EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0342

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/342 tat-12 ta’ Frar 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo *, min-naħa l-oħra

ĠU L 71, 16.3.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/342/oj

Related international agreement

16.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/342

tat-12 ta’ Frar 2016

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo (*), min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien mal-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikoli 218(7), 218(6)(a)(i) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi

(1)

Bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1988 (1), il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-Kosovo, (“il-Ftehim”), ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fit-22 ta’ Ottubru 2015, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)

L-Unjoni u l-Kosovo għandhom rabtiet b’saħħithom u jaqsmu bejniethom valuri u x-xewqa għat-tisħiħ ta’ dawk ir-rabtiet u li jistabbilixxu relazzjoni mill-qrib u dejjiema msejsa fuq ir-reċiproċità u l-interess reċiproku, li għandhom jippermettu l-Kosovo li jsaħħaħ u jestendi aktar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Unjoni.

(3)

“L-ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet” intlaħaq fid-19 ta’ April 2013 fil-qafas tad-djalogu ffaċilitat mill-UE.

(4)

Il-Ftehim jipprevedi l-istabbiliment ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Kosovo li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċedura speċjali. Jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), dwar il-Politika Estera u ta’Sigurtà Komuni tal-Unjoni. Id-deċiżjoni għall-konklużjoni tal-Ftehim għandha għalhekk tkun ibbażata fuq il-bażi ġuridika li tipprevedi l-istabbiliment ta’ assoċjazzjoni li tippermetti lill-Unjoni tidħol f’impenji f’kull qasam kopert mit-Trattati u fuq il-bażi ġuridika għall-ftehimiet f’oqsma koperti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE.

(5)

Dan huwa ftehim għall-UE biss. L-impenji u l-kooperazzjoni li għandhom jiddaħħlu mill-Unjoni taħt dan il-Ftehim jirrigwardaw biss l-oqsma koperti mill-acquis tal-UE jew politiki eżistenti tal-Unjoni. L-iffirmar u l-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim bħala Ftehim għall-UE biss huma mingħajr preġudizzju għan-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehimiet simili li għandhom jiġu nnegozjati fil-futur. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-UE konferiti lilhom fit-Trattati u l-pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar il-kompetenzi. Il-Ftehim jipprevedi għal kooperazzjoni wiesgħa f’diversi oqsma ta’ politika, inkluż fil-ġustizzja u l-affarijiet interni.

(6)

Il-konklużjoni tal-Ftehim hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo, li se tiġi deċiża skont il-prassi nazzjonali tagħhom u d-dritt internazzjonali.

(7)

B’żieda ma’ dan, l-ebda terminu, għażla ta’ kliem jew definizzjoni użati f’din id-Deċiżjoni u t-test mehmuż tal-Ftehim, lanqas ebda azzjoni ta’ rikors għall-bażijiet ġuridiċi neċessarji kollha għall-konklużjoni tal-Ftehim, ma jikkostitwixxu r-rikonoxximent tal-Kosovo mill-Unjoni bħala Stat indipendenti u lanqas ma jikkostitwixxu rikonoxximent minn Stati Membri individwali tal-Kosovo f’dik il-kapaċità fejn huma ma jkunux ħadu tali pass qabel.

(8)

Il-konklużjoni tal-Ftehim fir-rigward ta’ materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika hija suġġetta għal proċedura separata.

(9)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-Kosovo huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni għall-partijiet li jaqgħu taħt it-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 144 tal-Ftehim (2).

Artikolu 3

1.   Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun ippresedut min-naħa tal-Unjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’konformità mar-responsabbiltajiet tiegħu/tagħha skont it-Trattati u l-kapaċità tiegħu/tagħha bħala President tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin.

Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova f’isem l-Unjoni modifiki għall-Ftehim fejn hi tipprevedi li dawn jiġu adottati mill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni dwar l-istatus tal-Kosovo.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


(*)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  ĠU L 290, 6.11.2015, p. 4.

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top