemmija fil-paragrafu 2 li joperaw fit-territorju ta’ kull Stat Membru jiksbu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(2), ir-rekwiżit tal-iffrankar tal-enerġija kumulattiva fl-użu finali stabbilita fl-Artikolu 7(1).
2.
L-Istati Membri għandhom jinnominaw, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, partijiet obbligati fost id-distributuri tal-enerġija u/jew kumpaniji li jbigħu l-enerġija fil-livell tal-konsum li joperaw fit-territorju tiegħu u dawn jistgħu jinkludu distributuri tal-karburant għat-trasport jew bejjiegħa fil-livell tal-konsum tal-karburant għat-trasport li joperaw fit-territorju tiegħu. L-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ biex jiġi ssodisfat l-obbligu għandu jinkiseb mill-partijiet obbligati fost il-klijenti aħħarin, nominati mill-Istat Membru, indipendentement mill-kalkolu magħmul fl-Artikolu 7(1), jew, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, permezz ta’ ffrankar iċċertifikat li jkun ġej minn partijiet oħra kif deskritt fil-punt (b) tal-paragrafu 5.
3.
L-Istati Membri għandhom jesprimu l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ minn kull parti obbligata f’termini ta’ konsum tal-enerġija finali jew primarja. Il-metodu magħżul biex jiġi espress l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ għandu jintuża wkoll biex jiġi kkalkulat l-iffrankar iddikjarat mill-partijiet obbligati. Għandhom japplikaw il-fatturi ta’ konverżjoni stabbiliti fl-Anness IV.
4.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ kejl, kontroll u verifika fejn jitwettaq l-awditjar iddokumentat fuq proporzjon statistikament sinifikanti u kampjun rappreżentattiv tal-miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija stabbiliti mill-partijiet obbligati. Dan il-kejl, kontroll u verifika għandhom jitwettqu indipendentament mill-partijiet obbligati.
5.
Fl-iskema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri:
(a)għandhom jinkludu rekwiżiti b’għan soċjali fl-obbligi ta’ ffrankar li jimponu huma, inkluż billi jeżiġu li proporzjon tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija jiġi implimentat bħala prijorità f’unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku u fl-akkomodazzjoni soċjali;
(b)jistgħu jħallu lill-partijiet obbligati jgħoddu mal-obbligu tagħhom l-iffrankar tal-enerġija ċċertifikat miksub minn fornituri ta’ servizzi ta’ enerġija jew partijiet terzi oħrajn inkluż meta partijiet obbligati jippromwovu miżuri permezz ta’ korpi oħrajn approvati mill-Istat jew permezz ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu jinvolvu jew ma jinvolvux sħubijiet formali u jistgħu jkunu kkombinati ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament. Fejn l-Istati Membri jippermettu dan, huma għandhom jiżguraw li jkun stabbilit proċess ta’ approvazzjoni li jkun ċar, trasparenti u miftuħ għall-atturi kollha tas-suq, u jkollu l-għan li jimminimizza l-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni;
(c)jistgħu jħallu l-partijiet obbligati jgħoddu l-iffrankar miksub f’sena partikolari bħallikieku nkiseb fi kwalunkwe waħda mill-erba’ snin preċedenti jew mit-tliet snin sussegwenti sakemm dan ma jmurx lil hinn mit-tmiem tal-perjodi obbligatorji stabbiliti fl-Artikolu 7(1).
6.
Darba fis-sena, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-iffrankar tal-enerġija miksub minn kull parti obbligata, jew kull sottokategorija ta’ parti obbligata, u b’kollox taħt l-iskema.
Artikolu 7b
Miżuri ta’ politika alternattivi
1.
Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiksbu l-iffrankar skont l-Artikolu 7(1) permezz ta’ miżuri ta’ politika alternattivi huma għandhom jiżguraw li l-iffrankar tal-enerġija meħtieġ skont l-Artikolu 7(1) jinkiseb fost il-klijenti aħħarin.
2.
Fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika alternattivi biex jinkiseb l-iffrankar tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effett fuq l-unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku.
3.
Għall-miżuri kollha għajr dawk li jirrelataw ma’ miżuri ta’ tassazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta’ kejl, kontroll u verifika fejn jitwettaq l-awditjar iddokumentat fuq proporzjon statistikament sinifikanti u kampjun rappreżentattiv tal-miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija stabbiliti mill-partijiet parteċipanti jew inkarigati. Dan il-kejl, kontroll u verifika għandhom jitwettqu indipendentament mill-partijiet parteċipanti u inkarigati.”;
(5)l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-arloġġi għall-gass”;
(b)fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa fejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, il-klijenti aħħarin tal-gass naturali jingħataw arloġġi individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b'mod preċiż il-konsum proprju ta' enerġija tal-klijent aħħari u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu.”;
(c) il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i)il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“Meta, u sa fejn, l-Istati Membri jimplimentaw sistemi ta' arloġġi intelliġenti u jintroduċu arloġġi intelliġenti għall-gass naturali f’konformità mad-Direttiva 2009/73/KE.”;
(ii)il-punti (c) u (d) jitħassru;
(d)il-paragrafu 3 jitħassar;
(6) għandu jiddaħħal l-Artikolu 9a li ġej:
“Artikolu 9 a
Arloġġi, sottoarloġġi u allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin u t-tkessiħ u għall-misħun domestiku
1.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali u tal-misħun domestiku jingħataw arloġġi bi prezz kompetittiv li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum finali reali ta’ enerġija mill-klijent.
Fejn it-tisħin u t-tkessiħ jew il-misħun ikunu pprovduti lil bini minn sors ċentrali li jaqdi għadd ta’ bini jew minn netwerk ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, għandu dejjem jiġi installat arloġġ tas-sħana jew tal-misħun fejn isir l-iskambju tas-sħana jew fil-punt ta’ konsenja.
2.
F’binjiet b’aktar minn appartament wieħed u b’diversi użi b’sors ċentrali ta’ tisħin jew tkessiħ jew fornuti minn sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, għandhom jiġu installati arloġġi individwali biex ikejlu l-konsum tat-tisħin jew tat-tkessiħ jew tal-misħun għal kull unità tal-bini.
Fejn l-użu ta’ arloġġi individwali ma jkunx teknikament fattibbli jew fejn ma jkunx kosteffiċjenti li jitkejlu t-tisħin u t-tkessiħ f’kull unità ta’ bini, għandhom jintużaw allokaturi individwali tal-ispiża tat-tisħin biex jitkejjel il-konsum tat-tisħin f’kull radjatur dment li l-Istat Membru inkwistjoni ma jurix li l-installazzjoni ta’ tali allokaturi tal-ispiża tat-tisħin ma tkunx kosteffiċjenti. F’dawk il-każijiet, jistgħu jiġu kkunsidrati metodi kosteffiċjenti alternattivi ta’ kejl tal-konsum tas-sħana. Il-kundizzjonijiet tan-nuqqas ta' fattibbiltà teknika u tan-nuqqas ta; kosteffettività għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar u ppubblikati minn kull Stat Membru.
F’bini ġdid tat-tip imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew meta bini bħal dan jiġi rinnovat drastikament, kif stabbilit fid-Direttiva 2010/31/UE, għandhom dejjem jingħataw arloġġi individwali.
3.
Fejn binjiet b’aktar minn appartament wieħed u b’diversi użi huma moqdija minn tisħin jew tkessiħ distrettwali, jew fejn is-sistemi komuni tagħhom ta’ tisħin jew tkessiħ għal tali bini jkunu prevalenti, l-Istati Membri għandhom jintroduċu regoli trasparenti dwar l-allokazzjoni tal-ispiża tat-tisħin, it-tkessiħ u l-konsum tal-misħun f’tali bini biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-preċiżjoni tal-kontijiet tal-konsum individwali inkluż:
(a)misħun għall-ħtiġijiet domestiċi;
(b)sħana mormija mill-installazzjoni tal-bini u għall-iskop tat-tisħin taż-żoni komuni (fejn it-taraġ u l-kurituri jkunu mgħammra b’radjaturi);
(c)għall-iskop tat-tisħin jew it-tkessiħ ta’ appartamenti.
4.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, mill-1 ta’ Jannar 2020 l-arloġġi u l-allokaturi tal-ispiża installati għandhom ikunu apparati li jinqraw mill-bogħod.
L-arloġġi u l-allokaturi tal-ispiża li diġà ġew installati imma li ma jinqrawx mill-bogħod għandhom jiġu pprovduti b’din il-kapaċità jew jiġu ssostitwiti b’apparati li jinqraw mill-bogħod sal-1 ta’ Jannar 2027, ħlief fejn l-Istat Membru inkwistjoni juri li dan mhuwiex kosteffiċjenti.”;
(7)l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:
(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Informazzjoni dwar il-kontijiet għall-gass”
(b) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Meta l-klijenti aħħarin ma jkollhomx l-arloġġi intelliġenti kif imsemmi fid-Direttiva 2009/73/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, sal-31 ta' Diċembru 2014, li l-informazzjoni dwar il-kontijiet tkun preċiża u bbażata fuq il-konsum proprju, f’konformità mal-punt 1.1 tal-Anness VII, għall-gass, fejn dan ikun teknikament possibbli u ekonomikament iġġustifikat.”;
(c)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej: ”
“L-arloġġi installati skont id-Direttiva 2009/73/KE għandhom jippermettu informazzjoni preċiża dwar kontijiet ibbażata fuq il-konsum proprju. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin ikollhom il-possibbiltà ta' aċċess faċli għal informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku li jippermetti awtoverifiki dettaljati.”;
(8) jiddaħħal l-Artikolu 10 a li ġej:
“Artikolu 10 a
Informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum għat-tisħin u t-tkessiħ u għall-misħun domestiku
1.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum hija preċiża u bbażata fuq il-konsum reali, skont il-punti 1 u 2 tal-Anness VII għall-utenti aħħarin kollha fejn hemm installati l-arloġġi jew l-allokaturi tal-ispiża.
Dan l-obbligu jista’, ħlief fil-każ ta’ konsum b’sottoarloġġi skont l-Artikolu 9a(2), jiġi ssodisfat minn sistema ta’ qari regolari tal-konsum proprju mill-klijent aħħari li permezz tiegħu huma jikkomunikaw il-qari mill-arloġġ tagħhom lill-fornitur tal-enerġija. Biss f’każijiet meta l-klijent aħħari ma jkunx ipprovda qari mill-arloġġ għal perjodu partikolari ta’ kontijiet, il-kontijiet għandhom ikunu bbażati fuq konsum stmat jew rata fissa.
2.
L-Istati Membri:
(a)għandhom jirrikjedu li, jekk l-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-enerġija u l-konsum storiku tal-utenti aħħarin tkun disponibbli, din issir disponibbli, għal fornitur ta’ servizz ta’ enerġija magħżul minn utent aħħari;
(b)għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin jkun offrut l-għażla ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u kontijiet elettroniċi u li jirċievi, fuq talba, spjegazzjoni ċara u li tiftiehem ta’ kif il-kont tiegħu nħadem, speċjalment fejn il-kontijiet ma jkunux ibbażati fuq il-konsum reali;
(c)għandom jiżguraw li informazzjoni xierqa tingħata mal-kont ibbażat fuq il-konsum reali lill-utentiaħħarin kollha skont il-punt 3 tal-Anness VII;
(d)jistgħu jipprovdu li, fuq talba tal-klijent aħħari, l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet ma jkollhiex titqies li tikkostitwixxi talba għall-ħlas. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu offruti arranġamenti flessibbli għall-ħlas reali.”;
(9)l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:
(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Spiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar arloġġi u kontijiet għall-gass”;
(b)il-paragrafu 2 jitħassar;
(10)għandu jiddaħħal l-Artikolu 11 a li ġej:
“Artikolu 11 a
Spiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar arloġġi u kontijiet għat-tisħin u t-tkessiħ
1.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin jirċievu l-kontijiet u l-informazzjoni kollha dwar il-kontijiet għal konsum tal-enerġija mingħajr ħlas u li l-klijenti aħħarin ukoll ikollhom aċċess għad-data dwar il-konsum tagħhom b’mod adegwat u mingħajr ħlas.
2.
Minkejja l-paragrafu 1, id-distribuzzjoni tal-ispejjeż tal-informazzjoni dwar il-kontijiet għall-konsum individwali tat-tisħin, it-tkessiħ u l-misħun f’bini b’aktar minn appartament wieħed skont l-Artikolu 9a(2) għandha ssir mingħajr profitt. L-ispejjeż li jirriżultaw mill-assenjament ta’ dan il-kompitu lil parti terza, bħal fornitur ta’ servizz jew il-fornitur lokali tal-enerġija, li jkopri l-kejl, l-allokazzjoni u l-kontabbiltà għall-konsum individwali reali f’tali bini, jistgħu jingħaddu lill-utenti aħħarin, sa fejn tali spejjeż ikunu raġonevoli.”;
(11)l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu (5) huwa emendat kif ġej:
(i)l-ewwel u t-tieni subparagrafi jitħassru;
(ii)it-tielet subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:
“L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XII.”;
(b)il-paragrafu 8 jitħassar;
(12)Fl-Artikolu 23 il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:
“2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 22 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-4 ta’ Diċembru 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.”;
(13)fl-Artikolu 24, jiżdied il-paragrafu 12 li ġej:
“12. Il-Kummissjoni għandha tevalwa din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2024, u kull ħames snin minn dik id-data 'l quddiem, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti għal aktar miżuri.”;
(14)l-Annessi huma emendati skont l-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn XXXX [Please insert the date 12 months following the date of entry into force]. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President