Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1532

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1532 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

    ST/11351/2023/INIT

    ĠU L 186, 25.7.2023, p. 20–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/07/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1532/oj

    25.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 186/20


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1532

    tal-20 ta’ Lulju 2023

    dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

    (2)

    Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK tipprojbixxi l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja. L-oġġetti u t-teknoloġija kkonċernati huma elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, tal-oġġetti u t-teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tar-Russja, jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja. L--oġġetti u t-teknoloġija kkonċernati huma elenkati fl-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 (3).

    (4)

    Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretta jew indiretta, tal-prodotti u t-teknoloġija adattati għall-użu fl-avjazzjoni jew fl-industrija spazjali, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu jew għall-użu fir-Russja. L-oġġetti u t-teknoloġija kkonċernati huma elenkati fl-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 833/2014.

    (5)

    Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod partikolari għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tar-Russja lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja. L-oġġetti u t-teknoloġija kkonċernati huma elenkati fl-Anness XXIII tar-Regolament (UE) Nru 833/2014.

    (6)

    Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (4).

    (7)

    Fl-20 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1986 (5) li żżid tliet individwi Iranjani u entità Iranjana waħda mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi skont id-Deċiżjoni 2014/145/PESK fid-dawl tar-rwol tagħhom fl-iżvilupp u t-twassil ta’ Vetturi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (UAVs) użati mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

    (8)

    Fl-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill Ewropew adotta Konklużjonijiet li jikkundannaw bil-qawwa l-appoġġ militari għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja pprovdut mill-awtoritajiet Iranjani, li jrid jieqaf. F’dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew laqa’ b’sodisfazzjon is-sanzjonijiet tal-UE adottati mill-Kunsill fl-20 ta’ Ottubru 2022.

    (9)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni (PESK) 2022/2432 (6) li żżid erba’ individwi Iranjani u erba’ entitajiet Iranjani mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi skont id-Deċiżjoni 2014/145/PESK, fid-dawl tar-rwol tagħhom fl-iżvilupp u t-twassil ta’ UAVs użati mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

    (10)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill approva l-Konklużjonijiet li fihom ikkundanna bil-qawwa u qies inaċċettabbli kwalunkwe tip ta’ appoġġ militari mill-Iran, inkluż it-twassil ta’ UAVs, għall-gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. L-armi pprovduti mill-Iran qed jintużaw b’mod indiskriminat mir-Russja kontra l-popolazzjoni ċivili u l-infrastruttura tal-Ukrajna, u qed jikkawżaw qerda orribbli u tbatija umana. F’dan il-kuntest, il-Kunsill fakkar li kwalunkwe trasferiment ta’ ċerti droni u missili tal-ġlied lejn jew mill-Iran, mingħajr permess minn qabel mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jikser ir-Riżoluzzjoni 2231 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

    (11)

    Il-Kunsill innota bi tħassib kbir rapporti dwar armi Iranjani, inkluż droni, li qed jiġu manifatturati b’komponenti ta’ oriġini internazzjonali, inkluż mill-Ewropa, u nnota li kien qed jikkunsidra l-miżuri adatti li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill wissa bil-qawwa lill-Iran kontra kwalunkwe twassil ġdid ta’ armi lir-Russja, b’mod partikolari kontra t-teħid ta’ kwalunkwe pass biex isiru trasferimenti possibbli ta’ missili ballistiċi ta’ medda qasira lir-Russja, li jikkostitwixxi eskalazzjoni serja. Il-Kunsill innota li l-Unjoni kienet ser ikompli tirrispondi għall-azzjonijiet kollha li jappoġġaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u żżomm lill-Iran responsabbli, inkluż permezz ta’ miżuri restrittivi addizzjonali.

    (12)

    Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill Ewropew tenna l-kundanna tiegħu tal-appoġġ militari għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja pprovdut mill-awtoritajiet Iranjani, li jrid jieqaf.

    (13)

    Fil-25 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/432 (7) li żżid erba’ individwi Iranjani mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi skont id-Deċiżjoni 2014/145/PESK fid-dawl tar-rwol tagħhom fl-iżvilupp u t-twassil ta’ UAVs użati mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

    (14)

    Fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2023 u tad-29 u t-30 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-appoġġ militari kontinwu għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ipprovdut mill-Iran.

    (15)

    Ir-Russja qed tuża UAVs prodotti mill-Iran b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, li tikser is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, inkluż kontra ċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili. Il-programm Iranjan sponsorjat mill-Istat għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs għalhekk jikkontribwixxi għall-ksur tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali. Dan il-programm huwa mmexxi mill-Ministeru tad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati tal-Iran u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, li t-tnejn huma sanzjonati mill-Unjoni Ewropea, u jinkludi l-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-trasferiment tal-UAVs, b’mod partikolari lejn ir-Russja. Huwa bbażat fuq kumpaniji tal-Istat kif ukoll privati u tibbenefika minn kapaċitajiet domestiċi ta’ riċerka.

    (16)

    Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li jiġi adottat qafas ta’ miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, permezz tal-programm sponsorjat mill-Istat Iranjan għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs, u f’komplementarjetà sħiħa ma’ miżuri restrittivi oħra tal-Unjoni.

    (17)

    B’mod partikolari, huwa xieraq li tiġi pprojbita l-esportazzjoni ta’ komponenti użati fl-iżvilupp u fil-produzzjoni tal-UAVs mill-Unjoni lejn l-Iran.

    (18)

    Huwa wkoll xieraq li jiġu pprojbiti l-bejgħ, il-ħruġ ta’ liċenzji jew it-trasferiment b’xi mod ieħor tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran.

    (19)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri tal-iffriżar tal-assi kontra persuni responsabbli għall-programm ta’ UAVs tal-Iran, jew li jappoġġawh jew huma involuti fih.

    (20)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Għandu jiġi pprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretta jew indiretta, ta’ oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għall-kapaċità li l-Iran jimmanifattura Vetturi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (UAVs), kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran.

    2.   Għandu jiġi pprojbit:

    (a)

    li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran;

    (b)

    l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran.

    (c)

    il-bejgħ, il-ħruġ ta’ liċenzji jew it-trasferiment b’xi mod ieħor tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati ma’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u it-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran.

    3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni fiżiċi responsabbli għall-programm ta’ UAVs tal-Iran, jew li jappoġġawh jew li huma involuti fih, kif elenkati fl-Anness, u persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif ukoll elenkati fl-Anness.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu ta’ ċittadini tiegħu stess.

    3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

    (a)

    bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

    (b)

    bħala pajjiż ospitanti ta’ konferenza internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċji tagħha;

    (c)

    skont ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

    (d)

    taħt it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

    4.   Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll f’każijiet meta Stat Membru jkun pajjiż ospitanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

    5.   Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha meta Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 meta l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba raġunijiet ta’ ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba raġunijiet ta’ attendenza f’laqgħat intergovernattivi, jew dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni jew minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-OSKE meta jsir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta’ politika tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    7.   Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm ma joġġezzjonax membru wieħed jew aktar tal-Kunsill bil-miktub fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Fejn membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

    8.   Meta, skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuna elenkata fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għalih ġiet mogħtija lill-persuna kkonċernata.

    Artikolu 3

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għall-programm ta’ UAVs tal-Iran, jew li jappoġġawh jew li huma involuti fih u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness, jew għall-benefiċċju tagħhom.

    3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti ta’ Stati Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilha xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

    (a)

    meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inkluż ħlasijiet għall-prodotti tal-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

    (c)

    maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

    (d)

    meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

    (e)

    ser jitħallsu f’kont, jew jinħarġu minnu, li jappartjeni għal missjoni diplomatika, post konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika, tal-post konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn minn dik l-awtorizzazzjoni.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, dment li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn minn dik l-awtorizzazzjoni.

    5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness milli jagħmlu ħlas dovut taħt kuntratt jew ftehim konkluż, jew obbligazzjoni maħluqa, qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1.

    6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

    (a)

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

    (b)

    pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

    (c)

    pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

    dment li kwalunkwe tali mgħax, dħul ieħor u pagament jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

    7.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika għal organizzazzjonijiet u aġenziji li huma soġġetti għall-valutazzjoni tal-pilastri mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni ffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni, dment li l-forniment tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2 ikun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran.

    8.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafu 7, u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet speċifiċi jew ġenerali, taħt kondizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi li huma jqisu xierqa, biex jirrilaxxaw ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew biex jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran.

    9.   Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 3(1) u (2) ma għandhomx japplikaw sas-27 ta’ Ottubru 2023 għal obbligi li jirriżultaw minn kuntratt konkluż qabel is-26 ta’ Lulju 2023, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

    Artikolu 4

    1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimita’ fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli"), għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

    2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika deċiżjoni skont il-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b’opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

    3.   Meta jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew meta tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni kkonċernata u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat skont il-każ.

    Artikolu 5

    1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fl-Artikolu 2 u 3.

    2.   Meta tkun disponibbli, l-Anness għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet u l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karti tal-identità, il-ġeneru, l-indirizz, jekk magħruf u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, il-post u d-data ta’ reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

    Artikolu 6

    1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:

    (a)

    fir-rigward tal-Kunsill, għat-tħejjija u l-emendar tal-Anness;

    (b)

    fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, għat-tħejjija ta’ emendi għall-Anness.

    2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relattiva għal reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, u għal kundanni penali jew miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lil tali persuni, biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness.

    3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma deżinjati bħala "kontrollur" fis-sens tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt dak ir-Regolament.

    Artikolu 7

    L-ebda pretensjoni marbuta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-pagament ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

    (a)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi deżinjati elenkati fl-Anness;

    (b)

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’, jew f’isem, waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a).

    Artikolu 8

    Il-parteċipazzjoni, bil-ħsieb jew intenzjonata, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, għandha tkun ipprojbita.

    Artikolu 9

    Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-27 ta’ Lulju 2024 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

    L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 3(7) fir-rigward tal-Artikolu 3(2) għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u minn tal-inqas kull 12-il xahar.

    Artikolu 11

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-transitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78 17.3.2014, p. 16).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1986 tal-20 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 272I, 20.10.2022, p. 5).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2432 tat-12 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 318 I, 12.12.2022, p. 32).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/432 tal-25 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 59 I, 25.2.2023, p. 437).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS

    Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 3

    […]


    Top