Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0442

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 tad- 9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    ĠU L 121, 10.5.2011, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/01/2012; Imħassar b' 32012R0036

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/442/oj

    10.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 121/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 442/2011

    tad-9 ta’ Mejju 2011

    dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK ta' 9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri ristrettivi kontra s-Sirja (1), adottata f'konformità mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni 2011/273/PESK tipprevedi embargo fuq l-armi, projbizzjoni fuq tagħmir ta' repressjoni interna, u restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni lejn l-Unjoni, u l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi, ta' ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. Dawk il-persuni, l-entitajiet u l-korpi huma elenkati fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni.

    (2)

    Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal- Unjoni sabiex jiġu implimentati, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (3)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

    (4)

    Is-setgħa biex tiġi emendata l-lista fl-Anness II ta' dan ir-Regolament għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika serja fis-Serja, u sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-proċess għall-emendar u l-eżami mill-ġdid tal-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK.

    (5)

    Il-proċedura għall-emendar tal-listi fl-Anness II ta' dan ir-Regolament għandha tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi nominati, sabiex jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernati kif meħtieġ.

    (6)

    Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fi ħdan l-Unjoni, l-ismijiet u data rilevanti oħra li tikkonċerna persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom jeħtieġ li jiġu ffriżati skont dan ir-Regolament, iridu jiġu ppubblikati. Kwalunkwe pproċessar ta' data personali għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (2) u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (3).

    (7)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull tip, li jinkludu iżda li mhumiex limitati għal:

    (i)

    flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' pagament;

    (ii)

    depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

    (iii)

    titoli nnegozjati pubblikament u privatament u strumenti ta' dejn, inklużi ishma u azzjonijiet, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, garanziji, ċedoli ta' obbligazzjoni u kuntratti tad-derivati;

    (iv)

    imgħax, dividends jew introjtu ieħor fuq jew valur dovut minn jew iġġenerat minn assi;

    (v)

    kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji fuq xogħol b'kuntratt jew impenji finanzjarji oħra;

    (vi)

    ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta' bejgħ;

    (vii)

    dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew riżorsi finanzjarji;

    (b)

    “iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew negozju b'fondi fi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, l-ammont, il-post, id-dritt tal-proprjetà, il-pussess, il-karattru, id-destinazzjoni tagħhom jew f'bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġar ta' portafoll;

    (c)

    “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kwalunkwe tip, kemm dawk tanġibbli kif ukoll dawk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

    (d)

    “iffriżar ta'' riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, li jinkludi, iżda li mhuwiex limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

    (e)

    “għajnuna teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma' tiswijiet, żvilupp, manifattura, immuntar, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista' tkun f'forma ta' struzzjoni, parir, taħriġ, it-trasmissjoni ta' għarfien operazzjonali jew ħiliet jew servizzi ta' konsulenza; inklużi forom verbali ta' għajnuna;

    (f)

    “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

    Artikolu 2

    1.   Għandu jiġi pprojbit:

    (a)

    il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b'mod dirett jew indirett, ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja, jew għall-użu fis-Sirja;

    (b)

    il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jinħarbu l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a).

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Sirja minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), persunal tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja jew ħaddiema umanitarji u ħaddiema għall-iżvilupp u persunal assoċjat esklussivament għall-użu personali tagħhom.

    3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif elenkati fl-Anness III jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna, taħt tali kondizzjonijiet li jqisu xierqa, jekk jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.

    Artikolu 3

    1.   Għandu jiġi pprojbit:

    (a)

    il-provvista, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (4) (“Lista Militari Komuni”), jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' oġġetti inklużi f'dik il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għall-użu fis-Sirja;

    (b)

    il-provvista, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għall-użu fis-Sirja;

    (c)

    il-provvista, b'mod dirett jew indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew fl-Anness I, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali oġġetti, jew għal kwalunkwe provvista ta' għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Sirja jew għall-użu fis-Sirja;

    (d)

    il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjonijiet imsemmija fih ma għandhomx japplikaw għall-provvista ta' assistenza teknika, finanzjament u għajnuna finanzjarja marbuta ma':

    assistenza teknika maħsuba biss bħala appoġġ għall-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti Inkarigata mill-Osservanza tad-Diżimpenn (UNDOF);

    tagħmir militari li ma joqtolx, jew tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, maħsub biss għal skopijiet umanitarji jew protettivi, jew għall-programmi għall-bini ta' istituzzjonijiet tan-NU u l-Unjoni, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni u n-NU ta' maniġġar ta' kriżijiet; jew

    vetturi mhux għall-ġlied mgħammra b'materjal li jipprovdi protezzjoni ballistika, maħsuba biss għall-użu protettiv tal-persunal tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fis-Sirja;

    bil-kondizzjoni li tali dispożizzjoni tkun ġiet qabelxejn approvata mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, kif identifikata fil-websites elenkati fl-Anness III.

    Artikolu 4

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta’, li huma miżmuma jew ikkontrollati mill- persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl- Annessi II għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom, direttament jew indirettament, isiru disponibbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness II, jew għall-benefiċċju tagħhom.

    3.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, li jaħarbu mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

    Artikolu 5

    1.   L-Anness II għandu jikkonsisti f'lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK, ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u entitajiet assoċjati magħhom.

    2.   L-Anness II għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati fil-lista.

    3.   L-Anness II għandu jinkludi wkoll, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

    Artikolu 6

    B'deroga mill-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif identifikati fuq il-websites elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt dawk il-kondizzjonijiet li jqisu bħala xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

    (a)

    meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness II u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom, inklużi ħlasijiet għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet għall-użu ta' servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklussivament għall-pagament ta' onorarji professjonali raġonevoli jew għar-rimbors ta' spejjeż li huma assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

    (c)

    maħsuba esklussivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

    (d)

    meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni r-raġunijiet li għalihom hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu.

    Artikolu 7

    B'deroga mill-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni huma s-suġġett ta' garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 4 jkunu ġew inklużi fl-Anness II, jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni jkunu ser jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw it-talbiet assigurati b'tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    il-garanzija jew sentenza mhijiex għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II; u

    (d)

    ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma tmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu.

    Artikolu 8

    1.   L-Artikolu 4(2) ma għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

    (a)

    imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

    (b)

    pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li kienu konklużi jew inħolqu qabel id-data li fiha dak il-kont sar soġġett għal dan ir-Regolament,

    bil-kondizzjoni li dan l-imgħax, dħul ieħor u pagamenti jkunu ffriżati skont l-Artikolu 4(1).

    2.   L-Artikolu 4(2) ma għandux iwaqqaf lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw kontijiet iffriżati meta jirċievu fondi trasferiti fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, bil-kondizzjoni li kwalunkwe żieda għal dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti dwar kwalunkwe tali transazzjoni mingħajr dewmien.

    Artikolu 9

    B'deroga mill-Artikolu 4, u bil-kondizzjoni li pagament minn persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li jkun ġie konkluż sad-data li fiha dik il-persuna, entità jew korp tkun ġiet elenkata, jew fil-każ ta' xi obbligu, li jkun oriġina minn qabel dik id-data, għall-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernati, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fuq il-websites elenkati fl-Aness III, jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jkunu jqisu bħala xierqa, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kondizzjoni li dak il-pagament ma jkunx irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 4.

    Artikolu 10

    1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq bona fede fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà ta' kwalunkwe tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

    2.   Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2) ma għandhiex twassal għal responsabbiltà ta' ebda tip fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li poġġew għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru il-projbizzjoni inkwistjoni.

    Artikolu 11

    1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-konfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi għandhom:

    (a)

    jipprovdu immedjatament kwalunkwe informazzjoni li tista' tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 4, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew fejn jinsabu bħalissa, kif indikati fil-websites elenkati fl-Anness III, u għandhom jittrasmettu din l-informazzjoni direttament jew permezz tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni; u

    (b)

    jikkooperaw ma' dik l-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta' din l-informazzjoni.

    2.   Kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew li tiġi rċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew riċevuta.

    Artikolu 12

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lil xulxin minnufih dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti, b'rabta ma' dan ir-Regolament, li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari informazzjoni dwar problemi ta' ksur u ta' infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

    Artikolu 13

    Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness III abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

    Artikolu 14

    1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 4(1), huwa għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ.

    2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, biex b'hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħata l-opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

    3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif meħtieġ.

    4.   Il-lista fl-Anness II għandha terġa' tiġi eżaminata f'intervalli regolari u tal-inqas kull 12-il xahar.

    Artikolu 15

    1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet ipprovduti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

    Artikolu 16

    F’dan ir-Regolament, fejn ikun hemm rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata jew li jsir xi tip ieħor ta' komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra ta' kuntatt li għandhom jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness III.

    Artikolu 17

    Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a)

    fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

    (b)

    abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew kwalunkwe bastiment taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

    (c)

    għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

    (d)

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

    (e)

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe negozju mwettaq, b’mod sħiħ jew parzjali, fi ħdan l-Unjoni.

    Artikolu 18

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    MARTONYI J.


    (1)  ĠU L 121, 10.5.2011, p. 11.

    (2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (4)  ĠU C 86, 18.3.2011, p. 1.


    ANNESS I

    Lista ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif imsemmi fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3

    1.

    Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej:

    1.1

    Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-ML 1 u l-ML 2 tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (1) (“il-Lista Militari Komuni”);

    1.2

    Munizzjon iddisinjat speċifikament għall-armi tan-nar elenkati fil-punt 1.1 u komponenti ddisinjati apposta għalihom;

    1.3

    Miri tal-armi mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

    2.

    Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

    3.

    Vetturi kif ġej:

    3.1

    Vetturi mgħammra b’kanun tal-ilma, speċifikament iddisinjati jew immodifikati għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet;

    3.2

    Vetturi ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ikunu elettrifikati biex jimbuttaw lill-attakkanti;

    3.3

    Vetturi ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ineħħu barrikati, inkluż tagħmir ta' kostruzzjoni bi protezzjoni ballistika;

    3.4

    Vetturi ddisinjati speċifikament għat-trasport jew it-trasferiment ta’ priġunieri u/jew detenuti;

    3.5

    Vetturi ddisinjati speċifikament għall-iskjerament tal-barrikati mobbli;

    3.6

    Komponenti għall-vetturi speċifikati fil-punti 3.1 sa 3.5 ddisinjati speċifikament għall-finijiet ta' kontroll tal-irvellijiet.

    Nota 1 Dan il-punt ma jikkontrollax il-vetturi speċifikament iddisinjati għall-finijiet ta’ tifi tan-nar.

    Nota 2 Għall-finijiet tal-punt 3.5 t-terminu “vetturi” jinkludi l-karrijiet.

    4.

    Sustanzi splussivi u tagħmir relatat kif ġej:

    4.1

    Tagħmir u apparat iddisinjat speċifikament biex iqabbad splużjonijiet b'mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, inklużi settijiet tat-tqabbid, detonaturi, apparati li jqabbdu, busters u fil detonatur, u komponenti ddisinjati speċifikament għalihom; minbarra dawk iddisinjati speċifikament għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operar b'mezzi splussivi ta' tagħmir jew apparat ieħor li l-funzjoni tagħhom mhijiex il-ħolqien ta' splużjonijiet (pereżempju, neffieħa tal-airbags tal-karozzi, apparat li jipprevjeni ż-żieda f'daqqa tal-elettriku ta' attwaturi ta' bexxiexa għat-tifi tan-nar);

    4.2

    Kargi splussivi ta' qtugħ lineari mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni;

    4.3

    Splussivi oħra mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni u sustanzi relatati kif ġej:

    a.

    amatol;

    b.

    nitroċelluloża (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu);

    c.

    nitroglikol;

    d.

    tetranitrat tal-pentaeritritol (PETN);

    e.

    klorur tal-pikril;

    f.

    2,4,6-trinitrotoluwen (TNT).

    5.

    Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat mill-ML 13 tal-Lista Militari Komuni kif ġej:

    5.1

    Korazzi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew kontra ferimenti b'arma bil-ponta jew sikkina;

    5.2

    Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew mill-frammenti, elmi għal kontra l-irvellijiet, tarki għal kontra l-irvellijiet u tarki ballistiċi.

    Nota: Dan il-punt ma jikkontrollax:

    tagħmir iddisinjat speċifikament għal attivitajiet sportivi;

    tagħmir iddisinjat speċifikament sabiex jissodisfa rekwiżiti ta' sikurezza okkupazzjonali.

    6.

    Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mill-ML 14 tal-Lista Militari Komuni, għal taħriġ fl-użu ta' armi tan-nar, u softwer imfassal speċifikament għalihom.

    7.

    Tagħmir ta' viżjoni fid-dlam, termografiku u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

    8.

    Fildiferru mxewwek (barbed wire) li jaqta’.

    9.

    Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b'xafra itwal minn 10 cm.

    10.

    Tagħmir ta' produzzjoni ddisinjat speċifikament għall-oġġetti speċifikati f'din il-lista.

    11.

    Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-oġġetti speċifikati f'din il-lista.


    (1)  ĠU L 86, 18.3.2011, p. 1.


    ANNESS II

    Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 4

    Persuni

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    Maher Al-Assad

    twieled fit-08.12.1967; Nru tal-passaport diplomatiku: 4138

    Kap tar-4 diviżjoni tal-armata, membru tal-kmand ċentrali ta' Baath, direttur spiritwali tal-Gwardja repubblikana; implimentatur prinċipali tar-ripressjoni kontra d-dimostranti.

    09.05.2011

    2.

    Ali Mamlouk

    twieled fid-19.02.1946 f'Damas; Nru tal-passaport diplomatiku: 983

    Kap tal-intelligence ġenerali; kap tal-intelligence Sirjana mill-2005; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti.

    09.05.2011

    3.

    Mohammad Ibrahim Al-Chaar

     

    Ministru tal-Intern tal-Gvern; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti.

    09.05.2011

    4.

    Atef Najib

     

    Direttur preċedenti tas-sigurtà politika f'Deraa; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti.

    09.05.2011

    5.

    Hafez Makhlouf

    twieled fit-02.04.1971 f'Damas; Nru tal-passaport diplomatiku: 2246

    Kurunell bi tmexxija ta' unità fi ħdan l-intelligence ġenerali (General Intelligence Directorate Damascus Branch); qrib Maher al-Assad; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti.

    09.05.2011

    6.

    Mohammed Dib Zeitoun

     

    Kap tas-sigurtà politika; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti.

    09.05.2011

    7.

    Amjad Al-Abbas

     

    Kap tas-sigurtà politika f'Banyas, involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti f'Baida.

    09.05.2011

    8.

    Rami Makhlouf

    twieled fl-10.07.1969 f'Damas, Nru tal-passaport 454224

    Kummerċjant Sirjan. Persuna assoċjata ma' Maher Al-Assad; jiffinanzja r-reġim u jippermetti r-ripressjoni kontra d-dimostranti.

    09.05.2011

    9.

    Abd Al-Fatah Qudsiyah

     

    Kap tal-Intelligence Militari Sirjana u bħala tali involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili.

    09.05.2011

    10.

    Jamil Hassan

     

    Kap tal-Intelligence tal-Forza tal-Ajru Sirjana u bħala tali involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili.

    09.05.2011

    11.

    Rustum Ghazali

     

    Kap tal-Intelligence Militari Sirjana tal-Fergħa tal-Kampanja ta' Damasku u bħala tali involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili.

    09.05.2011

    12.

    Fawwaz Al-Assad

     

    Involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili bħala parti mill-milizzja ta' Shabiha.

    09.05.2011

    13.

    Mundir Al-Assad

     

    Involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili bħala parti mill-milizzja ta' Shabiha.

    09.05.2011


    ANNESS III

    Lista ta’ awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 3(2), 6, 7, 8, 9, 11(1) u 13(4) u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

    A.   Awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru:

     

    BELĠJU

    http://www.diplomatie.be/eusanctions

     

    BULGARIJA

    http://www.mfa.bg/en/pages/view/5519

     

    REPUBBLIKA ĊEKA

    http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

     

    DANIMARKA

    http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

     

    ĠERMANJA

    http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

     

    ESTONJA

    http://www.vm.ee/est/kat_622/

     

    IRLANDA

    http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

     

    GREĊJA

    http://www.mfa.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral+Diplomacy/Global+Issues/International+Sanctions/

     

    SPANJA

    http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/Sanciones_%20Internacionales.aspx

     

    FRANZA

    http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

     

    ITALJA

    http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

     

    ĊIPRU

    http://www.mfa.gov.cy/sanctions

     

    LATVJA

    http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

     

    LITWANJA

    http://www.urm.lt

     

    LUSSEMBURGU

    http://www.mae.lu/sanctions

     

    UNGERIJA

    http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

     

    MALTA

    http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

     

    PAJJIŻI L-BAXXI

    http://www.minbuza.nl/sancties

     

    AWSTRIJA

    http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

     

    POLONJA

    http://www.msz.gov.pl

     

    PORTUGALL

    http://www.min-nestrangeiros.pt

     

    RUMANIJA

    http://www.mae.ro/node/1548

     

    SLOVENJA

    http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

     

    SLOVAKKJA

    http://www.foreign.gov.sk

     

    FINLANDJA

    http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

     

    SVEZJA

    http://www.ud.se/sanktioner

     

    RENJU UNIT

    www.fco.gov.uk/competentauthorities

    B.   Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea jew għal xi komunikazzjoni oħra magħha:

    Kummissjoni Ewropea

    Is-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Estera

    CHAR 12/096

    B-1049 Bruxelles/Brussel

    Belġju

    Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

    Tel.: +(32 2) 295 66 73


    Top