Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02019R0796-20220413

    Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/796 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/796/2022-04-13

    02019R0796 — MT — 13.04.2022 — 004.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/796

    tas-17 ta' Mejju 2019

    dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

    (ĠU L 129I 17.5.2019, p. 1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1125 tat-30 ta’ Lulju 2020

      L 246

    4

    30.7.2020

    ►M2

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1536 tat-22 ta’ Ottubru 2020

      L 351I

    1

    22.10.2020

    ►M3

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1744 tal-20 ta’ Novembru 2020

      L 393

    1

    23.11.2020

    ►M4

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/595 tal-11 ta’ April 2022

      L 114

    60

    12.4.2022


    Ikkoreġut bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 230, 17.7.2020, p.  37 (2019/796 tas-17)




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/796

    tas-17 ta' Mejju 2019

    dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha



    Artikolu 1

    1.  
    Dan ir-Regolament japplika għal attakki ċibernetiċi b'effett sinifikanti, inkluż tentattivi ta' attakki ċibernetiċi b'effett potenzjalment sinifikanti, li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.
    2.  

    Attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna jinkludu dawk li:

    (a) 

    joriġinaw, jew jitwettqu, barra mill-Unjoni;

    (b) 

    jużaw infrastruttura barra mill-Unjoni;

    (c) 

    jitwettqu minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp stabbilit jew li jopera barra mill-Unjoni; jew

    (d) 

    jitwettqu bl-appoġġ, taħt id-direzzjoni jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jopera barra mill-Unjoni.

    3.  

    Għal dan il-fini, l-attakki ċibernetiċi huma azzjonijiet li jinvolvu xi wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a) 

    aċċess għal sistemi ta' informazzjoni;

    (b) 

    interferenza fis-sistema ta' informazzjoni;

    (c) 

    interferenza fid-data; jew

    (d) 

    interċettazzjoni ta' data,

    meta tali azzjonijiet mhumiex debitament awtorizzati mis-sid jew minn detentur ieħor tad-dritt tas-sistema jew tad-data jew parti minnha, jew mhumiex permessi skont il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru kkonċernat.

    4.  

    L-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida għall-Istati Membri jinkludu dawk li jaffettwaw sistemi ta' informazzjoni relatati, fost l-oħrajn, ma':

    (a) 

    infrastruttura kritika, inkluż cables sottomarini u oġġetti mitfugħa fl-ispazju, li hija essenzjali għaż-żamma ta' funzjonijiet vitali tas-soċjetà, jew is-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, u l-benesseri ekonomiku jew soċjali tal-persuni;

    (b) 

    servizzi neċessarji għaż-żamma ta' attivitajiet soċjali u/jew ekonomiċi essenzjali, partikolarment fis-setturi tal-enerġija (l-elettriku, iż-żejt u l-gass); it-trasport (bl-ajru, bil-ferrovija, bl-ilma u bit-triq); is-settur bankarju; l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji; is-saħħa (fornituri tal-kura tas-saħħa, sptarijiet u kliniki privati); provvista u distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb; l-infrastruttura diġitali; u kwalunkwe settur ieħor li huwa essenzjali għall-Istat Membru kkonċernat;

    (c) 

    funzjonijiet kritiċi tal-Istat, b'mod partikolari fl-oqsma tad-difiża, il-governanza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet, inkluż għall-elezzjonijiet pubbliċi jew il-proċess tal-votazzjoni, il-funzjonament ta' infrastruttura ekonomika u ċivili, is-sigurtà interna, u r-relazzjonijiet esterni, inkluż permezz ta' missjonijiet diplomatiċi;

    (d) 

    il-ħażna jew l-ipproċessar ta' informazzjoni klassifikata; jew

    (e) 

    skwadri ta' rispons f'emerġenza tal-gvern.

    5.  
    L-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida għall-Unjoni jinkludu dawk imwettqa kontra l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tagħha, id-delegazzjonijiet tagħha għal pajjiżi terzi jew għal organizzazzjonijiet internazzjonali, l-operazzjonijiet u l-missjonijiet tagħha tal- politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u r-rappreżentanti speċjali tagħha.
    6.  
    Fejn jitqies bħala neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-miżuri restrittivi skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu applikati wkoll bħala rispons għal attakki ċibernetiċi b'effett sinifikanti kontra Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
    7.  

    Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

    (a) 

    “sistemi ta' informazzjoni” tfisser apparat jew grupp ta' apparati interkonnessi jew relatati, li wieħed jew aktar minnhom, skont programm, jipproċessa awtomatikament data diġitali, kif ukoll data diġitali maħżuna, ipproċessata, miġbura jew trażmessa minn dak l-apparat jew grupp ta' apparati għall-finijiet tal-operat, tal-użu, tal-protezzjoni u tal-manutenzjoni tiegħu jew tagħhom.

    (b) 

    “interferenza ta' sistema ta' informazzjoni” tfisser tfixkil jew interruzzjoni tal-funzjonament ta' sistema ta' informazzjoni billi tiddaħħal data diġitali, permezz tat-trażmissjoni, il-ħsara, it-tħassir, id-deterjorament, l-alterazzjoni jew l-eliminazzjoni ta' tali data, jew billi tali data ssir inaċċessibbli.

    (c) 

    “interferenza tad-data” tfisser it-tħassir, il-ħsara, id-deterjorament, l-alterazzjoni jew l-eliminazzjoni ta' data diġitali f'sistema ta' informazzjoni, jew billi tali data ssir inaċċessibbli; din tinkludi wkoll serq ta' data, fondi, riżorsi ekonomiċi jew proprjetà intellettwali.

    (d) 

    “interċettazzjoni ta' data” tfisser interċettazzjoni, b'mezzi tekniċi, ta' trażmissjonijiet mhux pubbliċi ta' data diġitali għal, minn jew fi ħdan sistema ta' informazzjoni, inkluż emissjonijiet elettromanjetiċi minn sistema ta' informazzjoni li ġġorr tali data diġitali.

    8.  

    It-tifsiriet addizzjonali li ġejjin japplikaw għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

    (a) 

    “talba” tfisser kwalunkwe talba, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom, u tinkludi b'mod partikolari:

    (i) 

    talba għall-prestazzjoni ta' kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom;

    (ii) 

    talba għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kwalunkwe forma;

    (iii) 

    talba għall-kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

    (iv) 

    kontrotalba;

    (v) 

    talba għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, deċiżjoni arbitrali jew deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn issir jew tingħata;

    (b) 

    “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni irrispettivament mill-forma tagħha u irrispettivament mil-liġi applikabbli, li tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar kuntratti jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li taqa' taħt it-tranżazzjoni jew b'konnessjoni magħha;

    (c) 

    “awtoritajiet kompetenti” tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II;

    (d) 

    “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull xorta, tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

    (e) 

    “iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

    (f) 

    “iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew negozju b'fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura jew id-destinazzjoni tagħhom jew kwalunkwe bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġjar tal-portafoll;

    (g) 

    “fondi” tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta' kull xorta, li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

    (i) 

    flus kontanti, ċekkijiet, talbiet għall-ħlas, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' ħlas;

    (ii) 

    depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta' dejn;

    (iii) 

    titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inkluż l-istokks u l-ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, garanziji, ċedoli ta' obbligazzjoni u kuntratti tad-derivattivi;

    (iv) 

    imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

    (v) 

    kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji ta' eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

    (vi) 

    ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija u poloz ta' bejgħ; u

    (vii) 

    dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

    (h) 

    “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

    Artikolu 2

    Il-fatturi li jiddeterminaw jekk attakk ċibernetiku għandux effett sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) jinkludu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a) 

    il-portata, l-iskala, l-impatt, jew is-severità tat-tfixkil ikkawżat, inkluż għall-attivitajiet ekonomiċi u tas-soċjetà, is-servizzi essenzjali, il-funzjonijiet Statali kritiċi, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza pubblika;

    (b) 

    l-għadd ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi affettwati;

    (c) 

    l-għadd ta' Stati Membri kkonċernati;

    (d) 

    l-ammont ta' telf ekonomiku kkawżat, bħal permezz ta' serq ta' fondi, riżorsi ekonomiċi jew proprjetà intellettwali fuq skala kbira;

    (e) 

    il-benefiċċju ekonomiku akkwistat mill-awtur, għalih innifsu jew għal oħrajn;

    (f) 

    l-ammont jew in-natura tad-data misruqa jew l-iskala tal-ksur tad-data; jew

    (g) 

    in-natura tad-data kummerċjalment sensittiva aċċessata.

    Artikolu 3

    1.  
    Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.
    2.  
    L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-benefiċċju ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I.
    3.  

    L-Anness I għandu jinkludi, kif identifikat mill-Kunsill skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797:

    (a) 

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma responsabbli għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi;

    (b) 

    persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi jew huma b'xi mod ieħor involuti fihom, inkluż billi jippjanaw, iħejju, jipparteċipaw fi, jidderieġu, jassistu jew jinkoraġġixxu tali attakki, jew jiffaċilitawhom kemm jekk permezz ta' azzjoni jew ta' ommissjoni;

    (c) 

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi koperti mill-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

    Artikolu 4

    1.  

    B'deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont tali kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

    (a) 

    ►C1  neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I ◄ , u tal-membri dipendenti tal-familji ta' dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlas għal oġġetti tal-ikel, kera jew self ipotekarju, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

    (b) 

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

    (c) 

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

    (d) 

    neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

    (e) 

    iridu jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali ħlasijiet jkunu maħsubin biex jintużaw għal skopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

    2.  
    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 5

    1.  

    B'deroga mill-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali meħuda qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 3 ikunu ġew elenkati fl-Anness I, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b) 

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti t-talbiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali talbiet;

    (c) 

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

    (d) 

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

    2.  
    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 6

    1.  

    B'deroga mill-Artikolu 3(1) u dment li ħlas minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data li fiha dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ġew inklużi fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt tali kundizzjonijiet kif iqisu xieraq, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

    (a) 

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw għal ħlas minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

    (b) 

    il-ħlas ma jiksirx l-Artikolu 3(2).

    2.  
    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 7

    1.  
    L-Artikolu 3(2) ma jwaqqafx l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, tal-entità jew tal-korp elenkati, dejjem jekk kwalunkwe żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe tranżazzjoni bħal din, mingħajr dewmien.
    2.  

    L-Artikolu 3(2) m'għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

    (a) 

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

    (b) 

    ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 3(1) ikunu ġew inklużi fl-Anness I; jew

    (c) 

    ħlasijiet dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

    dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u ħlasijiet oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 3(1).

    Artikolu 8

    1.  

    Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

    (a) 

    ifornu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħal informazzjoni dwar kontijiet u l-ammonti ffriżati f'konformità mal-Artikolu 3(1), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

    (b) 

    jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti fi kwalunkwe verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

    2.  
    Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.
    3.  
    Kwalunkwe informazzjoni mogħtija jew milqugħa skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew ġiet rċevuta.

    Artikolu 9

    Il-parteċipazzjoni, konxja u b'intenzjoni, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri imsemmija fl-Artikolu 3 għandha tkun ipprojbita.

    Artikolu 10

    1.  
    L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fide abbażi tal-fatt li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandu joħloq responsabbiltà tal-ebda tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.
    2.  
    L-azzjonijiet mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma jagħtux lok għal responsabbiltà tal-ebda xorta fuq in-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    Artikolu 11

    1.  

    L-ebda talba b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi talbiet għal indennizz jew kwalunkwe talba oħra ta' dan it-tip, bħal talba għal kumpens jew talba taħt garanzija, b'mod partikolari talba għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe forma, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

    (a) 

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness I;

    (b) 

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a).

    2.  
    F'kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta' talba, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tat-talba mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik it-talba.
    3.  
    Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

    Artikolu 12

    1.  

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni fir-rigward ta':

    (a) 

    il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 3 u awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 4, 5, u 6;

    (b) 

    il-ksur u l-problemi ta' eżekuzzjoni u s-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li jista' jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 13

    1.  
    Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, għandu jemenda l-Anness I kif meħtieġ.
    2.  
    Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
    3.  
    Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati kif meħtieġ.
    4.  
    Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.
    5.  
    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

    Artikolu 14

    1.  
    L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati.
    2.  
    L-Anness I għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi: ismijiet u psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; is-sess; l-indirizz, jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

    Artikolu 15

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni r-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

    Artikolu 16

    1.  

    Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

    (a) 

    li jiddaħħal il-kontenut tal-Anness I fil-lista elettronika u kkonsolidata tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li huma t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

    (b) 

    l-ipproċessar ta' informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta' dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

    2.  
    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, is-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II huwa maħtur bħala “kontrollur” għall-Kummissjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

    Artikolu 17

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti.
    3.  
    Meta dan ir-Regolament jistipula obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha b'xi mod ieħor, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

    Artikolu 18

    Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a) 

    fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

    (b) 

    abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

    (c) 

    għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

    (d) 

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkun inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;

    (e) 

    għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe kummerċ imwettaq, b'mod sħiħ jew parzjalment, ġewwa l-Unjoni.

    Artikolu 19

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS I

    Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 3

    ▼M1

    A.   Persuni fiżiċi



     

    Isem

    Informazzjoni identifikattiva

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    ▼M3

    1.

    GAO Qiang

    Data tat-twelid: 4 ta’ Ottubru 1983

    Post tat-twelid: Provinċja ta’ Shandong, iċ-Ċina

    Indirizz: Room 1102, Guanfu Mansion, 46 Xinkai Road, Hedong District, Tianjin, iċ-Ċina

    Nazzjonalità: Ċiniż

    Sess: raġel

    Gao Qianq huwa involut fl-“Operazzjoni Cloud Hopper”, sensiela ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, u ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

    L-“Operazzjoni Cloud Hopper” kellha fil-mira tagħha s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ kumpanniji multinazzjonali f’sitt kontinenti, inkluż kumpanniji li jinsabu fl-Unjoni, u kisbet aċċess mhux awtorizzat għal data kummerċjali sensittiva, b’riżultat ta’ telf ekonomiku sinifikanti.

    L-attur magħruf pubblikament bħala “APT10” (“Advanced Persistent Threat 10”) (magħruf ukoll bħala “Red Apollo”, “CVNX”, “Stone Panda”, “MenuPass” u “Potassium”) wettaq l-“Operazzjoni Cloud Hopper”.

    Gao Qianq jista’ jkollu rabtiet ma’ APT10, inkluż permezz tal-assoċjazzjoni tiegħu mal-infrastruttura ta’ kmand u kontroll ta’ APT10. Barra minn hekk, Huaying Haitai, entità deżinjata li tipprovdi appoġġ u li tiffaċilita l-“Operazzjoni Cloud Hopper”, impjegat lil Gao Qiang. Huwa għandu rabtiet ma’ Zhang Shilong, li huwa wkoll iddeżinjat b’konnessjoni mal-“Operazzjoni Cloud Hopper”. Gao Qiang huwa għalhekk assoċjat kemm ma’ Huaying Haitai kif ukoll ma’ Zhang Shilong.

    30.7.2020

    2.

    ZHANG Shilong

    Data tat-twelid: 10 ta’ Settembru 1981

    Post tat-twelid: Iċ-Ċina

    Indirizz: Hedong, Yuyang Road No 121, Tianjin, iċ-Ċina

    Nazzjonalità: Ċiniż

    Sess: raġel

    Zhang Shilong huwa involut fl-“Operazzjoni Cloud Hopper”, sensiela ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, u ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

    L-“Operazzjoni Cloud Hopper” kellha fil-mira tagħha s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ kumpanniji multinazzjonali f’sitt kontinenti, inkluż kumpanniji li jinsabu fl-Unjoni, u kisbet aċċess mhux awtorizzat għal data kummerċjali sensittiva, b’riżultat ta’ telf ekonomiku sinifikanti.

    L-attur magħruf pubblikament bħala “APT10” (“Advanced Persistent Threat 10”) (magħruf ukoll bħala “Red Apollo”, “CVNX”, “Stone Panda”, “MenuPass” u “Potassium”) wettaq l-“Operazzjoni Cloud Hopper”.

    Zhang Shilong jista’ jkollu rabtiet ma’ APT10, inkluż permezz tal-malware li żviluppa u ttestja b’konnessjoni mal-attakki ċibernetiċi mwettqa minn APT10. Barra minn hekk, Huaying Haitai, entità ddeżinjata li tipprovdi appoġġ u tiffaċilita l-“Operazzjoni Cloud Hopper”, impjegat lil Zhang Shilong. Huwa għandu rabtiet ma’ Gao Qiang, li huwa wkoll iddeżinjat b’konnessjoni mal-“Operazzjoni Cloud Hopper”. Għalhekk Zhang Shilong huwa assoċjat kemm ma’ Huaying Haitai kif ukoll ma’ Gao Qiang.

    30.7.2020

    ▼M1

    3.

    Alexey Valeryevich MININ

    Алексей Валерьевич МИНИН

    Data tat-twelid: 27 ta’ Mejju 1972

    Post tat-twelid: Perm Oblast, ir-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa (illum il-Federazzjoni Russa)

    Numru tal-passaport: 120017582

    Maħruġ minn: Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa Validità: mis-17 ta’ April 2017 sas-17 ta’ April 2022

    Post: Moska, Federazzjoni Russa

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Alexey Minin ħa sehem fit-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku b’effett potenzjalment sinifikanti kontra l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fin-Netherlands.

    Bħala uffiċjal ta’ appoġġ għall-intelligence umana tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), Alexey Minin kien parti minn tim ta’ erba’ uffiċjali tal-intelligence militari Russa li f’April 2018 ippruvaw jiksbu aċċess mhux awtorizzat għan-network tal-WiFi tal-OPCW f’The Hague, in-Netherlands. L-għan tat-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku kien il-hacking tan-network tal-WiFi tal-OPCW, li kieku rnexxa kien jikkomprometti s-sigurtà tan-network u l-ħidma investigattiva li għaddejja tal-OPCW. Is-Servizz tas-Sigurtà u tal-Intelligence tad-Difiża tan-Netherlands (DISS) (Militaire Inlichtingen- en Veiligheidsdienst – MIVD) ħarbat dan it-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku, u b’hekk ipprevjena li ssir ħsara gravi lill-OPCW.

    30.7.2020

    4.

    Aleksei Sergeyvich MORENETS

    Алексей Сергеевич МОРЕНЕЦ

    Data tat-twelid: 31 ta’ Lulju 1977

    Post tat-twelid: Murmanskaya Oblast, ir-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa (illum il-Federazzjoni Russa)

    Numru tal-passaport: 100135556

    Maħruġ minn: Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa Validità: mis-17 ta’ April 2017 sas-17 ta’ April 2022

    Post: Moska, Federazzjoni Russa

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Aleksei Morenets ħa sehem fit-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku b’effett potenzjalment sinifikanti kontra l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fin-Netherlands.

    Bħala uffiċjal taċ-ċibernetika għad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), Aleksei Morenets kien parti minn tim ta’ erba’ uffiċjali tal-intelligence militari Russa li f’April 2018 ippruvaw jiksbu aċċess mhux awtorizzat għan-network tal-WiFi tal-OPCW f’The Hague, in-Netherlands. L-għan tat-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku kien il-hacking tan-network tal-WiFi tal-OPCW, li kieku rnexxa kien jikkomprometti s-sigurtà tan-network u l-ħidma investigattiva li għaddejja tal-OPCW. Is-Servizz tas-Sigurtà u tal-Intelligence tad-Difiża tan-Netherlands (DISS) (Militaire Inlichtingen- en Veiligheidsdienst – MIVD) ħarbat dan it-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku, u b’hekk ipprevjena li ssir ħsara gravi lill-OPCW.

    30.7.2020

    5.

    Evgenii Mikhaylovich SEREBRIAKOV

    Евгений Михайлович СЕРЕБРЯКОВ

    Data tat-twelid: 26 ta’ Lulju 1981

    Post tat-twelid: Kursk, ir-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa (illum il-Federazzjoni Russa)

    Numru tal-passaport: 100135555

    Maħruġ minn: Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa Validità: mis-17 ta’ April 2017 sas-17 ta’ April 2022

    Post: Moska, Federazzjoni Russa

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Evgenii Serebriakov ħa sehem fit-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku b’effett potenzjalment sinifikanti kontra l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fin-Netherlands.

    Bħala uffiċjal taċ-ċibernetika għad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), Evgenii Serebriakov kien parti minn tim ta’ erba’ uffiċjali tal-intelligence militari Russa li f’April 2018 ippruvaw jiksbu aċċess mhux awtorizzat għan-network tal-WiFi tal-OPCW f’The Hague, in-Netherlands. L-għan tat-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku kien il-hacking tan-network tal-WiFi tal-OPCW, li kieku rnexxa kien jikkomprometti s-sigurtà tan-network u l-ħidma investigattiva li għaddejja tal-OPCW. Is-Servizz tas-Sigurtà u tal-Intelligence tad-Difiża tan-Netherlands (DISS) (Militaire Inlichtingen- en Veiligheidsdienst – MIVD) ħarbat dan it-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku, u b’hekk ipprevjena li ssir ħsara gravi lill-OPCW.

    30.7.2020

    6.

    Oleg Mikhaylovich SOTNIKOV

    Олег Михайлович СОТНИКОВ

    Data tat-twelid: 24 ta’ Awwissu 1972

    Post tat-twelid: Ulyanovsk, ir-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa (illum il-Federazzjoni Russa)

    Numru tal-passaport: 120018866

    Maħruġ minn: Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa Validità: mis-17 ta’ April 2017 sas-17 ta’ April 2022

    Post: Moska, Federazzjoni Russa

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Oleg Sotnikov ħa sehem fit-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku b’effett potenzjalment sinifikanti kontra l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fin-Netherlands.

    Bħala uffiċjal ta’ appoġġ għall-intelligence umana tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), Oleg Sotnikov kien parti minn tim ta’ erba’ uffiċjali tal-intelligence militari Russa li f’April 2018 ippruvaw jiksbu aċċess mhux awtorizzat għan-network tal-WiFi tal-OPCW f’The Hague, in-Netherlands. L-għan tat-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku kien il-hacking tan-network tal-WiFi tal-OPCW, li kieku rnexxa kien jikkomprometti s-sigurtà tan-network u l-ħidma investigattiva li għaddejja tal-OPCW. Is-Servizz tas-Sigurtà u tal-Intelligence tad-Difiża tan-Netherlands (DISS) (Militaire Inlichtingen- en Veiligheidsdienst – MIVD) ħarbat dan it-tentattiv ta’ attakk ċibernetiku, u b’hekk ipprevjena li ssir ħsara gravi lill-OPCW.

    30.7.2020

    ▼M2

    7.

    Dmitry Sergeyevich BADIN

    Дмитрий Сергеевич БАДИН

    Data tat-twelid: 15 ta’ Novembru 1990

    Post tat-twelid: Kursk, ir-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa (illum il-Federazzjoni Russa)

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Dmitry Badin ħa sehem f’attakk ċibernetiku b’effett sinifikanti kontra l-Parlament federali Ġermaniż (Deutscher Bundestag).

    Bħala uffiċjali tal-intelligence militari tal-85 Ċentru Ewlieni għas-Servizzi Speċjali (GTsSS) tad-Direttorat Ewlieni tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), Dmitry Badin kien parti minn tim ta’ uffiċjali tal-intelligence militari Russi li wettqu attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż (Deutscher Bundestag) f’April u Mejju 2015. Dan l-attakk ċibernetiku kien immirat kontra s-sistema ta’ informazzjoni tal-Parlament u affettwa l-operat tagħha għal diversi ġranet. Insteraq ammont ta’ data sinifikanti u ġew affettwati l-kontijiet tal-posta elettronika ta’ diversi Membri Parlamentari kif ukoll tal-Kanċillier Angela Merkel.

    22.10.2020

    8.

    Igor Olegovich KOSTYUKOV

    Игорь Олегович КОСТЮКОВ

    Data tat-twelid: 21 ta’ Frar 1961

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Igor Kostyukov huwa attwalment il-Kap tad-Direttorat Ewlieni tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), fejn preċedentement serva bħala l-Ewwel Viċi Kap. Waħda mill-unitajiet taħt il-kmand tiegħu hija l-85 Ċentru Ewlieni għas-Servizzi Speċjali (GTsSS), magħrufa wkoll bħala “l-unità militari 26165” (psewdonimi li bihom hija magħrufa fil-qasam tagħha: “APT28”, “Fancy Bear”, “Sofacy Group”, “Pawn Storm” u “Strontium”).

    F’din il-kapaċità, Igor Kostyukov huwa responsabbli għall-attakki ċibernetiċi mwettqa mill-GTsSS, inkluż dawk b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha.

    B’mod partikolari, uffiċjali tal-intelligence militari tal-GTsSS ħadu sehem fl-attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż (Deutscher Bundestag) li seħħ f’April u Mejju 2015 u l-attentat ta’ attakk ċibernetiku mmirat għall-hacking fin-network tal-WiFi tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fin-Netherlands f’April 2018.

    L-attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż kien immirat kontra s-sistema ta’ informazzjoni tal-Parlament u affettwa l-operat tagħha għal diversi ġranet. Insteraq ammont ta’ data sinifikanti u ġew affettwati l-kontijiet tal-posta elettronika ta’ diversi Membri Parlamentari kif ukoll tal-Kanċillier Angela Merkel.

    22.10.2020

    ▼M1

    B.   Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi



     

    Isem

    Informazzjoni identifikattiva

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    Tianjin Huaying Haitai Science and Technology Development Co. Ltd (Huaying Haitai)

    Magħrufa wkoll bħala: Haitai Technology Development Co. Ltd

    Post: Tianjin, iċ-Ċina

    Huaying Haitai pprovdiet appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali, u ffaċilitat, l-“Operation Cloud Hopper”, sensiela ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u jikkostitwixxu theddida esterna għall- Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha, u ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

    L-“Operation Cloud Hopper” kellha fil-mira tagħha s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ kumpanniji multinazzjonali f’sitt kontinenti, inkluż kumpanniji li jinsabu fl- Unjoni, u kisbet aċċess mhux awtorizzat għal data kummerċjali sensittiva, b’riżultat ta’ telf ekonomiku sinifikanti.

    L-attur magħruf pubblikament bħala “APT10” (“Advanced Persistent Threat 10”) (magħruf ukoll bħala “Red Apollo”, “CVNX”, “Stone Panda”, “MenuPass” u “Potassium”) wettaq l-“Operation Cloud Hopper”.

    Huaying Haitai jista’ jkollha rabtiet ma’ APT10. Barra minn hekk, Huaying Haitai impjegat lil Gao Qiang u Zhang Shilong, li t-tnejn huma deżinjati b’rabta mal-“Operation Cloud Hopper”. Għaldaqstant, Huaying Haitai hija assoċjata ma’ Gao Qiang u Zhang Shilong.

    30.7.2020

    2.

    Chosun Expo

    Magħrufa wkoll bħala: Chosen Expo; Korea Export Joint Venture

    Post: RDPK

    Chosun Expo pprovdiet appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali, u ffaċilitat, sensiela ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u jikkostitwixxu theddida esterna għall- Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha, u ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi, inkluż l-attakki ċibernetiċi magħrufa pubblikament bħala “WannaCry” u l-attakki ċibernetiċi kontra l-Awtorità Pollakka tas-Superviżjoni Finanzjarja u Sony Pictures Entertainment, kif ukoll serq ċibernetiku mill-Bangladesh Bank u tentattiv ta’ serq ċibernetiku mill-Vietnam Tien Phong Bank.

    “WannaCry” fixkel is-sistemi tal-informazzjoni madwar id-dinja permezz ta’ ransomware mmirat lejn is-sistemi ta’ informazzjoni u billi waqqaf l-aċċess għad-data. Huwa affettwa s-sistemi tal-informazzjoni ta’ kumpanniji fl-Unjoni, inkluż sistemi ta’ informazzjoni marbuta ma’ servizzi meħtieġa għaż-żamma ta’ servizzi essenzjali u attivitajiet ekonomiċi fl-Istati Membri.

    L-attur magħruf pubblikament bħala “APT38” (“Advanced Persistent Threat 38”) jew il-“Lazarus Group” wettaq “WannaCry”.

    Chosun Expo jista’ jkollha rabtiet ma’ APT38/il-Lazarus Group, inkluż permezz tal-kontijiet użati għall-attakki ċibernetiċi.

    30.7.2020

    3.

    Main Centre for Special Technologies (iċ-Ċentru Ewlieni għat-Teknoloġiji Speċjali) (GTsST) tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU)

    22 Kirova Street, Moscow, Russian Federation

    Iċ-Ċentru Ewlieni għat-Teknoloġiji Speċjali (GTsST) tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), magħruf ukoll bin-numru tal-posta militari tiegħu 74455, huwa responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u li jikkostitwixxu theddida esterna għall- Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha, u għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi, inkluż l-attakki ċibernetiċi magħrufa pubblikament bħala “NotPetya” jew “EternalPetya” f’Ġunju 2017 u l-attakki ċibernetiċi diretti kontra l-grilja tal-enerġija Ukrena fix-xitwa tal-2015 u l-2016.

    “NotPetya” jew “EternalPetya” rendew id-data inaċċessibbli f’għadd ta’ kumpanniji fl- Unjoni, fl-Ewropa inġenerali u madwar id-dinja, billi attakkaw kompjuters b’ransomware u waqqfu l-aċċess għad-data, b’riżultat ta’ telf ekonomiku sinifikanti, fost l-oħrajn. L-attakk ċibernetiku fuq il-grilja tal-enerġija Ukrena wassal biex partijiet minnha ntfew matul ix-xitwa.

    30.7.2020

    L-attur magħruf pubblikament bħala Sandworm (magħruf ukoll bħala “Sandworm Team”, “BlackEnergy Group”, “Voodoo Bear”, “Quedagh”, “Olympic Destroyer” u “Telebots”), li huwa wkoll responsabbli għall-attakk fuq il-grilja tal-enerġija Ukrena, wettaq “NotPetya” jew “EternalPetya”.

    Iċ-Ċentru Ewlieni għat-Teknoloġiji Speċjali tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa jaqdi rwol attiv fl-attivitajiet ċibernetiċi mwettqa minn Sandworm u jista’ jkollu rabtiet ma’ Sandworm.

    ▼M2

    4.

    Il-85 Ċentru Ewlieni għas-Servizzi Speċjali (GTsSS) tad-Direttorat Ewlieni tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU)

    Indirizz: Komsomol’skiy Prospekt, 20, Moska, 119146, Federazzjoni Russa

    Il-85 Ċentru Ewlieni għas-Servizzi Speċjali (GTsSS) tad-Direttorat Ewlieni tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GU/GRU), magħruf ukoll bħala “l-unità militari 26165” (psewdonimi li bihom huwa magħruf fil-qasam tiegħu: “APT28”, “Fancy Bear”, “Sofacy Group”, “Pawn Storm” u “Strontium”), huwa responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxi theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha.

    B’mod partikolari, uffiċjali tal-intelligence militari tal-GTsSS ħadu sehem fl-attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż (Deutscher Bundestag) li seħħ f’April u Mejju 2015 u l-attentat ta’ attakk ċibernetiku mmirat għall-hacking fin-network tal-WiFi tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fin-Netherlands f’April 2018.

    L-attakk ċibernetiku kontra l-Parlament federali Ġermaniż kien immirat kontra s-sistema ta’ informazzjoni tal-Parlament u affettwa l-operat tagħha għal diversi ġranet. Insteraq ammont ta’ data sinifikanti u ġew affettwati l-kontijiet tal-posta elettronika ta’ diversi Membri Parlamentari kif ukoll tal-Kanċillier Angela Merkel.

    22.10.2020

    ▼B




    ANNESS II

    Siti web b'informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

    ▼M4

    IL-BELĠJU

    https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

    IL-BULGARIJA

    https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions

    IĊ-ĊEKJA

    www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

    ID-DANIMARKA

    http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

    IL-ĠERMANJA

    https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html

    L-ESTONJA

    https://vm.ee/et/rahvusvahelised-sanktsioonid

    L-IRLANDA

    https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/

    IL-GREĊJA

    http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

    SPANJA

    https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

    FRANZA

    http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

    IL-KROAZJA

    https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955

    L-ITALJA

    https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/politica_europea/misure_deroghe/

    ĊIPRU

    https://mfa.gov.cy/themes/

    IL-LATVJA

    http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

    IL-LITWANJA

    http://www.urm.lt/sanctions

    IL-LUSSEMBURGU

    https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html

    L-UNGERIJA

    https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato

    MALTA

    https://foreignandeu.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/SMB-Home.aspx

    IN-NETHERLANDS

    https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

    L-AWSTRIJA

    https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/

    IL-POLONJA

    https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe

    https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions

    IL-PORTUGALL

    https://www.portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas

    IR-RUMANIJA

    http://www.mae.ro/node/1548

    IS-SLOVENJA

    http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

    IS-SLOVAKKJA

    https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

    IL-FINLANDJA

    https://um.fi/pakotteet

    L-IŻVEZJA

    https://www.regeringen.se/sanktioner

    Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (DĠ FISMA)

    Rue de Spa 2

    B-1049 Brussell, il-Belġju

    Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

    Top