This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008XC0403(02)
Guidelines for the examination of State aid to fisheries and aquaculture
Linji Gwida għall-eżaminar ta' l-għajnuna mill-Istat għas-sajd u għall-akkwakultura
Linji Gwida għall-eżaminar ta' l-għajnuna mill-Istat għas-sajd u għall-akkwakultura
ĠU C 84, 3.4.2008, p. 10–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
3.4.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 84/10 |
Linji Gwida għall-eżaminar ta' l-għajnuna mill-Istat għas-sajd u għall-akkwakultura
(2008/C 84/06)
1. BAŻI ĠURIDIKA U AMBITU
1.1. |
Dawn il-Linji Gwida japplikaw għas-settur kollu tas-sajd u jinkludu l-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar u l-akkwakultura flimkien mal-mezzi ta' produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jirriżultaw, imma bl-esklużjoni ta' sajd magħmul bi skop rikreattiv u sportiv li ma jirriżultax f'bejgħ ta' prodotti tas-sajd. |
1.2. |
Għall-applikazzjoni ta' dawn il-Linji Gwida, “prodotti tas-sajd” tfisser kemm prodotti maqbuda mill-baħar jew mill-ilmijiet interni kif ukoll prodotti ta' l-akkwakultura elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (1). |
1.3. |
L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, stabbiliti fl-Artikoli 87 sa 89 tat-Trattat tal-KE, għall-produzzjoni u l-kummerċ fil-prodotti tas-sajd u ta' l-akkwakultura hija pprovduta fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (2) u fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000. Il-prinċipju ta' l-inkompatibbiltà ta' l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, stabbilit fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat, huwa suġġett għad-derogi msemmija fl-Artikoli 87(2) u (3). Huwa fil-qafas ta' dawn il-Linji Gwida li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tamministra dawk id-derogi fis-settur tas-sajd. |
1.4. |
Dawn il-Linji Gwida jkopru l-miżuri kollha li jikkostitwixxu għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, inkluża kwalunkwe miżura li tinvolvi vantaġġ finanzjarju fi kwalunkwe forma ffinanzjata direttament jew indirettament mill-baġits ta' l-awtoritajiet pubbliċi (nazzjonali, reġjonali, provinċjali, dipartimentali jew lokali) jew minn riżorsi ta' l-Istat oħrajn. Dawn li ġejjin, pereżempju, iridu jitqiesu bħala għajnuna: trasferimenti tal-kapital, self b'rata ta' imgħax baxxa, sussidji ta' imgħax, xi ishma ta' l-Istat fil-kapital ta' impriżi, għajnuna ffinanzjata minn imposti speċjali jew dħul parafiskali, għajnuna mogħtija f'forma ta' ishma ta' l-Istat kontra self bankarju, it-tnaqqis jew l-eżenzjoni minn tariffi jew taxxi, inkluż deprezzament aktar mgħaġġel u t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali. |
2. L-OBBLIGU TAN-NOTIFIKA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT U L-EŻENZJONI MINN DAN L-OBBLIGU
Il-Kummissjoni tfakkar lill-Istati Membri bl-obbligu tagħhom li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-pjanijiet tagħhom ta' għoti ta' għajnuna ġdida, skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (3).
Madankollu, skond il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 2.1, 2.2 u 2.3, xi wħud mill-miżuri huma eżentati mill-obbligu ta' notifika.
2.1. |
Kif stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat mhumiex applikabbli għall-għajnuna finanzjarja mogħtija minn Stati Membri għal operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fond Ewropew għas-Sajd u pprovduta bħala parti minn programm ta' operat. Għaldaqstant, dawn il-kontribuzzjonijiet m'għandhomx jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri. Dawn il-kontribuzzjonijiet mhumiex suġġetti għal dawn il-Linji Gwida. Madankollu, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, miżuri ta' l-istess tip li jipprovdu għal finanzjament pubbliku minn Stati Membri u li jeċċedu d-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament iridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat. B'mod komprensiv, dawn il-miżuri huma suġġetti għal dawn il-Linji Gwida. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv li jista' jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, u sabiex ikun iffaċilitat l-iżborżament tal-fondi tal-Fond Ewropew għas-Sajd, l-Istati Membri għandhom interess li jiddistingwu b'mod ċar bejn l-għajnuna finanzjarja li bi ħsiebhom jagħtu biex jikkofinanzjaw il-miżuri Komunitarji fi ħdan il-qafas tal-Fond Ewropew għas-Sajd f'konformità ma' l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, li n'għandhomx għalfejn jiġu nnotifikati, u l-għajnuna mill-Istat, li hija suġġetta għar-rekwiżit ta' notifika. |
2.2. |
Għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri huma eżentati milli jinnotifikaw l-għajnuna fis-settur tas-sajd li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f'wieħed mir-Regolamenti adottati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (4) li japplikaw għas-settur tas-sajd. Din l-għajnuna tinkludi:
|
2.3. |
Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Istati Membri huma eżentati milli jinnotifikaw l-għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 ta' l-24 ta' Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 (8) jew kwalunkwe regolament futur ieħor adottat skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 u applikabbli għall-għajnuna de minimis lis-settur tas-sajd. |
3. IL-PRINĊIPJI
3.1. Il-konsistenza mal-Politika ta' Kompetizzjoni u l-Politika Komuni tas-Sajd
Kemm fis-settur tas-sajd kif ukoll f'setturi ekomomiċi oħrajn fil-Komunità, il-politika tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għandha l-għan li jiġi evitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
L-għajnuna mill-Istat fis-settur tas-sajd hija ġġustifikata biss jekk tkun skond l-għanijiet tal-Politika ta' Kompetizzjoni u dawk tal-Politika Komuni tas-Sajd.
L-għajnuna mill-Istat ma għandhiex ikollha effett protettiv: Għandu jservi biex jinġiebu 'l quddiem ir-razjonalizzazzjoni u l-effiċjenza tal-produzzjoni u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tas-sajd. Kull tip ta' għajnuna bħal din għandha twassal għal titjib dejjiemi sabiex l-industrija tkun tista' tiżviluppa biss fuq il-bażi ta' qligħ tas-suq.
Ma tista' tingħata l-ebda għajnuna f'ċirkustanzi fejn ma jkunx hemm konformità mal-liġi Komunitarja, u b'mod partikolari mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Il-miżuri ta' l-għajnuna għandhom jipprovdu espliċitament li, matul il-perjodu ta' l-għotja, il-benefiċjarji ta' l-għajnuna għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u li, jekk matul dan il-perjodu jirriżulta li l-benefiċjarji ma jkunux konformi mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, l-għotja jkollha tintradd lura skond is-serjetà ta' l-infrazzjoni.
3.2. Il-konsistenza ma' l-appoġġ Komunitarju pprovdut mill-Fond Ewropew għas-Sajd
Huwa essenzjali li tkun assigurata l-konsistenza bejn il-linji politiċi tal-Komunità li jirrigwardaw il-verifika ta' l-għajnuna mill-Istat u dawk li jirrigwardaw l-użu tal-Fond Ewropew għas-Sajd.
Għalhekk, safejn l-operazzjonijiet jikkwalifikaw għall-finanzjament taħt il-Fond Ewropew għas-Sajd, jistgħu biss jikkwalifikaw għall-għajnuna mill-Istat jekk ikunu konformi mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1198/2006, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta' l-eliġibbiltà u l-intensità tal-kontribuzzjoni pubblika, u safejn jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli skond il-Paragrafu 4 ta' dawn il-Linji Gwida.
Jekk skema ta' għajnuna jew għajnuna individwali tipprovdi għal għajnuna li tmur lil hinn minn dawk il-kriterji, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi jekk din l-għajnuna hijiex ġustifikata u indispensabbli. Din l-għajnuna tiġi evalwata separatament.
3.3. L-effett ta' inċentiv
Sabiex titqies kompatibbli mas-suq komuni, kull miżura ta' għajnuna għandha tinkludi xi element ta' inċentiv jew tirrikjedi xi forma ta' korrispettiv min-naħa tal-benefiċjarju.
Għalhekk, għajnuna mogħtija għal operazzjonijiet li l-benefiċjarju jkun diġà beda jimplimenta u għajnuna għal attivitajiet li fihom il-benefiċjarju jkun diġà qed iwettaq taħt il-kundizzjonijiet tas-suq biss, ma jistgħux jitqiesu li għandhom dan l-element ta' inċentiv u ma jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq komuni.
Dan il-prinċipju mhuwiex applikabbli għal għajnuna li hija ta' natura kompensatorja bħal għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati minn diżastri naturali jew ġrajjiet eċċezzjonali.
3.4. L-għajnuna għall-operat
L-għajnuna għall-operat, li pereżempju żżid il-likwidità tad-destinatarju ta' l-għajnuna jew li tiġi kkalkulata fuq il-kwantità prodotta jew mqiegħda fis-suq, fuq il-prezzijiet tal-prodotti, fuq l-unitajiet magħmula jew fuq il-mezzi ta' produzzjoni u li għandha l-effett li tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni tad-destinatarju ta' l-għajnuna jew li ttejjeb id-dħul tad-destinatarju, hija fil-prinċipju inkompatibbli mas-suq komuni.
Tista' biss titqies kompatibbli jekk l-għajnuna tgħin b'mod ċar u deċiż biex jiġu segwiti l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd.
Dan il-prinċipju mhuwiex applikabbli għal għajnuna li hija ta' natura kompensatorja bħal għajnuna biex tagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati minn diżastri naturali jew ġrajjiet eċċezzjonali.
Għajnuna mill-Istat għall-esportazzjoni jew għan-negozju ta' prodotti tas-sajd sew fil-Komunità sew barra hija inkompatibbli mas-suq komuni.
3.5. It-trasparenza
Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni ma għandha tiddikjara kompatibbli l-ebda għajnuna jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ikkomunika l-ammont totali ta' għajnuna għal kull miżura kif ukoll l-intensità ta' l-għajnuna.
Skond il-prattika stabbilita tal-Kummissjoni l-limiti għandhom normalment jiġu espressi f'termini ta' intensitajiet ta' għajnuna f'relazzjoni ma' sett ta' spejjeż eliġibbli. Madankollu, jistgħu jiġu meqjusa l-fatturi kollha sabiex ikun possibbli li jiġi evalwat il-vantaġġ reali għal min jirċievi l-għajnuna.
L-effett kumulattiv għal min jirċievi l-għajnuna ta' l-elementi kollha ta' l-għajnuna mill-Istat u ta' tipi oħrajn ta' għajnuna jiġu kkunsidrati meta tkun qed tiġi evalwata skema ta' għajnuna jew għajnuna individwali.
3.6. It-tul ta' żmien ta' l-iskemi ta' għajnuna mill-Istat
It-tul ta' żmien ta' l-iskemi ta' għajnuna m'għandux ikun iktar minn massimu ta' 10 snin.
Jekk it-tul ta' żmien ta' skema ta' għajnuna jkun ta' iktar minn 10 snin, l-Istat Membru għandu jiġġustifika dan u jintrabat li jerġa' jinnotifika l-iskema mill-inqas xahrejn qabel l-għaxar anniversarju tad-dħul fis-seħħ tagħha.
3.7. Ir-rabta mal-Linji Gwida dwar għajnuna reġjonali
Il-Linji Gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (9) ma japplikawx għal dan is-settur.
L-elementi ta' l-iskemi ta' għajnuna reġjonali li jirrigwardaw is-settur tas-sajd jiġu eżaminati fuq il-bażi ta' dawn il-Linji Gwida.
4. GĦAJNUNA LI TISTA' TIĠI DDIKJARATA KOMPATIBBLI
4.1. Għajnuna għall-kategoriji ta' miżuri koperti minn qafas ta' regolament dwar l-eżenzjoni skond il-kategorija
Għajnuna għal miżuri ta' l-istess tip bħal dawk imsemmija f'kull wieħed mir-Regolamenti fil-punt 2.2, imfassla għall-benefiċċju ta' l-SMEs jew intrapriżi li mhumiex SMEs, jiġu evalwati fuq il-bażi ta' dawn il-Linji Gwida u tal-kriterji stabbiliti għal kull kategorija ta' miżuri f'dawk ir-Regolamenti.
Jekk skema ta' għajnuna jew għajnuna individwali tipprovdi għal għajnuna li tmur lil hinn minn dawk il-kriterji, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi jekk din l-għajnuna hijiex ġustifikata u indispensabbli. Din l-għajnuna tiġi evalwata separatament.
4.2. Għajnuna li taqa' fl-ambitu ta' ċerti linji gwida orizzontali
Għajnuna li taqa' fl-ambitu ta' Linji Gwida jew Regolamenti oħrajn jew xi liġi oħra adottata mill-Kummissjoni tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni jekk tikkonforma mal-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawk l-istrumenti, mal-prinċipji stabbiliti hawn fuq fil-Paragrafu 3 u, fejn ikun japplika, mal-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu 4.
L-għajnuna maħsuba għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà se tiġi vvalutata skond il-Linji ta' Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f'diffikultà (10). Għajnuna għar-ristrutturar tista' tiġi approvata biss jekk ikun twaqqaf pjan adegwat sabiex titnaqqas il-kapaċità tal-flotta kkonċernata, jew fil-livell ta' l-intrapriża jew fil-livell ta' grupp ta' intrapriżi.
4.3. Għajnuna għal Investiment abbord bastimenti tas-sajd
Għajnuna għat-tagħmir u l-immodernizzar ta' bastimenti tas-sajd li għandhom ħames snin jew iktar tista' titqies kompatibbli mas-suq komuni biss jekk hija konformi mal-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 25 (2) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 u bil-kundizzjoni li l-ammont ta' għajnuna mill-Istat ma jeċċedix, f'ekwivalenti ta' sussidju, ir-rata totali ta' għajnuna mill-Istat iffissata bl-Anness II ta' dak ir-Regolament.
L-Istat Membru għandu jagħti ġustifikazzjoni lill-Kummissjoni għaliex din l-għajnuna mhijiex prevista bi programm ta' operat kofinanzjat mill-Fond Ewropew għas-Sajd.
4.4. Għajnuna biex tagħmel tajjeb għal danni kkaġunati minn diżastri naturali, ġrajjiet eċċezzjonali jew kundizzjonijiet meteoroloġiċi negattivi speċifiċi
Skond l-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat, għajnuna biex tagħmel tajjeb għal danni kkaġunati minn diżastri naturali jew ġrajjiet eċċezzjonali titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni.
Ġaladarba tiġi pprovata l-eżistenza ta' diżastru naturali jew ta' ġrajja eċċezzjonali, jingħata permess għal għajnuna sa 100 % biex tikkumpensa għall-ħsara materjali.
L-eżistenza ta' diżastru naturali jew ta' ġrajja eċċezzjonali tiġi evalwata każ każ separatament, billi jitqiesu l-kriterji li jirriżultaw mill-prattika tal-Kummissjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (11).
Mhux kull kundizzjoni meteoroloġika negattiva tista' tiġi kkunsidrata bħala diżastru naturali jew ġrajja eċċezzjonali. Madankollu, għajnuna li tista' tammonta sa 100 % bħala kumpens għal ħsara kkawżata minn kundizzjonijiet ta' maltemp tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat jekk il-livell ta' ħsarat ikkawżati mill-ġrajja kkonċernata jilħaq il-limitu ta' 30 % tad-dħul medju annwali ta' l-intrapriża kkonċernata fit-tliet snin ta' qabel. Il-livell tad-danni għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tat-telf tal-bejgħ ta' l-impriża kkonċernata meta mqabbel mal-bejgħ medju tat-tliet snin ta' qabel. Għajnuna biex tikkumpensa għad-danni lil bini, bastimenti jew tagħmir tista' tingħata biss jekk id-dannu huwa marbut ma' kundizzjonijiet meteoroloġiċi negattivi li wasslu għal telf ta' produzzjoni li jikkorrispondi għal telf ta' qligħ ta' għallinqas 30 %.
Il-kumpens għandu jiġi kkalkulat fil-livell tal-benefiċjarju individwali u għandu jiġi evitat kull kumpens żejjed. Għandhom jitnaqqsu l-ammonti rċevuti taħt skema ta' assigurazzjoni jew spejjeż normali ta' l-intrapriża li m'għandux jeħilhom il-benefiċjarju. Danni koperti minn kuntratt ordinarju ta' assigurazzjoni kummerċjali jew li jirrappreżentaw riskju normali għall-intrapriża mhumiex eliġibbli għall-għajnuna. Sabiex ma jingħatax kumpens żejjed, il-kumpens għandu jiġi kkalkolat fil-livell tal-benefiċjarju individwali. Jekk l-iskema ta' għajnuna avżata ma taħsibx għal dan il-metodu, l-Istat Membru għandu jagħti ġustifikazzjoni ċara.
Il-miżuri ta' għajnuna taħt dan il-paragrafu għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fi żmien sena mill-ġrajja kkonċernata.
4.5. Eżenzjoni mit-taxxa u spejjeż relatati max-xogħol li jikkonċernaw bastimenti tas-sajd tal-Komunità li joperaw lil hinn mill-ilmijiet Komunitarji
Bl-għan li l-operaturi Komunitarji ma jitħajrux jirreġistraw il-bastimenti tas-sajd tagħhom fuq ir-reġistri ta' pajjiżi terzi li ma jiżgurawx kontroll xieraq fuq l-attivitajiet tal-flotta tas-sajd tagħhom, speċjalment f'dak li jirrigwarda s-sajd illegali mhux rappurtat u mhux regolat, miżuri ta' eżenzjoni mit-taxxa korporattiva tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji li jistadu barra l-ilmijiet Komunitarji u rati mnaqqsa ta' kontribuzzjonijiet soċjali u t-taxxa fuq id-dħul għas-sajjieda impjegati abbord jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni.
Il-bastimenti li huma eliġibbli għal miżuri bħal dawn huma bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru u li huma rreġistrati fuq ir-reġistru tal-flotta tas-sajd Komunitarja, u li jistadu għat-tonn jew speċijiet simili esklussivament lil hinn mill-ilmijiet Komunitarji u 'l barra minn 200 mil nawtiku mil-linji ta' bażi ta' l-Istati Membri.
Fin-notifika tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li turi r-riskju eżistenti ta' tneħħija mir-reġistri ta' l-Istati Membri għall-bastimenti li jaqgħu taħt l-iskema.
Miżuri ta' għajnuna skond dan il-paragrafu għandhom jipprovdu li, fil-każ li bastiment li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat għajnuna skond dan il-paragrafu jkun tneħħa mir-reġistru tal-flotta tas-sajd Komunitarja, il-benefiċjarju ta' l-għajnuna għandu jrodd lura l-għajnuna mogħtija skond dan il-paragrafu matul it-tliet snin ta' qabel it-tneħħija mir-reġistru.
4.6. Għajnuna ffinanzjata minn dħul parafiskali
Skemi ta' għajnuna mill-istat iffinanzjati minn dħul speċjali, b'mod partikolari dħul parafiskali, impost fuq ċerti prodotti tas-sajd irrispettivament mill-oriġini tagħhom, jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq komuni fejn l-iskemi ta' għajnuna jkunu ta' benefiċċju kemm għall-prodotti domestiċi kif ukoll għall-prodotti importati, u fejn l-għajnuna tkun konformi mal-kundizzjonijiet ta' dawn il-Linji Gwida.
4.7. Għajnuna għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti tas-sajd mir-reġjuni l-aktar periferiċi
Stati Membri jistgħu jagħtu għajnuna għal kwantitajiet ta' prodotti tas-sajd eliġibbli fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 tal-21 ta' Mejju 2007 bl-introduzzjoni ta' skema li tikkumpensa għal spejjeż addizzjonali magħmula fit-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti tas-sajd mill-Azores, mill-Madeira, mill-Gżejjer Kanarji, u d-dipartimenti Franċiżi ta' Guiana u ta' Réunion mill-2007 sa l-2013 (12), u li jeċċedu dawk li għalihom tħallas kumpens skond dak ir-Regolament.
Din l-għajnuna tista' tingħata biss skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta' dak ir-Regolament.
L-ammonti annwali ta' din l-għajnuna addizzjonali ma jistgħux jeċċedu l-ammonti annwali mogħtija lil kull Stat Membru taħt ir-Regolament t'hawn fuq.
4.8. Għajnuna li tikkonċerna l-flotta tas-sajd fir-reġjuni l-aktar periferiċi
Sabiex jiġi implimentat bis-sħiħ l-għan tad-Dikjarazzjoni Nru 17 tal-Kummissjoni u tal-Kunsill adottata fl-14 ta' Ġunju 2006, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna sal-31 ta' Diċembru 2008 għal bastimenti mibnija skond il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, il-punti 4 u 5, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 639/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-amministrazzjoni ta' flotot tas-sajd reġistrati fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità (13), u bil-kundizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (14).
4.9. Għajnuna għal miżuri oħrajn
Għajnuna għal miżuri li għalihom m'hemmx dispożizzjoni applikabbli fil-paragrafi 4.1 sa 4.8 fil-prinċipju mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.
Jekk skema ta' għajnuna jew għajnuna individwali tipprovdi għal għajnuna bħal din, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi li din l-għajnuna hija konformi mal-prinċipji stabbiliti hawn fuq fil-paragrafu 3, b'mod partikolari li taqdi b'mod ċar l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd.
5. KWISTJONIJIET PROĊEDURALI
Il-Kummissjoni tfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 659/1999 u (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimentaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (15) japplikaw.
B'mod partikolari, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004, l-Istati Membri huma meħtieġa jimlew il-formoli pprovduti fil-Parti I u l-Parti III punt nru 14 ta' l-Anness I ta' dak ir-Regolament.
5.1. Rapport annwali
L-Istati Membri huma meħtieġa jibagħtu r-rapporti annwali lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 6 u l-Anness III C tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.
5.2. Proposti għal miżuri xierqa
Skond l-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jemendaw l-iskemi ta' għajnuna eżistenti tagħhom li jirrigwardaw l-għajnuna għas-sajd u l-akkwakultura biex ikunu konformi ma' dawn il-Linji Gwida sa mhux iktar tard mill-1 ta' Settembru 2008.
L-Istati Membri huma mistiedna sabiex jikkonfermaw bil-miktub li huma jaċċettaw dawn il-proposti għal miżuri xierqa sa mhux iktar tard mill-1 ta' Ġunju 2008.
F'każ li Stat Membru jonqos milli jikkonferma l-aċċettazzjoni tiegħu bil-miktub qabel dik id-data, il-Kummissjoni għandha tassumi li l-Istat Membru kkonċernat ikun aċċetta dawk il-proposti, sakemm ma jindikax b'mod ċar bil-miktub li ma jaqbilx.
Jekk Stat Membru ma jaċċettax il-proposti kollha jew parti minnhom sa dik id-data, il-Kummissjoni għandha tipproċedi skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.
5.3. Data ta' l-applikazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tapplika dawn il-Linji Gwida b'effett mill-1 ta' April 2008 għal kull għajnuna mill-Istat innotifikata jew li hemm il-ħsieb li tiġi applikata f'dik id-data jew wara.
Għajnuna illegali fis-sens ta' l-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tiġi kkunsidrata skond il-linji gwida applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' l-att amministrattiv li jistabbilixxi l-għajnuna.
Kull referenza f'dawn il-Linji Gwida għal Regolamenti tal-Komunità jew linji gwida tal-Kummissjoni jew kwalunkwe att ieħor adottat mill-Kummissjoni għandha tiġi interpretata li tinkludi referenza għal kwalunkwe bidla f'dawk l-atti wara d-data ta' l-adozzjoni ta' dawn il-Linji Gwida.
(1) ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22. Ir-Regolament kif emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.
(2) ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.
(3) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.
(4) ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.
(5) ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1976/2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 85).
(6) ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1976/2006.
(7) ĠU L 337, 13.12.2002, p. 3. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1976/2006.
(8) ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6.
(9) ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13. Ara l-punt 8.
(10) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.
(11) Ara s-Sentenza tal-11 ta' Novembru 2004 fil-Każ C-73/03, Spanja v il-Kummissjoni, punt 37, u s-Sentenza tat-23 ta' Frar 2006 fil-Każijiet C-346/03 u C-529/03, Giuseppe Atzeni e.a., punt 79.
(13) ĠU L 102, 7.4.2004, p. 9. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1646/2006 (ĠU L 309, 9.11.2006, p. 1).
(14) ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 485/2005 (ĠU L 81, 30.3.2005, p. 1).
(15) ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1935/2006 (ĠU L 407, 30.12.2006, p. 1).