Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22010A0130(01)

    Ftehim bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata

    ĠU L 26, 30.1.2010, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    Related Council decision

    22010A0130(01)

    Ftehim bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata

    Official Journal L 026 , //2010 P. 0031 - 0035


    TRADUZZJONI

    Ftehim

    bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata

    L-AWSTRALJA,

    u

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa "l-UE",

    (minn hawn ‘il quddiem imsejħin "il-Partijiet"),

    WAQT LI JQISU LI l-Partijiet jikkondividu l-objettiv tat-tisħiħ tas-sigurtà tagħhom stess bil-modi kollha u li jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom livell għoli ta’ sigurtà f’żona ta’ sigurtà;

    WAQT LI JQISU LI l-Partijiet jaqblu li għandhom jiġu żviluppati konsultazzjonijiet u kooperazzjoni bejniethom dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mas-sigurtà;

    WAQT LI JQISU LI, f’dan il-kuntest, teżisti għalhekk ħtieġa permanenti għal skambju ta’ Informazzjoni Klassifikata bejn il-Partijiet;

    WAQT li JIRRIKONOXXU LI konsultazzjoni u kooperazzjoni sħaħ u effettivi jistgħu jeħtieġu aċċess għal Informazzjoni Klassifikata tal-Awstralja u tal-UE, kif ukoll l-iskambju ta’ Informazzjoni Klassifikata bejn il-Partijiet;

    KONXJI LI tali aċċess għal u skambju ta’ Informazzjoni Klassifikata jeħtieġu miżuri adegwati ta’ sigurtà;

    BILLI l-Awstralja u l-UE nehdew Qafas ta’ Sħubija fid- 29 ta’ Ottubru 2008 f’appoġġ għal numru ta’ objettivi komuni;

    BILLI l-Objettiv 1 ta’ dak il-Qafas ta’ Sħubija jipprevedi speċifikament il-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata,

    FTIEHMU KIF ĠEJ;

    artikolu 1

    Kamp ta’ Applikazzjoni

    1. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tat-tisħiħ ta’ djalogu bilaterali u multilaterali u kooperazzjoni f’appoġġ għall-politika tas-sigurtà barranija u l-interessi tas-sigurtà, dan il-Ftehim japplika għal Informazzjoni Klassifikata, kif iddefinita fl-Artikolu 2(a), pprovduta jew skambjata bejn il-Partijiet.

    2. Kull Parti għandha tipproteġi l-Informazzjoni Klassifikata li tirċievi mill-Parti l-oħra, b’mod partikolari kontra żvelar mhux awtorizzat.

    3. Kull Parti għandha timplimenta l-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim skont il-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti tagħha.

    artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a) "Informazzjoni Klassifikata" tfisser l-informazzjoni kollha li hija soġġetta għal Klassifikazzjoni ta’ Sigurtà (kif previst fl-Artikolu 4) assenjata minn kwalunkwe Parti, u li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista’ joħloq diversi livelli ta’ ħsara jew dannu għall-interessi ta’ kwalunkwe Parti. L-informazzjoni tista’ tkun f’forma verbali, viżwali, elettronika, manjetika jew dokumentarja, jew fil-forma ta’ materjal, inkluż tagħmir jew teknoloġija u tinkludi riproduzzjonijiet u traduzzjonijiet;

    (b) "L-UE" għandha tfisser il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-Kunsill"), is-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-Kummissjoni Ewropea");

    (c) "Parti Provvidenti" tfisser il-Parti li tipprovdi Informazzjoni Klassifikata lill-Parti l-oħra;

    (d) "Parti Riċeventi" tfisser il-Parti li tirċievi Informazzjoni Klassifikata mill-Parti Provvidenti;

    (e) "Klassifikazzjoni ta’ Sigurtà" hija d-denominazzjoni assenjata lill-informazzjoni mill-Parti Provvidenti biex tindika l-livell minimu ta’ protezzjoni li għandu jiġi mogħti lill-informazzjoni biex din tkun salvagwardjata minn żvelar li jkun jista’ jkollu konsegwenzi avversi għall-Parti Provvidenti. Il-Klassifikazzjonijiet ta’ Sigurtà ta’ kull Parti huma kif qegħdin speċifikati fl-Artikolu 4;

    (f) "Ħtieġa-ta’-tagħrif" tfisser il-prinċipju li l-aċċess għal Informazzjoni Klassifikata għandu jkun limitat għal dawk li jeħtieġu jużaw informazzjoni bħal din sabiex iwettqu l-kompiti uffiċjali tagħhom;

    (g) "Parti Terza" tfisser kwalunkwe persuna jew entità oħra minbarra l-Partijiet;

    (h) "Kuntrattur" tfisser individwu (minbarra dawk imqabbda mill-Awstralja jew l-UE b’kuntratt ta’ impjieg) jew entità legali li għandha l-kapaċità legali li tidħol f’kuntratti għall-provvista ta’ oġġetti jew servizzi; dan it-terminu jirreferi wkoll għal subkuntrattur.

    artikolu 3

    Livell ta’ protezzjoni

    Kull waħda mill-Partijiet, u l-entitajiet tagħhom kif definiti fl-Artikolu 2(b), għandha tiżgura li għandha stabbiliti sistema ta’ sigurtà u miżuri ta’ sigurtà, ibbażati fuq il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fil-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi tagħhom, u riflessi fl-arranġamenti ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 12, sabiex ikun żgurat li jiġi applikat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal Informazzjoni Klassifikata skambjata taħt dan il-Ftehim.

    artikolu 4

    Klassifikazzjonijiet ta’ Sigurtà

    1. L-Informazzjoni Klassifikata għandha tkun immarkata bil-Klassifikazzjonijiet ta’ Sigurtà li ġejjin:

    (a) Għall-Awstralja, l-Informazzjoni Klassifikata għandha tkun immarkata TOP SECRET, SECRET jew HIGHLY PROTECTED, CONFIDENTIAL jew PROTECTED, RESTRICTED jew X-IN-CONFIDENCE.

    (b) Għall-UE, l-Informazzjoni Klassifikata għandha tkun immarkata TRES SECRET UE/EU TOP SECRET, SECRET UE, CONFIDENTIEL UE jew RESTREINT UE.

    2. Il-Klassifikazzjonijiet ta’ Sigurtà korrispondenti huma:

    Għall-Unjoni Ewropea | Għall-Awstralja |

    TRES SECRET UE/EU TOP SECRET | TOP SECRET |

    SECRET UE | SECRET jew HIGHLY PROTECTED |

    CONFIDENTIEL UE | CONFIDENTIAL jew PROTECTED |

    RESTREINT UE | RESTRICTED jew X-IN-CONFIDENCE |

    3. Qabel ma tipprovdi Informazzjoni Klassifikata, il-Parti Provvidenti għandha tassenja Klassifikazzjoni ta’ Sigurtà lill-Informazzjoni Klassifikata u tittimbra, timmarka jew tiddenomina l-Informazzjoni Klassifikata bl-isem tal-Parti Provvidenti.

    4. Il-Parti Provvidenti tista’, b’żieda ma’ dan, timmarka tali Informazzjoni Klassifikata biex tispeċifika kwalunkwe limitazzjoni fl-użu, l-iżvelar, ir-rilaxx u l-aċċess tagħha mill-Parti Riċeventi. Il-Parti Riċeventi għandha tkun konformi ma’ kwalunkwe limitazzjoni bħal din.

    artikolu 5

    Protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata

    Kull Parti għandha:

    (a) tiżgura s-sigurtà tal-faċilitajiet fejn tinżamm l-Informazzjoni Klassifikata rilaxxata lilha mill-Parti l-oħra, u tiżgura li għal kull tali faċilità jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-kontroll, il-protezzjoni u s-salvagwardja tal-Informazzjoni Klassifikata pprovduta mill-Parti l-oħra taħt dan il-Ftehim;

    (b) tiżgura li l-Informazzjoni Klassifikata skambjata taħt dan il-Ftehim iżżomm il-marka tal-Klassifikazzjoni ta’ Sigurtà mogħtija lilha mill-Parti Provvidenti u ma tbaxxix il-livell tal-klassifikazzjoni tagħha jew tiddeklassifikaha mingħajr kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti Provvidenti;

    (c) tagħti lill-Informazzjoni Klassifikata li tirċievi mill-Parti Provvidenti livell ta’ protezzjoni mill-inqas ekwivalenti għal dak li jingħata lill-Informazzjoni Klassifikata tagħha stess ta’ Klassifikazzjoni ta’ Sigurtà korrespondenti kif speċifikat fl-Artikolu 4(2);

    (d) ma tużax Informazzjoni Klassifikata bħal din għal finijiet oħrajn minbarra dawk stabbiliti mill-Parti Provvidenti jew dawk li għalihom l-Informazzjoni Klassifikata tiġi pprovduta;

    (e) ma tiżvelax tali Informazzjoni Klassifikata lil ebda parti terza, jew lil xi istituzzjoni jew xi entità tal-UE mhux imsemmija fl-Artikolu 2(b), mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti Provvidenti;

    (f) ma tippermettix aċċess għal tali Informazzjoni Klassifikata lil individwi dment li ma jkollhomx Ħtieġa-ta’-tagħrif sabiex iwettqu l-kompiti uffiċjali tagħhom u, fejn meħtieġ, ikunu ngħataw l-approvazzjoni adatta ta’ sigurtà sal-livell meħtieġ għal aċċess għal Informazzjoni Klassifikata bħal din;

    (g) tiżgura li l-individwi kollha li jkollhom aċċess għal tali Informazzjoni Klassifikata jiġu informati bir-responsabbiltajiet tagħhom sabiex jipproteġu l-informazzjoni skont il-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti interni ta’ dik il-Parti; u

    (h) tiżgura li d-drittijiet tal-oriġinatur tal-Informazzjoni Klassifikata skambjata taħt dan il-Ftehim, kif ukoll id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bħal privattivi, drittijiet tal-awtur jew sigrieti kummerċjali, huma protetti b’mod adegwat.

    artikolu 6

    Rilaxx ta’ Informazzjoni Klassifikata

    1. L-Informazzjoni Klassifikata tista’ tiġi żvelata jew rilaxxata, skont il-prinċipju tal-kontroll tal-oriġinatur, mill-Parti Provvidenti lill-Parti Riċeventi.

    2. Fl-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, ma għandu jkun possibbli l-ebda rilaxx ġeneriku dment li ma jkunux ġew miftiehma proċeduri bejn il-Partijiet, skont l-Artikolu 12, dwar ċerti kategoriji ta’ Informazzjoni Klassifikata, rilevanti għar-rekwiżiti operattivi tagħhom.

    artikolu 7

    Approvazzjonijiet ta’ Sigurtà

    1. L-aċċess għal Informazzjoni Klassifikata għandu jkun limitat għal individwi fl-Awstralja u fl-UE li:

    (a) jeħtieġu aċċess, fuq il-bażi ta’ Ħtieġa-ta’-tagħrif, għall-Informazzjoni Klassifikata għat-twettiq tal-kompiti uffiċjali tagħhom; u

    (b) f’każ li jkunu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIAL, PROTECTED, CONFIDENTIEL UE, jew ‘il fuq minnhom, ikunu ngħataw approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal fil-livell rilevanti jew ikunu ġew debitament awtorizzati b’xi mod ieħor minħabba l-funzjonijiet tagħhom, skont il-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti rilevanti.

    2. Id-determinazzjoni minn Parti li tagħti approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal lil individwu għandha tkun konsistenti mal-interessi ta’ sigurtà ta’ dik il-Parti u għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli kollha filwaqt li jiġi indikat jekk l-individwu jkunx ta’ lealtà, integrità, onestà u affidabbiltà indiskutibbli.

    3. L-approvazzjonijiet ta’ sigurtà tal-persunal ta’ kull Parti għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni adegwata mwettqa f’dettall suffiċjenti biex tingħata assigurazzjoni li l-kriterji msemmijin fil-paragrafu 2 ikunu ntlaħqu fir-rispett ta’ kwalunkwe individwu li għandu jingħata aċċess għal Informazzjoni Klassifikata.

    artikolu 8

    Proċeduri u Żjarat ta’ Sigurtà

    1. Il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza reċiproka fir-rigward tas-sigurtà ta’ Informazzjoni Klassifikata skambjata taħt dan il-Ftehim.

    2. Perjodikament għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet ta’ sigurtà u żjarat ta’ valutazzjoni reċiproċi mill-awtoritajiet ta’ sigurtà responsabbli msemmija fl-Artikolu 12 biex tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri meħudin taħt dan il-Ftehim u l-arranġamenti ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 12 għall-protezzjoni tal-Informazzjoni Klassifikata skambjata bejn il-Partijiet.

    3. Fuq talba, kull Parti għandha tipprovdi lill-Parti l-oħra informazzjoni dwar l-istandards, il-proċeduri u l-prattiki ta’ sigurtà tagħha għall-protezzjoni u d-distruzzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata. Kull Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar kwalunkwe tibdil fl-istandards, il-proċeduri u l-prattiki ta’ sigurtà tagħha li jaffetwaw il-mod li bih l-Informazzjoni Klassifikata tiġi protetta u distrutta.

    artikolu 9

    Rilaxx ta’ Informazzjoni Klassifikata lill-Kuntratturi

    Informazzjoni Klassifikata rċevuta mill-Parti Riċeventi tista’ tiġi pprovduta biss lil Kuntrattur jew Kuntrattur prospettiv bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti Provvidenti. Qabel l-iżvelar jew ir-rilaxx lil Kuntrattur jew Kuntrattur prospettiv ta’ kwalunkwe Informazzjoni Klassifikata bħal din, il-Parti Riċeventi għandha tiżgura li:

    (a) tali Kuntratturi jew Kuntratturi prospettivi, u l-persunal tagħhom li jkun jeħtieġ aċċess għal Informazzjoni Klassifikata, ikollhom approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal f’konformità mal-Artikolu 7; u

    (b) il-faċilitajiet tagħhom huma kapaċi jipproteġu l-Informazzjoni Klassifikata b’mod adegwat.

    artikolu 10

    Proċeduri għall-Iskambju ta’ Informazzjoni Klassifikata

    1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a) rigward l-UE, l-Informazzjoni Klassifikata kollha għandha tiġi indirizzata lill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill u għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea, soġġett għall-paragrafu 3;

    (b) rigward l-Awstralja, l-Informazzjoni Klassifikata kollha għandha tiġi indirizzata lill-uffiċċju tar-reġistru tal-aġenzija jew dipartiment rilevanti tal-Gvern Awstraljan, permezz tal-Ambaxxata Awstraljana u l-Missjoni tal-Gvern tal-Awstralja għall-Unjoni Ewropea, Brussell. L-indirizz tal-aġenzija jew dipartiment rilevanti tal-Gvern Awstraljan għandu jiġi elenkat fl-arranġamenti ta’ sigurtà stabbiliti mill-Partijiet skont l-Artikolu 12.

    2. Informazzjoni Klassifikata trażmessa b’mezzi elettroniċi għandha tkun f’forma kriptografika skont ir-rekwiżiti tal-Parti Provvidenti kif imniżżel fil-politiki u r-regolamenti ta’ sigurtà tagħha. Ir-rekwiżiti tal-Parti Provvidenti għandhom jiġu sodisfatti meta l-Informazzjoni Klassifikata tiġi trażmessa, irċevuta, maħżuna u pproċessata fin-netwerks interni tal-Partijiet.

    3. Eċċezzjonalment, l-Informazzjoni Klassifikata minn Parti waħda li tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta’ dik il-Parti tista’, għal raġunijiet operattivi, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-Parti l-oħra nominati speċifikament bħala riċevituri, b’kont meħud tal-kompetenzi tagħhom u skont il-prinċipju tal-Ħtieġa-ta’-tagħrif. Safejn jikkonċerna l-UE, din il-korrispondenza għandha tiġi trażmessa permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill, jew l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea meta tali informazzjoni tkun indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea. Safejn jikkonċerna lill-Awstralja, l-Informazzjoni Klassifikata għandha tiġi indirizzata skont il-paragrafu 1(b).

    artikolu 11

    Sorveljanza

    1. Għall-UE, is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill u l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal materji ta’ sigurtà għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    2. Għall-Gvern tal-Awstralja, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, il-Ministru tad-Difiża u l-Prosekutur Ġenerali għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    artikolu 12

    Arranġamenti ta’ Sigurtà

    1. Sabiex dan il-Ftehim jiġi implimentat, għandhom jiġu reċiprokament iddeterminati arranġamenti ta’ sigurtà bil-miktub bejn l-awtoritajiet ta’ sigurtà responsabbli indikati fil-paragrafi 2, 3 u 4, sabiex jiġu stabbiliti l-istandards għall-protezzjoni reċiproka ta’ Informazzjoni Klassifikata taħt dan il-Ftehim.

    2. Id-Dipartiment tal-Prosekutur Ġenerali, filwaqt li jaġixxi f’isem il-Gvern tal-Awstralja u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jiżviluppa l-arranġamenti ta’ sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ Informazzjoni Klassifikata provduta lill-Awstralja taħt dan il-Ftehim.

    3. L-Uffiċċju ta’ Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, taħt id-direzzjoni u f’isem is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, filwaqt li jaġixxi f’isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jiżviluppa l-arranġamenti ta’ sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ Informazzjoni Klassifikata pprovduta lill-UE taħt dan il-Ftehim.

    4. Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-materji ta’ sigurtà, għandu jiżviluppa l-arranġamenti ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata trażmessa taħt dan il-Ftehim fil-Kummissjoni Ewropea u fil-bini tagħha.

    5. Għall-UE, l-arranġamenti ta’ sigurtà msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni mill-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill.

    artikolu 13

    Telf jew kompromess

    L-Awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 12 għandhom jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti:

    (a) f’każ ta’ telf jew kompromess ippruvat jew suspettat ta’ Informazzjoni Klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim; u

    (b) biex il-Parti Provvidenti tiġi informata bir-riżultati tal-investigazzjoni u l-informazzjoni rigward miżuri meħudin biex tiġi impedita rikorrenza ta’ telf jew kompromess ta’ Informazzjoni Klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim.

    artikolu 14

    Spejjeż

    Kull Parti għandha tkun responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż tagħha stess fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    artikolu 15

    Abbiltà ta’ protezzjoni

    Qabel ma tiġi pprovduta jew skambjata Informazzjoni Klassifikata bejn il-Partijiet taħt dan il-Ftehim, l-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 12 għandhom jaqblu li l-Parti Riċeventi tkun kapaċi tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni b’mod konsistenti mal-arranġamenti ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont dak l-Artikolu.

    artikolu 16

    Ftehimiet oħrajn

    Dan il-Ftehim m’għandux jimpedixxi lill-Partijiet milli jikkonkludu ftehimiet u arranġamenti oħrajn relatati mal-provvista jew l-iskambju ta’ Informazzjoni Klassifikata dment li dawn ma jkunux f’konflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    artikolu 17

    Riżoluzzjoni ta’ Tilwim

    Kwalunkwe differenza bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi riżolta biss b’negozjar bejn il-Partijiet.

    artikolu 18

    Dħul fis-seħħ u emendar

    1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-fini.

    2. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe tibdil fil-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti tagħha li jistgħu jaffettwaw il-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata msemmija f’dan il-Ftehim. F’tali każijiet, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bil-ħsieb li jemendaw dan il-Ftehim kif meħtieġ skont il-paragrafu 4.

    3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi rivedut sabiex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

    4. Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir bil-miktub biss u bi qbil komuni bejn il-Partijiet. Hija għandha tidħol fis-seħħ meta ssir notifika reċiproka kif previst fil-paragrafu 1.

    artikolu 19

    Terminazzjoni

    1. Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien b’notifika bil-miktub. It-terminazzjoni għandu jibda jkollha effett disgħin (90) jum mid-data li fiha l-Parti l-oħra tiġi notifikata b’dan.

    2. Minkejja t-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-Informazzjoni Klassifikata kollha li tasal għand il-Partijiet skont dan il-Ftehim għandha tkompli tkun protetta skont dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw immedjatament dwar it-trattar u d-dispożizzjoni ta’ tali Informazzjoni Klassifikata.

    B’XIEHDA TA’ DAN is-sottoskritti, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Jannar 2010, f’żewġ kopji, kull waħda bl-Ingliż.

    Għall-Awstralja

    Għall-unjoni Ewropea

    --------------------------------------------------

    Top