Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0123R(01)

    123/2005/KE: Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 123/2005 tas- 26 ta' Jannar 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 466/2001 fir-rigward ta' ochratoxin A ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

    ĠU L 76M, 24.3.2009, p. 61–63 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/123/corrigendum/2009-03-24/oj

    24.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/61


    Rettifika għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 123/2005 tas-26 ta' Jannar 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 466/2001 fir-rigward ta' ochratoxin A

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 338 M, tal-17 ta' Diċembru 2008 )

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 123/2005 għandu jaqra:

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 123/2005

    tas-26 ta' Jannar 2005

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 466/2001 fir-rigward ta' ochratoxin A

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 466/2001 (2) jistabbilixxi livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel.

    (2)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 466/2001, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dispożizzjonijiet fir-rigward ta' ochratoxin A (OTA) fil-frott imnixxef tad-dielja u bil-ħsieb li jiġi inkluż livell massimu għall-OTA fil-kafè aħdar u l-kafè inkaljat u prodotti tal-kafè, inbid, birra, meraq tal-għeneb, kawkaw u prodotti tal-kawkaw u ħwawar filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-investigazzjonijiet imwettqa u l-miżuri ta' prevenzjoni applikati biex inaqqsu l-preżenza tal-OTA f'dawn il-prodotti.

    (3)

    Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel ikkonkluda fl-opinjoni tiegħu dwar l-OTA, espressa fis-17 ta' Settembru 1998, li l-OTA hija mikotossina li għandha proprjetajiet karċinoġeniċi, nefrotossiċi, teratoġeniċi, immunotossiċi u possibbilment newrotossiċi. Il-Kumitat semma wkoll li studji ulterjuri qed jissuktaw biex jitfgħu dawl fuq il-mekkaniżmi involuti fil-karċinoġeniċità tal-OTA. Huwa antiċipat li l-proġett Ewropew ta' riċerka dwar il-mekkaniżmi tal-OTA inklużi l-karċeniġoneċità għandu jitlesta sal-aħħar tal-2004. Ladarba jkunu disponibbli r-riżultati tar-riċerka komprensiva, l-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza tal-Ikel (l-EFSA) għandha tintalab mill-Kummissjoni sabiex taġġorna l-opinjoni xjentifika mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel fid-dawl ta' dawn ir-riżultati l-ġodda tar-riċerka.

    (4)

    Twettqet valutazzjoni tal-konsum tal-OTA mill-popolazzjoni tal-Komunità fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 1993/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta’ kwistjonijiet dwar l-ikel (3) (SCOOP). Il-kontributur ewlieni għall-espożizzjoni tal-OTA huwa ċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali. L-inbid, il-kafè u l-birra ġew identifikati bħala kontributuri ewlenin għall-espożizzjoni għall-OTA mill-bniedem. Frott imnixxef tad-dielja u l-meraq tal-għeneb ikkontribwew sa ċertu punt sinifikanti għall-espożizzjoni għall-OTA minn gruppi speċifiċi ta' gruppi vulnerabbli ta' konsumaturi bħalma huma t-tfal.

    (5)

    Livell massimu għall-OTA ġie stabbilit għaċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali u frott imnixxef tad-dielja permezz tar-Regolament (KE) Nru 466/2001. Il-livell tal-OTA fil-birra hija kkontrollata indirettament minħabba li l-OTA fil-birra toriġina mill-preżenza tal-OTA fix-xgħir, li għalih ġie stabbilit livell massimu. Għalhekk l-iffissar ta' livell massimu għall-OTA fil-birra mhuwiex neċessarjament meħtieġ minnufih għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ambitu tar-reviżjoni prevista.

    (6)

    Fid-dawl tal-kontribut sinifikanti tal-inbid u l-kafè inkaljat flimkien mal-kafè solubbli għall-espożizzjoni mill-bniedem għall-OTA u l-kontribut sinifikanti tal-meraq tal-għeneb għall-espożizzjoni għall-OTA, huwa xieraq li f'dan l-istadju diġà jiġu stipulati livelli masimi għal dawn il-prodotti tal-ikel għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika billi d-distribuzzjoni ta' prodotti tal-ikel li għandhom kontaminazzjoni għolja inaċċettabbli ma titħalliex issir.

    (7)

    L-OTA ġiet osservata wkoll fi frott imnixxef apparti frott imnixxef tad-dielja, il-kawkaw u l-prodotti tal-kawkaw, il-ħwawar u l-likorizja. Se jitqies kemm huwa xieraq li jiġi stipulat livell massimu għall-OTA f'dawn il-prodotti tal-ikel, inkluż il-kafè aħdar, kif ukoll se titqies reviżjoni tal-livelli massimi wara d-disponibilità tal-valutazzjoni tal-EFSA tar-riżultati tar-riċerka fuq it-tossikoloġija tal-OTA.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 466/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 466/2001 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 4(2) il-punt (b), it-test “u 2.2.2.” jinbidel bi “, 2.2.2., 2.2.3, 2.2.4 u 2.2.5”

    (2)

    Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2a jinbidel b'dan li ġej:

    “2a.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' valutazzjoni aġġornata tar-riskju dwar l-ochratoxin A (OTA) imwettqa mill-EFSA u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri preventivi applikati biex inaqqsu l-kontenut tal-OTA, tirrevedi d-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-intestatura 2.2. tat-Taqsima 2 tal-Anness I mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2006. Ir-revizjoni għandha tikkonċerna b'mod partikolari l-livell massimu għall-OTA fil-frott tad-dielja mnixxef u fil-meraq tal-għeneb u l-kunsiderazzjoni li jiġi stipulat livell massimu għall-OTA fil-kafè aħdar, il-frott imnixxef apparti frott imnixxef tad-dielja, il-birra, il-kawkaw u l-prodotti tal-kawkaw, l-inbejjed tal-likur, il-laħam u l-prodotti tal-laħam, il-ħwawar u l-likorizja.

    Għal dan il-għan, l-Istati Membri u l-partijiet interessati għandhom jikkomunikaw kull sena lill-Kummissjoni r-riżultati tal-investigazzjonijiet imwettqa u l-progress fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni bl-OTA. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn ir-riżultati disponnibbli lill-Istati Membri.”

    (3)

    L-Anness I huwa emendat skont l-Anness ma' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' April 2005.

    Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-prodotti li tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta' April 2005 skont id-dispożizzjonijiet applikabbli. Id-dmir tal-prova dwar meta l-prodotti tqiegħdu fis-suq għandu jkun tal-operatur tan-negozju tal-ikel.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 26 ta' Jannar 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjni

    ANNESS

    Fit-Taqsima 2 il-Mikotossini tal-Anness I, il-punt 2.2. Ochratoxin A jinbidel b'dan li ġej:

    Prodotti

    Ochratoxin A: Livelli massimi

    (µg/kg or ppb)

    Metodu użat għat-teħid ta' kampjuni

    Metodu ta' analiżi ta' referenza

    “2.2.   

    OCHRATOXIN A

    2.2.1.   

    Ċereali (inklużi r-ross u l-qamħ saraċin) u prodotti mnissel taċ-ċereali

    2.2.1.1.

    Qmuħ mhux ipproċessat taċ-ċereali (inklużi ross mhux ipproċessat u qamħ araċin)

    5,0

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/26/KE (4)

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    2.2.1.2.

    Il-prodotti kollha mnissla miċ-ċereali (inklużi prodotti pproċessati taċ-ċerali u qmuħ taċ-ċereali maħsuba għall-konsum uman dirett)

    3,0

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    2.2.2.

    Frott imnixxef tad-dielja (passolina, żbib u sultana)

    10,0

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    2.2.3.

    Żerriegħa tal-kafè inkaljat u kafè inkaljat mitħun bl-eċċezzjoni tal-kafè solubbli

    5,0

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Kafè solubbli (instant coffee)

    10,0

    2.2.4.

    Inbid (aħmar, abjad u rosé) (5) u bibiti oħra bbażati fuq l-inbid u/jew il-most tal-għeneb (6)

    2,0 (7)

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    2.2.5.

    Meraq tal-għeneb, ingredjenti tal-meraq tal-għeneb f'bibiti oħra, inkluż nektar tal-għeneb u meraq ikkonċentrat tal-għeneb bħala rikostitwit (8)

    2,0 (7)

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Il-most tal-għeneb u l-most ikkonċentra tal-għeneb bħala rikostitwit, maħsuba għall-konsum uman dirett (8)

    2,0 (7)

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    2.2.6.

    Ikel tat-trabi u ikel ipproċessat abbażi taċ-ċereali għat-trabi u t-tfal iż-żgħar (9)

    0,50

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    2.2.7.

    Ikel djetetiku għal skopijiet mediċinali speċjali (10) maħsuba speċifikament għat-trabi

    0,50

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    Id-Direttiva 2002/26/KE

    2.2.8.

    Kafè aħdar, frott imnixxef apparti minn frott imnixxef tad-dielja, il-birra, il-kawkaw u l-prodotti tal-kawkaw, l-inbejjed tal-likur, prodotti tal-laħam, ħwawar u likorizja

     

     


    (1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (2)  ĠU L 77, 16.3.2001, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 684/2004 (ĠU L 106, 15.4.2004, p. 6).

    (3)  ĠU L 52, 4.3.1993, p. 18.

    (4)  ĠU L 75, 16.3.2002, p. 38. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/43/KE (ĠU L 113, 20.4.2004, p. 14).

    (5)  Inbejjed, inklużi nbejjed frizzanti iżda esklużi l-inbejjed tal-likur u nbejjed b'qawwa alkoħolika ta' mhux inqas minn 15 % vol., kif iddefiniti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 (ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1) u nbejjed tal-frott.

    (6)  Inbejjed aromatizzati, xarbiet aromatizzati bbażati fuq l-inbid u cocktails ta' prodott tal-inbid aromatizzat kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1). Il-livell massimu għall-OTA applikabbli għal dawn ix-xarbiet huwa funzjoni tal-proporzjon ta’ nbid u/jew most tal-għeneb preżenti fil-prodott finali.

    (7)  Il-livell massimu japplika għall-prodotti li huma prodotti mill-ħsad tal-2005 ’l quddiem.

    (8)  Meraq tal-frott, inkluż meraq tal-frott minn konċentrati, meraq tal-frott ikkonċentrat u nektar tal-frott kif definit fl-Anness 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE tal-20 ta' Diċembru 2001 li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 58) u mnissel mill-għeneb.

    (9)  Ikel tat-trabi minbarra ikel proċessat abbażi taċ-ċereali għat-trabi u t-tfal iż-żgħar kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/5/KE tas-16 ta' Frar 1996 dwar ikel proċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u t-tfal żgħar (ĠU L 49, 28.2.1996, p. 17) kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2003/13/KE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 33).

    Il-livell massimu għall-ikel tat-trabi u ikel proċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u t-tfal iż-żgħar jirreferi għas-sustanza xotta. Is-sustanza xotta tiġi ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2002/26/KE.

    (10)  Ikel djetetiku għal ċerti skopijiet mediċi kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE tal-25 ta' Marzu 1999 dwar l-ikel djetetiku għal skopijiet mediċi speċjali (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 29)

    Il-livell massimu għall-ikel djetetiku għal skopijiet mediċi speċjalimaħsub speċifikament għat-trabi jirreferi

    fil-każ tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, għall-prodotti lesti għall-użu, (ikkummerċjalizzati bħala tali jew rikkostitwiti skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-fabbrikant).

    fil-każ ta' prodotti li mhumiex ħalib u prodotti tal-ħalib, għas-sustanza xotta. Is-sustanza xotta tiġi ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2002/26/KE.”


    Top