EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22005A0314(02)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja fl-operazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżi - Dikjarazzjonijiet

ĠU L 67, 14.3.2005, p. 8–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2005/191(2)/oj

Related Council decision

22005A0314(02)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja fl-operazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżi - Dikjarazzjonijiet

Official Journal L 067 , 14/03/2005 P. 0008 - 0013


Ftehim

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja fl-operazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżi

L-UNJONI EWROPEA,

min-naħa l-waħda, u

R-RENJU TAN-NORVEĠJA,

min-naħa l-oħra,

minn hawn il quddiem imsejjħa "l-Partijiet",

Billi:

(1) l-Unjoni Ewropea (UE) tista' tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam ta' mmaniġġjar ta' kriżi,

(2) l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi jekk stati terzi jkunux mistiedna biex jipparteċipaw f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi. Ir-Renju tan-Norveġja tista' taċċetta l-istedina mill-Unjoni Ewropea u toffri l-kontribut tagħha. F'tali każ, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar jekk taċċettax il-kontribut propost tar-Renju tan-Norveġja,

(3) jekk l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li tieħu r-responsabbiltà għal operazzjoni militari ta' maniġġjar ta' kriżi b'rikors għall-assi u l-kapaċitajiet tan-NATO, tar-Renju tan-Norveġja tista' tesprimi l-intenzjoni tagħha fil-prinċipju li tipparteċipa fl-operazzjoni,

(4) il-Kunsill Ewropew fi Brussell fl- 24 u l- 25 ta' Ottubru 2002 qabel fuq il-modalitajiet għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet miftiehma mill-Kunsill Ewropew ta' Nizza fis- 7- 9 ta' Diċembru 2000 dwar l-involviment tal-membri Ewropej tan-NATO li mhumiex membri ta' l-UE fl-immaniġġjar ta' kriżijiet immexxija mill-UE,

(5) il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja f'operazzjonijiet ta' maniġġjar ta' kriżi ta' l-UE għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni fil-ġejjieni, iktar milli jiġu definiti dawn il-kondizzjonijiet fuq bażi ta' każ b'każ għal kull operazzjoni konċernata,

(6) tali Ftehim għandu jkun mingħajr ħsara għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, u ma għandux jiġġudika minn qabel in-natura każ b'każ tad-deċiżjonijiet tar-Renju tan-Norveġja li tipparteċipa f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi,

(7) tali Ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet ta' mmaniġġjar ta' kriżi ta' l-UE fil-ġejjieni u għandu jkun mingħajr ħsara għal ftehim li forsi diġà jeżistu li jirregolaw il-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi li diġà nbdiet,

QABLU KIF ĠEJ:

SEZZJONI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet dwar il-parteċipazjoni

1. Wara d-deċiżjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tistieden lir-Renju tan-Norveġja biex tipparteċipa f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, u ladarba r-Renju tan-Norveġja tkun iddeċidiet li tipparteċipa, ir-Renju tan-Norveġja għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut propost tagħha lill-Unjoni Ewropea.

2. Fejn l-Unjoni Ewropea tkun iddeċidiet li tieħu r-responsabbiltà għal operazzjoni militari ta' mmaniġġjar ta' kriżi b'rikors għall-assi u l-kapaċitajiet tan-NATO, ir-Renju tan-Norveġja tinforma lill-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe intenzjoni tagħha li tipparteċipa fl-operazzjoni, u sussegwentement tipprovdi informazzjoni dwar kwalunkwe kontribut propost.

3. Il-valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kontribut tar-Renju tan-Norveġja għandha ssir b'konsultazzjoni mar-Renju tan-Norveġja.

4. L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lir-Renju tan-Norveġja b'indikazzjoni bikrija ta' kontribut probabbli għall-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lir-Renju tan-Norveġja fil-formulazzjoni ta' l-offerta tagħha.

5. L-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika r-riżultat tal-valutazzjoni lir-Renju tan-Norveġja permezz ta' ittra bil-ħsieb li tassigura l-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja skond id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Il-Qafas

1. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tassoċja ruħha ma' l-Azzjoni Konġunta li biha l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-UE ser twettaq l-operazzjoni ta' maniġġjar ta' kriżi, u ma' kwalunkwe Azzjoni Konġunta jew Deċiżjoni li biha l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, skond id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġamenti implimentattivi meħtieġa.

2. Il-kontribut tar-Renju tan-Norveġja għal operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi huwa bla ħsara għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Status ta' persunal u forzi

1. L-istatus ta' persunal issekondat għal operazzjoni ċivili ta' l-UE ta' maniġġjar ta' kriżi u/jew il-forzi kontribwiti għal operazzjoni militari ta' l-UE ta' maniġġjar ta' kriżi mir-Renju tan-Norveġja għandhom jiġu regolati mill-Ftehim dwar l-istatus ta' forzi/missjoni, jekk jeżistu, konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni.

2. L-istatus tal-persunal kontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta' kmand li jinstabu barra l-Istat(i) li fih(om) isseħħ l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, għandu jiġi regolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta' kmand konċernati u r-Renju tan-Norveġja.

3. Bla ħsara għall-ftehim dwar l-istatus ta' forzi/missjoni msemmija fil-paragrafu 1, ir-Renju tan-Norveġja għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.

4. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tkun responsabbli biex twieġeb kwalunkwe pretensjonijiet marbuta ma' parteċipazzjoni f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, minn jew dwar kwalunkwe mill-persunal tagħha. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tkun responsabbli biex tressaq kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinarji, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

5. Ir-Renju tan-Norveġja tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi li fiha tipparteċipa r-Renju tan-Norveġja, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim. Mudell għal tali dikjarazzjoni huwa anness ma' dan il-Ftehim.

6. L-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jintrabtu li jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni fil-ġejjieni tar-Renju tan-Norveġja f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, u li jagħmlu dan mal-firma ta' dan il-Ftehim. Mudell għal tali dikjarazzjoni huwa anness ma' dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li informazzjoni klassifikata ta' l-UE hija mħarsa skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, li jinstabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad- 19 ta' Marzu 2001 [1], u skond iktar gwida maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE dwar operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jew mill-Kap tal-Missjoni ta' l-UE dwar operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.

2. Fejn l-UE u r-Renju tan-Norveġja jkunu kkonkludew ftehim fuq proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata, id-disposizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.

SEZZJONI II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TA' KRIŻI

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi

1. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tiżgura li l-persunal tagħha issekondat lil operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jidħlu għall-missjoni tagħhom b'mod konformi ma':

- l-Azzjoni Konġunta u emendi sussegwenti kif msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan il-Ftehim;

- il-Pjan ta' l-Operazzjoni;

- miżuri implimentattivi.

2. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tinforma fi żmien xieraq lill-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha fl-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.

3. Persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandu jagħmel eżami mediku, tilqim u għandu jkun ċertifikat b'mod mediku li hu b'saħħtu għax-xogħol minn awtorità kompetenti mir-Renju tan-Norveġja. Persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandu jipproduċi kopja ta' din iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 6

Linja ta' kmand

1. Persunal issekondat mir-Renju tan-Norveġja għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu fl-interessi ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi biss f'moħħu.

2. Il-persunal kollu għandu jibqa' taħt il-kmand totali ta' l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

3. Awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu kontroll operazzjonali lill-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, li għandu jeżerċita dak il-kmand permezz ta' struttura ġerarkika ta' kmand u kontroll.

4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi u jieħu f'idejh l-amministrazzjoni tagħha ta' kuljum.

5. Ir-Renju tan-Norveġja għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħal Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjoni, skond l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan il-Ftehim.

6. Il-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi. Meta jkun meħtieġ, azzjoni dixxiplinarja għandha tittieħed mill-awtoritá nazzjonali konċernata.

7. Għandu jiġi maħtur Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (NPC) mir-Renju tan-Norveġja biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni. L-NPC għandu jirraporta lill-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina tal-kontinġenti ta' kuljum.

8. Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mar-Renju tan-Norveġja, sakemm ir-Renju tan-Norveġja tkun għadha qed tikkontribwixxi fl-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi fid-data tat-tmiem ta' l-operazzjoni.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż, li huma suġġetti għal finanzjament komuni, kif stabbilit fil-budget tal-ħidma ta' l-operazzjoni. Dan għandu jkun mingħajr ħsara għall-Artikolu 8.

2. F'każ ta' mewt, dannu, telf jew ħsara lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih titwettaq l-operazzjoni, ir-Renju tan-Norveġja għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skond il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni, jekk jeżistu, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Kontribut għal budget operazzjonali

1. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-budget tal-ħidma ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.

2. Il-kontribut finanzjarju tar-Renju tan-Norveġja fil-budget tal-ħidma għandu jkun l-iktar ammont baxx minn dawn iż-żewġ alternattivi li ġejjin:

(a) dak is-sehem ta' l-ammont ta' referenza li huwa fi proporzjon mar-rata tal-GNI tagħha għat-total tal-GNIs ta' l-Istati kollha li jkunu qed jikkontribwixxu fil-budget operazzjonali ta' l-operazzjoni;

jew

(b) dak is-sehem ta' l-ammont ta' referenza fil-budget operazzjonali li huwa fi proporzjon mar-rata tan-numru tal-persunal tagħha parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal ta' l-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, ir-Renju tan-Norveġja ma għandha tagħmel l-ebda kontribut għall-finanzjament ta' għotjiet per diem mħallsa lill-persunal ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

4. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Istati terzi minn kontributi finanzjarji għal xi operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi partikolari meta:

(a) l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-Istat terz parteċipanti fl-operazzjoni jipprovdi kontribut sinifikanti li huwa essenzjali għal din l-operazzjoni;

jew

(b) l-Istat terz parteċipant fl-operazzjoni għandu GNI per capita li ma jaqbiżx dak ta' kwalunkwe Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea.

5. Arranġament dwar il-modalitajiet prattiċi tal-ħlas għandu jiġi iffirmat bejn il-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi u s-servizzi amministrattivi rilevanti tar-Renju tan-Norveġja dwar il-kontributi tar-Renju tan-Norveġja għall-budget tal-ħidma ta' l-operazzjoni ċivili ta' maniġġjar ta' kriżi ta' l-UE. Dan l-arranġament għandu, inter alia, jinkludi d-disposizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-ammont konċernat;

(b) l-arranġamenti għal ħlas tal-kontribut finanzjarju;

(c) il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

SEZZJONI III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET MILITARI TA' MANIĠĠJAR TA' KRIŻI

Artikolu 9

Parteċipazzjoni fl-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi

1. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tiżgura li l-forzi tagħha u l-persunal parteċipanti fl-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jidħlu għall-missjoni tagħhom b'mod konformi ma':

- l-Azzjoni Konġunta u emendi sussegwenti kif msemmija fl-Artikolu 2 (1) ta' dan il-Ftehim;

- il-Pjan ta' l-Operazzjoni;

- miżuri implimentattivi.

2. Persunal issekondat mir-Renju tan-Norveġja għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħhu bl-interessi ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi biss f'moħħu.

3. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tinforma lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.

Artikolu 10

Linja ta' kmand

1. Il-forzi u l-persunal kollu parteċipanti fl-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ ta' l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand Operazzjonali u Tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u l-persunal tagħhom lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.

3. Ir-Renju tan-Norveġja għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' tmexxija ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħal Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea parteċipanti.

4. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE jista', wara konsultazzjonijiet mar-Renju tan-Norveġja, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut tar-Renju tan-Norveġja.

5. Rappreżentant Militari Superjuri (SMR) għandu jiġi maħtur mir-Renju tan-Norveġja biex jirrapreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza ta' l-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina kontinġenti ta' kuljum.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 12, ir-Renju tan-Norveġja għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż mhumiex suġġett ta' finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan il-Ftehim, kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat- 23 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' spejjeż komuni ta' operazzjonijiet ta' l-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża [2].

2. F'każ ta' mewt, dannu, telf jew ħsara lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, ir-Renju tan-Norveġja għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skond il-kondizzjonijiet maħsuba fil-ftehim dwar l-istatus ta' forzi, jekk jeżistu, kif msemmi fl-Artikolu 3(1) tal-Ftehim.

Artikolu 12

Kontribut għall-ispejjeż komuni

1. Ir-Renju tan-Norveġja għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.

2. Il-kontribut finanzjarju tar-Renju tan-Norveġja fl-ispejjeż komuni għandu jkun l-iktar ammont baxx minn dawn iż-żewġ alternattivi li ġejjin:

(a) dak is-sehem ta' l-ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni li huwa fi proporzjon mar-rata tal-GNI tagħha għat-total tal-GNIs ta' l-Istati kollha li jkunu qed jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni;

jew

(b) dak is-sehem ta' l-ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni li huwa fi proporzjon mar-rata tan-numru tal-persunal tagħha parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal ta' l-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fil-kalkolazzjoni ta' 2(b), fejn ir-Renju tan-Norveġja tikkontribwixxi persunal għall-Operazzjoni jew il-Kwartieri Ġenerali ta' Forza biss, ir-rata użata għandha tkun dik tal-persunal tagħha ma' dik tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. Inkella, ir-rata għandha tkun dik tal-persunal kollha kontribwit mir-Renju tan-Norveġja ma' dik tal-persunal totali ta' l-operazzjoni.

3. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Istati terzi minn kontributi finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi partikolari meta:

(a) l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-Istat terz parteċipant fl-operazzjoni jipprovdi kontribut sinifikattiv għal assi u/jew kapaċitajiet li huma essenzjali għal din l-operazzjoni;

jew

(b) l-Istat terz parteċipant fl-operazzjoni għandu GNI per capita li ma jaqbiżx dak ta' kwalunkwe Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea.

4. Arranġament għandu jiġi konkluż bejn l-Amministratur previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat- 23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet ta' l-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tar-Renju tan-Norveġja. Dan l-arranġament għandu jinkludi disposizzjonijiet inter alia dwar:

(a) l-ammont konċernat;

(b) l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribut finanzjarju;

(c) il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

SEZZJONI IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 12(4) u 8(5), kwalunkwe arranġamenti tekniċi u amministrattivi meħtieġa skond l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu konklużi bejn is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, u l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 14

Nuqqas ta' konformitá

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma ma' l-obbligi tagħha stabbiliti fl-Artikoli preċedenti, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż ta' xahar.

Artikolu 15

Riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet

Kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu innotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

2. Dan il-Ftehim għandhom jiġi applikat provvisorjament mid-data tal-firma.

3. Dan il-Ftehim għandu jkun rivedut mhux aktar tard mill- 1 ta' Ġunju 2008, u sussegwentement mill-inqas kull tliet snin.

4. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.

5. Dan il-Ftehim jista' jiġi ddenunzjat minn Parti waħda b'avviż ta' denunzja bil-miktub mogħti lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha tibda sseħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

Magħmul fi Brussell, fi 3 Diċembru 2004, fil-lingwa Ingliża f'erba' kopji.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Renju tan-Norveġja

[1] ĠU L 101, tal-11.4.2001, p. 1.

[2] Ġ.U. L 63, tat-28.2.2004, p. 68.

--------------------------------------------------

ANNESS

TEST GĦAL DIKJARAZZJONIJIET

DIKJARAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI TA' L-UE:

L-Istati Membri ta' l-UE li japplikaw Azzjoni Konġunta ta' l-UE dwar operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, li tipparteċipa fiha r-Renju tan-Norveġja, għandhom jippruvaw, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, jirrinunzjaw safejn possibbli pretensjonijiet kontra r-Renju tan-Norveġja għal dannu, mewt ta' persunal, jew ħsara lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li huma proprjetà tagħhom u wżati mill-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jekk tali dannu, mewt, ħsara jew telf:

- kien ikkawżat minn persunal mir-Renju tan-Norveġja fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b'konnessjoni ma' l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġieba ħażina volontarja,

jew

- seħħew bl-użu ta' kwalunkwe assi fil-propjetà tar-Renju tan-Norveġja, sakemm l-assi ġew użati b'konnessjoni ma' l-operazzjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġieba ħażina volontarja tal-persunal ta' l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi mir-Renju tan-Norveġja li kien qed juża dawk l-assi.

DIKJARAZZJONI MIR-RENJU TAN-NORVEĠJA:

Ir-Renju tan-Norveġja waqt li japplika Azzjoni Konġunta ta' l-UE dwar operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandha tipprova, safejn is-sistemi legali interni tiegħu hekk jippermettu, jirrinunzja safejn possibbli għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li qed jipparteċipa fl-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għal dannu, mewt ta' persunal tagħha, jew ħsara lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li huma proprjetà tiegħu u wżati mill-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jekk tali dannu, mewt, ħsara jew telf:

- kien ikkawżat minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b'konnessjoni ma' l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġieba ħażina volontarja,

jew

- irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi ta' Stati parteċipanti fl-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, sakemm l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni ma' l-operazzjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġieba ħażina volontarja ta' persunal ta' l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi li jkun qed juża' dawk l-assi.

--------------------------------------------------

Top